Language of document : ECLI:EU:F:2010:18

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(L-Ewwel Awla)

9 ta’ Marzu 2010

Kawża F-33/09

Aglika Tzvetanova

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz Pubbliku — Membri tal-persunal temporanju — Remunerazzjoni — Allowance tal-espatrijazzjoni — Kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal — Residenza abitwali qabel id-dħul fil-kariga — Residenza fil-kwalità ta’ student fil-post ta’ assenjazzjoni matul il-perijodu ta’ referenza — Stages barra mill-post ta’ assenjazzjoni matul il-perijodu ta’ referenza — Teħid inkunsiderazzjoni tar-residenza effettiva”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu A. Tzvetanova, imwielda Sabeva, titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiċħadilha l-allowance tal-espatrijazzjoni prevista fl-Artikolu 4 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, kif tali deċiżjoni tirriżulta mid-dokument li jindika l-iffissar tad-drittijiet individwali tar-rikorrenti, stabbilit fl-10 ta’ Lulju 2008 mill-Uffiċċju tal-“Amministrazzjoni u Ħlas ta’ drittijiet individwali”.

Deċiżjoni: Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, tal-10 ta’ Lulju 2008, li tiċħad lir-rikorrenti l-benefiċċju tal-allowance tal-espatrijazzjoni previst fl-Artikolu 4 tal Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal hija annullata. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż kollha.

Sommarju

Uffiċjali — Remunerazzjoni — Allowance tal-espatrijazzjoni — Kundizzjonijiet għall-għoti

(Regolamenti tal-Persunal, Anness VII, Artikolu 4(1)(a))

Minkejja l-użu tat-termini “jgħixu” jew “iwettqu l-okkupazzjoni ewlenija tagħhom” fl-Artikolu 4(1)(a), tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata li tipprovdi bħala l-kriterju prinċipali tagħha, fir-rigward tal-għoti tal-allowance tal-espatrijazzjoni, ir-residenza abitwali (u mhux id-domiċilju jew is-sempliċi abitazzjoni) tal-uffiċjal, qabel id-dħul tiegħu fis-servizz. Ir-residenza abitwali hija l-post fejn il-persuna kkonċernata stabbilixxiet, bl-intenzjoni li dan ikun stabbli, iċ-ċentru permanenti jew abitwali tal-interessi tagħha.

Ir-reġistrazzjoni fir-reġistru ta’ lokalità hija biss element formali li ma jippermettix li jistabbilixxi r-residenza effettiva tal-parti kkonċernata fl-imsemmija lokalità. Bl-istess mod, ma għandhomx saħħa probatorja dokumenti li juru r-rabtiet tal-parti kkonċernata ma’ pajjiż partikolari jew ukoll li jindikaw indirizz f’dan il-pajjiż, bħal pereżempju d-dikjarazzjonijiet li jirrigwardaw l-eżerċizzju ta’ drittijiet ċivili jew ir-reġistrazzjoni ta’ vettura u l-ħlas ta’ taxxi u spejjeż marbuta magħha, meta l-awtoritajiet jew il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jkunu ħarġu dawn id-dokumenti ma jkunux ivverifikaw ir-residenza effettiva tal-parti kkonċernata.

Minkejja li, bħala regola ġenerali, ir-residenza f’pajjiż, sabiex jitlestew studji universitarji u sabiex isiru stages ta’ prattiki professjonali, li huma, bħala definizzjoni, it-tnejn temporanji u supplimentari għat-taħriġ professjonali ta’ individwu, ma tippreżumix ir-rieda ta’ dan tal-aħħar li jistabbilixxi ċ-ċentru tal-interessi tiegħu f’dan il-pajjiż, ma jistax, madankollu, jiġi eskluż li tali residenza tikkostitwixxi residenza abitwali f’dan il-pajjiż, jekk, meqjusa flimkien ma’ fatti rilevanti oħra, din turi l-eżistenza ta’ rabtiet soċjali u professjonali fit-tul tal-persuna kkonċernata mal-pajjiż inkwistjoni. Minkejja li fost il-“fatti rilevanti oħra” jkun hemm il-fatt li l-istudent kompla joqgħod fil-pajjiż tal-istudji tiegħu b’mod kważi mhux interrott wara t-tmiem tagħhom u anki lil hinn mill-perijodu ta’ referenza, l-istudji fihom infushom ma jippermettux il-preżunzjoni tal-eżistenza ta’ rieda ċerta tal-istabbiliment taċ-ċentru permanenti tal-interessi fil-pajjiż tal-istudji, iżda l-iktar li jistgħu jikkostitwixxi hija perspettiva li tibqa’ inċerta li jagħmel dan.

Uffiċjal jitlef il-benefiċċju tal-allowance tal-espatrijazzjoni biss jekk huwa kellu r-residenza abitwali tiegħu jew eżerċita l-okkupazzjoni ewlenija tiegħu fil-pajjiż tal-post ta’ assenjazzjoni tiegħu matul il-perijodu ta’ referenza kollu.

(ara l-punti 39, 43, 45, 46, 48 u 57)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja: 10 ta’ Ottubru 1989, Atala‑Palmerini vs Il‑Kummissjoni, 201/88, Ġabra p. 3109, punt 10; Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 8 ta’ April 1992, Costacurta Gelabert vs Il‑Kummissjoni, T‑18/91, Ġabra. p. II‑1655, punt 42; 14 ta’ Diċembru 1995, Diamantaras vs Il‑Kummissjoni, T‑72/94, ĠabraSP p. I‑A‑285 u II‑865, punt 48; 27 ta’ Settembru 2000, Lemaître vs Il‑Kummissjoni, T‑317/99, ĠabraSP p. I‑A‑191 u II‑867, punt 51; 3 ta’ Mejju 2001, Liaskou vs Il‑Kunsill, T‑60/00, ĠabraSP p. I‑A‑107 u II‑489, punti 52, 55 u 56; 4 ta’ Ġunju 2003, Del Vaglio vs Il‑Kummissjoni, T‑124/01 u T‑320/01, ĠabraSP p. I‑A‑157 u II‑767, punt 85; 25 ta’ Ottubru 2005, Dedeu i Fontcuberta vs Il‑Kummissjoni, T‑299/02, ĠabraSP p. I‑A‑303 u II‑1377, punt 66; 27 ta’ Settembru 2006, Kontouli vs Il‑Kunsill, T‑416/04, ĠabraSP p. I‑A‑2‑181 u II‑A‑2‑897, punti 90, 105 u 106; 19 ta’ Ġunju 2007, Asturias Cuerno vs Il‑Kummissjoni, T‑473/04, ĠabraSP p. I‑A‑2‑139 u II‑A‑2‑963, punti 73 u 74, u l-ġurisprudenza ċċitata; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 8 ta’ April 2008, Bordini vs Il‑Kummissjoni, F‑134/06, ĠabraSP p. I‑A‑1‑87 u II‑A‑1‑435, punti 74, 76 u 77