Language of document : ECLI:EU:C:2019:94

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOBEK

ippreżentati fil-5 ta’ Frar 2019 (1)

Kawża C-676/17

Oana Mădălina Călin

vs

Direcţia Regională a Finanţelor Publice Ploieşti – Administraţia Judeţeană a Finanţelor Publice Dâmboviţa

Statul Român – Ministerul Finanţelor Publice

Administraţia Fondului pentru Mediu

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Curtea de Apel Ploieşti (il-Qorti tal-Appell, Ploieşti, ir-Rumanija))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Prinċipji ta’ kooperazzjoni leali, ċertezza legali, ekwivalenza u effettività — Ħlas lura ta’ taxxa miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni — Talba għal reviżjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja finali li ċaħdet ħlas lura ta’ tali taxxa — Skadenza għall-preżentata tat-talba għal reviżjoni — Data inizjali ta’ dik l-iskadenza”






I.      Introduzzjoni

1.        Oana Mădălina Călin kellha tħallas taxxa tal-boll ambjentali biex tirreġistra fir-Rumanija karozza użata importata mill-Ġermanja. Kienet konvinta li dik it-taxxa kienet qed tinġabar bi ksur tad-dritt tal-Unjoni. Hija fetħet kawża fejn talbet għall-ħlas lura tagħha. It-talba tagħha kienet miċħuda. Hija ma appellatx. Is-sentenza, għalhekk, saret finali.

2.        Călin talbet, f’żewġ okkażjonijiet, għar-reviżjoni ta’ dik is-sentenza. Kull waħda minn dawk it-talbiet kienet ibbażata fuq sentenza ġdida tal-Qorti tal-Ġustizzja li kienet sabet li taxxa bħal dik li hija kellha tħallas kienet tikser id-dritt tal-Unjoni. L-ewwel talba kienet ġiet miċħuda. It-tieni waħda kienet tħalliet issir u t-talba inizjali tagħha kienet intlaqgħet. Madankollu, fl-appell, is-sentenza li kienet laqgħet dik it-talba tħassret. Skont interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali li kienet ingħatat sadanittant mill-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja Rumena, it-talba għal reviżjoni kienet tqieset li kienet ġiet ippreżentati tardivament.

3.        Permezz ta’ talba ġdida għal reviżjoni Călin issa tikkontesta dik l-interpretazzjoni, kif ukoll, b’mod usa’, il-proċedura nazzjonali għal reviżjoni. Hija tqis li dawn huma inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, minħabba li fil-prattika jagħmluha impossibbli li jinkiseb ħlas lura ta’ taxxa li wara tkun ġiet iddikjarata inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni permezz ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Curtea de Apel Ploieşti (il-Qorti tal-Appell, Ploieşti, ir-Rumanija) iddeċidiet li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibbiltà ta’ dik l-interpretazzjoni ma’, inter alia, il-prinċipji ta’ ċertezza legali, ekwivalenza u effettività.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt Rumen

1.      Il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili

4.        L-Artikolu 509(1) tal-Codul de procedură civilă (il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili) (2) jistabbilixxi r-raġunijiet għal reviżjoni ta’ sentenza. B’mod partikolari, fil-paragrafi 10 u 11 huwa jipprovdi li jkun possibbli tiġi ppreżentata talba għal reviżjoni jekk:

“10.      il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tkun iddikjarat li kien hemm ksur ta’ drittijiet jew libertajiet fundamentali b’riżultat ta’ deċiżjoni ġudizzjarja, u l-konsegwenzi serji ta’ dak il-ksur ikunu għadhom għaddejjin;

11.      wara li s-sentenza ssir finali, il-Curtea Constituțională [il-Qorti Kostituzzjonali] tkun tat deċiżjoni dwar l-eċċezzjoni magħmula f’dik il-kawża, billi tiddikjara li d-dispożizzjoni inkwistjoni tkun antikostituzzjonali.”

5.        L-Artikolu 511 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jistabbilixxi skadenzi differenti għal applikazzjoni għal reviżjoni, kif ukoll id-data inizjali għall-kalkolu ta’ dawk l-iskadenzi. Kemm l-iskadenzi kif ukoll id-data inizjali għall-kalkolu tagħhom ivarjaw skont ir-raġuni rilevanti għal reviżjoni. Il-paragrafu 1 jipprovdi għal skadenza ġenerali ta’ xahar.

6.        L-Artikolu 511(3) huwa fformulat kif ġej: “Dwar ir-raġunijiet stabbiliti fl-Artikolu 509(1)(10) u (11), il-perjodu għandu jkun ta’ tliet xhur mid-data tal-pubblikazzjoni tas-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem jew tad-deċiżjoni tal-Curtea Constituțională [il-Qorti Kostituzzjonali] fil-Monitorul Oficial al României, Partea I.

2.      Il-Liġi Nru 554/2004 u l-ġurisprudenza nazzjonali dwar dik il-liġi

7.        L-Artikolu 21 tal-Legea contenciosului administrativ nr 554/2004 (il-Liġi Nru 554/2004 dwar il-Kontenzjuż Amministrattiv) (3) tat-2 ta’ Diċembru 2004 (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 554/2004”), għandu bħala titolu “Forom straordinarji ta’ azzjoni”. Il-paragrafu 2 tiegħu inizjalment kien ifformulat kif ġej:

“L-għoti ta’ sentenzi finali li jkollhom l-effett ta’ res judicata iżda li jiksru l-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt [tal-Unjoni] impost mill-Artikolu 148(2) tal-Kostituzzjoni Rumena, kif emendat, flimkien mal-Artikolu 20(2) tagħha, għandu jikkostitwixxi raġuni għal reviżjoni, minbarra dawk ir-raġunijiet imsemmija fil- Kodiċi tal-Proċedura Ċivili. Talba għal reviżjoni għandha titressaq fi żmien ħmistax-il jum wara notifika, u għandha ssir, b’deroga mir-regola stabbilita fl-Artikolu 17(3), permezz ta’ rikors immotivat dettaljatament mill-partijiet interessati, fi żmien ħmistax-il jum mid-data tas-sentenza. It-talba għal reviżjoni għandha tingħata prijorità u tiġi eżaminata bħala materja ta’ urġenza, mhux iktar tard minn sittin jum.”

8.        B’sentenza Nru 1609/2010 tad-9 ta’ Diċembru 2010 (4) il-Curtea Constituţională (il-Qorti Kostituzzjonali, ir-Rumanija) iddikjarat li t-tieni sentenza tal-Artikolu 21(2) tal-Liġi Nru 554/2004 kienet antikostituzzjonali għar-raġuni li kienet abbozzata ħażin u, għalhekk, kienet tagħti lok għal inċertezza li setgħet tkun ta’ ostakolu għall-eżerċizzju effettiv tad-dritt ta’ aċċess għall-ġustizzja.

9.        Sussegwentement, il-Legea nr. 299/2011 pentru abrogarea alin. (2) al art. 21 din Legea contenciosului administrativ nr. 554/2004 (il-Liġi Nru 299/2011 li ħassret il-paragrafu 2 tal-Artikolu 21 tal-Liġi Nru 554/2004 dwar il-Kontenzjuż Amministrattiv) (5) (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 299/2011”) ħassret kollu kemm hu l-Artikolu 21(2) tal-Liġi Nru 554/2004.

10.      Madankollu, il-Liġi Nru 299/2011 kienet imbagħad ġiet iddikjarata antikostituzzjonali b’sentenza Nru 1039/2012 tal-5 ta’ Diċembru 2012 tal-Curtea Constituţională (il-Qorti Kostituzzjonali) (6). F’dik is-sentenza l-Curtea Constituţională (il-Qorti Kostituzzjonali) iddeċidiet kif ġej: “L-Artikolu 21(2) tal-Liġi Nru 554/2004 għandu jkompli jkollu effett legali wara l-pubblikazzjoni ta’ din is-sentenza fil-Monitorul Oficial al României, bl-eċċezzjoni tad-dispożizzjonijiet li hemm fit-tieni sentenza ta’ dak it-test, iddikjarati antikostituzzjonali bis-sentenza Nru 1609 tal-9 ta’ Diċembru 2010 Dawk id-dispożizzjonijiet m’għadx għandhom effett legali […] Dwar id-dispożizzjonijiet tal-ewwel u t-tielet sentenza tal-Artikolu 21(2), dawn ikomplu jkollhom effett legali.”

11.      Għalhekk, wara l-pubblikazzjoni tas-sentenza Nru 1039/2012 tal-Curtea Constituţională (il-Qorti Kostituzzjonali) fil-Monitorul Oficial al României, fid-29 ta’ Jannar 2013, l-ewwel u t-tielet sentenza tal-Artikolu 21(2) tal-Liġi Nru 554/2004 reġgħet saret tagħmel parti mil-liġi fis-seħħ. Għall-kuntrarju, it-tieni sentenza ta’ dik id-dispożizzjoni, li kienet tistabbilixxi l-iskadenza għal talbiet għal reviżjoni u d-data inizjali ta’ dik l-iskadenza, baqgħet mingħajr effett legali.

12.      Fit-12 ta’ Diċembru 2016 l-Înalta Curte de Casație și Justiție – Completul pentru dezlegarea unor chestiuni de drept (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja – Sezzjoni Kompetenti għar-Riżoluzzjoni ta’ Kwistjonijiet ta’ Liġi) (iktar ’il quddiem “ICCJ”) tat id-Deċiżjoni Nru 45/2016 (7), mogħtija skont proċedura għal deċiżjoni preliminari għar-riżoluzzjoni ta’ punt ta’ liġi. F’dik id-deċiżjoni, l-ICCJ iddeċidiet kif ġej:

“Fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 21(2) tal-Liġi Nru 554/2004, kif sussegwentement emendata u ssupplimentata, talba għal reviżjoni tkun ammissibbli abbażi ta’ ċerti sentenzi [tal-Qorti], irrispettivament minn meta dawk is-sentenzi jkunu ngħataw, u minn jekk id-dispożizzjonijiet diġà eżistenti tad-dritt tal-Unjoni li jkun inkiser permezz tas-sentenza li fir-rigward tagħha tkun qed tintalab reviżjoni kinux invokati jew le fil-proċeduri oriġinali.

Il-perjodu li fih tista’ tiġi ppreżentata talba għal reviżjoni bbażata fuq l-Artikolu 21(2) tal-Liġi Nru 554/2004 ikun ta’ xahar mid-data tan-notifika tas-sentenza finali suġġetta għal reviżjoni.”

13.      Għalhekk, bis-saħħa tad-deċiżjoni Nru 45/2016, l-ICCJ iffissat l-iskadenza għal talbiet għal reviżjoni bbażati fuq l-Artikolu 21(2) tal-Liġi Nru 554/2004 u d-data inizjali ta’ dik l-iskadenza, jiġifieri ta’ xahar mid-data tan-notifika tas-sentenza finali suġġetta għal reviżjoni.

III. Il-fatti, il-proċeduri nazzjonali u d-domandi preliminari

14.      Fit-12 ta’ April 2013 Călin xtrat karozza tal-passiġġieri użata li qabel kienet irreġistrata fil-Ġermanja.

15.      Is-Serviciul Public Comunitar Regim Permise de Conducere și Înmatriculare a Vehiculelor Târgoviște (is-Servizz Pubbliku għal Liċenzji tas-Sewqan u Reġistrazzjoni ta’ Vetturi ta’ Târgoviște, ir-Rumanija) issuġġetta r-reġistrazzjoni tal-karozza ta’ Călin għall-ħlas tat-taxxa tal-boll ambjentali prevista mill-Ordonanţa de Urgenţă nr. 9/2013 privind timbrul de mediu pentru autovehicule (l-Ordni ta’ Emerġenza Governattiva, Nru 9/2013 li kienet introduċiet taxxa tal-boll ambjentali għall-vetturi bil-mutur) (8) (iktar ’il quddiem “OEG Nru 9/2013”). Dik it-taxxa, fl-ammont ta’ 968 lei Rumeni (RON), tħallset minn Călin fit-12 ta’ Ġunju 2013.

16.      Călin fetħet kawża quddiem it-Tribunalul Dâmbovița (il-Qorti Reġjonali ta’ Dâmbovița, ir-Rumanija; iktar ’il quddiem il-“qorti tal-ewwel istanza”). Hija talbet għall-ħlas lura, bl-imgħax, tas-somma mħallsa bħala t-taxxa tal-boll ambjentali. Biex issostni t-talba tagħha hija argumentat li dik it-taxxa kienet inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

17.      B’sentenza tal-15 ta’ Mejju 2014, il-qorti tal-ewwel istanza ċaħdet it-talba, billi ddeċidiet li d-dispożizzjonijiet tal-OEG Nru 9/2013 ma kinitx inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Minħabba li Călin ma appellatx dik is-sentenza saret res judicata.

