Language of document : ECLI:EU:C:2006:330

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

18 ta' Mejju 2006 (*)

"Konvenzjoni ta' Brussell – Artikolu 16(1)(a) – Ġurisdizzjoni esklużiva fil-qasam tad-drittijiet in rem fi proprjetà immobbli – Azzjoni intiża sabiex twaqqaf l-inkonvenjenzi kkawżati fuq proprjetà immobbli mill-attività ta' ċentrali nukleari li tinsab fit-territorju ta' Stat ġar ta' dak fejn dawn jinsabu – Nuqqas ta' applikazzjoni"

Fil-kawża C‑343/04

li għandha bħala għan talba għal deċiżjoni preliminari taħt il-Protokoll tat-3 ta’ Ġunju 1971 dwar l-interpretazzjoni, mill-Qorti tal-Ġustizzja, tal-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968, dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi ta’ natura ċivili u kummerċjali, imressqa mill-Oberster Gerichtshof (l-Awstrija), permezz ta' deċiżjoni tal-21 ta' Lulju 2004, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta' Awwissu 2004, fil-kawża

Land Oberösterreich

vs

ČEZ as,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann, President ta' l-Awla, K. Schiemann (Relatur), N. Colneric, J. N. Cunha Rodrigues u E. Levits, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,

Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-mitkub u wara s-seduta tat-13 ta' Ottubru 2005,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–       għal-Land Oberösterreich, minn J. Hintermayr u C. Hadeyer, Rechtsanwälte,

–       għal ČEZ as, minn W. Moringer, Rechtsanwalt,

–       għall-gvern Pollakk, minn T. Nowakowski, bħala aġent,

–       għall-gvern tar-Renju Unit, minn M. Bethell, bħala aġent,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn A.‑M. Rouchaud u W. Bogensberger, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-11 ta' Jannar 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 16(1)(a) tal-Konvenzjoni tas-27 ta' Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi ta' natura ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p.32), hekk kif emendata mill-Konvenzjoni tad-9 ta' Ottubru 1978 dwar l-adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, ta' l-Irlanda u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq (ĠU L 304, p. 1 et – test emendat – p. 77), mill-Konvenzjoni tal-25 ta' Ottubru 1982 dwar l-adeżjoni tar-Repubblika Ellenika (ĠU L 388, p. 1), mill-Konvenzjoni tas-26 ta' Mejju 1989 dwar l-adeżjoni tar-Renju Spanjol u tar-Repubblika Portugiża (ĠU L 285, p. 1) kif ukoll mill-Konvenzjoni tad-29 ta' Novembru 1996 dwar l-adeżjoni tar-Repubblika ta' l-Awstrija, tar-Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju ta' l-Iżvezja (ĠU 1997, C 15, p. 1, minn hawn 'il quddiem il-"Konvenzjoni ta' Brussell").

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn il-Land Oberösterreichu u ČEZ as (iktar 'il quddiem "ČEZ") dwar inkonvenjenzi li ġew ikkawżati fl-artijiet agrikoli fl-Awstrija li huma l-proprjetà tagħha minħabba l-operazzjoni ta' ċ-ċentrali nukleari ta’ Temelin, li tinsab fit-territorju tar-Repubblika Ċeka.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-Konvenzjoni ta' Brussell

3       Fit-Titolu II, li jirrigwarda r-regoli tal-ġurisdizzjoni, fis-sezzjoni 1, intitolata "Dispożizzjonijiet Ġenerali", l-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni ta' Brussell jipprevedi:

"Bla ħsara għal din il-Konvenzjoni, persuni b'domiċilju fi Stat Kontraenti għandhom, indipendentement min-nazzjonalità tagħhom, jiġu mfittxija fil-qrati ta' dak l-Istat Kontraenti." [Traduzzjoni mhux uffiċjali]

