Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa min-Najvyšší súd Slovenskej republiky (is-Slovakkja) fid-29 ta’ April 2020 – HYDINA SK s.r.o. vs Finančné riaditeľstvo Slovenskej republiky

(Kawża C-186/20)

Lingwa tal-kawża: is-Slovakk

Qorti tar-rinviju

Najvyšší súd Slovenskej republiky

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: HYDINA SK s.r.o.

Konvenut: Finančné riaditeľstvo Slovenskej republiky

Domandi preliminari

L-espressjoni, li tinsab fil-premessa 25 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010 1 tas-7 ta’ Ottubru 2010 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud, “[i]l-limiti ta’ żmien stabbiliti f’dan ir-Regolament għall-għoti ta’ informazzjoni għandhom jiġu kkunsidrati bħala perijodi massimi li m’għandhomx jinqabżu” għandha tiġi interpretata fis-sens li dawn huma termini li ma jistgħux jinqabżu u fis-sens li qbiż tat-terminu jwassal għall-illegalità tas-sospensjoni tal-kontroll fiskali?

Teżisti konsegwenza (sanzjoni) għall-awtorità rikjesta jew għall-awtorità rikjedenti fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tat-termini ta’ eżekuzzjoni tal-iskambju internazzjonali ta’ informazzjoni stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010 tas-7 ta’ Ottubru 2010 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud?

Skambju internazzjonali ta’ informazzjoni li jaqbeż it-termini stabbiliti mir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010 tas-7 ta’ Ottubru 2010 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud jista’ jiġi kklassifikat bħala ksur illegali tad-drittijiet tal-persuna taxxabbli?

____________

1     ĠU 2010, L 268, p. 1.