18.      Fit-28 ta’ April 2015 Călin ippreżentat (l-ewwel) talba għal reviżjoni ta’ dik is-sentenza quddiem il-qorti tal-ewwel istanza. Hija argumentat li, abbażi tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ April 2015, fil-Kawża Manea (C-76/14, EU:C:2015:216), it-taxxa tal-boll ambjentali kienet inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni u li, għalhekk, kellha titħallas lura. B’sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2015 il-qorti tal-ewwel istanza ċaħdet dik it-talba għal reviżjoni, billi ddeċidiet li s-soluzzjoni mogħtija fis-sentenza Manea ma kellhiex impatt fuq is-soluzzjoni adottata fis-sentenza suġġetta għal reviżjoni.

19.      Călin ippreżentat appell kontra dik is-sentenza quddiem il-Curtea de Apel Ploiești (il-Qorti tal-Appell, Ploieşti; iktar ’il quddiem il-“qorti tat-tieni istanza”), li ġie miċħud. Għalhekk, is-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2015 saret res judicata.

20.      Fis-17 ta’ Awwissu 2016, Călin ippreżentat (it-tieni) talba għal reviżjoni tas-sentenza tal-qorti tal-ewwel istanza tal-15 ta’ Mejju 2014. Dik it-talba kienet ibbażata fuq is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Ġunju 2016, fil-Kawża Budișan (C-586/14, EU:C:2016:421). B’sentenza tal-11 ta’ Ottubru 2016, il-qorti tal-ewwel istanza kienet laqgħet it-talba għal reviżjoni. Billi straħet, b’mod partikolari fuq is-sentenza Budișan, hija ddeċidiet li l-Artikolu 21 tal-Liġi Nru 554/2004, li jippermetti r-reviżjoni ta’ deċiżjonijiet li jiksru l-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, kien japplika għal dik il-kawża. Is-sentenza tal-15 ta’ Mejju 2014, għalhekk, inbidlet kollha kemm hi u, fir-rigward tal-merti, kienet intlaqgħet it-talba inizjali ta’ Călin. Tabilħaqq, dik il-qorti ddeċidiet li t-taxxa inkwistjoni kienet inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni u, bħala riżultat, ordnat il-ħlas lura tagħha, flimkien mal-imgħaxijiet.

21.      B’sentenza tas-16 ta’ Jannar 2017, il-qorti tat-tieni istanza laqgħet appell ippreżentat mill-awtorità pubblika u ħassret is-sentenza tal-11 ta’ Ottubru 2016 kollha kemm hi. Dik il-qorti laqgħet l-eċċezzjoni li t-talba għal reviżjoni inkwistjoni kienet ġiet ippreżentata tardivament abbażi tad-Deċiżjoni Nru 45/2016, mogħtija mill-ICCJ fit-12 ta’ Diċembru 2016, li stabbilixxiet li l-iskadenza għal preżentata ta’ tali talba kienet ta’ xahar mid-data tan-notifika tas-sentenza finali suġġetta għal reviżjoni (9). Il-qorti tat-tieni istanza osservat, meta applikat dik ir-regola, li s-sentenza li fir-rigward tagħha kienet intalbet reviżjoni (jiġifieri s-sentenza tal-qorti tal-ewwel istanza tal-15 ta’ Mejju 2014) kienet ġiet innotifikata fis-26 ta’ Mejju 2014, filwaqt li (it-tieni) talba għal reviżjoni kienet ġiet ippreżentata fis-17 ta’ Awwissu 2016, ħafna wara li kien skada xahar.

22.      Fis-7 ta’ Marzu 2017, Călin ippreżentat (it-tielet) talba għal reviżjoni fir-rigward tas-sentenza tal-qorti tat-tieni istanza tas-16 ta’ Jannar 2017. Dik it-talba hija s-suġġett tal-kawża prinċipali. F’dik it-talba Călin targumenta li s-sentenza tas-16 ta’ Jannar 2017 tikser, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali previst fl-Artikolu 4(3) TUE. Hija tqis li dik is-sentenza, sa fejn kienet applikat id-Deċiżjoni Nru 45/2016 tal-ICCJ, tagħmilha impossibbli jinkiseb ħlas lura ta’ taxxa li s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża Budișan kienet iddeċidiet li kienet inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

23.      Il-qorti tat-tieni istanza, il-Curtea de Apel Ploieşti (il-Qorti tal-Appell, Ploieşti, iktar ’il quddiem il-“qorti tar-rinviju”) tikkondividi d-dubji ta’ Călin dwar jekk l-Artikolu 21(2) tal-Liġi Nru 554/2004, kif interpretat mid-Deċiżjoni Nru 45/2016 tal-ICCJ huwiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni u, b’mod iktar speċifiku, inter alia, mal-prinċipji ta’ kooperazzjoni leali, ċertezza legali, ekwivalenza u effettività. Fl-istess waqt, tagħmel referenza għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li skontha d-dritt tal-Unjoni ma jitlobx li qorti nazzjonali treġġa’ lura l-applikazzjoni ta’ regoli domestiċi tal-proċedura li jagħtu finalità lil sentenza, anki jekk meta tagħmel hekk tagħmilha possibbli jkun hemm rimedju għal sitwazzjoni domestika li tkun inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-Qorti tal-Ġustizzja nnotat ukoll li jekk ir-regoli tal-proċedura domestiċi applikabbli jagħtu l-possibbiltà, taħt ċerti kundizzjonijiet, lil qorti nazzjonali li tmur lura fuq deċiżjoni li jkollha l-awtorità ta’ res judicata biex tagħmel is-sitwazzjoni kompatibbli mad-dritt nazzjonali, dik il-possibbiltà għandha tipprevali jekk ikunu ssodisfatti dawk il-kundizzjonijiet, skont ir-rekwiżiti ta’ ekwivalenza u effettività, biex is-sitwazzjoni inkwistjoni tinġieb lura f’konformità mad-dritt tal-Unjoni.

24.      Dwar azzjonijiet ippreżentati għal ħlas lura tat-taxxa tal-boll ambjentali li kienu ġew miċħuda definittivament qabel ma l-Qorti tal-Ġustizzja tat is-sentenza tagħha fil-Kawża Budișan, id-digriet tar-rinviju jinnota li l-uniku rimedju proċedurali li kien hemm kien li tkun ippreżentata talba għal reviżjoni skont l-Artikolu 21(2) tal-Liġi Nru 554/2004. Għalhekk, jekk il-qorti tar-rinviju kellha ġġib fis-seħħ id-Deċiżjoni Nru 45/2016 tal-ICCJ, Călin ma tkunx għadha tista’ titlob reviżjoni tas-sentenza tas-16 ta’ Jannar 2017 u, bħala riżultat, hija ma tkunx tista’ tikseb ħlas lura ta’ dik it-taxxa.

25.      F’dawk iċ-ċirkustanzi l-Curtea de Apel Ploieşti (il-Qorti tal-Appell, Ploieşti) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 4(3) TUE, li jirrigwarda l-prinċipju ta’ koperazzjoni leali, l-Artikoli 17, 20, 21 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, l-Artikolu 110 TFUE, il-prinċipju ta’ ċertezza legali kif ukoll il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali jistgħu jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, jiġifieri l-Artikolu 21(2) tal-Liġi Nru 554/2004 dwar il-Kontenzjuż Amministrattiv, kif interpretata fis-sentenza Nru 45/2016 tal-Înalta Curte de Casație și Justiție (ICCJ) – Completul pentru dezlegarea unor chestiuni de drept (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja – Sezzjoni Kompetenti għar-Riżoluzzjoni ta’ Kwistjonijiet ta’ Liġi), li tipprevedi li t-terminu għat-tressiq ta’ talba għal reviżjoni bbażata fuq l-Artikolu 21(2) tal-Liġi Nru 554/2004 huwa ta’ xahar u jibda jiddekorri min-notifika tad-deċiżjoni ġudizzjarja definittiva li tagħha tkun qiegħda tintalab ir-reviżjoni?”

26.      Osservazzjonijiet bil-miktub kienu ppreżentati mill-Gvern Rumen u mill-Kummissjoni Ewropea. Iż-żewġ partijiet interessati għamlu sottomissjonijiet orali fis-seduta tat-28 ta’ Novembru 2018.

IV.    Analiżi

27.      Dawn il-konklużjonijiet huma strutturati kif ġej: ser nibda billi niċċara għaliex inqis li din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli (A). Imbagħad, wara żewġ osservazzjonijiet introduttorji (B), ngħaddi biex neżamina d-domanda preliminari fid-dawl tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ekwivalenza u effettività (C). Minħabba li, anki wara dak l-eżami, inkun għadni daqsxejn konfuż dwar in-natura eżatta tar-rimedju nazzjonali inkwistjoni, biħsiebni nikkonkludi bi ftit osservazzjonijiet dwar l-alternattivi li d-dritt tal-Unjoni jipprovdi għal każijiet li fihom jintalab il-ħlas lura ta’ taxxa miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni fi żmien meta ma jkunx iktar possibbli li terġa’ tinfetaħ deċiżjoni ġudizzjarja finali (D).

A.      L-ammissibbiltà tad-domanda magħmula għal deċiżjoni preliminari

28.      Hija ammissibbli domanda preliminari b’riferiment għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 21(2) tal-Liġi Nru 554/2004 magħmula mill-ICCJ fid-Deċiżjoni Nru 45/2016, li skont id-dritt nazzjonali mid-dehra ma kinitx interpretazzjoni li torbot meta kienet ingħatat id-deċiżjoni dwar it-tieni talba għal reviżjoni?

29.      Id-deċiżjoni tal-ICCJ kienet ingħatat fil-kuntest ta’ proċedura għal deċiżjoni preliminari għar-riżoluzzjoni ta’ punt ta’ liġi. Dwar dan it-tip ta’ proċedura d-digriet tar-rinviju jinnota li l-Artikolu 521(3) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jgħid li “is-soluzzjoni mogħtija dwar il-punti ta’ liġi għandha tkun torbot lill-qorti li tkun talbet dik is-soluzzjoni mid-data li fiha tingħata d-deċiżjoni, u lill-qrati l-oħra mid-data tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni fil-Monitorul Oficial al României, Partea I”.

30.      Jidher mill-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Rumen u tal-Kummissjoni li għalkemm id-Deċiżjoni Nru 45/2016 kienet ingħatat fit-12 ta’ Diċembru 2016, ma kinitx ippubblikata fil-Monitorul Oficial al României qabel it-23 ta’ Mejju 2017. Barra minn hekk, dik id-deċiżjoni kienet ingħatat għar-riżoluzzjoni ta’ punt ta’ liġi mibgħuta quddiem l-ICCJ mill-Curtea de Apel Cluj (il-Qorti tal-Appell ta’ Cluj, ir-Rumanija). Għalhekk, skont l-Artikolu 521(3) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, dik id-deċiżjoni kienet torbot lil dik il-qorti mill-jum li fih kienet ingħatat. Madankollu, kien biss wara li d-deċiżjoni kienet ippubblikata fil-Monitorul Oficial al României, fit-23 ta’ Mejju 2017, li kienet bdiet torbot lil qrati oħra, inkluża l-qorti tar-rinviju, il-Curtea de Apel Ploieşti (il-Qorti tal-Appell, Ploieşti).

31.      B’riżultat ta’ dan, jistgħu jinqalgħu dubji dwar jekk il-qorti tar-rinviju kinitx obbligata tapplika, fis-sentenza tagħha tas-16 ta’ Jannar 2017, meta ddeċidiet dwar it-tieni talba għal reviżjoni, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 21(2) tal-Liġi Nru 554/2004 mogħtija mill-ICCJ. Hija, tabilħaqq, dik l-interpretazzjoni tal-ICCJ li tinsab fil-qalba tad-domanda preliminari, minħabba li nifhem li kien permezz ta’ dik id-deċiżjoni tal-ICCJ li fil-prattika kienet stabbilita l-iskadenza ta’ xahar mid-data tan-notifika tas-sentenza finali.

32.      Fil-fehma tiegħi, għalkemm hemm diversi elementi ta’ dan il-każ li jistgħu tassew jiġbdu l-għajn, l-ammissibbiltà tad-domanda preliminari ma hijiex wieħed minnhom.

33.      Hija ġurisprudenza stabbilita li domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula minn qorti nazzjonali jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza (10). Ma huwiex għal din il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-kooperazzjoni ġudizzjarja stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE, li jkollha dubji dwar jew li tivverifika kemm tkun eżatta l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali magħmula mill-qorti nazzjonali, minħabba li tali interpretazzjoni taqa’ esklużivament fil-kompetenza ta’ dik il-qorti (11).