4       Skond l-Artikolu 4(1) ta' din l-istess Konvenzjoni:

"Jekk il-konvenut ma jkunx domiċiljat fi Stat Kontraenti, il-ġurisdizzjoni tal-qrati ta' kull Stat Kontraenti għandha, bla ħsara għall-Artikoli 16, tkun determinata bil-liġi ta' dak l-Istat". [Traduzzjoni mhux uffiċjali]

5       L-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni ta' Brussel, li jinsab fis-sezzjoni 2 ta' l-imsemmi Titolu II, intitolata "Ġurisdizzjoni speċjali", jipprovdi:

"Il-konvenut domiċiljat fi Stat Kontraenti jista' jiġi mfittex fi Stat Kontraenti ieħor:

[...]

3)      f'materji li għandhom x'jaqsmu ma' tort, delitt jew kważi delitt, fil-qrati tal-post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq;

[...]" [traduzzjoni mhux uffiċjali]

6       L-Artikolu 16 tal-Konvenzjoni ta' Brussell, li jikkostitwixxi s-sezzjoni 5 tat-Titolu II ta' din, intitolata "Ġurisdizzjoni esklużiva", jipprovdi:

"Dawn il-qrati li ġejjin għandhom ikollhom ġurisdizzjoni esklużiva, indipendentament mid-domiċilju:

1)      a)     fi proċedimenti li jkollhom l-obbjettiv tagħhom in rem fi proprjetà immobbli jew kirjiet ta' proprjetà immobbli, il-qrati ta' l-Istat Kontraenti li fih tkun tinsab il-proprjetà;

[…]" [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

7       L-Artikolu 364(2) tal-Kodiċi Ċivili Awstrijak (Allgemeines bürgerliches Gesetzbuch,iktar 'il quddiem l-"ABGB") jipprovdi:

"Il-proprjetarju ta' immobbli jista' jipprojbixxi lill-ġar milli jifta' mill-fond tiegħu l-ilma ta' skart, id-duħħan, il-gass, is-sħana, l-irwejjaħ, il-ħoss, it-tregħid u inkonvenjenzi simili oħra, safejn dawn jaqbżu l-livell regolari fir-rigward tal-kundizzjonijiet lokali u jeffettwaw, b'mod partikolari, l-użu normali ta' l-immobbli. L-iskarikar dirett, mingħajr dritt ġuridiku speċifiku, huwa projbit f'kull każ."

8       Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li l-azzjoni meħuda fuq il-bażi ta' din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex twaqqaf l-inkonvenjenzi sostnuti fuq fond jew, ta' l-inqas, sabiex timpedixxi dawn permezz ta' miżuri xierqa. L-imsemmija azzjoni hija kkunsidrata, skond il-ġurisprudenza nazzjonali, bħala tip ta' actio negatoria ("Eigentumsfreiheitsklage") li timplementa pretenzjoni bbażata fuq id-dritt ta' proprjetà.

9       L-Artikolu 364 a ta' l-ABGB jipprovdi:

"Mandankollu, meta d-dannu, li jaqbeż dan il-livell, huwa kkważat minn minjieri jew impjant li huwa s-suġġett ta' awtorizzazzjoni amministrattiva fil-fond tal-ġar, il-possessur għandu d-dritt li jitlob, permezz ta' proċedimenti fil-qorti, il-kumpens tad-dannu sostnut biss, anki jekk dan jirriżulta minn ċirkustanzi li ma kinux ittieħdu in kunsiderazzjoni fil-proċedura ta' l-awtorizzazzjoni amministrattiva."

10     Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li tali dritt għal kumpens finanzjarju huwa indipendenti minn kull element ta' ħtija u jaqa' fl-ambitu tad-dritt tar-relazzjonijiet bejn il-ġirien.

