Language of document : ECLI:EU:F:2012:80

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA (It-Tielet Awla)

13 ta’ Ġunju 2012 (*)

“Servizz pubbliku – Ex uffiċjal – Sigurtà soċjali – Inċident – Għeluq tal-proċedura skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal – Applikazzjoni ratione temporis tal-iskala annessa mal-verżjoni l-ġdida tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni għar-riskji ta’ inċidenti u għar-riskji ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol – Tul tal-proċedura”

Fil-Kawża F‑31/10,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu,

Christian Guittet, ex uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea, residenti f’Cannes (Franza), irrappreżentat minn L. Levi, avukat,

rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J. Currall u D. Martin, bħala aġenti, assistiti minn J.-L. Fagnart, avukat,

konvenuta,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tielet Awla),

kompost minn S. Van Raepenbusch (Relatur), President, R. Barents u K. Bradley, Imħallfin,

Reġistratur: J. Tomac, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Marzu 2012,

jagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz ta’ rikors li wasal fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fl-14 ta’ Mejju 2010, C. Guittet, ex uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea, qiegħed jitlob, b’mod partikolari, l-annullament tad-deċiżjoni tas-27 ta’ Lulju 2009 li permezz tagħha l-Awtorità tal-Ħatra għalqet il-proċedura miftuħa skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”) u ddeterminat il-perċentwali tal-indeboliment fiżiku u mentali (iktar ’il quddiem l-“indeboliment”) tiegħu bħala 64.5 %.

 Il-kuntest ġuridiku

 Ir-Regolamenti tal-Persunal

2        Skont l-Artikolu 73(1) u (2) tar-Regolamenti tal-Persunal:

“1.       Uffiċjal huwa assigurat, mid-data ta’ meta jibda s-servizz, kontra r-riskju tal-mard minn fuq il-post tax-xogħol [ikkaġunat mix-xogħol] u ta’ aċċident suġġett għar-regoli mħejjija mill-ftehim komuni ta’ l-istituzzjonijiet [tal-Unjoni] wara li jkun ikkonsultat il-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal. […]

2.      Il-benefiċċji pagabbli jkunu kif ġej:

[…]

(b)      Fil-każ ta’ invalidità totali permanenti:

Pagament lill-uffiċjali ta’ somma f’daqqa daqs tmien darbiet is-salarju bażiku fis-sena tiegħu maħdum b’riferenza għall-ammonti fix-xahar tas-salarju riċevut matul it-tnax il-xahar qabel l-aċċident.

(ċ)       Fil-każ ta’ invalidità parzjali permanenti:

Pagament lill-uffiċjal ta’ proporzjon tas-somma pprovduta fis-subparagrafu (b), maħdum b’riferenza għall-iskala mniżżla fir-regoli imsemmija fil-paragrafu 1.

[…]

Il-benefiċċji mniżżla hawn fuq jistgħu jitħallsu bl-addizzjoni tal-benefiċċji pprovduti fil-Kapitolu 3.”

 Ir-Regoli dwar l-assigurazzjoni adottati skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal

 Kamp ta’ applikazzjoni u dispożizzjonijiet tranżitorji

3        Fl-1 ta’ Jannar 2006 daħlu fis-seħħ ir-Regoli komuni għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea dwar l-assigurazzjoni għar-riskji ta’ inċidenti u għar-riskji ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol (iktar ’il quddiem ir-“Regoli dwar l-assigurazzjoni” jew ir-“Regoli dwar l-assigurazzjoni l-ġodda”) previsti fl-Artikolu 73(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, li ssostitwixxew ir-Regoli komuni dwar l-assigurazzjoni preċedenti li kienu emendati l-aħħar fit-18 ta’ Lulju 1997 (iktar ’il quddiem ir-“Regoli dwar l-assigurazzjoni l-qodma”).

4        L-Artikolu 1 tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni huwa fformulat kif ġej:

“Dawn ir-regoli jistabbilixxu, skond l-Artikolu 73 tar-Regolamenti [tal-Persunal], il-kundizzjonijiet li taħthom il-persuni huma assigurati madwar id-dinja kontra r-riskju ta’ inċidenti u inċidenti fuq ix-xogħol [u ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol].

Dawn li ġejjin huma assigurati taħt dawn ir-regoli:

–        Uffiċjali permanenti;

–        Staff temporanju [membri tal-persunal temporanju];

–        Aġenti bil-kuntratt [membri tal-persunal bil-kuntratt].”

5        L-Artikolu 30 tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni jipprevedi d-dispożizzjonijiet tranżitorji li ġejjin:

“Ir-Regoli [dwar l-assigurazzjoni l-qodma] qed jiġu hawn imħassra.

Madankollu, dawn għandhom jibqgħu japplikaw għall-abbozzi tad-deċiżjonijiet kollha adottati skond l-Artikolu 20(1) qabel l-1 ta’ Jannar 2006 [...]”

6        L-Artikolu 31 tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni jipprovdi:

“[Ir-Regoli dwar l-assigurazzjoni l-ġodda] għandhom jidħlu fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar wara dawk li fih il-ftehim bejn l-istituzzjonijiet imsemmi fl-Artikolu 73(1) tar-Regolamenti tal-Persunal ta’ Uffiċjali huwa rreġistrat mill-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-[Unjoni Ewropea].

Dawn għandhom japplikaw mill-istess data.”

 Kunċett ta’ invalidità permanenti

7        L-Artikolu 11 tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni, intitolat “Invalidità permanenti”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      Invalidità permanenti totali jew parzjali għandha tkun ikkalkulata skond [l-indeboliment] kif imniżżel fl-iskala Ewropea ta’ klassifika ta’ diżabiltajiet, fl-Anness A ta’ dawn ir-regoli.

Għandhom japplikaw ir-regoli prattiċi għall-użu ta’ l-iskala li tidher fl-Anness B.

[...]

2.       Fejn parti assigurata ssofri invalidità permanenti totali bħala riżultat ta’ xi inċident jew mard li għandu x'jaqsam mall-post tax-xogħol [mard ikkaġunat mix-xogħol], [l-indeboliment] għandu jkun ta’ 100% u hija għandha titħallas il-ħlas f’somma waħda previst fl-Artikolu 73(2)(b) tar-Regolamenti tal-Persunal.

3.       Fejn parti assigurata ssofri invalidità parzjali permanenti bħala riżultat ta’ xi inċident jew mard li għandu x'jaqsam mall-post tax-xogħol, hija għandha titħallas il-ħlas f’somma waħda li [huwa] previst fl-Artikolu 73(2)(ċ) tar-Regolamenti tal-Persunal u li tkun deċiża skond ir-rati mniżżla fl-iskala [...].

4.      Leżjonijiet fid-dirgħajn jew fir-riġlejn jew organi li jkollhom diżabilità minn qabel għandhom ikunu kkompensati skond id-differenza bejn il-kundizzjoni ta’ qabel u dik ta’ wara l-inċident biss.

5.       [...]

6.       L-allokazzjoni [allowance] totali għall-invalidità ta’ diversi punti li tirriżulta mill-istess inċident għandha tinkiseb permezz taż-żjieda ta’ dawn flimkien, iżda dan it-total ma għandux jaqbeż la s-somma totali li ssir fi ħlas wieħed ta’ l-assigurazzjoni għall-invalidità permanenti jew totali u lanqas is-somma parzjali assigurata għat-telf totali jew it-telf komplut ta’ l-użu tar-riġel jew dirgħajn jew l-organu li sofra l-leżjoni.”

8        Ir-Regoli dwar l-assigurazzjoni l-qodma kienu jipprovdu, fl-Artikolu 12 tagħhom:

“1.      Fil-każ ta’ invalidità permanenti totali tal-uffiċjal li tirriżulta minn inċident jew minn marda kkaġunata mix-xogħol, dan l-uffiċjal għandu jingħata s-somma f’daqqa prevista fl-Artikolu 73(2)(b) tar-Regolamenti tal-Persunal.

2.      Fil-każ ta’ invalidità permanenti parzjali tal-uffiċjal li tirriżulta minn inċident jew minn marda kkaġunata mix-xogħol, dan l-uffiċjal għandu jingħata s-somma f’daqqa kkalkolata skont ir-rati previsti fl-iskala ta’ invalidità li tinsab fl-anness.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Allowance komplementari

9        L-Artikolu 13 tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni jipprovdi li, fuq opinjoni tat-tobba nnominati mill-istituzzjonijiet jew tal-Kumitat Mediku msemmi fl-Artikolu 22, allowance komplementari għall-allowance mħallsa fil-każ ta’ invalidità permanenti parzjali għandha tingħata lill-assigurat għall-isfreġju fiżiku, għall-indeboliment sesswali (li ma jinkludix l-indeboliment riproduttiv), għall-uġigħ eċċezzjonali li ma jkunx jista’ jiġi stabbilit b’mod oġġettiv iżda li jagħmel sens mil-lat mediku, u għall-indeboliment fil-kapaċità tal-assigurat li jwettaq attivitajiet ta’ gost speċifiċi għalih. Din l-allowance għandha tiġi ddeterminata skont l-iskala ta’ evalwazzjoni tal-forom speċifiċi ta’ indeboliment li hemm fl-Anness Ċ tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni.

 Dispożizzjonijiet proċedurali

10      L-Artikolu 18 tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni jipprovdi li d-deċiżjonijiet li jirrigwardaw ir-rikonoxximent tan-natura inċidentali ta’ avveniment jew ir-rikonoxximent li l-marda kienet ikkaġunata mix-xogħol, kif ukoll l-iffissar tal-grad ta’ invalidità permanenti, għandhom jittieħdu mill-Awtorità tal-Ħatra skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 20 ta’ dawn l-istess regoli, abbażi tal-konklużjonijiet maħruġa mit-tabib jew tobba nnominati mill-istituzzjonijiet u, fuq talba tal-assigurat, wara li jiġi kkonsultat il-Kumitat Mediku previst fl-Artikolu 22 tar-regoli msemmija.