34.      B’risposta għal domanda bil-miktub magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja l-Gvern Rumen ikkonferma li d-Deċiżjoni Nru 45/2016 kienet ingħatat fit-12 ta’ Diċembru 2016 u ppubblikata dak il-jum. Ikkonferma wkoll li, anki għalkemm id-Deċiżjoni Nru 45/2016 ma kinitx torbot formalment lill-qorti tar-rinviju meta hija tat is-sentenza tagħha tas-16 ta’ Jannar 2017, dik il-qorti — bħal kull qorti oħra Rumena — kienet diġà taf b’dik is-sentenza u bil-kontenut tagħha.

35.      L-istorja kumplessa tal-Artikolu 21(2) tal-Liġi Nru 554/2004 ġiet deskritta fil-qosor iktar ’il fuq (12). Din id-dispożizzjoni ngħatat il-ħajja għall-ewwel darba mil-leġiżlatur fl-2004, imbagħad ġiet iddikjarata bħala parzjalment mhux kostituzzjonali fl-2010 u, għalhekk, twarrbet mil-leġiżlatur fl-2011. Imbagħad reġgħet parzjalment ħadet ir-ruħ fl-2012 b’deċiżjoni oħra tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali), għalkemm mid-dehra ma kienet stabbiliet ebda limiti ta’ żmien applikabbli, li iktar tard kellhom jiġu stabbiliti b’deċiżjoni interpretattiva tal-ICCJ. Abbażi ta’ dan, jidher li mit-tieni annullament mill-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali), b’effett mid-29 ta’ Jannar 2013 sakemm ingħatat id-Deċiżjoni Nru 45/2016 tal-ICCJ fit-12 ta’ Diċembru 2016, il-qrati Rumeni kellhom quddiemhom sitwazzjoni fejn ma kienx hemm skadenza (ċara) biex issir talba għal reviżjoni, jew forsi wara kollox anki ebda skadenza biex issir talba bħal din.

36.      Nifhem li, kif innota l-Gvern Rumen, wara rriżultat “diversità interpretattiva” kunsiderevoli fil-prattika tal-qrati Rumeni matul dak il-perjodu. F’kuntest bħal dan wieħed jifhem kompletament li kull kompetenza suprema nazzjonali tfittex tipprova tgħaqqad dik id-diversità interpretattiva.

37.      Madankollu, dak li forsi huwa ftit iktar dubjuż huwa l-mod kif tali skadenza, li fil-prattika tillimita jew anki ċċaħħad lil xi partijiet mid-dritt ta’ aċċess għal qorti, kienet stabbilita fil-livell nazzjonali. Limitazzjonijiet għal drittijiet fundamentali, u bl-istess mod ukoll kundizzjonijiet għal aċċess għal qorti, għandhom ikunu, fost rekwiżiti oħra, stabbiliti b’liġi. Dan ir-rekwiżit jinkludi ċerti standards dwar il-kwalità ta’ tali liġi, inkluża li tkun aċċessibbli għall-persuni kkonċernati u fformulata bi preċiżjoni suffiċjenti u prevedibbiltà (13). Għalkemm dawk l-istandards ma humiex l-istess bħal, pereżempju, il-kriterji għad-detenzjoni ta’ barranin minħabba t-trasferiment tagħhom għal Stat Membru ieħor, li fil-fatt jammonta għal ċaħda tal-libertà, u li, għalhekk, għandhom ikunu stabbiliti b’dispożizzjonijiet obbligatorji ta’ applikazzjoni ġenerali (b’leġiżlazzjoni bil-miktub, mhux permezz tal-ġurisprudenza (14)), jista, tabilħaqq, ikun hemm dubju dwar sa fejn l-istorja mejta-ħajja tal-Artikolu 21(2) tal-Liġi Nru 554/2004 tissodisfa dawk ir-rekwiżiti, b’mod partikolari dawk dwar il-prevedibbiltà.

38.      Madankollu, dan ma huwiex is-suġġett ta’ din il-kawża, tal-inqas mhux direttament. Ċertament hemm ftit “togħma retroattiva” għall-fatt li qorti applikat skadenza li, fi kliem formali, ma kinitx għadha applikabbli fil-mument li fih hija ħadet id-deċiżjoni tagħha. Madankollu, jidher li, skont “id-diversità interpretattiva” dominanti fil-livell nazzjonali, dik il-qorti, fi kwalunkwe każ, kien ikollha diskrezzjoni dwar liema skadenza tapplika. Għalhekk, ma narax kif qorti nazzjonali tista’ tiġi kkritikata, f’tali sitwazzjoni, għax tkun iddeċidiet tieħu inkunsiderazzjoni skadenza stabbilita b’deċiżjoni ta’ qorti ogħla (mogħtija preċiżament bil-għan li tgħaqqad dik is-sitwazzjoni), anki fi żmien meta l-użu ta’ tali skadenza ma kienx għadu formalment obbligatorju għal dik il-qorti, iżda kien ser ikun għall-ġejjieni qrib.

39.      Għalhekk, minħabba dawn il-kunsiderazzjonijiet, iżda meqjusa wkoll ir-rilevanza kontinwa u permanenti tad-domanda għall-qorti tar-rinviju (15), inqis li ma hemmx raġuni li wieħed jiddubita dwar l-ammissibbiltà ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari.

B.      Osservazzjonijiet preliminari

40.      Jeħtieġ isiru żewġ osservazzjonijiet preliminari dwar, l-ewwel nett, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li huma rilevanti għas-soluzzjoni ta’ dan il-każ u, it-tieni nett, dwar ir-rabta bejn din il-kawża u dik li tat lok għas-sentenza fil-Kawża Târșia (16).

41.      L-ewwel nett, fid-domanda tagħha l-qorti tar-rinviju ssemmi għadd ta’ dispożizzjonijiet u prinċipji tad-dritt tal-Unjoni: l-Artikolu 4(3) tat-TUE (il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali); l-Artikoli 17, 20, 21 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (iktar ’il quddiem il-“Karta”), l-Artikolu 110 TFUE; il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-prinċipji ta’ ekwivalenza u effettività li joħorġu mill-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali.

42.      Biex nagħti risposta għad-domanda preliminari, inqis li jkun biżżejjed neżamina l-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali mal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ekwivalenza u effettività, fid-dawl tal-prinċipju ġenerali ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE (17). L-Artikolu 47 tal-Karta (id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali) jista’ jipprovdi inċentiv addizzjonali fl-evalwazzjoni tar-rekwiżit ta’ effettività, b’mod partikolari dwar il-kunċett ta’ rimedju effettiv quddiem qorti jew tribunal.

43.      It-tieni nett, ta’ min ifakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà ntalbet teżamina l-kompatibbiltà tal-Artikolu 21(2) tal-Liġi Nru 554/2004 mad-dritt tal-Unjoni fil-kawża Târșia (18).

44.      Id-domanda preliminari f’dik il-kawża kienet simili għal dik magħmula f’din il-kawża. Hija kellha l-għan li tkun aċċertata l-kompatibbiltà tal-Artikolu 21(2) tal-Liġi Nru 554/2004 ma’ kważi l-istess dispożizzjonijiet u prinċipji tad-dritt tal-Unjoni (19). Madankollu, il-kwistjoni tal-kompatibbiltà tal-Artikolu 21(2) tal-Liġi Nru 554/2004 mad-dritt tal-Unjoni kienet indirizzata minn aspett pjuttost differenti.

45.      Târșia kien ħallas taxxa fuq karozzi li huwa kien konvint li kienet inkompatibbli mal-Artikolu 110 TFUE. Huwa beda proċeduri ċivili biex jiżgura l-ħlas lura tat-taxxa. It-talba kienet intlaqgħet fl-ewwel istanza fl-2007 iżda, fl-appell, kienet parzjalment irrifjutata fl-2008. Fl-2011, wara s-sentenza tas-7 ta’ April 2011, fil-Kawża Tatu (C-402/09, EU:C:2011:219), Târșia talab ir-reviżjoni tas-sentenza mogħtija fl-appell, minħabba li deherlu li t-taxxa kellha titħallas lura lilu kollha kemm hi. Għalkemm is-sentenza li dwarha huwa kien talab reviżjoni kienet ingħatat fi proċeduri ċivili, huwa għamel it-talba għal reviżjoni abbażi tal-Artikolu 21(2) tal-Liġi Nru 554/2004, jiġifieri l-liġi dwar il-kontenzjuż amministrattiv. Ir-raġuni kienet li r-regoli proċedurali applikabbli għal proċeduri ċivili ma kienu joffru ebda opportunità biex tinfetaħ kawża għal reviżjoni ta’ sentenza finali għal ksur tad-dritt tal-Unjoni.

46.      Kien f’dan il-kuntest proċedurali li l-qorti tar-rinviju fil-Kawża Târșia fittxet li taċċerta jekk il-fatt li l-Artikolu 21(2) tal-Liġi Nru 554/2004 kien jippermetti reviżjoni ta’ sentenzi finali li jiksru d-dritt tal-Unjoni esklużivament fi proċeduri amministrattivi, iżda mhux fi proċeduri ċivili, kienx kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li d-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari r-rekwiżiti ta’ ekwivalenza u effettività, ma kinux jipprekludu tali sitwazzjoni (20).

47.      Għall-kuntrarju, din il-kawża hija biss dwar il-kundizzjonijiet li fihom talba għal reviżjoni magħmula abbażi tal-Artikolu 21(2) tal-Liġi Nru 554/2004 tista’ tiġi ppreżentata fir-rigward ta’ deċiżjoni meħuda fi proċeduri amministrattivi. Għalhekk, anki għalkemm is-sentenza Târșia toffri xi gwida għal din il-kawża dwar il-formulazzjoni ġenerali tar-rekwiżiti ta’ ekwivalenza u effettività, hija ma tagħtix risposta għad-domanda preċiża magħmula mill-qorti tar-rinviju.

C.      L-obbligu li jitħallsu lura taxxi miġbura mhux kif imiss: ċertezza legali u effettività tad-dritt tal-Unjoni

48.      Hija ġurisprudenza stabbilita li d-dritt għal ħlas lura ta’ taxxi miġbura minn Stat Membru bi ksur tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni huwa l-konsegwenza u jikkomplementa d-drittijiet mogħtija lil individwi minn dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jipprojbixxu tali taxxi. Għalhekk l-Istati Membri huma, fil-prinċipju, obbligati jħallsu lura t-taxxi miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, bl-imgħaxijiet (21). Huwa għal kull Stat Membru, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, li jistabbilixxi regoli proċedurali dettaljati li jirregolaw proċeduri għall-ħlas lura ta’ dawk it-taxxi, filwaqt li josservaw ir-rekwiżiti ta’ ekwivalenza u effettività (22).

49.      Dwar ir-relazzjoni bejn dawk ir-rekwiżiti u l-prinċipju ta’ ċertezza legali, li tiegħu l-prinċipju ta’ res judicata huwa espressjoni (23), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li “il-modalitajiet ta’ implementazzjoni tal-prinċipju tal-awtorità tar-res judicata [jaqgħu] taħt l-ordinament ġuridiku intern tal-Istati Membri, skont il-prinċipju tal-awtonomija proċedurali ta’ dawn tal-aħħar, fl-osservanza, madankollu, tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u tal-effettività.” (24).

50.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament saħqet dwar l-importanza, kemm fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll fis-sistemi ġuridiċi nazzjonali, tal-prinċipju ta’ res judicata. Hija ddeċidiet li biex ikunu żgurati kemm l-istabbiltà tal-liġi u tar-relazzjonijiet legali, kif ukoll l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa importanti li deċiżjonijiet ġudizzjarji li jkunu saru finali wara li jkunu ġew eżawriti d-drittijiet kollha ta’ appell jew wara li jkunu skadew il-limiti ta’ żmien previsti f’dak ir-rigward, ma jkunux jistgħu jinqalgħu iktar dubji dwarhom, anki li jekk dan isir ikun jagħmilha possibbli li jkun hemm rimedju għal sitwazzjoni domestika li tkun inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni (25).

51.      Għalhekk, bħala materja tad-dritt tal-Unjoni l-Istati Membri ma jkunx jeħtiġilhom jiftħu mill-ġdid sentenza finali biex iqisu l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni rilevanti tad-dritt tal-Unjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja wara li tkun ingħatat dik is-sentenza (26).

