Language of document : ECLI:EU:C:2016:214

Kawża C‑324/14

Partner Apelski Dariusz

vs

Zarząd Oczyszczania Miasta

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Krajowa Izba Odwoławcza)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kuntratti pubbliċi – Direttiva 2004/18/KE – Kapaċitajiet tekniċi u/jew professjonali tal-operaturi ekonomiċi – Artikolu 48(3) – Possibbiltà li wieħed jinvoka l-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra – Kundizzjonijiet u modalitajiet – Natura tar-rabtiet eżistenti bejn l-offerent u l-entitajiet l-oħra – Modifika tal-offerta – Annullament u repetizzjoni ta’ rkant elettroniku – Direttiva 2014/24/UE”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-7 ta’ April 2016

1.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi – Direttiva 2004/18 – Għoti ta’ kuntratti – Kriterji ta’ selezzjoni kwalitattiva – Kapaċità teknika u professjonali – Possibbiltà li wieħed jinvoka l-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra – Limiti – Dritt tal-awtorità kontraenti li teħtieġ livell minimu ta’ kapaċità min-naħa tal-offerent – Kundizzjonijiet

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/18, Artikoli 44(2), 47(2) u 48(3))

2.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi – Direttiva 2004/18 – Għoti ta’ kuntratti – Kriterji ta’ selezzjoni kwalitattiva – Kapaċità teknika u professjonali – Possibbiltà li wieħed jinvoka l-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra – Implementazzjoni, fl-avviż ta’ kuntratt jew fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, ta’ regoli preċiżi li jikkonċernaw l-użu minn tali possibbiltà – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/18, Artikolu 48(2) u (3))

3.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi – Direttiva 2004/18 – Għoti ta’ kuntratti – Prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-offerenti u ta’ trasparenza – Portata – Aċċettazzjoni mill-awtorità kontraenti, wara l-ftuħ tal-offerti, tat-talba tal-offerent intiża sabiex jimmodifika l-offerta tiegħu b’mod sostanzjali – Inammissibbiltà

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/18, Artikolu 2)

4.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi – Direttiva 2004/18 – Għoti ta’ kuntratti – Prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-offerenti u ta’ trasparenza – Portata – Offerent, fil-kuntest ta’ kuntratt pubbliku mogħti permezz ta’ rkant elettroniku, li ma ġiex mistieden sabiex jipparteċipa fl-imsemmi rkant minkejja l-ammissibbiltà tal-offerta tiegħu – Inammissibbiltà – Obbligu tal-awtorità kontraenti li tannulla u tirrepeti l-irkant

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/18, Artikoli 2 u 54(4))

5.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi – Direttiva 2014/24 – Applikazzjoni ratione temporis – Deċiżjoni tal-awtorità kontraenti li tagħżel it-tip ta’ proċedura li għandha tiġi segwita għall-għoti adottata qabel it-terminu ta’ traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva – Inapplikabbiltà tad-direttiva – Interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/18 fid-dawl ta’ dawk tad-Direttiva 2014/24 – Kundizzjonijiet

(Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/18, Artikolu 48(3), u 2014/24, it‑tieni premessa u l-Artikolu 63(1))

1.        L-Artikoli 47(2) u 48(3) tad-Direttiva 2004/18, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi], moqrija flimkien mal-Artikolu 44(2) ta’ din id-direttiva, għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jirrikonoxxu d-dritt ta’ kull operatur ekonomiku sabiex, għal kuntratt partikolari, jinvoka l-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra, irrispettivament min-natura tar-rabtiet li huwa għandu ma’ dawn l-entitajiet, bil-kundizzjoni li tingħata prova lill-awtorità kontraenti li l-kandidat jew l-offerent ser ikollu effettivament għad-dispożizzjoni tiegħu l-mezzi tal-imsemmija entitajiet li huma neċessarji għall-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt.