 IL-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

11     Il-Land Oberösterreich huwa proprjetarju ta' diversi fondi intiżi għall-agrikoltura jew għall-esperimentazzjoni ta' l-agronomija li fihom stabbilixxa skola ta' l-agrikoltura. Dawn il-fondi jinsabu madwar 60 km miċ-ċentrali nukleari ta' Temelin, li bdiet tintuża b'mod sperimentali fid-9 ta' Ottubru 2000. Din iċ-ċentrali hija mmexxija minn ČEZ, impriża Ċeka li tipprovdi enerġija, ikkontrollata fis-70% mill-Istat Ċek, fuq art li hija l-proprjetà tagħha.

12     Bħala proprjetarju ta' l-imsemmija fondi u filwaqt li qies li l-operazzjoni ta' ċentrali nukleari ma jikkostitwixxix forma ta' eżerċizzju ta' poter pubbliku, iżda att ta' amministrazzjoni li jaqa' fl-ambitu ta' l-ekonomija privata suġġett għal proċedimenti fil-qrati ċivili, il-Land Oberösterreich ressaq rikors kontra ČEZ quddiem il-Landesgericht Linz fil-31 ta' Lulju 2001.

13     Dan ir-rikors kien intiż, prinċipalment, sabiex jikseb mandat ta' inibizzjoni kontra ČEZ , fuq il-fondi tal-Land Oberösterreich, sabiex jitwaqqfu l-effetti prodotti mir-radjazzjonijiet jonizzanti li joħorġu miċ-ċentrali ta' Temelin, safejn dawn l-effetti jaqbżu dawk li joħorġu minn ċentrali nukleari mmexxija skond il-parametri teknoloġiċi kurrenti. Alternattivament, l-imsemmi Land talab sabiex jiġi ordnat it-twaqqif tar-riskji prodotti minn dawn ir-radjazzjonijiet safejn dawn ir-riskji jaqbżu dawk li joħorġu minn ċentrali nukleari mmexxija skond il-parametri teknoloġiċi kurrenti.

14     Skond il-Land Oberösterreich, ir-radjazzjonijiet jonizzanti li joħorġu miċ-ċentrali ta' Temelin jikkostitwixxu inkonvenjenzi fis-sens ta' l-Artikolu 364(2) ta' l-ABGB. Ir-radjoattività prodotta minn din iċ-ċentrali waqt il-fażi sperimentali proprja jew, f'kull każ, ir-riskji ta' kontaminazzjoni tal-ħamrija fil-każ tal-ħidma normali taċ-ċentrali u, a fortiori, fil-każ ta' problemi fil-ħidma tagħha jaqbżu l-livell normali lokali u jippreġudikaw, għall-żmien twil, l-użu normali għal skopijiet ta' tgħammir, ta' tagħmir u ta' agrikoltura tal-fondi li huma l-proprjetà tal-Land Oberösterreich. Għalhekk il-kundizzjonijiet għal azzjoni ta' inibizzjoni, f'dan il-każ preventiva, huma sodisfatti.

15     ČEZ tenniet li l-qrati Awstrijaki ma kellhomx il-ġurisdizzjoni billi sostniet, b'mod partikolari, li l-Artikolu 16(1)(a) tal-Konvenzjoni ta' Brussell mhuwiex applikabbli għal azzjoni intiża sabiex twaqqaf l-inkonvenjenza. Fil-fatt, tali azzjoni għandha natura kumpensatorja u għaldaqstant taqa' taħt l-Artikolu 5(3) ta' l-imsemmija Konvenzjoni. Barra minn hekk, ČEZ tqis li mandat ta' inibizzjoni maħruġ kontra tagħha minn qorti Awstrijaka jista’ jippreġudika, bi ksur tad-dritt internazzjonali, is-sovranità territorjali u ġudizzjarja tar-Repubblika Ċeka u ma jistax jiġi eżegwit fit-territorju ta' din ta' l-aħħar.

16     Permezz ta' sentenza tas-17 ta' April 2002, il-Landesgericht Linz iddikjarat li m'għandhiex il-ġurisdizzjoni tiddeċiedi fuq it-talba tal-Land Oberösterreich. Din is-sentenza ġiet annullata fl-appell mill-Oberlandesgericht Linz li, permezz ta' sentenza tad-19 ta' Settembru 2003, qieset li l-qrati Awstrijaki kellhom il-ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu tali kawża skond l-Artikolu 16(1)(a) tal-Konvenzjoni ta' Brussell.