52.      Madankollu, fil-Kawżi Impresa Pizzarotti u Târșia l-Qorti tal-Ġustizzja nnotat ukoll li jekk ir-regoli domestiċi applikabbli tal-proċedura jagħtu l-possibbiltà li, taħt ċerti kundizzjonijiet, biex qorti nazzjonali tmur lura fuq deċiżjoni ġudizzjarja finali biex tagħmel is-sitwazzjoni kompatibbli mad-dritt nazzjonali, għandha tipprevali dik il-possibbiltà jekk ikunu ssodisfatti dawk il-kundizzjonijiet, skont il-prinċipji ta’ ekwivalenza u effettività, biex is-sitwazzjoni inkwistjoni tinġieb lura f’konformità mad-dritt tal-Unjoni (27).

53.      Fi ftit kliem id-dritt tal-Unjoni ma kienx jitlob li r-Rumanija tippromulga l-Artikolu 21(2) tal-Liġi Nru 554/2004, dispożizzjoni li tippermetti l-ftuħ mill-ġdid ta’ deċiżjoni ġudizzjarja finali. Madankollu, minħabba li r-Rumanija ddeċidiet tagħmel hekk, dik id-dispożizzjoni għandha tkun konformi mar-rekwiżiti ta’ ekwivalenza u effettività. Għalhekk issa ngħaddi għall-eżami ta’ dawk ir-rekwiżiti fil-kuntest ta’ din il-kawża.

1.      Ekwivalenza

54.      Ir-rekwiżit ta’ ekwivalenza ma jħallix Stat Membru jistabbilixxi regoli proċedurali inqas favorevoli għal talbiet għal ħlas lura ta’ taxxa bbażata fuq ksur tad-dritt tal-Unjoni ħlief dawk applikabbli għal proċeduri simili bbażati fuq ksur tad-dritt nazzjonali (28). Biex ikun aċċertat jekk azzjoni domestika tkunx tista’ titqies bħala simili għal azzjoni miġjuba biex jitħares id-dritt tal-Unjoni, ikun jeħtieġ jitqiesu l-għan, il-kawża tal-azzjoni u l-karatteristiċi essenzjali ta’ dawk l-azzjonijiet (29).

55.      F’dan il-każ il-qorti tar-rinviju ssemmi r-rekwiżit ta’ ekwivalenza bħala wieħed mill-kriterji possibbli fl-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-Artikolu 21(2) tal-Liġi Nru 554/2004 mad-dritt tal-Unjoni. Madankollu, ma tindika ebda azzjoni domestika simili li tista’ tintuża għall-evalwazzjoni tar-rekwiżit ta’ ekwivalenza.

56.      Skont il-Gvern Rumen ma hemmx raġuni għal reviżjoni bbażata fuq ksur tad-dritt nazzjonali li hija simili għar-raġuni (speċifika) għal reviżjoni prevista fl-Artikolu 21(2) tal-Liġi Nru 554/2004. Dak il-Gvern jinnota li din id-dispożizzjoni tippermetti li ssir talba għal reviżjoni bbażata fuq ksur ta’ kull dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni u irrispettivament minn jekk dik id-dispożizzjoni kinitx invokata jew le fil-kawża prinċipali. Għall-kuntrarju, il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, li jinkludi r-regoli ġenerali dwar reviżjoni, jippermetti biss issir talba għal reviżjoni bbażata fuq ksur ta’ waħda mir-raġunijiet previsti fl-Artikolu 509(1) tiegħu, li essenzjalment jirreferu għal ċirkustanzi ġodda li l-qorti ma kinitx taf bihom meta tkun tat is-sentenza tagħha.

57.      Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni tqis li hemm raġuni għal reviżjoni bbażata fuq ksur tal-liġi nazzjonali li hija simili għall-Artikolu 21(2) tal-Liġi Nru 554/2004. Hija r-raġuni għal reviżjoni stabbilita fl-Artikolu 509(1)(11) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, li skont din id-dispożizzjoni jkun possibbli ssir talba għal reviżjoni ta’ sentenza meta “wara li s-sentenza ssir finali l-Curtea Constituțională [il-Qorti Kostituzzjonali] tkun tat deċiżjoni dwar l-eċċezzjoni magħmula f’dik il-kawża, billi tiddikjara li d-dispożizzjoni milquta minn dik l-eċċezzjoni tkun kontra l-kostituzzjoni”. Għall-Kummissjoni l-iskadenzi differenti (xahar għal talbiet skont il-Liġi Nru 554/2004 u tliet xhur skont l-Artikolu 511(3) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili) u d-dati differenti biex jinbdew proċeduri (fl-ewwel każ, id-data tan-notifika tas-sentenza finali suġġetta għal reviżjoni; fit-tieni każ, id-data tal-pubblikazzjoni tas-sentenza tal-Curtea Constituțională [il-Qorti Kostituzzjonali] fil-Monitorul Oficial al României) huma inkompatibbli mar-rekwiżit ta’ ekwivalenza.

a)      Reviżjoni skont l-Artikolu 21(2) tal-Liġi Nru 554/2004 u reviżjoni skont l-Artikolu 509 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili

58.      L-Artikolu 21(2) tal-Liġi Nru 554/2004 jagħti rimedju speċifiku ħafna li jippermetti r-reviżjoni ta’ sentenza finali. Dak ir-rimedju huwa limitat għal qasam speċifiku, jiġifieri għal proċeduri amministrattivi, u jista’ jintalab biss abbażi li sentenza finali tkun kisret id-dritt tal-Unjoni. Mit-titolu tal-Artikolu 21, kif ukoll mill-fatt li jippermetti l-ftuħ mill-ġdid ta’ sentenza finali, tabilħaqq jidher li dak huwa rimedju straordinarju.

59.      Id-digriet tar-rinviju jissuġġerixxi li din ma hijiex l-unika dispożizzjoni tad-dritt Rumen li tippermetti li tintalab ir-reviżjoni ta’ sentenza finali. L-Artikolu 509 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jinkludi r-regoli ġenerali dwar reviżjoni. Dawk ir-regoli jistabbilixxu għadd ta’ każijiet li fihom ikun possibbli tintalab ir-reviżjoni ta’ sentenza finali. Dawk ir-regoli japplikaw ġeneralment għall-oqsma kollha tal-liġi, inklużi proċeduri amministrattivi (30).

60.      Il-Gvern Rumen jgħid fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu li r-raġunijiet għal reviżjoni stabbilita fl-Artikolu 509 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili huma bbażati fuq ċirkustanzi ġodda li jinħolqu u li ma kinux magħrufa mill-qorti nazzjonali meta din tkun tat is-sentenza suġġetta għal reviżjoni. Ninnota, dwar dan, li l-iskadenzi stabbiliti fl-Artikolu 511 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili fir-rigward ta’ kull waħda minn dawk ir-raġunijiet għal reviżjoni jibdew jiddekorru, bħala regola ġenerali, mill-mument li fih tkun inħolqot iċ-ċirkustanza ġdida rilevanti, jew mill-mument li fih il-parti konċernata tkun saret jew kellha tkun taf li kien hemm dik iċ-ċirkustanza ġdida.

61.      Fid-dawl ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, u wkoll tas-sottomissjonijiet dwar dawn id-dispożizzjonijiet magħmula bil-miktub mill-partijiet interessati u fis-seduta, ikolli nammetti li ma narax korrispondenza eżatta bejn ir-reviżjoni prevista fl-Artikolu 21(2) tal-Liġi Nru 554/2004 u l-karatteristiċi ewlenin tar-reviżjoni rregolata mill-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili. Dan huwa għaliex l-Artikolu 21(2) tal-Liġi Nru 554/2004 ma jidhirx li jibda japplika bil-ħolqien ta’ ċirkustanza ġdida li ma kinitx magħrufa mill-partijiet u mill-qorti nazzjonali meta tat is-sentenza tagħha.

62.      Tabilħaqq, diġà fil-verżjoni oriġinali tal-Artikolu 21(2) tal-Liġi Nru 554/2004 (31), l-iskadenza biex titressaq talba għal reviżjoni kienet tibda tiddekorri mid-data tal-għoti tas-sentenza suġġetta għal reviżjoni. L-istess fil-fatt huwa minnu wara li kienet ingħatat id-Deċiżjoni Nru 45/2016 tal-ICCJ, għalkemm dik l-iskadenza kienet tkun tiġi kkalkolata b’mod differenti.

b)      In-natura tar-reviżjoni skont l-Artikolu 509(1)(11) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili

63.      Fid-dispożizzjoni ġenerali dwar reviżjoni li tinsab fl-Artikolu 509 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, hemm żewġ raġunijiet speċifiċi għal reviżjoni li ta’ min isemmihom. Is-sottomissjonijiet tal-Kummissjoni jenfasizzaw waħda minnhom b’mod partikolari: ir-reviżjoni ta’ sentenza finali wara deċiżjoni tal- Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali) prevista fl-Artikolu 509(1)(11) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili. Dik ir-raġuni hija fformulata fi kliem simili għal dak tal-Artikolu 509(1)(10) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, li jipprovdi għal reviżjoni ta’ sentenzi finali wara li jkun instab ksur mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem “QEDB”).

64.      L-Artikolu 509(1)(11) jippermetti l-ftuħ mill-ġdid ta’ sentenzi finali abbażi ta’ deċiżjoni tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali). Hemmhekk, madankollu, dak li jagħti bidu għall-iskadenza huwa meta jkun hemm deċiżjoni ta’ dik il-qorti wara li d-deċiżjoni ġudizzjarja tkun saret finali. Ir-raġuni għal proċedura bħal din hija, kif kien ikkonfermat mill-Gvern Rumen fis-seduta, li skont id-dritt nazzjonali, il-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali) nnifisha ma tistax tannulla jew timmodifika sentenza finali ta’ qrati (ordinarja) li tkun tat lok għal reviżjoni kostituzzjonali. Għalhekk, l-għan ta’ dik it-tip ta’ reviżjoni huwa li jkun hemm mekkaniżmu li jkun jippermetti r-reviżjoni, fid-dawl ta’ deċiżjoni tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali), tas-sentenza finali li abbażi tagħha tkun bdiet il-proċedura quddiem dik il-qorti.

65.      Jista’ jiżdied jingħad li jidher li sistema bħal din taqsam il-loġika tad-dispożizzjoni simili għaliha, jiġifieri l-Artikolu 509(1)(10) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili. F’każ ta’ deċiżjoni tal-QEDB li tiddikjara li parti firmatarja tkun kisret id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (iktar ’il quddiem “KEDB”) b’deċiżjoni ġudizzjarja, l-uniku mod li bih dik id-dikjarazzjoni tkun tista’ tiġi riflessa fil-kawża partikolari li tkun tat lok għal dak l-ilment partikolari jkun permezz tal-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri ġudizzjarji nazzjonali oriġinali. Hemmhekk, ukoll, l-iskadenza biex jintalab dak il-ftuħ mill-ġdid tibda tiddekorri mill-mument li fih tkun ittieħdet id-deċiżjoni tal-QEDB inkwistjoni.

c)      L-evalwazzjoni tal-ekwivalenza: għan, kawża u karatteristiċi essenzjali

66.      Fl-aħħar mill-aħħar huwa għall-qorti tar-rinviju li taf sewwa r-regoli proċedurali nazzjonali, li teżamina jekk hemmx xi azzjoni domestika simili għall-azzjoni prevista fl-Artikolu 21(2) tal-Liġi Nru 554/2004.

67.      Madankollu, fuq il-fatti u l-elementi tad-dritt nazzjonali kif ippreżentati lil din il-Qorti, u fid-dawl kemm tal-kuntest ta’ analiżi ddikjarat reċentement mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża XC et (32) kif ukoll tar-riżultat miksub f’dik il-kawża, ir-raġunijiet għal reviżjoni skont l-Artikolu 509(1) (11) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili u t-tip ta’ reviżjoni prevista fl-Artikolu 21(2) tal-Liġi Nru 554/2004, jidhruli, fir-rigward tal-għan, il-kawża tal-azzjoni u l-karatteristiċi essenzjali tagħhom, li huma pjuttost differenti.

68.      Ċertament, kif se jkun diskuss f’iktar dettall iktar ’il quddiem (33), dak li eżattament xtaqet li tipprovdi l-leġiżlatur nazzjonali meta ppromulgat l-Artikolu 21(2) tal-Liġi Nru 554/2004 jista’ jkun diskutibbli. Iżda xorta waħda tibqa’ l-impressjoni li ż-żewġ tipi ta’ reviżjoni jkunu jidhru li qed jaqdu ħtiġijiet sistemiċi pjuttost differenti.