11      Skont l-Artikolu 19(3) tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni, intitolat “Il-konsolidazzjoni tal-leżjonijiet”:

“Id-deċiżjoni li tiddefinixxi l-grad ta’ l-invalidità għandha tittieħed wara li l-leżjonijiet tal-parti assigurata jkunu kkonsolidati. Il-konsegwenzi ta’ l-inċident jew tal-mard li għandu x'jaqsam mall-post tax-xogħol [mard ikkaġunat mix-xogħol] għandhom jitqiesu kkonsolidati meta jkunu saru stabbli jew jonqsu biss bil-mod jew b’mod limitat ħafna. Għal dan il-għan, il-parti assigurata kkonċernata għandha tibgħat rapport mediku li jgħid illi [...] l-kundizzjoni tagħha saret stabbli u tispjega wkoll n-natura tal-leżjonijiet. Madankollu, it-tabib jew tobba maħtura mill-istituzzjoni jew il-Kumitat Mediku msemmi fl-Artikolu 22 jista’ jiddeċiedi illi saret konsolidazzjoni, wkoll fin-nuqqas ta’ dan ir-rapport mediku.

[...]”

12      L-Artikolu 20 tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni jipprovdi kif ġej:

“1.      Qabel ma tittieħed deċiżjoni skond l-Artikolu 18, [l-Awtorità tal-Ħatra] għandha tavża l-parti assigurata jew lil dawk intitolati taħtha dwar l-abbozz tad-deċiżjoni u l-konklużjonijiet tat-tabib jew tobba maħtura mill-istituzzjoni. Il-parti assigurata jew dawk intitolati taħtha jistgħu jitolbu biex ir-rapport mediku sħiħ jintbagħat lilhom jew lit-tabib magħżul minnhom.

2.      Fi żmien 60 jum il-parti assigurata jew dawk intitolati jistgħu jitolbu lill-Kumitat Mediku msemmi fl-Artikolu 22 biex jagħti l-opinjoni tiegħu. It-talba sabiex il-każ jintbagħat lill-Kumitat Mediku għandu jkun fiha l-isem tat-tabib li jirrappreżenta l-parti assigurata jew dawk intitolati taħtha flimkien ma’ rapport minn dak it-tabib li jistabbilixxi l-punti mediċi kkontestati fir-rigward tat-tabib jew tobba maħtura mill-istituzzjoni għall-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli.

3.      Meta, wara li jiskadi dan il-perjodu, ma tkun saret l-ebda talba għall-konsultazzjoni tal-Kumitat Mediku, [l-Awtorità tal-Ħatra] għandha tieħu deċiżjoni skond l-abbozz li jkun ingħata qabel.”

13      Ir-Regoli dwar l-assigurazzjoni l-qodma kienu jipprovdu, fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 20 tagħhom:

“Id-deċiżjoni li tistabbilixxi l-grad ta’ invalidità għandha tittieħed wara l-konsolidazzjoni tal-leżjonijiet tal-uffiċjal. Għal dan il-għan, l-uffiċjal huwa meħtieġ jibgħat rapport mediku li jikkonstata l-fejqan jew il-konsolidazzjoni tal-istat tiegħu filwaqt li jindika n-natura tal-leżjonijiet.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

14      Skont l-Artikolu 22 tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni, intitolat “Il-Kumitat Mediku”:

“1.      Il-Kumitat Mediku għandu jikkonsisti fi tliet tobba:

–        Wieħed maħtur mill-parti assigurata jew dawk intitolati taħtha,

–        Wieħed maħtur mill-[Awtorità tal-Ħatra],

–        Wieħed maħtur bi ftehim bejn l-ewwel żewġ tobba.

Meta ma jistax jintlaħaq ftehim dwar il-ħatra tat-tielet tabib fi żmien xahrejn wara l-ħatra tat-tieni tabib, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja [tal-Unjoni Ewropea] għandu jaħtar lit-tielet tabib fuq talba ta’ xi wieħed mill-partijiet.

Irrispettivament mill-mod tal-ħatra, it-tielet tabib għandu jkollu l-kapaċità ta’ kompetenza fil-qasam ta’ l-istima u t-trattament ta’ dannu għall-ġisem.

2.      L-istituzzjoni għandha tiddefinixxi t-termini ta’ referenza mogħtija lill-Kumitat Mediku. Dawn għandhom ikopru kwistjonijiet mediċi mqajjma mir-rapport mit-tabib li jirrappreżenta l-parti assigurata jew dawk intitolati taħtha u rapporti oħra mediċi rilevanti ppreżentati skond l-Artikolu 20(2).

L-onorarji u l-ispejjeż tat-tobba li [jkunu] fil-Kumitat Mediku huma stabbiliti bi qbil ma’ skala ffissata mill-kapijiet ta’ amministrazzjoni ta’ l-istituzzjonijiet [...], skond il-komplessità tad-dossier li ngħata lill-Kumitat Mediku.

Qabel ma tikkonferma t-termini tar-referenza mogħtija lill-Kumitat Mediku, l-istituzzjoni għandha tinforma lill-parti assigurata jew lil dawk intitolati taħtha dwar l-onorarji u l-ispejjez li għandhom jiġġarbu minnhom skond il-paragrafu 4. Il-parti assigurata jew dawk intitolati taħtha ma jistgħux taħt l-ebda ċirkustanza joġġezzjonaw għat-tielet tabib minħabba l-ammont ta’ l-onorarji u l-ispejjez mitluba minnu. Madankollu, il-parti assigurata għandha tkun libera l-ħin kollu li twaqqaf il-proċedura għal referiment għand il-Kumitat Mediku. F’dak il-każ, l-onorarji u l-ispejjez inċidentali tat-tabib magħżul mill-parti assigurata jew dawk intitolati taħtha, u nofs l-onorarji u nofs l-ispejjez inċidentali tat-tielet tabib, għandhom jiġġarrbu mill-parti assigurata jew dawk intitolati taħtha fir-rigward tal-parti tax-xogħol li tlesta.

Il-parti assigurata jew dawk intitolati taħtha għandhom jibqgħu responsabbli quddiem it-tabib tagħha għas-somom miftiehma miegħu/magħha, irrispettivament minn dak li l-istituzzjoni taċċetta li tħallas.

3.      Il-Kumitat Mediku għandu jeżamina b’mod kollettiv id-dokumenti disponibbli kollha li x’aktarx ser ikunu ta’ użu għalih fl-istima tiegħu u d-deċiżjonijiet kollha għandhom jittieħdu b’vot ta’ maġġoranza. Il-Kumitat Mediku għandu jkun responsabbli sabiex jiddeċiedi dwar u jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu. It-tielet tabib għandu jkun responsabbli biex jipprovdi s-segratarjat u jagħmel abbozz tar-rapport. Il-Kumitat Mediku jsita’ jitlob eżamijiet oħra u jikkonsulta esperti sabiex ilesti l-każ u jikseb opinjonijiet li huma neċessarji sabiex iwettaq xogħlu.

Il-Kumitat Mediku jista’ jagħti opinjonijiet mediċi biss fuq il-fatti li jingħataw lilu għall-eżaminazzjoni jew li jinġiebu għall-attenzjoni tiegħu.

Jekk il-Kumitat Mediku, li għandu l-funzjoni limitata biss għall-aspetti mediċi tal-każ, iqis illi jista’ jkun hemm kwistjoni legali, għandu jiddikjara illi huwa ma għandux il-kompetenza biex jittratta l-każ.

Meta jlesti l-proċeduri tiegħu, il-Kumitat Mediku għandu jagħti l-opinjoni tiegħu f’rapport lill-[Awtorità tal-Ħatra].

Fuq il-bażi ta’ dak ir-rapport, [l-Awtorità tal-Ħatra] għandha tinnotifika l-parti assigurata jew dawk intitolati taħtha dwar id-deċiżjoni flimkien mal-konklużjoni tal-Kumitat Mediku. Il-parti assigurata u dawk intitolati taħtha jistgħu jitolbu li r-rapport sħiħ tal-Kumitat jintbagħat lit-tabib li jagħżlu huma jew tintbagħat lilhom.

4.      L-ispejjez li jiġġarrbu b’konnessjoni mal-proċeduri tal-Kumtiat Mediku għandhom jiġġarrbu mill-istituzzjoni li tagħha hija membru l-parti assigurata.

Madankollu, fejn l-opinjoni tal-Kumitat Mediku hija skond l-abbozz tad-deċiżjoni ta’ [l-Awtorità tal-Ħatra], il-partijiet assigurati jew dawk intitolati taħthom għandhom iħallsu l-onorarji u l-ispejjez inċidentali tat-tabib magħżul minnhom u nofs l-onorarji u l-ispejjez inċidentali tat-tielet tabib, filwaqt illi l-bqija għandhom jiġġarrbu mill-istituzzjoni.

[...]”

15      Ir-Regoli dwar l-assigurazzjoni l-qodma kienu jipprovdu, fl-Artikolu 23 tagħhom, dwar il-Kumitat Mediku:

“1.      Il-Kumitat Mediku għandu jikkonsisti fi tliet tobba nnominati:

–        l-ewwel wieħed, mill-[Awtorità tal-Ħatra],

–        it-tieni wieħed, mill-uffiċjal jew mill-aventi kawża tiegħu,

–        it-tielet wieħed, bi ftehim bejn iż-żewġ tobba nnominati b’dan il-mod.

Meta ma jkunx jista’ jintlaħaq ftehim dwar in-nomina tat-tielet tabib f’terminu ta’ xahrejn min-nomina tat-tieni tabib, it-tielet tabib għandu jintgħażel ex officio mill-President tal-Qorti tal-Ġustizzja [...] fuq talba ta’ waħda mill-partijiet.

Fi tmiem ix-xogħol tiegħu, il-Kumitat Mediku għandu jgħaddi l-konklużjonijiet tiegħu f’rapport lill-[Awtorità tal-Ħatra] u lill-uffiċjal jew lill-aventi kawża tiegħu.

2.      L-ispejjeż marbuta max-xogħol tal-Kumitat Mediku għandhom jitħallsu mill-istituzzjoni li jagħmel parti minnha l-uffiċjal.

Fil-każ li t-tabib innominat mill-uffiċjal ikun jirrisjedi f’post differenti mill-post fejn ikun assenjat dan tal-aħħar, l-uffiċjal għandu jbati l-ispejjeż supplimentari dovuti minħabba din in-nomina, ħlief għall-ispejjeż tat-trasport fl-ewwel klassi bil-ferrovija jew fil-klassi ekonomika bl-ajruplan, li jiġu rrimborsati mill-istituzzjoni. Din id-dispożizzjoni ma tapplikax meta jkun involut inċident li seħħ fl-eżerċizzju jew fl-okkażjoni tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet, fuq it-triq lejn ix-xogħol, jew meta tkun involuta marda kkaġunata mix-xogħol.