17     Tressaq rikors għal "Reviżjoni" kontra din l-aħħar deċiżjoni quddiem l-Oberster Gerichtshof li osservat li mill-proċess ma jirriżultax jekk iċ-ċentrali nukleari ta' Temelin kinitx is-suġġett ta' awtorizzazzjoni amministrattiva simili għal dik prevista mill-Artikolu 364 a ta' l-AGB.

18     Barra minn hekk, l-imsemmija qorti tqis li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tippermettix li tiddetermina b'ċertezza jekk azzjoni tat-tip bħal dik imressqa fuq il-bażi ta' l-Artikolu 364(2) ta' l-ABGB hijiex prevista mill-Artikolu 16(1)(a) tal-Konvenzjoni ta' Brussell jew jekk taqax taħt l-ipoteżi prevista mill-Artikolu 5(3) ta' l-imsemmija Konvenzjoni.

19     Fid-dawl ta' dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberster Gerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

"Il-frażi "fi proċedimenti li jkollhom l-obbjettiv tagħhom in rem fi proprjetà immobbli" imniżżla fl-Artikolu 16(1)(a) tal-Konvenzjoni [ta' Brussell] għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tipprevedi wkoll l-azzjonijiet (preventivi) ta' inibizzjoni, skond l-Artikolu 364(2) ta' l-[ABGB], li jipprojbixxu l-inkonvenjenzi li joħorġu minn fond li jinsab fi Stat ġar – li mhuwiex membru ta' l-Unjoni Ewropea – (f'dan il-każ: l-emissjoni ta' radjazzjonijiet jonizzanti li joħorġu minn ċentrali nukleari stabbilita fir-Repubblika Ċeka) fuq art li hija proprjetà tal-konvenut?"

 Fuq id-domanda preliminari

20     Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob jekk l-Artikolu 16(1)(a) tal-Konvenzjoni ta' Brussell għandux jiġi interpretat fis-sens li jaqa', fil-kategorija tal-kawżi "fi proċedimenti li jkollhom l-obbjettiv tagħhom in rem fi proprjetà immobbli" fis-sens ta' din id-dispożizzjoni, azzjoni, bħal dik meħuda fil-kawża prinċipali fuq il-bażi ta' l-Artikolu 364(2) ta' l-ABGB, li hija intiża sabiex timpedixxi l-inkonvenjenzi li jeffettwaw jew li jirriskjaw li tiġi effettwata l-art li hija l-proprjetà ta' l-attur ta' din l-azzjoni u prodotti mir-radjazzjonijiet jonizzanti li joħorġu minn ċentrali nukleari li tinsab fit-territorju ta' Stat ġar għal dak fejn jinsabu dawn il-beni.

 Kunsiderazzjonijiet preliminari

21     Għandu jiġi osservat, preliminarjament, li għalkemm ir-Repubblika Ċeka ma kinitx parti mill-Konvenzjoni ta' Brussell fid-data meta l-Land Oberösterreich ressqet rikors quddiem il-qrati Awstrijaċi u li l-konvenuta fil-kawża prinċipali ma kinitx, għaldaqstant, iddomiċiljata fit-territorju ta' Stat Kontraenti fl-istess data, tali ċirkustanza ma tostakolax l-applikazzjoni eventwali ta' l-Artikolu 16 ta' din il-Konvenzjoni, kif jirriżulta espressament mill-Artikolu 4(1) tagħha.