69.      L-ewwel nett, l-għan tal-Artikolu 509(1)(11) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (kif ukoll tal-Artikolu 509(1) (10) tagħha) huwa li jkun hemm rimedju għal ksur tal-kostituzzjoni nazzjonali (jew tal-KEDB) fil-kawżi partikolari li fihom ikun ġie stabbilit tali ksur b’deċiżjoni li tkun dejjem, mid-definizzjoni tagħha stess, ġiet wara d-deċiżjoni finali tal-qorti (ordinarja). Kuntrarju għal dan, l-għan tal-Artikolu 21(2) tal-Liġi Nru 554/2004 jidher li huwa l-korrezzjoni kontinwa ta’ applikazzjoni żbaljata tad-dritt tal-Unjoni minn qorti nazzjonali, mingħajr, madankollu, ma jkun hemm il-ħtieġa tal-eżistenza ta’ rabta bejn is-sentenza suġġetta għal reviżjoni u deċiżjoni speċifika ta’ din il-Qorti tal-Ġustizzja (34). Id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta jkun hemm waħda, tista’ tkun jew qabel jew wara s-sentenza suġġetta għal reviżjoni. Madankollu, minħabba l-iskadenza relattivament qasira, is-sentenza ta’ din il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-maġġoranza l-kbira tal-kawża, x’aktarx li tkun ingħatat qabel ma tkun inħarġet id-deċiżjoni nazzjonali suġġetta għal reviżjoni.

70.      It-tieni nett, il-kawża tal-azzjoni jiġifieri dak li jseħħ li jagħti bidu għall-applikazzjoni ta’ tali rimedju jkun, fil-każ tal-Artikolu 509(1) (11) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, il-fatt li l-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali) tagħti deċiżjoni li ssib li ċerta dispożizzjoni nazzjonali tkun antikostituzzjonali. Min-naħa l-oħra, sa fejn għandu x’jaqsam l-Artikolu 21(2) tal-Liġi Nru 554/2004, jidher li dak li jseħħ li jagħti bidu għal reviżjoni tkun allegazzjoni ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni li jkun diġà inkorporat fis-sentenza li tagħha tkun qed tintalab reviżjoni.

71.      It-tielet nett, il-karatteristiċi essenzjali ta’ rimedju ma humiex biss l-elementi relatati mal-mod ġenerali li bih titmexxa dik il-proċedura, iżda wkoll ir-riżultat ta’ dik il-proċedura. Hawn ukoll, ir-riżultat taż-żewġ proċeduri huwa sostanzjalment differenti, ċertament sa fejn għandu x’jaqsam l-impatt tagħhom fuq kawżi partikolari. Għalhekk, filwaqt li l-Artikolu 509(1)(11) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili fil-prinċipju jwassal biss għal ftuħ mill-ġdid tas-sentenza partikolari li abbażi tagħha tkun twettqet ir-reviżjoni kostituzzjonali, l-Artikolu 21(2) tal-Liġi Nru 554/2004 jista, fil-prinċipju, jiġġustifika l-ftuħ mill-ġdid ta’ kull sentenza li tikser regola tad-dritt tal-Unjoni.

72.      Fil-fehma tiegħi, l-aħħar punt iwassal għad-domanda ewlenija f’dan ir-rigward: kif eżattament għandhom jitqiesu, minn naħa, deċiżjonijiet partikolari tal-Qorti tal-Ġustizzja mogħtija għal deċiżjonijiet preliminari u, min-naħa l-oħra, deċiżjonijiet partikolari tal-qrati kostituzzjonali nazzjonali f’sistemi li fihom dawk il-qrati ma jkollhomx is-setgħa ta’ lment kostituzzjonali individwali (jiġifieri s-setgħa li jannullaw id-deċiżjonijiet ta’ qrati ordinarji f’każijiet partikolari), kif ukoll f’dan ir-rigward id-deċiżjonijiet funzjonalment simili tal-QEDB (li tista’ biss tikkonstata ksur mill-parti kontraenti fil-każ partikolari), fil-kawżi speċifiċi pendenti li jkunu taw lok għad-deċiżjoni ta’ dawk il-ġurisdizzjonijiet (essenzjalment konsegwenzi inter partes)?

73.      Deċiżjoni preliminari ta’ din il-Qorti tal-Ġustizzja dejjem tingħata qabel id-deċiżjoni tal-qorti nazzjonali fil-każ li għalih tkun tressqet it-talba għal deċiżjoni preliminari u għandha titqies f’dik il-proċedura pendenti. Jekk deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tingħata wara li d-deċiżjoni nazzjonali ssir finali, id-dritt tal-Unjoni, bi ftit eċċezzjonijiet żgħar (35), ma jitlobx li terġa’ tkun eżaminata d-deċiżjoni nazzjonali finali u li l-kawża terġa’ tinfetaħ.

74.      Min-naħa l-oħra, kif diġà ġie indikat, it-tħaddim tas-sistema tal-QEDB, kif ukoll, f’dan ir-rigward, ta’ dawk il-qrati kostituzzjonali nazzjonali li ma għandhomx is-setgħa jirrevedu u jannullaw deċiżjonijiet ġudizzjarji partikolari għal raġunijiet relatati mal-kostituzzjonalità tagħhom, huwa differenti. Fir-rigward tal-kawża partikolari li tat lok għar-reviżjoni inkwistjoni, id-deċiżjoni tal-QEBD jew tal-qorti kostituzzjonali dejjem tingħata ex post, ladarba dik id-deċiżjoni ġudizzjarja oriġinali tkun saret finali. Jekk id-deċiżjoni ta’ tali ġurisdizzjoni għandha tkun riflessa f’dik il-kawża partikolari, dik il-kawża jkollha terġa’ tinfetaħ (36).

75.      Minn dawn il-ħtiġiet oġġettivament differenti jibdew jitħaddmu proċeduri li bilkemm jistgħu jitqabblu fir-rigward tal-għan, il-kawża ta’ azzjoni u l-karatteristiċi essenzjali tagħhom.

76.      Nixtieq inżid element addizzjonali wieħed: l-eżami tax-xebh fir-rigward ta’ proċeduri għall-ftuħ mill-ġdid ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji għandu jsir fir-rigward tal-konsegwenzi inter partes ta’ deċiżjoni speċifika li tkun ittieħdet. Minħabba li huwa għal dan li hemm dawk il-proċeduri. Li jingħad li, fir-rigward ta’ dak l-għan, il-proċeduri ma humiex komparabbli minħabba li jaqdu ħtiġiet strutturali u sistemiċi differenti, huma tassew differenti minn li jingħad li s-sentenzi u l-gwida mogħtija minn qrati kostituzzjonali jew Ewropej ma jistgħux ikollhom l-istess effett normattiv erga omnes, fil-kawżi kollha pendenti u futuri. Din hija sempliċement kwistjoni differenti.

77.      Jista’ jkun utli jiġi enfasizzat dak l-element speċifiku, biex nikkonkludi, għaliex jidher li kien is-suġġett ta’ xi konfużjoni fis-sottomissjonijiet magħmula mill-Kummissjoni meta din sostniet favur l-ekwivalenza bejn ir-reviżjoni skont l-Artikolu 509(1)(11) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili u dik skont l-Artikolu 21(2) tal-Liġi Nru 554/2004. Dawk il-proċeduri huma sistematikament differenti minħabba li l-għan tagħhom huwa ta’ tip differenti fir-rigward ta’ effett vinkolanti ta’ sentenzi: ftuħ mill-ġdid ta’ kawża partikolari wara l-annullament tal-bażi normattiva li fuqha tkun ingħatat sentenza mill-qorti kostituzzjonali (effetti vinkolanti inter partes), kuntrarju għal reviżjoni abbażi tal-fatt li d-dritt tal-Unjoni, kif interpretat b’sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li, madankollu, kienet ingħatat fi proċedura differenti, ma kienx ittieħed inkunsiderazzjoni kif imiss (effetti vinkolanti erga omnes).

78.      Madankollu, din id-differenza fir-rigward ta’ tali rimedju speċifiku ta’ reviżjoni naturalment ma tfissirx li s-sentenzi ta’ dawk il-ġurisdizzjonijiet kostituzzjonali jew Ewropej, fil-kawżi pendenti u futuri kollha quddiem qrati nazzjonali, ma għandhomx jitqiesu kif jixirqilhom. Minn dan l-aspett, bla ħsara għal regoli kostituzzjonali nazzjonali, jista’, tabilħaqq, ma jkunx hemm differenza bejn is-sentenzi ta’ din il-Qorti tal-Ġustizzja u s-sentenzi ta’ qorti kostituzzjonali nazzjonali jew dawk tal-QEDB. Kollha kemm huma jistgħu, tabilħaqq, ikollhom effetti erga omnes prospettivi normattivi.

79.      Għar-raġunijiet imsemmija f’din it-taqsima, fil-fehma tiegħi l-Artikolu 21(2) tal-Liġi Nru 554/2004 u l-Artikolu 509(1)(11) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili ma jaqsmux l-istess għan, kawża ta’ azzjoni u karatteristiċi essenzjali. Għalhekk ma jistgħux jitqiesu bħala azzjonijiet simili u, konsegwentement, is-sistemi proċedurali differenti taż-żewġ azzjonijiet, b’mod partikolari fir-rigward ta’ skadenzi, ma jammontawx għal ksur tar-rekwiżit ta’ ekwivalenza.

2.      Effettività

a)      Ebda dmir li jinfetħu deċiżjonijiet ġudizzjarji finali

80.      Ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma kien jeħtiġilha tħassar, f’isem l-effettività, l-effett ta’ res judicata ta’ deċiżjonijiet finali. Għalhekk ma hemmx obbligu ġenerali li jinfetħu mill-ġdid sentenzi finali biex jinkiseb infurzar effettiv tad-dritt tal-Unjoni jew, b’mod iktar speċifiku, tad-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja (37).

81.      Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, madankollu, stabbilixxiet żewġ kuntesti eċċezzjonali li fihom dan il-prinċipju ġenerali għandu tifsira partikolari.

82.      L-ewwel kuntest ġej mill-Kawża Kühne & Heitz. Għandu rabta mal-obbligu, impost fuq korpi amministrattivi, li jagħmlu reviżjoni ta’ deċiżjonijiet amministrattivi finali biex iqisu interpretazzjoni sussegwentement mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja, meta jkunu tħarsu diversi kundizzjonijiet (38). Madankollu, din l-eċċezzjoni timplika biss obbligu li jinfetħu mill-ġdid deċiżjonijiet amministrattivi finali, mhux deċiżjonijiet ġudizzjarji.

83.      It-tieni kuntest eċċezzjonali kien stabbilit fil-Kawża Lucchini. F’dik il-kawża l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dritt tal-Unjoni ma kienx jippermetti l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li kienet tistabbilixxi l-prinċipju ta’ res judicata. Ir-raġuni kienet li l-applikazzjoni ta’ tali dispożizzjoni ma kinitx tħalli jsir l-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat mogħtija bi ksur tad-dritt tal-Unjoni li tkun instabet li kienet inkompatibbli mas-suq komuni f’deċiżjoni preċedenti tal-Kummissjoni li kienet saret finali (39). Ir-raġuni bażika ta’ dik l-eċċezzjoni kienet li, minħabba li dik id-deċiżjoni nazzjonali kienet tkun ġiet adottata bi ksur tat-tqassim ta’ setgħat bejn l-Istati Membri u l-Unjoni Ewropea, hija kienet tkun b’mod ċar illegali u, għalhekk, qatt ma setgħet tikseb l-effett ta’ res judicata (40).

84.      L-ebda waħda minn dawn l-eċċezzjonijiet ma tidher li hija rilevanti għal din il-kawża. Ir-regola awtomatika fir-rigward tal-bilanċ bejn ir-rekwiżit ta’ effettività bħala limitu għall-awtonomija proċedurali nazzjonali u l-obbligu li jinfetħu mill-ġdid deċiżjonijiet ġudizzjarji finali tibqa’, għalhekk, li d-dritt tal-Unjoni ma jimponix, bħala regola ġenerali, l-obbligu għall-Istati Membri li joħolqu rimedji ġodda (41), speċjalment jekk dan jimplika li ma jitqisux regoli nazzjonali dwar res judicata. Madankollu, jekk id-dritt nazzjonali fil-fatt jipprovdi għal tali possibbiltà, allura dik il-leġiżlazzjoni għandha tkun konformi mhux biss mar-rekwiżit ta’ ekwivalenza, iżda wkoll mar-rekwiżit ta’ effettività (42).

b)      Reviżjoni skont l-Artikolu 21(2) tal-Liġi Nru 554/2004: appell jew smigħ mill-ġdid?