Meta l-opinjoni tal-Kumitat Mediku tkun konformi mal-abbozz ta’ deċiżjoni tal-[Awtorità tal-Ħatra] innotifikat lill-uffiċjal jew lill-aventi kawża tiegħu skont l-Artikolu 21, dawn tal-aħħar għandhom ibatu l-onorarji u l-ispejjeż aċċessorji tat-tabib magħżul minnhom u nofs l-onorarji u l-ispejjeż aċċessorji tat-tielet tabib, bid-differenza titħallas mill-istituzzjoni, ħlief fil-każ ta’ inċident li seħħ fl-eżerċizzju jew fl-okkażjoni tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet jew fuq it-triq lejn ix-xogħol.

Madankollu, f’każijiet eċċezzjonali u permezz ta’ deċiżjoni tal-[Awtorità tal-Ħatra] meħuda wara opinjoni tat-tabib innominat minnha, l-ispejjeż kollha msemmija fis-subparagrafi preċedenti jistgħu jitħallsu mill-istituzzjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

16      Ir-rikorrent kien il-vittma ta’ inċident gravi fit-8 ta’ Diċembru 2003. B’konsegwenza ta’ dan l-inċident, ir-rikorrent ġie rtirat minħabba invalidità, fuq il-bażi tal-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal, b’effett mill-1 ta’ Lulju 2005.

17      Barra minn hekk, sussegwentement għad-dikjarazzjoni ta’ inċident imressqa mill-konjuġi tar-rikorrent, il-Kummissjoni fetħet proċedura fuq il-bażi tal-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal.

18      Fl-10 ta’ April 2005, it-tabib innominat mill-istituzzjoni stabbilixxa rapport intermedjarju intiż sabiex tiġi stabbilita allowance provviżorja. F’dan ir-rapport, dan it-tabib ikkunsidra li r-rata ta’ invalidità permanenti fil-mument tal-konsolidazzjoni kienet ta’ mill-inqas 20 %.

19      Fit-30 ta’ Mejju 2005, ir-rikorrent ressaq il-każ tiegħu quddiem l-Uffiċċju “Ġestjoni u likwidazzjoni tad-drittijiet individwali” (PMO) fejn talbu jeżamina mill-ġdid il-fajl sabiex jistabbilixxi l-ammont mhux kontenzjuż tar-rata ta’ invalidità permanenti “f’livell li jikkorrispondi aħjar mar-realtà”.

20      Il-PMO laqa’ din it-talba tar-rikorrent u talab lit-tabib innominat mill-istituzzjoni jistabbilixxi bi preċiżjoni l-ammont mhux kontenzjuż tar-rata ta’ invalidità permanenti billi jieħu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, l-argumenti mressqa mir-rikorrent favur rata ogħla.

21      F’rapport intermedjarju ieħor, iddatat l-1 ta’ Lulju 2005, it-tabib innominat mill-istituzzjoni kkunsidra li l-ammont mhux kontenzjuż tar-rata ta’ invalidità permanenti seta’ jiġi stabbilit bħala 40 %.

22      Fuq il-bażi ta’ dan ir-rapport, il-PMO, permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Awwissu 2005, bagħat lir-rikorrent allowance provviżorja li kienet tammonta għal EUR 381 812.22. Ir-rikorrent irċieva din l-allowance f’Novembru 2005.

23      Fil-frattemp, fir-rigward tal-konsolidazzjoni tal-leżjonijiet tiegħu, ir-rikorrent kien bagħat lill-PMO rapport, stabbilit fit-28 ta’ Ġunju 2005 minn tabib magħżul minnu, li kien jindika li l-leżjonijiet tiegħu kienu kkonsolidati. Il-Kummissjoni tindika, mingħajr ma ġiet ikkontestata dwar dan il-punt, li dan ir-rapport intbagħat lill-PMO fit-30 ta’ Ġunju 2005.

24      F’rapport tal-21 ta’ Settembru 2006 stabbilit skont l-Artikolu 20(1) tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni, it-tabib innominat mill-istituzzjoni kkonstata li l-leżjonijiet tar-rikorrent kienu ilhom ikkonsolidati mit-28 ta’ Ġunju 2005; huwa indika, filwaqt li applika r-Regoli dwar l-assigurazzjoni l-ġodda, li r-rikorrent kellu indeboliment ta’ 62 %, maqsum kif ġej: 37 % fir-rigward ta’ leżjonijiet fiż-żona tal-widnejn, tal-imnieħer u tal-griżmejn (12 % fir-rigward ta’ telf ta’ smigħ, 3 % fir-rigward taż-żanżin fil-widnejn, 20 % fir-rigward ta’ problemi ta’ bilanċ u 2 % fir-rigward tax-xamm), 15 % fir-rigward tal-leżjonijiet rewmatoloġiċi u 10 % fir-rigward tal-leżjonijiet psikoaffettivi. Barra minn hekk, huwa kkonstata li r-rikorrent soffra ħsara estetika permanenti ta’ 3/7, li kienet tiġġustifika allowance komplementari ta’ 1.5 %.

25      Permezz ta’ abbożż ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Novembru 2006, l-Awtorità tal-Ħatra, fuq il-bażi tar-rapport tat-tabib innominat mill-istituzzjoni, tal-21 ta’ Settembru 2006, tat lir-rikorrent somma f’daqqa ta’ EUR 606 126.90, li tikkorrispondi għal indeboliment ta’ 63.5 %, somma li minnha kellu jitnaqqas l-ammont tal-allowance provviżorja li kien diġà ngħata, jiġifieri EUR 381 812.22. Għalhekk, fi tmiem is-sena 2006, ir-rikorrent irċieva ħlas ta’ EUR 224 314.68, b’mod addizzjonali għall-allowance provviżorja li kien diġà rċieva.

26      Peress li ma qabilx mal-abbozz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Novembru 2006, ir-rikorrent, permezz ta’ ittra tat-18 ta’ Jannar 2007, talab li l-każ jitressaq quddiem il-Kumitat Mediku.

27      It-tabib innominat mir-rikorrent u t-tabib innominat mill-istituzzjoni ma waslux għal ftehim dwar l-isem tat-tielet tabib li kellu jikkomponi l-Kumitat Mediku u għalhekk ir-rikorrent, permezz ta’ ittra tal-5 ta’ Mejju 2007, talab lill-President tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jinnomina ex officio tali tabib. Fil-25 ta’ Lulju 2007, fid-dawl tan-nomina u tal-aċċettazzjoni tal-kompitu tiegħu min-naħa tat-tielet tabib, il-PMO għadda t-termini ta’ referenza lil dan tal-aħħar f’isem il-Kumitat Mediku.

28      Il-Kumitat Mediku ltaqa’ darbtejn, fit-3 ta’ Jannar u fit-13 ta’ Ottubru 2008, u wara dawn il-laqgħat it-tielet tabib stabbilixxa rapport iddatat it-12 ta’ Novembru 2008 (iktar ’il quddiem ir-“rapport tal-Kumitat Mediku”).

29      Ir-rapport tal-Kumitat Mediku jikkonferma li r-rikorrent għandu rata ta’ indeboliment ta’ 62 % u li l-ħsara estetika permanenti ta’ 3/7 tiġġustifika allowance komplementari ta’ 1.5 %. Barra minn hekk, huwa kkonstata li r-rikorrent ibati minn telf ta’ kapaċità li jwettaq attivitajiet ta’ gost speċifiċi għalih ta’ 2/7, telf li kien jiġġustifika allowance komplementari ta’ 1 %.

30      Ir-rapport tal-Kumitat Mediku jikkonferma wkoll id-data tal-konsolidazzjoni tal-leżjonijiet tar-rikorrent, jiġifieri t-28 ta’ Ġunju 2005.

31      Ir-rapport tal-Kumitat Mediku kien iffirmat mit-tabib innominat mill-istituzzjoni.

32      Permezz ta’ ittri tat-2 ta’ Diċembru 2008, tal-21 ta’ Jannar 2009 u tat-28 ta’ Marzu 2009, it-tabib innominat mir-rikorrent iddikjara n-nuqqas ta’ qbil tiegħu mar-rapport tal-Kumitat Mediku, rapport li huwa finalment iffirma u bagħat lit-tielet tabib fit-28 ta’ Marzu 2009. Fir-rigward tal-konklużjonijiet li kien jasal għalihom ir-rapport imsemmi, it-tabib innominat mir-rikorrent sostna li l-Kumitat Mediku kien imissu applika l-iskala l-qadima għall-evalwazzjoni tal-indeboliment, li kienet twassal għal rata ta’ invalidità permanenti ogħla.

33      Ir-rapport tal-Kumitat Mediku wasal għand il-PMO fid-9 ta’ Ġunju 2009. Fid-dawl ta’ dan ir-rapport, l-Awtorità tal-Ħatra, permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Lulju 2009, irrikonoxxiet li r-rikorrent soffra indeboliment li jilħaq l-ammont totali ta’ 64.5 % u indikat lir-rikorrent li kellu jitħallas il-bilanċ tas-somma f’daqqa li kien dovut lilu, jiġifieri EUR 9 543.31 u li jikkorrispondi għar-rata ta’ indeboliment ta’ 1 %. Is-somma inkwistjoni tħallset lir-rikorrent fid-9 ta’ Novembru 2009.

34      Fit-23 ta’ Ottubru 2009, ir-rikorrent ressaq ilment, skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, kontra d-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra tas-27 ta’ Lulju 2009. L-ilment kien ikkompletat permezz ta’ argumenti ddettaljati fit-8 ta’ Diċembru 2009. Dan l-ilment ġie miċħud permezz ta’ deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra fil-15 ta’ Frar 2010.

 It-talbiet tal-partijiet

35      Ir-rikorrent jitlob li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jannulla d-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra, tas-27 ta’ Lulju 2009, li tagħlaq il-proċedura miftuħa skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal b’konsegwenza tal-inċident tat-8 ta’ Diċembru 2003 u li tirrikonoxxilu rata ta’ indeboliment ta’ 64.5 %;

–        jannulla, sa fejn ikun meħtieġ, id-deċiżjoni tal-15 ta’ Frar 2010 li tiċħad l-ilment tar-rikorrent;

–        bħala konsegwenza, jikkonkludi li r-rata tal-indeboliment tiegħu għandha tiġi evalwata fuq il-bażi tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni u fuq il-bażi tal-iskala ta’ evalwazzjoni tal-indeboliment fis-seħħ fil-jum tal-inċident u sal-1 ta’ Jannar 2006, u li l-eżami tat-talba tiegħu mressqa skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal jitkompla minn Kumitat Mediku kompost b’mod imparzjali, indipendenti u newtrali li jista’ jaħdem b’mod rapidu u indipendenti u mingħajr kundizzjonijiet stabbiliti minn qabel;

–        jikkundanna lill-Kummissjoni għall-interessi moratorji fuq is-somma f’daqqa dovuta taħt l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal b’rata ta’ 12 % fuq perijodu li jibda mhux iktar tard mit-8 ta’ Diċembru 2004 sal-ħlas definittiv tas-somma f’daqqa;

–        jikkundanna lill-Kummissjoni għall-ħlas ta’ danni, iffissati ex æquo et bono bħala EUR 50 000 għad-dannu morali mġarrab minħabba d-deċiżjoni kkontestata;

–        jiffissa l-għoti ta’ danni fl-ammont ta’ EUR 15 000 għad-dannu materjali mġarrab;

–        jikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż kollha.