22     Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 1(1) tal-Konvenzjoni ta' Brussell, din tapplika, f'materji ċivili u kummerċjali indipendentament mill-qorti jew mit-tribunal iżda hija "ma testendix, b'mod partikolari, għad-dħul minn taxxi, dwana jew materji amministrattivi" [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Minn ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li l-kunċett ta' "materji ċivili u kummerċjali" għandu jitqies bħala kunċett awtonomu li għandu jiġi interpretat b'riferiment, minn naħa, għall-għanijiet u għas-sistema ta' l-imsemmija Konvenzjoni u, minn naħa l-oħra, għall-prinċipji ġenerali li joħorġu mis-sistemi kollha ta' dritt nazzjonali. Huwa minħabba dan, b'mod partikolari, li l-kamp ta' applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta' Brussell għandu jiġi ddeterminat essenzjament fid-dawl ta' l-elementi li jikkaratterizzaw in-natura tar-relazzjonijiet ġuridiċi bejn il-partijiet fil-kawża jew is-suġġett tagħha (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tas-16 ta' Diċembru 1980, Rüffer, 814/79, Ġabra p. 3807, punti 7 u 14).

23     Il-qorti tar-rinviju, li għandha tanalizza tali elementi u tiddetermina, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jekk il-Konvenzjoni ta' Brussell hijiex applikabbli għal kawża bħal dik li hija għandha quddiemha, ma saqsitx lill-Qorti tal-Ġustizzja fuq l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 1 ta' din il-Konvenzjoni. Fid-dawl ta' din iċ-ċirkustanza u tar-risposta adottata hawn taħt għad-domanda mressqa, mhuwiex neċessarju li tistħarreġ iktar fuq il-portata ta' l-imsemmija dispożizzjoni.

 Fuq l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 16(1)(a) tal-Konvenzjoni ta' Brussell

24     Kif jirriżulta mill-Artikolu 16(1)(a) tal-Konvenzjoni ta' Brussell, il-qrati ta' l-Istat Kontraenti li fih tkun tinsab il-proprjetà immobbli għandhom ikollhom ġurisdizzjoni esklużiva fi proċedimenti li jkollhom l-obbjettiv tagħhom in rem fi proprjetà immobbli.

25     Rigward dan, għandu jiġi mfakkar li, sabiex jiġu assigurati, safejn possibbli, l-ugwaljanza u l-uniformità tad-drittijiet u l-obbligi li joħorġu mill-Konvenzjoni ta' Brussell għall-Istati Kontraenti u l-persuni interessati, għandu jiġi ddeterminat, b'mod awtonomu, fid-dritt Komunitarju, is-sens tal-frażi "fi proċedimenti li jkollhom l-obbjettiv tagħhom in rem fi proprjetà immobbli" (ara, b'mod partikolari, is-sentenza ta' l-10 ta' Jannar 1990, Reichert u Kockler, C‑115/88, Ġabra p. I‑27, punt 8).

26     Minn ġurisprudenza kostanti, jirriżulta wkoll li, peress li huma jintroduċu eċċezzjoni għar-regoli ġenerali ta' ġurisdizzjoni fil-Konvenzjoni ta' Brussell, id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 16 ta' din u, b'mod partikolari, il-paragrafu (1)(a) tagħha m'għandhomx għalhekk jiġu interpretati b'mod iktar wiesgħa milli hu mitlub mill-iskop tagħhom (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tat-13 ta' Ottubru 2005, Klein, C‑73/04, li għada ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 15 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27     Fil-fatt, hija, b'mod partikolari, b'deroga għall-prinċipju ġenerali li jinsab fl-Artikolu 4(1), tal-Konvenzjoni, jiġifieri, meta l-konvenut ma jkunx iddomiċiljat fit-territorju ta' Stat Kontraenti, kull Stat Kontraenti għandu japplika r-regoli tiegħu tal-ġurisdizzjoni internazzjonali, li l-Artikolu 16(1) ta' l-istess Konvenzjoni jipprovdi li, fil-qasam tad-drittijiet in rem fil-proprjetà immobbli u tal-kuntratt ta' kiri ta' proprjetà immobbli, il-qrati ta' l-Istat Kontraenti fejn tinsab l-proprjetà jkollhom ġurisdizzjoni esklużiva.