85.      L-evalwazzjoni tal-Artikolu 21(2) tal-Liġi Nru 554/2004 fid-dawl tar-rekwiżit ta’ effettività huwa pjuttost ta’ sfida. Ikun possibbli biss tiġi evalwata l-effettività ta’ rimedju jekk wieħed jifhem x’kien mistenni jikseb dak ir-rimedju. L-istess huwa minnu meta tiġi evalwata l-effettività ta’ rimedju fir-rigward tal-iskadenza tiegħu (xahar) u l-mument meta tibda tiddekorri (minn meta tkun ingħatat is-sentenza suġġetta għal reviżjoni). Għal xiex effettiv? X’kien mistenni jikseb dak ir-rimedju?

86.      Id-domanda ewlenija f’dan ir-rigward hija jekk l-Artikolu 21(2) tal-Liġi Nru 554/2004 kienx mistenni jopera bħala reviżjoni oħra ta’ sentenza, simili għal rimedji straordinarji oħra bħat-tieni appell (jew appell fil-kassazzjoni), jew jekk kienx mistenni jkun smigħ mill-ġdid. Il-mudelli għal kull każ huma differenti.

87.      Min-naħa, it-tieni appell aktarx isir fuq punti ta’ liġi, jiġifieri abbażi ta’ allegat ksur ta’ regoli tad-dritt u bi ftit biss possibbiltajiet limitati ħafna għal reviżjoni ta’ dak li jkun instab dwar fatti u l-evalwazzjoni tagħhom. Normalment jitressaq quddiem qorti ġerarkikament ogħla mill-qorti li tkun tat id-deċiżjoni suġġetta għat-tieni appell, għalkemm xi drabi jista’ wkoll jitressaq quddiem il-qorti li tkun tat id-deċiżjoni tal-aħħar istanza u li tkun intalbet ir-rikuża tal-imħallef tagħha (bħala mod ta’ “awtorimedju” preliminari). Importanti li l-iskadenza għall-preżentata tat-tieni appell normalment tibda tiddekorri mill-mument tal-għoti jew tan-notifika tad-deċiżjoni appellata. Fl-aħħar nett, it-tieni appell mid-definizzjoni tiegħu ma jiġix  ippreżentat kontra deċiżjonijiet finali jew definittivi skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li skontha deċiżjonijiet isiru definittivi “wara li jkunu ntużaw ir-rimedji kollha disponibbli jew wara l-iskadenza tat-termini previsti f’dan ir-rigward” (43).

88.      Min-naħa l-oħra, smigħ mill-ġdid normalment ikun ibbażat fuq fatti jew provi li jkunu ħarġu ġodda li l-partijiet u l-qorti ma kinux jafu bihom meta kienet ingħatat id-deċiżjoni oriġinali, meta dawk il-fatti jew dawk il-provi aktarx ikollhom impatt fuq id-deċiżjoni. Meta tintlaqa’ talba għal smigħ mill-ġdid dan normalment ikun ifisser li s-smigħ mill-ġdid jew il-ftuħ mill-ġdid tad-deċiżjoni oriġinali jkollu jsir mill-qorti li tkun iddeċidiet fl-ewwel istanza, minħabba li aktarx fatti jiġu eżaminati mill-ġdid. Fir-rigward ta’ skadenzi, sa fejn smigħ mill-ġdid ikun ibbażat fuq fatt li jkun ħareġ ġdid, l-iskadenza li għandha tkun applikata għal smigħ mill-ġdid normalment tibda tiddekorri mill-mument li fih il-parti interessata ssir taf b’dak il-fatt ġdid. Xi drabi, barra minn dan, dik l-iskadenza suġġettiva titħallat ma’ waħda iktar oġġettiva, li fiha jkunu jistgħu jitressqu talbiet għal smigħ mill-ġdid biss f’ċertu għadd ta’ snin minn meta tkun ingħatat id-deċiżjoni oriġinali. Fl-aħħar nett, talbiet għal smigħ mill-ġdid ikunu wkoll mid-definizzjoni tagħhom ippreżentati kontra deċiżjonijiet finali jew definittivi skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata fil-paragrafu qabel dan ta’ dawn il-konklużjonijiet.

c)      Għal xiex effettiv eżattament?

89.      Jekk inqabbel il-mekkaniżmu ta’ reviżjoni tal-Artikolu 21(2) tal-Liġi Nru 554/2004 maż-żewġ mudelli ideali ta’ rimedji straordinarji li għadni kif iddeskrivejt fil-qosor, ma huwiex ċar għalija liema wieħed minn dawk il-mudelli dak il-mekkaniżmu kien mistenni jsegwi. Sakemm it-talba għal reviżjoni tinġieb għal deċiżjonijiet finali, reviżjoni għall-bidu tkun tidher li tkun xi ħaġa eqreb proċedura ta’ smigħ mill-ġdid. Madankollu, sa fejn ikun ibbażat fuq il-ksur ta’ regoli legali (wisq probabbli diġà jeżistu), u l-iskadenza, li hija relattivament qasira, tibda tiddekorri mill-mument li fih tkun ingħatat id-deċiżjoni oriġinali, il-mekkaniżmu ta’ reviżjoni jidher li jkun appell straordinarju. Iżda mbagħad, f’dak il-każ, huwa pjuttost sorprendenti li r-reviżjoni skont l-Artikolu 21(2) tal-Liġi Nru 554/2004 għandha tkun ippreżentata quddiem l-istess qorti li tkun tat dik id-deċiżjoni oriġinali, speċjalment meta jitqies li dik il-qorti tkun qed tintalab teżamina mill-ġdid deċiżjoni li hija tkun tat ftit jiem jew ġimgħat biss qabel u abbażi ta’ regoli tal-Unjoni li diġà kienu jeżistu u li x’aktarx ħafna kienu diġà tqiesu minn dik il-qorti meta tat dik id-deċiżjoni.

90.      Skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali l-Istati Membri għandhom marġni sinjifikattiva ta’ diskrezzjoni fit-tfassil tas-sistema tagħhom ta’ rimedji legali. L-għażla bejn mudelli mbagħad loġikament timplika wkoll il-libertà li jitnisslu ibridi u mutanti proċedurali, jekk l-Istati Membri jkunu jixtiequ jagħmlu hekk.

91.      Madankollu, dawk l-ibridi għandhom ikunu effettivi. Għandhom ikunu kapaċi jipprovdu l-protezzjoni li huma intiżi li jiżguraw, filwaqt li ma joħolqux interferenza bla bżonn għal jew jinvadu valuri oħra ta’ importanza ugwali. Kif kien enfasizzat diversi drabi fil-paragrafi preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet (44), valuri ewlenin oħra li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrikonoxxi u tisħaq dwarhom huwa ċ-ċertezza legali u l-importanza ta’ res judicata. Meta bbilanċjat u wiżnet dawk il-valuri fil-livell tal-Unjoni l-Qorti tal-Ġustizzja waslet biex iddikjarat b’mod ċar li l-importanza taċ-ċertezza legali ta’ sentenzi finali u tal-istabbiltà legali hija tant għolja li r-rekwiżit tal-effettività tad-dritt tal-Unjoni ma jistax jipprevali fuqha, anki jekk setgħu jissewwew żbalji fl-applikazzjoni nazzjonali tad-dritt tal-Unjoni. Sentenzi finali ma humiex finali minħabba li neċessarjament ikunu mingħajr żbalji, Huma finali minħabba li f’ċertu stadju kawża għandha tingħalaq.

92.      Fl-aħħar mill-aħħar ikun għall-qorti nazzjonali li tevalwa, fil-kuntest ta’ tali kunsiderazzjonijiet, l-effettività tal-mekkaniżmu ta’ reviżjoni stabbilit bl-Artikolu 21(2) tal-Liġi Nru 554/2004. Madankollu, minn dak li limitatament nifhem dwar id-dritt nazzjonali rilevanti u l-kuntest proċedurali, kif ippreżentati fil-proċedura quddiem din il-Qorti tal-Ġustizzja, jidher li dak il-mekkaniżmu sempliċement jinsab f’dilemma.

93.      Minn naħa, il-mekkaniżmu huwa dubjuż bħala appell. Jitlob rimedju minn din l-istess Qorti tal-Ġustizzja li tkun tat is-sentenza suġġetta għal reviżjoni biss ftit jiem jew ġimgħat qabel, wisq probabbli minħabba u potenzjalment bi ksur tal-istess regoli tal-Unjoni u tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, għar-raġuni li x’aktarx ma jseħħux ħafna żviluppi ġodda fi żmien xahar wara l-għoti ta’ dik is-sentenza (45).

94.      Min-naħa l-oħra, il-mekkaniżmu huwa dubjuż ukoll bħala smigħ mill-ġdid. L-iskadenza għal talba ta’ reviżjoni tkun ikkalkolata mid-data tad-deċiżjoni inizjali u mhux mid-data meta jseħħ l-element ġdid li jkun jippermetti li tintalab ir-reviżjoni, jiġifieri sentenza ġdida tal-Qorti tal-Ġustizzja. Tabilħaqq, ir-rekwiżit tal-effettività għandu jiġi interpretat bħala li jimponi obbligu li jkun hemm skadenza raġonevoli (46), li jkollu rilevanza mhux biss għat-tul ta’ żmien ta’ skadenza, iżda wkoll għal waqt li fih din tibda tiddekorri. Barra minn hekk, il-fatt li l-Artikolu 21(2) tal-Liġi Nru 554/2004, inizjalment kellu regoli dwar skadenzi li ma kinux jinftiehmu (47), u wara (sakemm l-ICCJ tat id-deċiżjoni Nru 45/2016) mid-dehra ma kellu ebda skadenza, iżid mal-konfużjoni (48). Id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva jitlob li limitazzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal qorti, bħal dawk relatati ma’ limiti ta’ żmien, ikunu ċari u prevedibbli (49).

95.      Għalhekk jidher li l-Artikolu 21(2) tal-Liġi Nru 554/2004 jista’ jippreżenta xi ostakoli għall-konformità mar-rekwiżiti tal-effettività li, fil-kuntest ta’ rimedji ġudizzjarji, jinsabu wkoll fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta. Dik id-dispożizzjoni hija espliċita meta titlob li għandu jkun hemm “rimedju effettiv quddiem qorti”. Għalhekk, l-Artikolu 47 jinkludi mhux biss id-dritt ta’ aċċess għal qorti (50) (fis-sens strett ta’ aċċess, jiġifieri, li wieħed jitħalla jiftaħ il-kawża), iżda wkoll ir-rekwiżit li dak l-aċċess jirriżulta f’rimedju effettiv (51) (fis-sens li fil-fatt ikun hemm xi reviżjoni), f’dan l-aħħar sens għandu x’jaqsam mal-prinċipju ġenerali ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, li jinsab ukoll f’Artikolu 47 (52).

96.      Fl-aħħar nett, in-natura dubjuża tar-rimedju msemmi fl-Artikolu 21(2) tal-Liġi Nru 554/2004 jidher ukoll pjuttost b’mod vivaċi mill-fatti ta’ dan il-każ. Anki wara li ssottomettiet tliet talbiet għal reviżjoni bbażati fuq din id-dispożizzjoni, Călin ma rnexxilhiex tikseb ħlas lura tat-taxxa tal-boll ambjentali. Ta’ min jenfasizza li dan ma huwiex minħabba li l-merti tal-każ tagħha ma kinux favorevoli għaliha. L-unika deċiżjoni sostantiva li qatt ingħatat dwar reviżjoni fil-każ tagħha fil-fatt sabet favuriha. Ma tħallietx tibbenefika minn dik id-deċiżjoni minħabba li (ma kienx) ħadem il-limitu ta’ żmien tal-azzjoni għal reviżjoni. Fl-istess waqt din il-kawża turi wkoll li dak ir-rimedju jinvadi b’mod sinjifikattiv il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ stabbiltà tad-dritt u ta’ relazzjonijiet ġuridiċi, li l-importanza tagħhom kienet ġiet ukoll iddikjarata b’mod ċar fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (53).

D.      L-alternattivi

97.      Sikwit jingħad li t-triq għall-infern hija mwittija b’intenzjonijiet tajba. L-intenzjoni probabbli tal-leġiżlatur nazzjonali li jipprovdi għal infurzar effettiv tad-dritt tal-Unjoni fuq il-livell nazzjonali ma tistax ħlief tkun imfaħħra. Madankollu, huwa tabilħaqq diskutibbli jekk il-mezzi magħżula biex dak l-għan jitwettaq humiex l-aħjar. L-effettività tad-dritt tal-Unjoni bilkemm tkun moqdija b’tilwim ġudizzjarju bla tmiem f’ripetizzjoni kontinwa ta’ smigħ mill-ġdid.