36      Il-Kummissjoni titlob li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jiddikjara r-rikors inammissibbli u mill-inqas infondat;

–        jiddeċiedi fuq l-ispejjeż skont il-liġi.

 Id-dritt

 Fuq is-suġġett tat-tilwima

37      Minbarra l-annullament tad-deċiżjoni tas-27 ta’ Lulju 2009, li permezz tagħha l-Awtorità tal-Ħatra ddeċidiet li tirrikonoxxilu rata ta’ indeboliment ta’ 64.5 % (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tas-27 ta’ Lulju 2009”), ir-rikorrent qiegħed jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-15 ta’ Frar 2010 li tiċħad l-ilment tiegħu. F’dan id-dawl, għandu jitfakkar li t-talbiet għall-annullament indirizzati formalment kontra r-rifjut ta’ lment għandhom l-effett li jressqu quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku l-att li kontrih kien tressaq l-ilment meta dawn it-talbiet, bħala tali, ma jkollhomx kontenut awtonomu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Jannar 1989, Vainker vs Il-Parlament, 293/87, punt 8; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ April 2006, Camós Grau vs Il-Kummissjoni, T-309/03, punt 43).

38      Peress li f’dan il-każ it-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment imressaq kontra d-deċiżjoni tas-27 ta’ Lulju 2009 ma għandhomx kontenut awtonomu, ir-rikors għandu jitqies li huwa indirizzat formalment kontra din id-deċiżjoni tal-aħħar.

 Fuq it-talbiet għal annullament

39      Insostenn tat-talbiet għal annullament tiegħu, ir-rikorrent jinvoka tmien motivi, ibbażati:

–        l-ewwel wieħed, fuq l-illegalità tal-iskala ta’ evalwazzjoni tal-indeboliment li kienet applikata fir-rigward tiegħu;

–        it-tieni wieħed, fuq il-ksur tal-ftehim konkluż bejn il-Komunità Ewropea u kumpannija tal-assigurazzjoni, kif ukoll fuq il-ksur tal-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal sa fejn il-Kummissjoni tat iktar importanza lill-interessi tal-“assiguraturi”;

–        it-tielet wieħed, fuq il-ksur tat-terminu raġonevoli, tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tad-dmir ta’ premura;

–        ir-raba’ wieħed, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u tal-projbizzjoni ta’ retroattività, kif ukoll fuq ksur tad-drittijiet kweżiti;

–        il-ħames wieħed, fuq in-natura mhux infurzabbli tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni l-ġodda;

–        is-sitt wieħed, fuq l-irregolarità tan-nomina tat-tielet tabib tal-Kumitat Mediku u fuq ksur tal-prinċipju ta’ bona fide;

–        is-seba’ wieħed, fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ kulleġġjalità, ta’ indipendenza, ta’ imparzjalità u ta’ newtralità li għandhom jirregolaw ix-xogħol tal-Kumitat Mediku;

–        it-tmien wieħed, fuq il-ksur mill-Kumitat Mediku tat-termini ta’ referenza tiegħu, fuq żball manifest li jivvizzja r-rapport tal-Kumitat Mediku u fuq motivazzjoni irregolari ta’ dan ir-rapport.

40      Għandu jiġi eżaminat fl-ewwel lok ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u fuq il-ksur tal-projbizzjoni ta’ retroattività, kif ukoll fuq il-ksur tad-drittijiet kweżiti.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet kweżiti u fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u tal-projbizzjoni ta’ retroattività

–       Fuq l-ammissibbiltà tal-motiv

41      Il-Kummissjoni ssostni li l-motiv inkwistjoni huwa inammissibbli. Fil-fatt, skont il-Kummissjoni, dan il-motiv kien diġà ġie invokat mir-rikorrent fil-kuntest ta’ lment li huwa kien preċedentement ressaq matul l-istess proċedura miftuħa taħt l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal. Issa, dejjem skont il-Kummissjoni, dan l-ilment kien is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ċaħda tal-31 ta’ Lulju 2006 li, minħabba li ma kinitx ikkontestata, saret definittiva.

42      Madankollu, ma hemm ebda dubji u barra minn hekk ma huwiex ikkontestat mill-Kummissjoni li d-deċiżjoni tas-27 ta’ Lulju 2009 hija att li jikkawża preġudizzju u li ċ-ċaħda tal-ilment, invokata mill-Kummissjoni, hija preċedenti għal din id-deċiżjoni.

43      Issa, ir-rikorrent jista’ jqajjem kwalunkwe motiv, argument jew fatt li jistgħu jikkontestaw il-legalità ta’ att li jikkawża preġudizzju u dan anki jekk ikun diġà invoka dan l-istess motiv, argument jew fatt insostenn ta’ lment preċedenti li jikkonċerna att distint (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-14 ta’ Settembru 2011, A vs Il-Kummissjoni, F-12/09, punt 136, li hija s-suġġett ta’ appell pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, Kawża T-595/11 P).

–       Fuq il-mertu tal-motiv

44      Skont l-Artikoli 30 u 31 tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni l-ġodda, ir-Regoli dwar l-assigurazzjoni l-qodma ġew imħassra u r-Regoli l-ġodda kellhom jidħlu fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar ta’ wara dak li fih il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja jikkonstata li kien hemm ftehim komuni bejn l-istituzzjonijiet previst fl-Artikolu 73(1) tar-Regolamenti tal-Persunal u japplikaw b’effett minn din id-data. Fil-kawża ineżami, il-ftehim komuni tal-istituzzjonijiet previst fl-Artikolu 73(1) tar-Regolamenti tal-Persunal ġie kkonstatat mill-President tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ Diċembru 2005 u għalhekk ir-Regoli dwar l-assigurazzjoni l-ġodda daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2006. Madankollu, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 30 tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni l-ġodda jippreċiża li r-Regoli dwar l-assigurazzjoni l-qodma, li għandhom jinftiehmu fis-sens li jinkludu l-iskala ta’ evalwazzjoni tal-indebolimenti annessa magħhom, “jibqgħu japplikaw għall-abbozzi tad-deċiżjonijiet kollha adottati [mill-Awtorità tal-Ħatra] qabel l-1 ta’ Jannar 2006”, jiġifieri fir-rigward ta’ kull abbozz ta’ deċiżjoni adottat qabel din id-data u li jikkonċerna r-rikonoxximent tan-natura inċidentali ta’ avveniment jew ir-rikonoxximent li l-marda kienet ikkaġunata mix-xogħol, l-iffissar tal-grad tal-indeboliment u l-ammont tas-somma f’daqqa korrispondenti.

45      Ir-rikorrent isostni li l-applikazzjoni fir-rigward tiegħu tal-iskala ta’ evalwazzjoni tal-indebolimenti annessa mar-Regoli dwar l-assigurazzjoni l-ġodda tippreġudika d-drittijiet kweżiti minnu taħt id-dispożizzjonijiet tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni l-qodma. Huwa jsostni li l-inċident, id-dikjarazzjoni ta’ inċident, kif ukoll il-konsolidazzjoni tal-leżjonijiet, inisslu drittijiet kweżiti fil-persuna tal-assigurat fid-dati rispettivi tagħhom. Għaldaqstant, minkejja li l-Awtorità tal-Ħatra ma kienet għadha adottat ebda abbozz ta’ deċiżjoni fil-kuntest tal-proċedura miftuħa sussegwentement għall-inċident tat-8 ta’ Diċembru 2003, kienet l-iskala ta’ evalwazzjoni tal-indebolimenti li kienet annessa mar-Regoli dwar l-assigurazzjoni l-qodma li kien imissha ġiet applikata fil-konfront tiegħu.

46      Ir-rikorrent jeċċepixxi għalhekk l-illegalità tal-Artikolu 30 tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni sa fejn dan l-artikolu ma jipprevedix iż-żamma tal-iskala ta’ evalwazzjoni tal-indebolimenti li kienet annessa mar-Regoli dwar l-assigurazzjoni l-qodma għall-proċeduri mibdija qabel l-1 ta’ Jannar 2006, id-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni l-ġodda, ħlief fil-każijiet fejn il-proċedura tkun waslet, f’dik id-data, fl-istadju tal-abbozz ta’ deċiżjoni adottat mill-Awtorità tal-Ħatra, filwaqt li, skont ir-rikorrent, ir-Regoli dwar l-assigurazzjoni l-qodma għandhom jibqgħu japplikaw sa tmiem il-proċedura miftuħa taħt l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal meta l-inċident, id-dikjarazzjoni tal-inċident jew il-konsolidazzjoni tal-leżjonijiet ikunu seħħew qabel l-1 ta’ Jannar 2006.

47      F’dan id-dawl, għandu jitfakkar, preliminarjament, li, skont prinċipju ġeneralment rikonoxxut, regola ġdida tapplika, sakemm ma jkunx hemm deroga, immedjatament għas-sitwazzjonijiet li jkunu għad iridu jimmaterjalizzaw kif ukoll għall-effetti futuri ta’ sitwazzjonijiet li diġà jkunu mmaterjalizzaw, mingħajr ma jkunu madankollu kompletament ikkostitwiti, taħt ir-regola l-qadima (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Frar 1978, Bauche u Delquignies, 96/77, punt 48; tas-16 ta’ Mejju 1979, Tomadini, 84/78, punt 21; tal-5 ta’ Frar 1981, P. vs Il-Kummissjoni, 40/79, punt 12; tal-10 ta’ Lulju 1986, Licata vs CES, 270/84, punt 31, u tad-29 ta’ Jannar 2002, Pokrzeptowicz-Meyer, C‑162/00, punt 50; digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Ġunju 2006, Echouikh, C‑336/05, punt 54; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Diċembru 2008, Centeno Mediavilla et vs Il-Kummissjoni, C‑443/07 P, punti 61 sa 63; sentenzi tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-30 ta’ Novembru 2006, Balabanis u Le Dour vs Il-Kummissjoni, F-77/05, punt 39, u tal-4 ta’ Settembru 2008, Lafili vs Il-Kummissjoni, F-22/07, punt 84).

