Language of document :

Appell ippreżentat fl-20 ta’ Diċembru 2018 minn L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) fil-15 ta’ Ottubru 2018 fil-Kawża T-7/17 – John Mills vs EUIPO

(Kawża C-809/18 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellant: L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (rappreżentant: A. Lukošiūtė, aġent)

Partijiet oħra fil-proċedura: John Mills Ltd, Jerome Alexander Consulting Corp.

Talbiet

L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tikkundanna lil John Mills għall-ispejjeż tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO)

Aggravji u argumenti prinċipali

Il-Qorti Ġenerali interpretat ħażin id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 207/2009 billi llimitat il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha għall-kunċett ta’ “identiċità tas-sinjali” u tattribwixxi tifsira xierqa għall-Artikolu 8(1)(a) tar-Regolament 207/2009.

Il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti l-għan tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 207/2009, jiġifieri li sabiex jiġi evitat l-abbuż ta’ trade mark mill-aġent tal-proprjetarju tagħha, peress illi l-aġent jista’ juża’ l-għarfien u l-esperjenza miksuba matul ir-relazzjoni kummerċjali li torbtu mal-imsemmi proprjetarju u, għaldaqstant, illegalment jieħu vantaġġ mix-xogħol u l-investiment li l-proprjetarju tat-trade mark stess ikun għamel u b'hekk tipprivileġġja b’mod diskutibbli lil interpretazzjoni litterali. Il-qorti tal-Unjoni, madankollu, tibbaża ruħha b'mod konsistenti fuq approċċ teleoloġiku għall-interpretazzjoni tal-liġi dwar it-trademarks.

Interpretazzjoni litterali lanqas ma tista’ tippermetti li jiġi konkluż li l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 207/2009 japplika biss għal trade marks identiċi. Għaldaqstant, huwa biżżejjed li s-sinjali inkwistjoni jikkoinċidu ma’ elementi li jikkostitwixxu l-essenza tal-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti. Abbażi ta’ dan, huwa neċessarju, fl-analiżi tat-trade marks inkwistjoni skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 207/2009, li jiġi ddeterminat jekk l-applikazzjoni għal trade mark tal-Unjoni Ewropea tirriproduċix l-elementi essenzjali tat-trade mark preċedenti. B’tali mod li jkun ċar li l-applikant kiseb b’mod indebitu d-drittijiet leġittimi tal-proprjetarju fuq it-trademark tiegħu. Fil-fatt, l-aġent żlelai mhux biss ikun jista’ jipprevjeni kwalunkwe reġistrazzjoni sussegwenti tat-trade mark preċedenti fl-Unjoni Ewropea mill-proprjetarju oriġinali tat-trade mark - iżda wkoll għal kwalunkwe użu tat-trade mark preċedenti mill-proprjetarju fl-Unjoni Ewropea.

Ksur tal-Artikolu 36 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni

Is-sentenza appellata hija kkaratterizzata minn raġunament kontradittorju, safejn hija tikkunsidra li s-sinjali huma identiċi, minn naħa, meta waħda tirriproduċi l-oħra mingħajr ebda modifika jew żieda, u, min-naħa l-oħra fejn isiru varjazzjonijiet fis-sinjal mingħajr ma jinbidel il-karattru distintiv tiegħu (ara l-punti 38 sa 40 tas-sentenza appellata). Raġunament bħal dan huwa kontradittorju peress li l-istess kunċett ta’ “identiċità” huwa applikat għal sitwazzjonijiet legali u fattwali distinti, u li żewġ kontenuti differenti huma attribwiti lilu b’mod żbaljat.

Il-Qorti Ġenerali ma pprovdiet l-ebda spjegazzjoni dwar għalfejn hija tikkunsidra li t-trade marks inkwistjoni ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 207/2009 wara l-applikazzjoni tal-kriterji stabbiliti fil-punt 39 tas-sentenza appellata.

____________