98.      Jekk il-qorti tar-rinviju, b’dak kollu li taf dwar liġi u proċedura nazzjonali, tasal għall-konklużjoni li l-proċedura ta’ reviżjoni skont l-Artikolu 21(2) tal-Liġi Nru 554/2004 ma tissodisfax ir-rekwiżit ta’ effettività kif deskritt fil-qosor fit-taqsima preċedenti, allura tqum b’iktar saħħa l-kwistjoni ta’ għażliet alternattivi biex jinkiseb ħlas lura ta’ taxxi u dazji miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni. Fl-interess li nassisti l-qorti nazzjonali, nixtieq inżid l-osservazzjonijiet ta’ għeluq li ġejjin.

99.      Jista’ jkun utli jiġi nnotat mill-bidu nett li l-obbligu li ma jinġabrux taxxi bħat-taxxa inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien ġie stabbilit fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ftit taż-żmien ilu, mhux biss fir-rigward tar-Rumanija (54), iżda wkoll f’dak ta’ Stati Membri oħra (55). Minn dan l-aspett jista’ jiġi ssuġġerit li d-diskussjoni dwar jekk kienx hemm l-obbligu li titħallas lura t-taxxa msemmija wara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża Manea jew fil-Kawża Budișan, u minn liema minn dawn iż-żewġ sentenzi jibda jgħaddi l-obbligu għal eżami mill-ġdid, tidher li tkun kemmxejn artifiċjali.

100. Wara li għidt dan, nixtieq nenfasizza wkoll li l-ordni ġuridiku tal-Unjoni diġà jipprovdi għal rimedji f’każ li l-Istati Membri jonqsu jkunu konformi mal-obbligu li ma jiġbrux taxxi bħal dawn, li fihom innifishom aktarx jipprovdu għal bilanċ iktar sottili bejn il-prinċipju ta’ ċertezza ġuridika u r-rekwiżit ta’ infurzar effettiv tad-dritt tal-Unjoni.

101. L-ewwel nett, hemm obbligu ġenerali, impost fuq awtoritajiet amministrattivi, b’mod partikolari awtoritajiet tat-taxxa, bħala awtoritajiet ta’ Stat Membru, ta’ ħlas lura ta’ taxxi miġbura indebitament. Inqis li tali possibbiltà ma tiddependix neċessarjament minn jekk ikunx hemm deċiżjoni ġudizzjarja nazzjonali ta’ reviżjoni jew annullament ta’ deċiżjoni finali li tkun ittieħdet qabel li tkun imponiet ħlas ta’ taxxa bħal din. Leġiżlazzjoni nazzjonali tista’ naturalment tipprovdi għall-ħlas lura (f’ċerti każijiet, għal ċerti tipi ta’ ħlasijiet li jkunu saru qabel) mingħajr ma titlob li d-deċiżjoni ġudizzjarja li inizjalment tkun stabbilixxiet l-obbligu tal-ħlas tat-taxxa tkun ġiet annullata qabel. Bl-istess mod, il-konformità mal-obbligu ta’ ħlas lura fuq il-livell amministrattiv ma titlobx neċessarjament li l-awtoritajiet amministrattivi jagħmlu reviżjoni tad-deċiżjoni amministrattiva oriġinali, sal-punt li, skont id-dritt nazzjonali, ikun possibbli li sempliċement jagħmlu deċiżjoni amministrattiva ġdida li tkun tirrikonoxxi d-dritt li jinkiseb il-ħlas lura tat-taxxa miġbura indebitament.

102. It-tieni nett, anki kieku l-leġiżlatur nazzjonali kellu jċaħħad lilu nnifsu mis-setgħa oriġinali li jiddeċiedi dwar ħlasijiet minn fondi pubbliċi, li tabilħaqq tkun pjuttost ħaġa sorprendenti, ikun għadu f’kull każ possibbli li ssir reviżjoni tad-deċiżjonijiet amministrattivi oriġinali mogħtija f’każijiet partikolari, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża Kühne & Heitz (56).

103. It-tielet nett, hemm ukoll il-possibbiltà għal persuna fis-sitwazzjoni ta’ Călin li tressaq azzjoni għal responsabbiltà tal-Istat kontra l-Istat Membru li jkun naqas jagħmel ħlas lura tat-taxxa miġbura indebitament.

104. F’dan ir-rigward il-qorti tar-rinviju tgħid, fid-digriet ta’ rinviju tagħha, li t-talba għal reviżjoni kienet fil-mument rilevanti l-uniku rimedju proċedurali li kien hemm għal Călin. Madankollu, il-Gvern Rumen, min-naħa tiegħu, jafferma fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu li Călin kien għad baqgħalha l-possibbiltà li tressaq azzjoni għal responsabbiltà tal-Istat.

105. Il-Qorti tal-Ġustizzja reċentement fakkret li “il-prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata ma jipprekludix ir-rikonoxximent tal-prinċipju ta’ responsabbiltà tal-Istat għal deċiżjoni ta’ qorti tal-aħħar istanza […]. Fil-fatt, minħabba, b’mod partikolari, il-fatt li ksur tad-drittijiet li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni minn tali deċiżjoni normalment ma jistax ikun iktar jiġi rrimedjat, l-individwi ma jistgħux jiċċaħħdu mill-possibbiltà li jinvokaw ir-responsabbiltà tal-Istat sabiex b’dan il-mezz jiksbu protezzjoni legali tad-drittijiet tagħhom” (57).

106. Għalhekk huwa ċar li azzjoni għal responsabbiltà tal-Istat ma titlobx li jkun hemm deċiżjoni nazzjonali li uffiċjalment tannulla d-deċiżjoni ġudizzjarja definittiva preċedenti li ma tħallix isir il-ħlas lura tat-taxxa miġbura indebitament (58). Madankollu, dak li huwa kemmxejn inqas ċar huwa jekk azzjoni għal responsabbiltà tal-Istat tkunx possibbli biss sakemm dik id-deċiżjoni ġudizzjarja finali tkun ittieħdet minn qorti li tiddeċiedi fl-aħħar istanza — jiġifieri, qorti li d-deċiżjonijiet tagħha ma jkunux suġġetti għal appell ordinarju (59).

107. Fil-fehma tiegħi, fil-kuntest ta’ azzjonijiet għal responsabbiltà tal-Istat, ma hemmx dubju li r-rekwiżit li l-qorti li allegatament tkun kisret id-dritt tal-Unjoni għandha tkun il-qorti li tiddeċiedi fl-aħħar istanza jkun kompletament iġġustifikat meta l-allegat ksur tad-dritt tal-Unjoni jkun ksur tal-obbligu impost fuq tali qrati, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, li “jirriferu l-kwistjoni lill-Qorti [tal-Ġustizzja]” għal deċiżjoni preliminari (60).

108. Madankollu jiena konvint li l-kwistjoni jekk jistax jiġi impost l-istess rekwiżit f’każijiet oħra, b’mod partikolari f’dawk fejn l-allegat ksur ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jkun suffiċjentement serju, tibqa’ miftuħa.

109. Qari letterali tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jidher li jimplika li tali rekwiżit ikun fil-fatt impost f’kawżi ta’ responsabbiltà tal-Istat għal żbalji ġudizzjarji. Madankollu jkun utli jitfakkar li dawk id-dikjarazzjonijiet kienu saru fil-kuntest ta’ kawżi li kienu jirrigwardaw l-allegat ksur tal-obbligu li ssir talba għal deċiżjoni preliminari skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE (61). B’hekk, l-allegata illegalità (żball) innifisha kienet tikkonsisti parzjalment (62) f’li ma kinitx saret talba lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari. Madankollu, dan kien ukoll jeskludi awtomatikament ir-responsabbiltà ta’ qrati nazzjonali oħra għal ksur tad-dritt tal-Unjoni minbarra jew indipendentement mill-obbligu li jagħmlu talba għal deċiżjoni preliminari? (63)

110. Fil-fehma tiegħi, jekk l-allegat ksur tad-dritt tal-Unjoni ma jkunx, kompletament jew parzjalment, nuqqas minħabba li ma tkunx saret talba minn qorti li kellha l-obbligu tagħmilha għal deċiżjoni preliminari skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, iżda ksur ta’ dispożizzjoni oħra tad-dritt tal-Unjoni, allura n-natura tal-illegalità ma tkunx neċessarjament titlob l-eżawriment tar-rimedji nazzjonali kollha qabel ma tkun tista’ tinfetaħ kawża għal responsabbiltà tal-Istat (64).

V.      Konklużjoni

111. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tagħti risposta għad-domandi magħmula mill-Curtea de Apel Ploieşti (il-Qorti tal-Appell, Ploieşti, ir-Rumanija) kif ġej:

–        Ir-rekwiżit ta’ ekwivalenza għandu jiġi interpretat bħala li ma jipprekludix, f’ċirkustanzi bħal dawk tat-tilwima fil-kawża prinċipali, leġiżlazzjoni nazzjonali, kif interpretata mill-ġurisprudenza nazzjonali, li skontha l-iskadenza biex tkun ippreżentata talba għal reviżjoni ta’ sentenza finali li tkun tikser id-dritt tal-Unjoni tkun ta’ xahar u tibda tiddekorri mid-data tan-notifika tas-sentenza finali suġġetti għal reviżjoni. Għall-kuntrarju, ir-rekwiżit ta’ effettività u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jistgħu jipprekludu rimedju li, filwaqt li jkun jinterferixxi kunsiderevolment mal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ res judicata, ma jkunx jipprovdi mezz effettiv għall-kisba tal-għanijiet li jipprova jilħaq. Huwa għall-qorti tar-rinviju li tiddefinixxi dawk l-għanijiet u li tistabbilixxi jekk ir-rimedju inkwistjoni fil-kawża prinċipali jkunx jissodisfa dawk l-għanijiet.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 485 tal-15 ta’ Lulju 2010, kif sussegwentement emendat.


3      Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 1154 tas-7 ta’ Diċembru 2004.


4      Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 70 tas-27 ta’ Jannar 2011.


5      Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 916 tat-22 ta’ Diċembru 2011.


6      Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 61 tad-29 ta’ Jannar 2013.


7      Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 386 tat-23 ta’ Mejju 2017.


8      Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 119 tal-4 ta’ Marzu 2013.


9      Ara iktar ’il fuq, punti 12 u 13.


10      Għal eżempju reċenti, ara s-sentenza tal-24 ta’ Ottubru 2018, XC et (C-234/17, EU:C:2018:853, punt 16).


11      Sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Târșia (C-69/14, EU:C:2015:662, punt 13).


12      Iktar ’il fuq, punti 7 sa 13.


13      Ara, pereżempju, is-sentenza tal-QEDB, tat-13 ta’ Frar 2003, Refah Partisi (The Welfare Party) et vs It-Turkija, (CE:ECHR 2003:0213JUD004134098, § 57); tad-9 ta’ Lulju 2009, Mooren vs Il-Ġermanja (CE:ECHR:2009:0709JUD001136403, § 76); jew tal-21 ta’ Ottubru 2013, Del Río Prada vs Spanja, (CE:ECHR:2013:1021JUD004275009, §125).


14      Reċentement, pereżempju, is-sentenza tal-15 ta’ Marzu 2017, Al Chodor (C‑528/15, EU:C:2017:213, punti 42 sa 44).


15      Għalkemm jista’ jkun diskutibbli sa fejn il-qorti tar-rinviju kienet marbuta bid-dikjarazzjoni interpretattiva tal-ICCJ meta ddeċidiet dwar it-tieni talba għal reviżjoni f’Jannar 2017, m’hemmx dubju li l-istess qorti tkun marbuta b’dik id-deċiżjoni meta tiddeċiedi issa dwar it-tielet talba. L-istess għandu jingħad, nassumi, ukoll għall-qrati l-oħra kollha Rumeni bħalissa.


16      Sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015 (C‑69/14, EU:C:2015:662).


17      Il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, tabilħaqq, jidher li huwa prinċipju ġenerali, li r-rekwiżiti ta’ ekwivalenza u effettività tiegħu huma espressjonijiet iktar speċifiċi: ara, dwar dan, is-sentenzi tas-27 ta’ Ġunju 2013, Agrokonsulting-04 (C‑93/12, EU:C:2013:432, punt 36); tad-19 ta’ Ottubru 2017, Raimund (C‑425/16, EU:C:2017:776, punt 41) u tal-24 ta’ Ottubru 2018, XC et (C-234/17, EU:C:2018:853, punt 22).


18      Sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, (C-69/14, EU:C:2015:662).


19      Jiġifieri l-Artikoli 17, 20, 21 u 47 tal-Karta, l-Artikolu 6 TUE, l-Artikolu 110 TFUE u l-prinċipju ta’ ċertezza legali.


20      Sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, (C-69/14, EU:C:2015:662, punt 41).


21      Sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Târșia (C‑69/14, EU:C:2015:662, punti 24 u 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).