48      F’dan il-każ, għandu għalhekk jiġi vverifikat jekk, fil-mument li fih saru applikabbli r-Regoli dwar l-assigurazzjoni l-ġodda, jiġifieri fl-1 ta’ Jannar 2006, ir-rikorrent kienx jinsab, kif qiegħed isostni, f’sitwazzjoni kompletament ikkostitwita taħt l-iskala ta’ evalwazzjoni tal-indebolimenti li kienet annessa mar-Regoli dwar l-assigurazzjoni l-qodma. Huwa biss f’dan il-każ li jkun jista’ jiġi effettivament rikonoxxut li l-iskala tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni l-qodma – skala li barra minn hekk ma tistax titqies bħala regola proċedurali [ara, a contrario, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Lulju 1993, CT Control (Rotterdam) u JCT Benelux vs Il-Kummissjoni, C‑121/91 u C‑122/91, punti 22 u 23] – kienet ġiet applikata b’mod retroattiv fil-konfront tar-rikorrent. Jekk dan ikun il-każ, ikun hemm lok li tiġi eżaminata l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma mir-rikorrent u, b’mod iktar partikolari, il-legalità tal-applikazzjoni retroattiva tal-iskala tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni l-ġodda fid-dawl tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ osservanza tal-aspettattivi leġittimi.

49      Qabel tiġi eżaminata din il-kwistjoni, għandu jiġi enfasizzat li, skont l-Artikolu 12(2) tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni l-qodma, kif ukoll barra minn hekk skont l-Artikolu 11(3) tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni l-ġodda, is-somma f’daqqa prevista fl-Artikolu 73(2)(ċ) tar-Regolamenti tal-Persunal, fil-każ ta’ invalidità parzjali permanenti, għandha tiġi ddeterminata skont ir-rati previsti fl-iskala ta’ evalwazzjoni tal-indebolimenti annessa ma’ dawn iż-żewġ regoli.

50      F’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex is-sitwazzjoni ta’ assigurat tkun ikkostitwita kompletament taħt l-iskala ta’ evalwazzjoni tal-indebolimenti li kienet annessa mar-Regoli dwar l-assigurazzjoni l-qodma, għandu jiġi stabbilit li, sa mhux iktar tard mill-jum ta’ qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni l-ġodda, jiġifieri l-31 ta’ Diċembru 2005, is-sitwazzjoni tiegħu kienet tali li kienet tippermetti t-tnissil ta’ dritt għad-determinazzjoni tal-indeboliment tiegħu skont ir-rati previsti fl-iskala ta’ evalwazzjoni tal-indebolimenti annessa mar-Regoli dwar l-assigurazzjoni l-qodma.

51      F’dan id-dawl, għandu jiġi osservat li s-sempliċi fatt li jkun seħħ inċident jew li jkun hemm marda kkaġunata mix-xogħol ma huwiex biżżejjed sabiex joħloq, fil-persuna tal-assigurat, dritt għad-determinazzjoni tal-indeboliment tiegħu.

52      Huwa minnu li l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi li l-uffiċjal huwa “assigurat, mid-data ta’ meta jibda s-servizz” kontra r-riskji ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol u kontra r-riskji ta’ inċidenti. Din id-dispożizzjoni tipprovdi wkoll li l-benefiċċji li jkopru dawn ir-riksji huma “pagabbli [iggarantiti]” lill-uffiċjal.

53      Madankollu, filwaqt li l-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxa skema ta’ assigurazzjoni kontra r-riskji ta’ inċidenti jew ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol, l-istituzzjonijiet, billi aġixxew skont l-Artikolu 73(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, issuġġettaw l-intitolament għad-dritt għall-benefiċċji ta’ assigurazzjoni inkwistjoni, u għaldaqstant il-ħlas tagħhom, għall-osservanza ta’ ċertu numru ta’ kundizzjonijiet.

54      B’hekk, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 20 tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni l-qodma, kif ukoll skont l-Artikolu 19(3) tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni l-ġodda, id-deċiżjoni li tistabbilixxi l-grad tal-indeboliment tista’ tingħata biss wara l-konsolidazzjoni tal-leżjonijiet tal-assigurat, fejn il-konsolidazzjoni tfisser l-istat tal-vittma li l-leżjonijiet tiegħu jkunu stabbilixxew ruħhom b’tali mod li ma jkunx għadu jidher possibbli li dawn jistgħu jfiequ jew jittejbu u li, bħala prinċipju, ma jkunx hemm lok ta’ iktar trattament jekk mhux sabiex jiġi evitat li dawn il-leżjonijiet jaggravaw ruħhom (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-21 ta’ Mejju 1996, W vs Il-Kummissjoni, T-148/95, punt 36).

55      Dan ifisser, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal-14 ta’ Lulju 1981, Suss vs Il-Kummissjoni (C‑186/80, punt 15; ara wkoll is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tas-17 ta’ Frar 2011, Strack vs Il-Kummissjoni, F-119/07, punt 88), li d-dritt għall-ħlas tal-allowance msemmija fl-Artikolu 73(2)(ċ) tar-Regolamenti tal-Persunal fil-każ ta’ invalidità parzjali permanenti, bħalma huwa l-każ f’din il-kawża, jitnissel biss mal-konsolidazzjoni tal-leżjonijiet kollha. B’hekk, huwa biss minn din id-data li l-assigurat ikollu dritt li l-indeboliment tiegħu jiġi ddeterminat.

56      Peress li s-sitwazzjoni tal-assigurat, fid-dawl tad-dritt tiegħu għad-determinazzjoni tar-rata tal-indeboliment tiegħu, tkun ikkostitwita kompletament fil-mument tal-konsolidazzjoni tal-leżjonijiet tiegħu, hija, bħala prinċipju, l-iskala ta’ evalwazzjoni tal-indeboliment fis-seħħ fid-data ta’ din il-konsolidazzjoni li għandha tiġi applikata fil-konfront tal-assigurat.

57      Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, is-sitwazzjoni tal-assigurat fil-qasam tal-assigurazzjoni kontra r-riskji ta’ inċident jew ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol hija nettament differenti minn dik tal-kandidat li jkun għadda minn kompetizzjoni fil-qasam tad-dritt għall-klassifikazzjoni fi grad, li kienet is-sitwazzjoni inkwistjoni fis-sentenza Centeno Mediavilla et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punti 63 sa 68). Fil-fatt, il-klassifikazzjoni fi grad tal-kandidat li jkun għadda minn kompetizzjoni hija suġġetta għall-ħatra tal-persuna kkonċernata. Issa, l-amministrazzjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-ħatra tal-kandidati li jgħaddu minn kompetizzjoni, setgħa diskrezzjonali wiesgħa li hija l-korollarju tal-fatt li t-testi ma jipprovdux li l-kandidati li jgħaddu minn kompetizzjoni għandhom, bħala tali, dritt għal ħatra. Għall-kuntrarju, il-kumpens tal-assigurat sussegwentement għal inċident jew għal marda kkaġunata mix-xogħol ma jirriżultax minn għażla tal-amministrazzjoni, eżerċitata bis-saħħa ta’ setgħa diskrezzjonali wiesgħa li jista’ jkollha l-amministrazzjoni, iżda mill-konstatazzjoni ta’ invalidità permanenti wara l-konsolidazzjoni.

58      Huwa verament minnu, kif tosserva l-Kummissjoni, li, fid-data tal-konsolidazzjoni tal-leżjonijiet, l-assigurat ikun għadu biss kreditur ta’ “dejn ta’ valur” u mhux ta’ “dejn ta’ somma”, sa fejn l-ammont dovut ma jkunx iffissat qabel ma tkun adottata d-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra li tiddetermina, fuq il-bażi tal-evalwazzjonijiet mediċi, ir-rata tal-indeboliment u l-ammont tas-somma f’daqqa korrispondenti.

59      Madankollu, għalkemm il-kreditu tal-assigurat ma jkunx illikwidat ħlief fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra, fuq il-bażi tal-opinjoni tat-tabib tal-istituzzjoni jew tal-Kumitat Mediku, li tiddetermina l-ammont tas-somma f’daqqa dovuta, tali deċiżjoni, li bħala regola ġenerali tagħlaq il-proċedura miftuħa skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal, tippressupponi li tkun ġiet stabbilita minn qabel ir-rata tal-indeboliment tal-assigurat. Issa, il-kwistjoni li tqum f’dan il-każ hija preċiżament dik li tiġi ddeterminata l-iskala ta’ evalwazzjoni tal-indebolimenti li fuq il-bażi tagħha t-tabib innominat mill-istituzzjoni u, jekk ikun il-każ, il-Kumitat Mediku, għandhom jevalwaw l-indeboliment ta’ assigurat li l-konsolidazzjoni tal-leżjonijiet fiżiċi jew mentali tiegħu seħħet qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni l-ġodda.

60      Fl-aħħar nett, jekk id-data tal-adozzjoni mill-Awtorità tal-Ħatra tal-abbozz ta’ deċiżjoni li tiddetermina r-rata ta’ indeboliment tal-assigurat u l-ammont tas-somma f’daqqa korrispondenti titqies bħala data rilevanti għad-determinazzjoni tal-iskela ta’ evalwazzjoni tal-indebolimenti applikabbli, kif jirriżulta mill-Artikolu 30 tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni l-ġodda, dan jista’ jwassal għall-applikazzjoni ta’ regoli differenti għal persuni li l-konsolidazzjoni tal-leżjonijiet tagħhom setgħat seħħet fl-istess mument, skont il-livell ta’ ħeffa eżerċitat mill-amministrazzjoni fit-trattament tal-fajls rispettivi tagħhom, u dan mhux mingħajr riskju ta’ arbitrarjetà (ara, fir-rigward tad-determinazzjoni tad-dritt applikabbli fil-qasam tal-kalkolu tad-drittijiet għall-pensjoni komplementari, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-18 ta’ Ottubru 2011, Purvis vs Il-Parlament, T-439/09, punti 39 u 40).