Madankollu, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/18 ma jipprekludux li l-eżerċizzju tad-dritt stabbilit bihom ikun limitat f’ċirkustanzi eċċezzjonali. Fil-fatt, ma jistax jiġi eskluż li jeżistu xogħlijiet li għandhom karatteristiċi li jirrikjedu ċerta kapaċità li ma tistax tinkiseb billi ssir akkumulazzjoni tal-kapaċitajiet inferjuri ta’ diversi operaturi. F’tali ipoteżi, l-awtorità kontraenti għaldaqstant tkun iġġustifikata teħtieġ li l-livell minimu tal-kapaċità kkonċernata tintlaħaq minn operatur ekonomiku uniku jew, fejn xieraq, billi jsir użu minn numru limitat ta’ operaturi ekonomiċi, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 44(2) tad-Direttiva 2004/18, sa fejn dan ir-rekwiżit ikun marbut u proporzjonat mas-suġġett tal-kuntratt inkwistjoni. Bl-istess mod, ma jistax ikun eskluż li, f’ċirkustanzi partikolari, fir-rigward tan-natura u tal-għanijiet ta’ kuntratt partikolari, il-kapaċitajiet li jkollha entità terza, u li huma neċessarji għall-eżekuzzjoni ta’ kuntratt partikolari, ma jkunux jistgħu jiġu trażmessi lill-offerent. Konsegwentement, f’tali ċirkustanzi, l-offerent ikun jista’ jinvoka l-imsemmija kapaċitajiet biss jekk din l-entità terza tipparteċipa direttament u personalment fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt inkwistjoni.

(ara l-punti 39-41, 49, u d-dispożittiv 1)

2.        L-Artikolu 48(2) u (3) tad-Direttiva 2004/18, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fir-rigward tas-suġġett ta’ kuntratt partikolari kif ukoll fir-rigward tal-għanijiet tiegħu, l-awtorità kontraenti tista’, f’ċirkustanzi partikolari, għall-finijiet tal-eżekuzzjoni korretta ta’ dan il-kuntratt, tindika b’mod espress, fl-avviż ta’ kuntratt jew fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, regoli preċiżi li skonthom operatur ekonomiku jista’ jinvoka l-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra, sa fejn dawn ir-regoli jkunu marbuta u proporzjonati mas-suġġett u mal-għanijiet tal-imsemmi kuntratt.

Fil-fatt, minkejja li offerent huwa liberu jagħżel, minn naħa, in-natura ġuridika tar-rabtiet li huwa għandu l-intenzjoni jistabbilixxi mal-entitajiet l-oħra li tagħhom jinvoka l-kapaċitajiet għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt u, min-naħa l-oħra, il-modalità ta’ prova tal-eżistenza ta’ dawn ir-rabtiet, l-eżerċizzju tad-dritt li wieħed jinvoka l-kapaċitajiet ta’ dawn l-entitajiet l-oħra jista’, fir-rigward tas-suġġett tal-kuntratt ikkonċernat kif ukoll fir-rigward tal-għanijiet tiegħu, ikun limitat f’ċirkustanzi partikolari. F’dan ir-rigward, meta l-awtorità kontraenti tiddeċiedi li tirrikorri għal tali possibbiltà, din ikollha tiżgura li r-regoli li hija tistabbilixxi jkunu marbuta u proporzjonati mas-suġġett u mal-għanijiet tal-imsemmi kuntratt.

(ara l-punti 52, 54, 56, 58, u d-dispożittiv 2)

3.        Il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni tal-operaturi ekonomiċi, imsemmija fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/18, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi, għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu li awtorità kontraenti, wara l-ftuħ tal-offerti mitfugħa fil-kuntest ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku, taċċetta t-talba ta’ operatur ekonomiku, li jkun tefa’ offerta għat-totalità tal-kuntratt inkwistjoni, sabiex l-offerta tiegħu teħodha inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-għoti ta’ ċerti partijiet biss ta’ dan il-kuntratt.

Fil-fatt, il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni kif ukoll l-obbligu ta’ trasparenza jipprekludu negozjati bejn l-awtorità kontraenti u offerent fil-kuntest ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku, u dan jimplika li, bħala prinċipju, offerta ma tistax tiġi modifikata wara li tintefa’, sew jekk dan ikun fuq l-inizjattiva tal-awtorità kontraenti jew fuq dik tal-offerent. F’dan ir-rigward, minkejja li l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/18 ma jipprekludix il-possibbiltà li d-data dwar offerta tiġi kkoreġuta jew ikkompletata fuq punti speċifiċi, b’mod partikolari għaliex ikun evidenti li teħtieġ sempliċi kjarifika, jew sabiex jiġu kkoreġuti żbalji materjali manifesti, madankollu hija l-awtorità kontraenti li għandha tiżgura, b’mod partikolari, li t-talba għal kjarifika ta’ offerta ma twassalx għall-preżentazzjoni, mill-offerent ikkonċernat, ta’ dik li fir-realtà tkun tidher li hija offerta ġdida. Dan huwa l-każ fil-każ ta’ komunikazzjoni, li permezz tagħha operatur ekonomiku jindika lill-awtorità kontraenti, wara l-ftuħ tal-offerti, l-ordni ta’ prijorità tal-partijiet tal-kuntratt ikkonċernat li skontha l-offerta tiegħu għandha tiġi evalwata.