22      Sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Târșia (C-69/14, EU:C:2015:662, punti 26 u 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).


23      Sentenza tal-1 ta’ Ġunju 1999, Eco Swiss (C‑126/97, EU:C:1999:269, punt 46).


24      Sentenzi tal-10 ta’ Lulju 2014, Impresa Pizzarotti  (C-213/13, EU:C:2014:2067, punt 54) u tal-24 ta’ Ottubru 2018, XC et (C-234/17, EU:C:2018:853, punt 21).


25      Sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Târșia (C‑69/14, EU:C:2015:662, punti 28 u 29). Ara wkoll is-sentenzi tat-30 ta’ Settembru 2003, Köbler (C-224/01, EU:C:2003:513, punt 38); tas-16 ta’ Marzu 2006, Kapferer (C-234/04, EU:C:2006:178, punti 20 u 21) u tal-10 ta’ Lulju 2014, Impresa Pizzarotti (C-213/13, EU:C:2014:2067, punti 58 u 59).


26      Sentenzi tal-10 ta’ Lulju 2014, Impresa Pizzarotti (C-213/13, EU:C:2014:2067, punt 60) u tas-6 ta’ Ottubru 2015, Târșia (C-69/14, EU:C:2015:662, punt 38).


27      Sentenzi tal-10 ta’ Lulju 2014, Impresa Pizzarotti (C‑213/13, EU:C:2014:2067, punt 62) u tas-6 ta’ Ottubru 2015, Târșia (C‑69/14, EU:C:2015:662, punt 30).


28      Sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Târșia (C‑69/14, EU:C:2015:662, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).


29      Ara, reċentement, is-sentenza tal-24 ta’ Ottubru 2018, XC et (C-234/17, EU:C:2018:853, punt 27).


30      Jidher mill-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Rumen li, skont l-Artikolu 28(1) tal-Liġi Nru 554/2004, id-dispożizzjonijiet ta’ dik il-liġi jsibu l-milja tagħhom, inter alia, fid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili. Barra minn hekk, ninnota li t-test stess tal-Artikolu 21(2) tal-Liġi Nru 554/2004 jipprovdi li r-raġuni għal reviżjoni stabbilita hemmhekk tapplika “flimkien ma’ dawk imsemmija fil-Codul de procedură civilă (il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).”


31      Ara iktar ’il fuq, punt 7.


32      Ara s-sentenza tal-24 ta’ Ottubru 2018, XC et (C‑234/17, EU:C:2018:853, punt 27).


33      Iktar ’il quddiem, punti 85 sa 95.


34      Bid-domanda tibqa’ miftuħa, għall-inqas għalija, jekk attwalment għandux ikun hemm sentenza tal-Qorti msemmija (kif fil-prattika huwa mitlub mill-interpretazzjoni tat-tieni sentenza tal-Artikolu 21(2) tal-Liġi Nru 554/2004 mogħtija mill-ICCJ) jew jekk ikunx biżżejjed li jiġi invokat ksur tas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni kif impost mill-Artikolu 148(2) tal-Kostituzzjoni Rumena (kif mitlub skont l-ewwel sentenza tal-istess dispożizzjoni). Prima facie, jidher li jekk jingħata bidu għal reviżjoni skont l-Artikolu 21(2) din ma tkunx limitata għal sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Abbażi tal-ewwel sentenza tiegħu, jistgħu wkoll jiġu invokati raġunijiet oħra (bħall-ksur ta’ direttiva jew regolament li ma jkunux għadhom ġew interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja iżda li d-deċiżjoni nazzjonali suġġetta għal reviżjoni tkun allegatament inkompatibbli magħhom).


35      Iktar ’il fuq, punt 51 u wkoll iktar ’il quddiem, punti 80 sa 83.


36      Ara, b’analoġija, is-sentenza tal-24 ta’ Ottubru 2018, XC et (C-234/17, EU:C:2018:853, punt 46) li kienet dwar azzjoni domestika li kienet tippermetti s-smigħ mill-ġdid ta’ proċeduri kriminali magħluqa b’deċiżjoni ġudizzjarja b’effett ta’ res judicata abbażi ta’ dak li jkun instab wara li kien ksur tal-KEDB.


37      Sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Târșia (C-69/14, EU:C:2015:662, punt 38).Ara wkoll is-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2014, Impresa Pizzarotti (C-213/13, EU:C:2014:2067, punt 60).


38      Sentenza tat-13 ta’ Jannar 2004, Kühne & Heitz (C-453/00, EU:C:2004:17, punt 28).


39      Sentenza tat-18 ta’ Lulju 2007, Lucchini (C‑119/05, EU:C:2007:434, punt 63).


40      Sentenzi tat-3 ta’ Settembru 2009, Fallimento Olimpiclub (C-2/08, EU:C:2009:506, punt 25), u tal-10 ta’ Lulju 2014, Impresa Pizzarotti  (C-213/13, EU:C:2014:2067, punt 61).


41      Sentenza tal-24 ta’ Ottubru 2018, XC et (C‑234/17, EU:C:2018:853, punt 51).


42      Sentenzi tal-10 ta’ Lulju 2014, Impresa Pizzarotti (C-213/13, EU:C:2014:2067, punt 62) u tas-6 ta’ Ottubru 2015, Târșia (C-69/14, EU:C:2015:662, punt 30).


43      Sentenzi tat-30 ta’ Settembru 2003, Köbler (C-224/01, EU:C:2003:513, punt 38); tas-16 ta’ Marzu 2006, Kapferer (C-234/04, EU:C:2006:178, punt 20); tal-10 ta’ Lulju 2014, Impresa Pizzarotti (C-213/13, EU:C:2014:2067, punt 58) jew tas-6 ta’ Ottubru 2015, Târșia (C-69/14, EU:C:2015:662, punt 28). Enfasi miżjuda minni.


44      Iktar ’il fuq, punti 49, 50 u 80.


45      Għandu jiġi enfasizzat li b’mod ġenerali, l-ewwel sensiela ta’ “awtorimedju” ċertament hija possibbli jekk, f’każ ta’ deċiżjoni negattiva, dik il-kawża titla’ quddiem qorti differenti, jew għall-inqas tgħaddi lateralment għal għand imħallef differenti. Madankollu, jekk l-elementi kollha tas-smigħ preċedenti jibqgħu fil-prattika l-istess, wieħed ma jistax ħlief itenni l-battuta diġà użata f’kuntest differenti: “Il-ġenn qed jagħmel l-istess waħda wara oħra u jistenna riżultati differenti” (ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża El Hassani (C-403/16, EU:C:2017:659, punt 66 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 17)).


46      Ara, pereżempju, is-sentenza tat-12 ta’ Frar 2008, Kempter (C‑2/06, EU:C:2008:78, punti 58 u 59) jew tad-19 ta’ Settembru 2006, i-21 Il-Germany u Arcor (C‑392/04 u C‑422/04, EU:C:2006:586, punti 58 u 59).


47      Ara iktar ’il fuq, punt 8.


48      Iktar ’il fuq, punti 35 u 37.


49      Ara wkoll, dwar dan, id-digriet tas-16 ta’ Novembru 2010, Internationale Fruchtimport Gesellschaft Weichert vs Il-Kummissjoni  (C-73/10 P, EU:C:2010:684, punt 56).


50      Ara s-sentenza tas-6 ta’ Novembru 2012, Otis et (C‑199/11, EU:C:2012:684, punt 48).


51      Sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Orizzonte Salute (C‑61/14, EU:C:2015:655, punt 48.)


52      Sentenza tas-16 ta’ Mejju 2017, Berlioz Investment Fund (C-682/15, EU:C:2017:373, punt 54).


53      Sentenza tat-30 ta’ Settembru 2003, Köbler (C-224/01, EU:C:2003:513, punt 38); tas-16 ta’ Marzu 2006, Kapferer (C-234/04, EU:C:2006:178, punt 20); tal-10 ta’ Lulju 2014, Impresa Pizzarotti  (C-213/13, EU:C:2014:2067, punt 58); jew tas-6 ta’ Ottubru 2015, Târșia (C-69/14, EU:C:2015:662, punt 28).


54      Billi nbeda bis-sentenza tas-7 ta’ April 2011, Tatu (C‑402/09, EU:C:2011:219).


55      Ara, pereżempju, is-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2006, Nádasdi u Németh (C‑290/05 u C‑333/05, EU:C:2006:652) (dwar l-Ungerija) jew tat-18 ta’ Jannar 2007, Brzeziński (C‑313/05, EU:C:2007:33) (dwar il-Polonja).


56      Sentenza tat-13 ta’ Jannar 2004(C-453/00, EU:C:2004:17, punt 28).


57      Sentenza tal-24 ta’ Ottubru 2018, XC et (C-234/17, EU:C:2018:853, punt 58).


58      Lanqas ma jkun hemm ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari minn qabel tal-Qorti tal-Ġustizzja li ssib li kien hemm ksur tad-dritt tal-Unjoni f’dak il-każ speċifiku: ara s-sentenza tas-26 ta’ Jannar 2010, Transportes Urbanos y Servicios Generales (C-118/08, EU:C:2010:39, punt 38).


59      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-Kawża Tomášová (C-168/15, EU:C:2016:260, punti 37 sa 48), kif ukoll is-sentenza tat-28 ta’ Lulju 2016, Tomášová (C-168/15, EU:C:2016:602, punti 20 u 21).


60      Sentenza tat-30 ta’ Settembru 2003, Köbler (C-224/01, EU:C:2003:513, punti 35 u 36).


61      Ara s-sentenzi tat-30 ta’ Settembru 2003, Köbler (C‑224/01, EU:C:2003:513); tat-13 ta’ Ġunju 2006, Traghetti del Mediterraneo (C‑173/03, EU:C:2006:391) u tas-6 ta’ Ottubru 2015, Târșia (C‑69/14, EU:C:2015:662, punt 40).


62      Minħabba li dik l-illegalità normalment tkun flimkien ma’ ksur ieħor tar-regoli applikabbli tal-Unjoni, li essenzjalment tissuġġerixxi li l-qorti nazzjonali, billi tkun waslet għal ċerta interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni filwaqt li ma tkunx għamlet talba lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari minkejja li tkun qorti tal-aħħar istanza, tkun wettqet ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni.


63      Jista’ sempliċement jiġi nnotat li għadd ta’ sistemi nazzjonali ta’ responsabbiltà tal-Istat għal ksur ġudizzjarju jitolbu li l-illegalità tkun ta’ ċerta serjetà, iżda mhux, fl-istess waqt, u b’mod awtomatiku, l-eżawriment tar-rimedji ġudizzjarji kollha. Jista’ sempliċement ikun hemm okkażjonijiet meta, għal xi raġuni jew oħra, ma kienx ikun hemm tali eżawriment ta’ rimedji, iżda l-ksur tal-liġi jkun għadu suffiċjentement serju li jagħti lok għar-responsabbiltà tal-Istat. Pereżempju, wieħed jista’ jimmaġina, deċiżjoni ta’ qorti tal-ewwel istanza li tkun inkisbet bi frodi jew b’korruzzjoni u li kontriha l-parti li tkun ġarrbet il-ħsara ma tkunx ippreżentat appell minħabba li f’dak iż-żmien hija ma kinitx taf b’dik iċ-ċirkustanza. Madankollu, jekk dik il-parti sussegwentement issir taf bil-korruzzjoni, forsi anki wara li t-terminu oġġettiv għal smigħ mill-ġdid ikun skada, ir-responsabbiltà tal-Istat tkun prekluża jekk deċiżjoni bħal dik tkun kisret ukoll id-dritt tal-Unjoni? Bl-istess mod, xi ngħidu dwar deċiżjoni amministrattiva finali li ma tkunx ġiet ikkontestata quddiem qorti, iżda li kienet ibbażata fuq leġiżlazzjoni nazzjonali li wara tkun instabet li kienet inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni? Parti li tallega li tkun ġarrbet ħsara bħala riżultat ta’ dik id-deċiżjoni amministrattiva tkun prekluża milli tiftaħ kawża għal responsabbiltà tal-Istat minħabba li hija ma tkunx appellat kontra dik id-deċiżjoni quddiem il-qrati, jekk id-deċiżjoni amministrattiva nnifisha kienet finali?


64      Bil-kundizzjonijiet kollha għal responsabbiltà tal-Istat naturalment jibqgħu l-istess: ara, pereżempju, is-sentenza tal-5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du pêcheur u Factortame (C-46/93 u C-48/93, EU:C:1996:79, punt 51) jew tat-30 ta’ Settembru 2003, Köbler (C-224/01, EU:C:2003:513, punt 51).