Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Apelacyjny w Warszawie (il-Polonja) fit-30 ta’ Ottubru 2019 – SM vs Mittelbayerischer Verlag KG

(Kawża C-800/19)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Qorti tar-rinviju

Sąd Apelacyjny w Warszawie

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: SM

Konvenuta: Mittelbayerischer Verlag KG

Domandi preliminari

L-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali 1 , għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ġurisdizzjoni bbażata fuq il-kriterju ta’ konnessjoni taċ-ċentru tal-interessi tapplika fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat minn persuna fiżika għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-personalità tagħha meta l-pubblikazzjoni fuq l-internet, li allegatament tikser dawn id-drittijiet, ma tinkludix informazzjoni li tirreferi direttament jew indirettament għal din il-persuna fiżika partikolari, iżda tinkludi informazzjoni jew dikjarazzjonijiet li tissuġerixxi li l-komunità li huwa parti minnha r-rikorrent (f’dan il-każ, in-nazzjon [Pollakk]) wettqet atti sanzjonabbli, fatt li huwa jikkunsidra li jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tal-personalità tiegħu?

F’kawża li tikkonċerna l-protezzjoni tad-drittijiet materjali u mhux materjali tal-personalità kontra l-ksur imwettaq fuq l-internet, waqt l-evalwazzjoni tal-kapijiet ta’ ġurisdizzjoni previsti fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament [Nru 1215/2012], jiġifieri sabiex jiġi evalwat jekk il-qorti nazzjonali hijiex il-qorti tal-post fejn l-avveniment dannuż jkun twettaq jew jista’ jitwettaq, huwa neċessarju li jittieħdu inkunsiderazzjoni fatti bħalma huma:

- il-pubbliku li lilu huwa prinċipalment indirizzat is-sit internet li jinkludi dan il-ksur,

- il-lingwa li biha s-sit jew il-pubblikazzjoni kkontestata hija miktuba,

- il-perijodu li matulu l-informazzjoni kontenzjuża kienet aċċessibbli għall-pubbliku fuq l-internet,

- iċ-ċirkustanzi partikolari tar-rikorrenti, bħad-destin tiegħu matul il-gwerra u l-attivitajiet soċjali attwali tiegħu, invokati f’dan il-każ sabiex jiġġustifika d-dritt partikolari tiegħu sabiex jikkontesta b’mod ġudizzjarju d-disseminazzjoni ta’ akkużi kontra l-komunità li minnha huwa parti r-rikorrent?

____________

1     ĠU L 351, 20.12.2012, p. 1.