28     Rigward l-għan li jrid jintlaħaq mill-Artikolu 16(1)(a) tal-Konvenzjoni ta' Brussell, jirriżulta kemm mir-rapport ta' Jenard dwar il-Konvenzjoni ta' Brussell (ĠU 1979, C 59, p. 1) kif ukoll minn ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja li r-raġuni essenzjali għall-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati ta' l-Istat Kontraenti fejn tinsab il-proprjetà immobbli, huwa l-fatt li hija l-qorti tal-post fejn jinsab l-immobbli li hija fl-aħjar pożizzjoni li tiddeċiedi kontroversi fi proċedimenti li jkollhom l-obbjettiv tagħhom in rem fi proprjetà immobbli (ara, b'mod partikolari, is-sentenza ta' l-14 ta' Diċembru 1977, Sanders, 73/77, Ġabra p. 2383, punti 11 u 12).

29     Fil-fatt, rigward b'mod partikolari l-kontroversji li jikkonċernaw in rem fi proprjetà immobbli, dawn għandhom, b'mod ġenerali jiġu deċiżi skond ir-regoli ta' l-Istat fejn jinsab l-immobbli u l-kontestazzjonijiet li jirriżultaw minnhom jeħtieġu frekwentament verifiki, investigazzjonijiet u perizji li jkollhom isiru fil-post, b'mod li l-għotja tal-ġurisdizzjoni esklużiva lill-qorti fejn jinsab l-immobbli, li hija f'pożizzjoni li jkollha għarfien tas-sitwazzjonijiet ta' fatt, minħabba l-prossimità, tissodisfa l-ħtieġa ta' amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi, iċċitati iktar 'il fuq Sanders, punt 13 kif ukoll Reichert u Kockler, punt 10).

30     Huwa fid-dawl tal-prinċipji interprettativi, kif imfakkra, li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 16(1)(a) tal-Konvenzjoni ta' Brussell għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati ta' l-Istat Kontraenti fejn jinsab l-immobbli ma tkoprix l-azzjonijiet kollha li jikkonċernaw id-drittijiet in rem fi proprjetà immobbli, iżda tkopri biss dawk li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' l-imsemmija Konvenzjoni u fl-istess ħin huma intiżi sabiex jiddeterminaw il-portata, il-konsistenza, il-proprjetà, il-pussess ta' beni immobbli jew l-eżistenza ta' drittijiet in rem oħra u li jassiguraw, lill-proprjetarji ta' dawn id-drittijiet, il-protezzjoni tal-prerogattivi li joħorġu mit-titolu tagħhom (sentenza Reichert u Kockler, iċċitata iktar 'il fuq, punt 11).

31     Kif sostnut ġustament minn ČEZ, mill-gvern tar-Renju Unit u mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, azzjoni ta' inibizzjoni għall-inkonvenjenzi, fil-każ preżenti ta' natura preventiva, bħal dik imressqa fil-kuntest tal-kawża prinċipali, ma taqax fil-kategorija ta' l-azzjonijiet bħal dawk iddefiniti fil-punt preċedenti.

32     F'dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li r-rapport ta' Jenard, imsemmi hawn fuq (p. 1, 34 u 35), jenfasizza li regola ta' ġurisdizzjoni bħal dik imniżżla fl-Artikolu 16(1)(a) tal-Konvenzjoni ta' Brussell, li "hija bbażata fuq is-suġġett tat-talba" tiġi applikata fil-preżenza ta' "konstatazzjonijiet li għandhom bħala suġġett drittijiet in rem fuq l-immobbli" [traduzzjoni mhux uffiċjali].