61      F’dan il-każ, mill-fajl u, b’mod partikolari, mir-rapport tat-tabib innominat mill-istituzzjoni, tal-21 ta’ Settembru 2006, jirriżulta li d-data tal-konsolidazzjoni tal-leżjonijiet tar-rikorrent kienet stabbilita bħala t-28 ta’ Ġunju 2005. Huwa għalhekk b’effett minn din id-data li r-rikorrent kellu d-dritt li tiġi kkalkolata r-rata tal-indeboliment tiegħu skont l-iskema ta’ evalwazzjoni tal-indebolimenti annessa mar-Regoli dwar l-assigurazzjoni għar-riskji ta’ inċidenti u ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol applikabbli f’dik id-data, jiġifieri skont l-iskema ta’ evalwazzjoni tal-indebolimenti annessa mar-Regoli dwar l-assigurazzjoni l-qodma.

62      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jidher li l-Artikolu 30 tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni, sa fejn jipprovdi li l-iskala li hija annessa ma’ dawn ir-regoli hija applikabbli, fin-nuqqas ta’ abbozz ta’ deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra li tiffissa r-rata tal-indeboliment, għall-assigurati, vittmi ta’ inċident jew ta’ marda kkaġunata mix-xogħol, li l-leżjonijiet tagħhom ikunu ġew ikkonsolidati qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dawn ir-regoli, jiġifieri fl-1 ta’ Jannar 2006, ikopri, fir-rigward ta’ dawn l-assigurati, sitwazzjonijiet ikkostitwiti kompletament taħt l-iskala ta’ evalwazzjoni tal-indebolimenti annessa mar-Regoli dwar l-assigurazzjoni l-qodma. Għaldaqstant, l-Artikolu 30 tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni jagħti effett retroattiv lill-iskala annessa ma’ dawn ir-regoli.

63      Issa, bħala regola ġenerali, il-prinċipju taċ-ċertezza tas-sitwazzjonijiet legali jipprekludi li l-portata ratione temporis ta’ att tal-Unjoni tiġi estiża b’tali mod li dan l-att jibda japplika f’data preċedenti għad-dħul fis-seħħ tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Novembru 2001, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kunsill, C‑110/97, punt 151, u l-ġurisprudenza ċċitata).

64      Madankollu, b’mod eċċezzjonali, din ir-regola tista’ ma tapplikax meta l-għan li jkun irid jintlaħaq jeżiġi hekk u sakemm l-aspettattivi leġittimi tal-persuna kkonċernata jkunu debitament imħarsa (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Jannar 1979, Racke, 98/78, punt 20; tat-13 ta’ Novembru 1990, Fedesa et, C‑331/88, punt 45, u Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 151).

65      F’dan il-każ, ma jidhirx li l-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti huma sodisfatti. L-ewwel nett, il-Kummissjoni ma pprovatx l-eżistenza ta’ għan li jeżiġi l-applikazzjoni retroattiva tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni l-ġodda. F’dan id-dawl, l-argument ibbażat fuq in-natura inadegwata tal-iskala ta’ evalwazzjoni tal-indebolimenti annessa mar-Regoli dwar l-assigurazzjoni l-qodma, li, sabiex tiġi kkwotata n-Nota ta’ informazzjoni amministrattiva Nru 91-2005, tad-19 ta’ Diċembru 2005, li tħabbar lill-membri tal-persunal tal-Kummissjoni d-dħul fis-seħħ tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni l-ġodda, hija “antikwata, diffiċli sabiex tintuża, u mingħajr dimensjoni Ewropea” [l-iskala l-qadima kienet il-“Barème [o]fficiel [b]elge des [i]nvalidités” (l-Iskala uffiċjali Belġjana tal-invaliditajiet) (BOBI)], ma jispjegax, b’mod konvinċenti, għaliex kien meħtieġ, sabiex jintlaħaq l-għan li din l-iskala tiġi mmodernizzata, li din l-iskala tingħata portata retroattiva.

66      It-tieni nett, l-applikazzjoni tal-iskala ta’ evalwazzjoni tal-indebolimenti annessa mar-Regoli dwar l-assigurazzjoni l-ġodda għal assigurati, vittmi, qabel id-dħul fis-seħħ, fl-1 ta’ Jannar 2006, ta’ dawn ir-regoli dwar l-assigurazzjoni l-ġodda, ta’ inċident jew ta’ marda kkaġunata mix-xogħol u li l-leżjonijiet tagħhom ikunu ġew ikkonsolidati qabel din l-istess data, ippreġudikat neċessarjament l-aspettattivi leġittimi ta’ dawn l-assigurati.

67      Anki jekk jitqies, kif osservat il-Kummissjoni matul is-seduta, li l-applikazzjoni tal-iskala ta’ evalwazzjoni tal-indebolimenti annessa mar-Regoli dwar l-assigurazzjoni l-ġodda tista’, skont in-natura tal-leżjonijiet inkwistjoni, twassal kemm għal żieda fil-kopertura tar-riskju ta’ inċident jew ta’ marda kkaġunata mix-xogħol kif ukoll għal tnaqqis f’tali kopertura, meta mqabbla mal-iskala ta’ evalwazzjoni tal-indebolimenti annessa mar-Regoli dwar l-assigurazzjoni l-qodma, l-unità u l-applikazzjoni uniformi ta’ regoli dwar l-assigurazzjoni fir-rigward ta’ riskji ta’ inċident u ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol adottati bi ftehim komuni tal-istituzzjonijiet jeżiġu, bħala regola ġenerali, li d-dħul fis-seħħ ta’ dawn ir-regoli jseħħ fl-istess data fl-istituzzjonijiet kollha u fir-rigward tal-membri tal-persunal kollha tagħhom, sakemm ma jkunx hemm dispożizzjoni kuntrarja li tkun intiża preċiżament sabiex tipproteġi d-drittijiet kweżiti taħt ir-regoli l-qodma (ara, b’analoġija, is-sentenza Racke, iċċitata iktar ’il fuq, punt 16). Huwa minnu li l-istituzzjonijiet ma jistgħux jiġu preklużi milli jestendu, għal sitwazzjonijiet li jimmaterjalizzaw u li jkunu kkostitwiti definittivament taħt ir-Regoli dwar l-assigurazzjoni l-qodma, il-benefiċċju tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni l-ġodda jekk dawn ikunu iktar favorevoli għall-assigurati; madankollu, fir-Regoli dwar l-assigurazzjoni l-ġodda ma hemm ebda dispożizzjoni tranżitorja f’dan is-sens.

68      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li r-Regoli dwar l-assigurazzjoni l-ġodda għandhom jiġu ddikjarati illegali sa fejn jipprevedu l-applikazzjoni tal-iskala li tinsab annessa magħhom għall-assigurati, vittmi ta’ inċident jew ta’ marda kkaġunata mix-xogħol, li l-leżjonijiet tagħhom ikunu ġew ikkonsolidati preċedentement għad-dħul fis-seħħ tagħhom.

69      Kien għaldaqstant b’mod żbaljat li l-Kumitat Mediku, meta ppreżenta r-rapport tiegħu fid-9 ta’ Ġunju 2009, u mbagħad l-Awtorità tal-Ħatra, meta adottat id-deċiżjoni tas-27 ta’ Lulju 2009, applikaw l-iskala ta’ evalwazzjoni tal-indebolimenti annessa mar-Regoli dwar l-assigurazzjoni l-ġodda. Għaldaqstant, għal din ir-raġuni, hemm lok li d-deċiżjoni tas-27 ta’ Lulju 2009 tiġi annullata, mingħajr ma jkun meħtieġ li tingħata deċiżjoni, fil-kuntest ta’ dawn it-talbiet għal annullament, dwar il-motivi l-oħra invokati mir-rikorrent.

 Fuq it-talbiet għal kumpens

70      Ir-rikorrent jinvoka l-eżistenza ta’ tliet danni distinti: dannu li jiġġustifika l-ħlas ta’ interessi moratorji, dannu materjali u dannu morali.

 Fuq il-ħlas ta’ interessi moratorji

71      Ir-rikorrent jitlob lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jikkundanna lill-Kummissjoni għall-interessi moratorji fuq is-somma f’daqqa dovuta taħt l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal.

72      Fil-parti tal-atti tiegħu dwar din it-talba għal kumpens, ir-rikorrent ma jippreċiżax liema nuqqas huwa l-bażi ta’ din it-talba. Madankollu, huwa jindika, b’mod iktar ġenerali, li r-responsabbiltà tal-Kummissjoni għandha tiġi stabbilita fuq il-bażi tal-illegalitajiet li huwa invoka insostenn tat-talbiet għal annullament tiegħu.

73      Fir-rigward tal-motivi u tal-ilmenti li huwa invoka f’dan ir-rigward, jidher ċar li r-rikorrent qiegħed jipprova jibbaża t-talba tiegħu għall-ħlas ta’ interessi moratorji fuq l-ilment ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-amministrazzjoni ma tatx deċiżjoni f’terminu raġonevoli.

74      Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk iż-żmien meħud sabiex tiġi adottata d-deċiżjoni tas-27 ta’ Lulju 2009 kienx wieħed irraġonevoli.

75      L-ewwel nett, għandu jitfakkar li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 20 tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni l-qodma kien jipprovdi li l-assigurat huwa obbligat jittrażmetti rapport mediku li jikkonstata l-konsolidazzjoni tal-istat tiegħu sabiex l-Awtorità tal-Ħatra tkun tista’ tadotta deċiżjoni li tiffissa r-rata tal-indeboliment.

76      Issa, f’dan il-każ, kien biss permezz tar-rapport tat-28 ta’ Ġunju 2005 stabbilit minn tabib innominat mir-rikorrent u kkomunikat lill-PMO fit-30 ta’ Ġunju 2005 li dan tal-aħħar kien informat dwar il-konsolidazzjoni tal-leżjonijiet tar-rikorrent, li seħħet fit-28 ta’ Ġunju 2005.

77      Sussegwentement, fir-rigward tal-perijodu bejn it-8 ta’ Diċembru 2003, id-data tal-inċident, u t-30 ta’ Ġunju 2005, id-data li fiha l-PMO rċieva r-rapport tat-tabib innominat mir-rikorrent dwar il-konsolidazzjoni tal-leżjonijiet, dan iż-żmien huwa għaldaqstant imputabbli, minn tal-inqas fil-parti l-kbira tiegħu, lir-rikorrent.