(ara l-punti 62-64, 68, 70, u d-dispożittiv 3)

4.        Il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni tal-operaturi ekonomiċi, imsemmija fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/18, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi, għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jeżiġu l-annullament u r-repetizzjoni ta’ rkant elettroniku li operatur ekonomiku li jkun tefa’ offerta ammissibbli ma ġiex mistieden jipparteċipa fih, u dan anki jekk ma jistax jiġi kkonstatat li l-parteċipazzjoni tal-operatur eskluż kienet tibdel ir-riżultat tal-irkant.

Fil-fatt, meta offerent jitfa’ offerta ammissibbli u b’hekk ikun jissodisfa l-kriterji msemmija fl-avviż tal-kuntratt, tkun l-awtorità kontraenti, b’mod konformi mal-Artikolu 54(4) tad-Direttiva 2004/18, li jkollha tiżgura l-eżerċizzju tad-dritt ta’ dan l-offerent sabiex jipparteċipa, jekk ikun xieraq, fl-irkant elettroniku. Konsegwentement, meta tali offerent ma jiġix mistieden sabiex jieħu sehem fl-imsemmi rkant, il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni jimponu fuq l-awtorità kontraenti li tannulla u tirrepeti tali rkant. Wieħed għandu jasal għal din il-konklużjoni indipendentement mill-kwistjoni ta’ jekk il-parteċipazzjoni tal-operatur eskluż kinitx tibdel ir-riżultat tal-irkant inkwistjoni, peress li l-eżerċizzju tad-dritt tiegħu li jipparteċipa f’irkant elettroniku bl-ebda mod ma jista’ jkun suġġett għar-riżultat irrakkomandat tiegħu u għaldaqstant ma jistax jiġi eskluż minn qabel minħabba kunsiderazzjonijiet ipotetiċi min-naħa tal-awtorità kontraenti.

(ara l-punti 76-79, 81, u d-dispożittiv 4)

5.        Fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, bħala prinċipju d-direttiva applikabbli hija dik li tkun fis-seħħ fil-mument li fih l-awtorità kontraenti tagħżel it-tip ta’ proċedura li ser issegwi u tiddeċiedi b’mod definittiv il-kwistjoni ta’ jekk hemmx obbligu jew le li ssir sejħa għal offerti qabel l-għoti ta’ kuntratt pubbliku. Min-naħa l-oħra, huma inapplikabbli d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva li t-terminu ta’ traspożizzjoni tagħha skada wara dan il-mument.

F’dan ir-rigward, f’dak li jikkkonċerna proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi ppubblikata qabel l-adozzjoni tad-Direttiva 2014/24, ma hijiex kwistjoni li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 48(3) tad-Direttiva 2004/18, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi, jiġu interpretati fid-dawl ta’ dawk tal-Artikolu 63(1) tad-Direttiva 2014/24. Fil-fatt, minkejja li huwa minnu li, hekk kif tistabbilixxi, b’mod partikolari, il-premessa 2 tagħha, id-Direttiva 2014/24 hija intiża sabiex tiċċara ċerti ideat u kunċetti fundamentali sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali u sabiex jiġu inkorporati ċerti aspetti tal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam, xorta waħda jibqa’ l-fatt li l-Artikolu 63 ta’ din id-direttiva jġib miegħu ċerti modifiki sostanzjali fir-rigward tad-dritt li operatur ekonomiku għandu sabiex jirrikorri għall-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra fil-kuntest ta’ kuntratt pubbliku. Għaldaqstant, lil hinn milli jipprovdi kontinwità għall-Artikolu 48(3) tad-Direttiva 200/18 u milli jiċċara l-portata tiegħu, l-Artikolu 63(1) tad-Direttiva 2014/24 jintroduċi kundizzjonijiet ġodda li ma kinux previsti bis-sistema ġuridika preċedenti. F’dawn il-kundizzjonijiet, l-imsemmija dispożizzjoni tad-Direttiva 2014/24 ma tistax tintuża bħala kriterju għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 48(3) tad-Direttiva 2004/18 peress li ma hijiex kwistjoni li jitneħħa dubju ta’ interpretazzjoni dwar il-kontenut ta’ din l-aħħar dispożizzjoni.

(ara l-punti 83, 90-92, 94, u d-dispożittiv 5)