33     Rigward ir-rapport ta' Schlosser fuq il-Konvenzjoni dwar l-adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, ta' l-Irlanda u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq mal-Konvenzjoni ta' Brussell (ĠU 1979, C 59, p. 71, punt 163), huwa jenfasizza, rigward dan, li kien faċli għall-esperti tal-kumitat li kien beda l-imsemmi rapport, li jikkonstataw li l-azzjonijiet għal danni bbażati fuq il-ksur ta' drittijiet in rem jew fuq danni kkawżati fuq beni immobbli suġġetti għal drittijiet reali ma jaqgħux taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 16(1)(a) ta' l-imsemmija Konvenzjoni, peress li l-eżistenza u l-kontenut tad-dritt in rem, normalment il-proprjetà, għandhom biss importanza inċidentali f'dan il-kuntest.

34     Qabel kollox, azzjoni ta' inibizzjoni għall-inkonvenjenzi, f'dan il-każ ta' natura preventiva, bħal dik fil-kawża prinċipali, ma tikkostitwixxix kontestazzjoni li għandha bħala suġġett dritt in rem fuq immobbli. Huwa minnu li l-bażi ta' tali azzjoni tinsab fil-ħsara li saret lid-dritt in rem fi proprjetà immobbli, iżda n-natura in rem u immobbiljari ta' dan id-dritt għandu biss importanza inċidentali. Kif enfasizzaw ČEZ u l-Kummissjoni, din in-natura in rem u immobbiljari tad-dritt in kwistjoni ma teżerċitax infuwenza determinanti fuq il-kwistjonijiet li għandhom jiġu deċiżi fil-kawża prinċipali, li ma tippreżentax ruħha f'termini sostanzjalment differenti jekk id-dritt li għalih qed tintalab protezzjoni kontra l-inkonvenjenzi allegati kien ta' natura differenti, bħal, per eżempju, id-dritt għall-integrità fiżika jew id-dritt fuq mobbli. Eżattament bħall-azzjoni fil-kawża prinċipali, tali azzjonijiet huma intiżi, essenzjalment, sabiex jiksbu li dak li ħoloq din il-ħsara, reali jew potenzjali, lil dritt, b'mod partikolari minħabba li ma osservax il-parametri teknoloġiċi kurrenti, jiġi msejjaħ iwaqqafha.

35     Huwa importanti wkoll li jiġi enfasizzat li l-kunsiderazzjonijiet ta' amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja li hemm fil-bażi ta' l-Artikolu 16 (1)(a) tal-Konvenzjoni ta' Brussell, kif ġew imfakkra fil-punt 29 ta' din is-sentenza, ma jistgħux jiġu applikati fil-każ ta' azzjoni ta' inibizzjoni għal inkonvenjenzi, f'dan il-każ ta' natura preventiva, bħal dik fil-kawża prinċipali u, għaldaqstant, ma jipprekludux il-fatt li tali azzjoni ma tidħolx fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-dispożizzjoni.

36     Fil-fatt, min-naħa waħda, bħal f'dan il-każ, meta jkun hemm żewġ immobbli li jinsabu fit-territorju ta' żewġ Stati differenti, ma jistax jiġi meqjus li azzjoni bħal dik li għandha quddiema l-qorti tar-rinviju għandha, b'mod ġenerali, tiġi deċiża skond ir-regoli ta' wieħed pjuttost milli ta' l-ieħor minn dawn iż-żewġt istati.

37     Hekk kif juri, f'dan ir-rigward, l-Artikolu 364(2) ta' l-ABGB, billi jipprevedi li l-inkonvenjenzi li twaqqif tagħhom jista' jiġi ordnat, huma dawk prodotti mill-"ġar" li "jaqbżu l-livell regolari fir-rigward tal-kundizzjonijiet lokali u jeffettwaw, b'mod partikolari, l-użu normali ta' l-immobbli" [traduzzjoni mhux uffiċjali], azzjoni ta' din in-natura timplika ġeneralment il-kusiderazzjoni ta' kriterji proprji tal-post fejn jinsabu l-immobbli kkonċernati. F'dan il-każ, jidher diffiċli li wieħed jikkunsidra li dispożizzjoni ta' dan it-tip għandha esklużività meta d-distanza bejn iż-żewġ immobbli in kwistjoni għandha preċiżament bħala effett potenzjali li dawn jiġu sottomessi għall-kundizzjonijiet normali lokali differenti.