78      It-tieni nett, it-tul ta’ żmien ta’ madwar ħmistax-il xahar sa meta t-tabib innominat mill-istituzzjoni stabbilixxa r-rapport tiegħu, fil-21 ta’ Settembru 2006, indirizzat lill-Awtorità tal-Ħatra, ma jidhirx li huwa irraġonevoli. Fil-fatt, it-tabib inkwistjoni bbaża l-evalwazzjoni tiegħu fuq sitt eżamijiet komplementari mwettqa matul dan il-perijodu u li kienu jikkonċernaw minn tal-inqas erba’ speċjalisti mediċi differenti (speċjalista tal-psikatrija, speċjalista tal-oftalmoloġija, speċjalista tar-rewmatoloġija, speċjalista tal-widnejn, tal-imnieħer u tal-griżmejn).

79      Sussegwentement, l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra, tas-7 ta’ Novembru 2006, li jiffissa r-rata tal-indeboliment tar-rikorrent u l-ammont tas-somma f’daqqa mogħtija bħala konsegwenza kien ikkomunikat lir-rikorrent fil-21 ta’ Novembru tal-istess sena, jiġifieri fi żmien tliet xhur mid-data tal-istabbiliment tar-rapport tat-tabib innominat mill-istituzzjoni, żmien li ma jidhirx irraġonevoli.

80      Peress li ma qabilx mal-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra, tas-7 ta’ Novembru 2006, li tiffissa r-rata tal-indeboliment tiegħu u l-ammont tal-allowance tiegħu, ir-rikorrent talab, permezz ta’ ittra tat-18 ta’ Jannar 2007, li l-każ tiegħu jitressaq quddiem il-Kumitat Mediku.

81      Peress li t-tabib innominat mir-rikorrent u t-tabib innominat mill-istituzzjoni ma rnexxilhomx jaslu għal ftehim dwar it-tielet tabib meħtieġ sabiex jikkomponi l-Kumitat Mediku, ir-rikorrent, permezz ta’ ittra tal-5 ta’ Mejju 2007, talab lill-President tal-Qorti tal-Ġustizzja jinnomina ex officio tali tabib.

82      Fil-25 ta’ Lulju 2007, fid-dawl tan-nomina u tal-aċċettazzjoni tal-kompitu tiegħu min-naħa tat-tielet tabib, il-PMO għadda t-termini ta’ referenza lil dan tal-aħħar f’isem il-Kumitat Mediku.

83      B’hekk, it-tul ta’ żmien li għadda bejn id-data tal-abbozz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Novembru 2006 u l-25 ta’ Lulju 2007, id-data li fiha l-Kumitat Mediku seta’ jibda x-xogħol tiegħu, jirriżulta mill-iżvolġiment stess tal-proċedura u ma huwiex dovut għal nuqqas ta’ azzjoni min-naħa tal-Kummissjoni.

84      Sussegwentement, ir-rapport tal-Kumitat Mediku ġie redatt fit-12 ta’ Novembru 2008, jiġifieri madwar ħmistax-il xahar wara li l-Kumitat Mediku kien f’pożizzjoni li jibda x-xogħol tiegħu. Tali tul ta’ żmien ma jidhirx li huwa irraġonevoli fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami.

85      Fil-fatt, rapport tal-Kumitat Mediku inizjali, għalkemm mhux komplet, kien diġà ġie redatt mit-tielet tabib fl-10 ta’ Jannar 2008 wara li kienet inżammet, fit-3 ta’ Jannar preċedenti, l-ewwel laqgħa tal-Kumitat Mediku. Madankollu, dan ir-rapport kien wassal għal diversi skambji ta’ ittri, fosthom ittra mit-tabib innominat mir-rikorrent, żewġ ittri mir-rikorrent stess u ittra mit-tabib innominat mill-istituzzjoni.

86      Fir-rapport, tat-12 ta’ Novembru 2008, li stabbilixxa f’isem il-Kumitat Mediku, it-tielet tabib indika, b’mod partikolari, li waħda mill-ittri tar-rikorrent kellha magħha “diversi annessi voluminużi” dwar l-attivitajiet extraprofessjonali tar-rikorrent. Filwaqt li indika wkoll li r-rikorrent, f’ittra tat-28 ta’ Frar 2008, kien ifformula kummenti ġodda dwar l-għajnuna ta’ terza persuna, it-tielet tabib ippreċiża:

“[P]ersonalment, aħna konna sorpriżi bil-portata tat-talba tiegħu fid-dawl tal-ilmenti espressi matul l-ewwel [laqgħa] u dan anki fid-dawl tad-domandi preċiżi li konna għamilnilu matul din l-ewwel [laqgħa] [...]”

87      Għalkemm assigurat ma jistax jiġi kkritikat talli, fil-kuntest ta’ proċedura mibdija taħt l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal, jgħaddi lill-Kumitat Mediku id-dokumentazzjoni kollha jew il-kummenti kollha li jqis neċessarji sabiex dan il-kumitat ikun jista’ jiddeċiedi, huwa ċar li l-produzzjoni ta’ dokumenti voluminużi, l-istess bħall-komunikazzjoni, matul il-proċedura, ta’ kummenti ġodda dwar kwistjoni li jkunu diġà ġew diskussi, jikkontribwixxu għad-dewmien fl-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tagħlaq il-proċedura.

88      Barra minn hekk, dejjem fir-rapport tal-Kumitat Mediku tat-12 ta’ Novembru 2008, it-tielet tabib indika li kien diffiċli li jsibu qbil, b’mod partikolari mat-tabib innominat mir-rikorrent, dwar data għat-tieni laqgħa tal-Kumitat Mediku u li din il-laqgħa ma setgħetx tinżamm qabel it-13 ta’ Ottubru 2008.

89      Huwa minnu li, f’ittra tat-2 ta’ Diċembru 2008, it-tabib innominat mir-rikorrent indika li huwa kien ippropona d-dati tas-26 u tad-29 ta’ Settembru 2008 sabiex tinżamm il-laqgħa tal-Kumitat Mediku u li dawn id-dati ma kinux disponibbli għall-membri l-oħra tal-Kumitat Mediku. Madankollu, dawn l-inizjattivi tat-tabib innominat mir-rikorrent ma jippermettux li jeżonerawh mir-responsabbiltà tiegħu għad-dewmien fiż-żmien neċessarju għall-iffissar tad-data tat-tieni laqgħa tal-Kumitat Mediku.

90      B’hekk, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tul ta’ żmien ta’ madwar ħmistax-il xahar, li għadda bejn il-25 ta’ Lulju 2005, id-data li fiha l-Kumitat Mediku kien f’pożizzjoni li jibda x-xogħol tiegħu, u t-12 ta’ Novembru 2008, id-data tar-rapport tal-Kumitat Mediku, ma jidhirx li huwa irraġonevoli.

91      Sussegwentement, kien biss fid-9 ta’ Ġunju 2009 li r-rapport tal-Kumitat Mediku ġie finalment ikkomunikat lill-PMO, jiġifieri madwar seba’ xhur wara li t-tielet tabib stabbilixxa r-rapport imsemmi. Madankollu, dan it-tul ta’ żmien huwa dovut, tal-inqas parzjalment, għall-fatt li t-tabib innominat mir-rikorrent kien inizjalment talab lit-tielet tabib inkarigat mir-redazzjoni tar-rapport tal-Kumitat Mediku, permezz ta’ ittri tat-2 ta’ Diċembru 2008 u tal-21 ta’ Jannar 2009, sabiex jemenda r-rapport – li l-kontenut tiegħu kien approvat miż-żewġ membri l-oħra tal-Kumitat Mediku – u, wara li ma rnexxilux jikseb din l-emenda, kien biss fit-28 ta’ Marzu 2009 li bagħat dan ir-rapport bil-firma tiegħu.

92      Fl-aħħar nett, fuq il-bażi tar-rapport tal-Kumitat Mediku li hija rċeviet fid-9 ta’ Ġunju 2009, l-Awtorità tal-Ħatra adottat id-deċiżjoni tas-27 ta’ Lulju 2009 u kkomunikatha lir-rikorrent, li ħa konoxxenza tagħha, fid-9 ta’ Awwissu 2009. It-tul ta’ żmien ta’ xahrejn li għadda bejn id-9 ta’ Ġunju 2009, id-data li fiha l-Awtorità tal-Ħatra kellha għad-dispożizzjoni tagħha r-rapport tal-Kumitat Mediku, u d-9 ta’ Awwissu 2009, id-data li fiha din l-awtorità kkomunikat id-deċiżjoni tas-27 ta’ Lulju 2009 lir-rikorrent, ma jidhirx li huwa irraġonevoli.

93      Finalment, ebda perijodu ta’ żmien li għadda bejn id-diversi stadji tal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni tas-27 ta’ Lulju 2009 ma jidher li huwa irraġonevoli.

94      Barra minn hekk, anki jekk jittieħed inkunsiderazzjoni l-effett kumulattiv ta’ dawn il-perijodi ta’ żmien kollha u l-parti imputabbli għal dewmien min-naħa tal-amministrazzjoni, mill-elementi msemmija fil-punti preċedenti jirriżulta li d-deċiżjoni tas-27 ta’ Lulju 2009 ma kinitx adottata f’terminu irraġonevoli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-13 ta’ Jannar 2010, A u G vs Il-Kummissjoni, F-124/05 u F-96/06, punt 394).

95      Minn dak li għadu kemm intqal jirriżulta li t-talbiet tar-rikorrent intiżi għall-kundanna tal-Kummissjoni għall-ħlas ta’ interessi moratorji fuq is-somma f’daqqa li diġà rċieva għandhom jiġu miċħuda.

96      Madankollu, jidher li r-rikorrent, fis-somma f’daqqa li fuq il-bażi tagħha għandhom jiġu kkalkolati l-interessi moratorji, ma huwiex qiegħed jinkludi biss is-somma f’daqqa li diġà rċieva iżda anki s-somma f’daqqa supplimentari li, fil-fehma tiegħu, għandu jirċievi fuq il-bażi tal-iskala ta’ evalwazzjoni tal-indebolimenti annessa mar-Regoli dwar l-assigurazzjoni l-qodma.

