Language of document : ECLI:EU:F:2016:156

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA
(It-Tielet Awla)

19 ta’ Lulju 2016

Kawża F‑130/14

Thomas Earlie

vs

Il-Parlament Ewropew

“Servizz pubbliku – Uffiċjal – Ex uffiċjal – Somom miżmuma mill-pensjoni tal-irtirar – Pensjoni tal-manteniment favur l-ex konjuġi tal-ex uffiċjal – Digriet ta’ qbid adottat minn qorti nazzjonali – Tneħħija tad-digriet ta’ qbid – Digriet ġdid li jobbliga lill-ex uffiċjal jagħti struzzjonijiet lill-Parlament sabiex iħallas il-pensjoni tal-manteniment lill-ex konjuġi tiegħu – Struzzjonijiet konformi mogħtija mill-ex uffiċjal – Struzzjonijiet sussegwenti tal-ex uffiċjal sabiex jitwaqqfu l-ħlasijiet lill-ex konjuġi tiegħu – Rifjut ta’ eżekuzzjoni mill-Parlament – Dritt tal-familja – Ġurisdizzjoni esklużiva tal-qorti nazzjonali – Dmir ta’ kooperazzjoni leali”

Suġġett:      Rikors ippreżentat taħt l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, permezz ta’ liema Thomas Earlie jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew, tas-6 ta’ Diċembru 2013, li tibdel id-drittijiet tiegħu għal pensjoni, kif ukoll il-kumpens ta’ diversi danni li huwa jallega li sostna.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. Thomas Earlie għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu u huwa kkundannat ibati l-ispejjeż sostnuti mill-Parlament Ewropew. Mary Earlie Gibbons għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Sommarju

Privileġġi u immunitajiet tal-Unjoni Ewropea – Uffiċjali u membri tal-persunal tal-Unjoni – Issuġġettar għad-dritt nazzjonali għar-relazzjonijiet ġuridiċi tal-ħajja privata – Eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni adottata minn qorti nazzjonali fi proċedura ta’ divorzju ta’ ex uffiċjal – Obbligi tal-istituzzjoni kkonċernata

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 23, paragrafu 1)

L-obbligu ta’ ex uffiċjal li jħallas pensjoni tal-manteniment lill-ex konjuġi tiegħu, kif ifformulata f’deċiżjoni ta’ qorti nazzjonali, jaqa’ taħt ir-relazzjonijiet ġuridiċi privati bejn dan u individwu ieħor, jiġifieri l-ex konjuġi tiegħu. Għal dawn ir-relazzjonijiet, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-osservanza tal-obbligi privati tiegħu, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 23 tal-Istatut, l-ex uffiċjal huwa kompletament suġġett, bħal kwalunkwe individwu ieħor, għad-dritt nazzjonali applikabbli.

F’dan il-kuntest, kull istituzzjoni hija marbuta, skont id-dmir ta’ kooperazzjoni leali tagħha mal-qrati nazzjonali li hija għandha, li taġixxi fuq talbiet għal eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni adottata minn qorti nazzjonali, bħalma hija deċiżjoni li tistabbilixxi l-obbligu, għal ex uffiċjal, li jħallas pensjoni tal-manteniment lill-ex konjuġi tiegħu. Dan id-dmir ta’ kooperazzjoni leali jimplika wkoll li, anki jekk ma hijiex direttament destinatarja ta’ tali deċiżjoni ġudizzjarja, istituzzjoni, inkwantu persuna li timpjega uffiċjal debitur tal-pensjoni tal-manteniment, għandha tosserva t-termini tal-imsemmija deċiżjoni filwaqt li tastjeni ruħha milli tilqa’ talba ta’ uffiċjal debitur li tmur manifestament kontra obbligi imposti direttament fuqu permezz tad-deċiżjoni ġudizzjarja inkwistjoni, ladarba, b’eżekuzzjoni ta’ din, l-imsemmija deċiżjoni tkun ġiet ikkomunikata lill-istituzzjoni kkonċernata mill-uffiċjal debitur.

(ara l-punti 38 u 41)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: sentenza tas-17 ta’ Mejju 2006, Kallianos vs Il‑Kummissjoni, T‑93/04, EU:T:2006:130, punti 48 u 49 u l-ġurisprudenza ċċitata