97      Fir-rigward tat-talbiet intiżi għall-kisba tal-ħlas ta’ interessi moratorji fuq is-somom supplimentari li għandhom jingħataw lir-rikorrent minħabba l-applikazzjoni tal-iskala ta’ evalwazzjoni tal-indebolimenti annessa mar-Regoli dwar l-assigurazzjoni l-qodma, tali ħlas ma jimplikax biss li jiġi stabbilit b’ċertezza suffiċjenti li r-rikorrent jista’ jibbenefika minn rata ta’ indeboliment superjuri għal dik li ġiet rikonoxxuta fil-konfront tiegħu permezz tad-deċiżjoni tas-27 ta’ Lulju 2009, iżda wkoll li r-rata tal-indeboliment li ser jibbenefika minnha fuq il-bażi ta’ din l-iskala tkun tali li tista’ tiġi ffissata minn issa. Dan iżda ma huwiex il-każ. Sussegwentement, anki jekk jitqies li r-rikorrent qiegħed iressaq tali talbiet, dawn it-talbiet huma prematuri u għalhekk għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq id-dannu materjali

98      Ir-rikorrent jinkludi, fid-dannu materjali li huwa allegament ġarrab, l-ispejjeż marbuta mal-funzjonament tal-Kumitat Mediku, l-ispejjeż marbuta mat-tkomplija tax-xogħol tal-Kumitat Mediku sussegwentement għall-annullament tad-deċiżjoni tas-27 ta’ Lulju 2009 u l-ispejjeż u l-onorarji tal-konsulent tiegħu fir-rigward tal-fażi ta’ qabel ir-rikors.

99      Fir-rigward tal-ispejjeż marbuta mal-funzjonament tal-Kumitat Mediku, dawn l-ispejjeż jinkludu l-onorarji tat-tabib innominat mir-rikorrent, l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u spejjeż varji oħra. L-istima magħmula mir-rikorrent ta’ dawn l-ispejjeż kollha hija ta’ EUR 5 500.

100    Madankollu, fl-atti tiegħu, ir-rikorrent ma jirreferi għal ebda dokument fil-proċess li jista’ jiġġustifika tali ammont.

101    Issa, skont il-ġurisprudenza, id-dannu li għalih ikun qiegħed jintalab kumpens għandu jkun reali u ċert, u dan għandu jiġi pprovat mir-rikorrent (ara, bħala eżempju, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Novembru 2006, Agraz et vs Il-Kummissjoni, C‑243/05 P, punt 27).

102    Barra minn hekk, ir-rikors ma fih ebda proposta ta’ prova dwar dan il-punt. Issa, skont l-Artikolu 39(1)(e) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, ir-rikors għandu jinkludi, jekk ikun meħtieġ, il-provi proposti.

103    Fin-nuqqas tal-provi msemmija fil-punti preċedenti, għandu jiġi konkluż li r-rikorrent ma ġġustifikax il-portata tad-dannu allegat, u dan minkejja li kien f’pożizzjoni li jagħmel dan għaliex dawn huma ħlasijiet li huwa allegatament wettaq. Għaldaqstant, it-talbiet għal kumpens tar-rikorrent dwar l-ispejjeż tal-funzjonament tal-Kumitat Mediku għandhom jiġu miċħuda.

104    Fir-rigward tal-ispejjeż marbuta mat-tkomplija tax-xogħol tal-Kumitat Mediku, hija l-Awtorità tal-Ħatra, fi tmiem il-proċedura mibdija mill-ġdid sussegwentement għal din is-sentenza ta’ annullament, li għandha tadotta deċiżjoni dwar it-teħid ta’ responsabbiltà għall-ispejjeż tax-xogħol tal-Kumitat Mediku. F’dan l-istadju, għalhekk, huwa prematur li tingħata deċiżjoni dwar dan l-element ta’ dannu.

105    Fir-rigward tal-ispejjeż u l-onorarji tal-konsulent tar-rikorrent fir-rigward tal-fażi ta’ qabel ir-rikors, għandu jitfakkar li l-iżvolġiment tal-proċedura prekontenzjuża, kif organizzata mir-Regolamenti tal-Persunal, ma jimplikax li uffiċjal għandu jkun irrappreżentat f’dan l-istadju, bil-konsegwenza li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-amministrazzjoni ma għandhiex tinterpreta l-ilmenti jew it-talbiet b’mod restrittiv iżda għandha, għall-kuntrarju, teżaminahom b’approċċ miftuħ. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, ħlief għal ċirkustanzi eċċezzjonali, uffiċjal ma jistax jikseb ir-rimobrs tal-ispejjeż u tal-onorarji tal-konsulenti tiegħu fir-rigward tal-fażi prekontenzjuża fil-kuntest ta’ rikors għal kumpens. Issa, fil-proċess ma hemm xejn li jippermetti li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ tali ċirkustanzi eċċezzjonali (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-10 ta’ Diċembru 2008, Nardone vs Il-Kummissjoni, T-57/99, punti 139 u 140).

106    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-talbiet intiżi għall-kundanna tal-Kummissjoni għall-ħlas ta’ kumpens fir-rigward tad-dannu materjali għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq id-dannu morali

107    F’dan il-każ, ir-rikors ma fihx spjegazzjoni dwar il-kwistjoni ta’ jekk id-dannu morali li għalih ir-rikorrent qiegħed jitlob kumpens huwiex ta’ natura li ma jistax ikun irrimedjat kompletament permezz tal-annullament tad-deċiżjoni tas-27 ta’ Lulju 2009 u permezz tal-miżuri li l-Awtorità tal-Ħatra ser tkun obbligata tieħu sussegwentement għal dan l-annullament.

108    L-ewwel nett, l-illegalità kkonstatata mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u bbażata fuq in-nuqqas ta’ rispett tad-drittijiet kweżiti ma hijiex gravi biżżejjed sabiex tiġġustifika l-għoti ta’ kumpens fir-rigward tad-dannu morali.

109    Barra minn hekk, ir-rikorrent sempliċement jakkuża lill-Kummissjoni li ma ġiex ittrattat denjament matul il-proċedura segwita skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal u mbagħad matul il-proċedura prekontenzjuża.

110    Madankollu, mid-dokumenti fil-proċess ma jirriżultax li d-deċiżjoni tas-27 ta’ Lulju 2009, jew iċ-ċaħda tal-ilment tas-16 ta’ Frar 2010, fihom evalwazzjoni espliċitament negattiva tal-kapaċitajiet tar-rikorrent li tista’ tikkawżalu preġudizzju. L-istess jista’ jingħad għar-rapport tal-Kumitat Mediku tas-27 ta’ Novembru 2008 li fuqu huma bbażati dawn iż-żewġ deċiżjonijiet.

111    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, permezz tal-effett ta’ din is-sentenza ta’ annullament, ir-rikorrent jinsab mill-ġdid f’pożizzjoni ta’ stennija fir-rigward tal-għeluq definittiv tal-proċedura miftuħa skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal sussegwentement għall-inċident tat-8 ta’ Diċembru 2003. Tali estensjoni tas-sitwazzjoni ta’ stennija u ta’ inċertezza, ipprovokata mill-illegalità tad-deċiżjoni tas-27 ta’ Lulju 2009, tikkostitwixxi dannu morali u li għandu jiġi evalwat ex æquo et bono fis-somma ta’ EUR 2 500.

112    F’dan id-dawl, peress li d-dannu morali inkwistjoni jirriżulta direttament mid-deċiżjoni tas-27 ta’ Lulju 2009, il-Kummissjoni ma tistax tinvoka b’mod effettiv l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq il-fatt li hija diġà ddeċidiet, permezz ta’ deċiżjoni li saret definittiva, dwar talba għal kumpens ekwivalenti, imressqa mir-rikorrent skont l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal.

113    Għaldaqstant, il-Kummissjoni għandha tiġi kkundannata tħallas lir-rikorrent is-somma ta’ EUR 2 500 bħala kumpens għad-dannu morali.

 Fuq it-talbiet intiżi sabiex tinkiseb, essenzjalment, evalwazzjoni ġdida tal-indeboliment minn Kumitat Mediku kompost b’mod imparzjali u fuq il-bażi tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni l-qodma

114    Skont ġurisprudenza stabbilita, ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Unjoni li tindirizza ordnijiet lill-amministrazzjoni jew li tagħmel dikjarazzjonijiet b’forza legali fil-kuntest ta’ kontroll tal-legalità bbażat fuq l-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal (ara, bħala eżempju, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Ġunju 2002, Mellone vs Il-Kummissjoni, T-187/01, punt 16).

115    Ir-rikorrent qiegħed jitlob lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jikkonkludi li r-rata tal-indeboliment tiegħu għandha tiġi evalwata fuq il-bażi tal-iskala ta’ evalwazzjoni tal-indebolimenti annessa mar-Regoli dwar l-assigurazzjoni l-qodma, kif ukoll “li l-eżami tat-talba tiegħu mressqa skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal jitkompla minn Kumitat Mediku kompost b’mod imparzjali, indipendenti u newtrali li jista’ jaħdem b’mod rapidu u indipendenti u mingħajr kundizzjonijiet stabbiliti minn qabel”. Sa fejn ir-rikorrent qiegħed b’hekk iressaq talbiet intiżi sabiex tinkiseb dikjarazzjoni b’forza legali jew ordni indirizzata lill-amministrazzjoni, dawn it-talbiet għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

116    Fl-aħħar nett, id-deċiżjoni tas-27 ta’ Lulju 2009 hija annullata u l-Kummissjoni hija kkundannata tħallas lir-rikorrent somma ta’ EUR 2 500 fir-rigward tad-dannu morali. Mill-bqija, it-talbiet tar-rikorrent għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq l-ispejjeż

117    Skont l-Artikolu 87(1) tar-Regoli tal-Proċedura, bla ħsara għal dispożizzjonijiet oħra tat-Tmien Kapitolu tat-Tieni Titolu tal-imsemmija regoli, kull parti li titlef għandha tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Skont l-Artikolu 87(2) tal-istess regoli, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista’ jiddeċiedi, għal raġunijiet ta’ ekwità, li parti li titlef tiġi kkundannata biss parzjalment għall-ispejjeż jew li hija ma tiġix ikkundannata għall-ispejjeż.

118    Mir-raġunijiet imsemmija iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni hija essenzjalment il-parti telliefa. Barra minn hekk, fit-talbiet tiegħu, ir-rikorrent talab espressament li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż. Għalhekk, peress li ċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża ma jiġġustifikawx l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha u għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż tar-rikorrent.

Għal dawn il-motivi,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tielet Awla)

jaqta’ u jiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tas-27 ta’ Lulju 2009 li tagħlaq il-proċedura miftuħa skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea sussegwentement għall-inċident tat-8 ta’ Diċembru 2003 li tiegħu kien vittma C. Guittet hija annullata.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata tħallas lil C. Guittet is-somma ta’ EUR 2 500.

3)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

4)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha u hija kkundannata tbati l-ispejjeż ta’ C. Guittet.

Van Raepenbusch

Barents

Bradley

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-13 ta’ Ġunju 2012.

W. Hakenberg

 

       S. Van Raepenbusch

Reġistratur

 

       Il-President


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.