38     Min-naħa l-oħra, l-eżami ta' tali azzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali ma tirrikjedix evalwazzjoni tal-fatti li, peress li huma partikolarment speċifiċi għall-post, ikunu ta' tali natura li jiġġustifikaw il-ġurisdizzjoni tal-qrati ta' wieħed miż-żewġt istati in kwistjoni u jeskludu l-ġurisdizzjoni ta' dawk ta' l-ieħor. B'hekk fil-punti 15 u 17 tas-sentenza tat-30 ta' Novembru 1976, Bier, imsejħa "Mines de potasse d’Alsace" (21/76, Ġabra p. 1735), mogħtija fir-rigward ta' azzjoni ta' responsabbiltà mressqa minħabba dannu materjali kkawżat minn fond sitwat fi Stat Membru minn skarikar inkwinanti fi xmara prodott minn operazzjoni fi Stat Membru ieħor, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li, fil-każ ta' sitwazzjoni ta' dan it-tip, il-post ta' l-avveniment li kkawża d-dannu mhux inqas mill-post fejn seħħ id-dannu jistgħu, skond iċ-ċirkustanzi, jipprovdu indikazzjoni partikolarment utli għal dak li jikkonċerna l-prova u l-amministrazzjoni tal-proċedimenti.

39     Fil-kawża prinċipali, kif jirriżulta mid-digriet tar-rinviju, l-azzjoni meħuda mil-Land Oberösterreich hija intiża sabiex tiddetermina jekk l-effetti prodotti jew li hemm riskju li jiġu prodotti mir-radjazzjonijiet jonizzanti li qed joħorġu miċ-ċentrali ta' Temelin jaqbżux l-effetti jew ir-riskji normalment konnessi ma' l-operazzjoni ta' ċentrali skond il-parametri teknoloġiċi kurrenti. Hekk kif osservaw ġustament ČEZ, il-gvern tar-Renju Unit u l-Kummissjoni, tali evalwazzjoni timplika, b'mod evidenti, verifiki li għandhom, fil-biċċa l-kbira, isiru fil-post ta' l-impjant ta' l-imsemmija ċentrali.

40     Fil-dawl ta' dak li ntqal qabel, ir-risposta għad-domanda mressqa għandha tkun li l-Artikolu 16(1)(a) tal-Konvenzjoni ta' Brussell għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jaqax fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-dispożizzjoni, azzjoni, bħal dik meħuda fil-kawża prinċipali fuq il-bażi ta' l-Artikolu 364(2) ta' l-ABGB, li hija intiża sabiex timpedixxi l-inkonvenjenzi li jeffettwaw jew li jirriskjaw li tiġi effettwata l-art li hija l-proprjetà ta' l-attur ta' din l-azzjoni u li huma prodotti mir-radjazzjonijiet jonizzanti li joħorġu minn ċentrali nukleari li tinsab fit-territorju ta' Stat ġar għal dak fejn jinsabu dawn il-beni.

 Fuq l-ispejjeż

41     Peress li l-proċedura preżenti għandha, fir-rigward għall-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mressqa quddiem il-Qorti tar-rinviju, hija din il-Qorti li għaldaqstant tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjonijiet ta' osservazzjonijiet lill-Qorti, minbarra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta' u tiddeċiedi:

L-Artikolu 16(1)(a) tal-Konvenzjoni tal-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968, dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi ta’ natura ċivili u kummerċjali, kif emendata l-aħħar darba mill-Konvenzjoni tad-29 ta' Novembru 1996 dwar l-adeżjoni tar-Repubblika ta' l-Awstrija, tar-Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju ta' l-Iżvezja, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jaqax fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-dispożizzjoni, azzjoni, bħal dik meħuda fil-kawża prinċipali fuq il-bażi ta' l-Artikolu 364(2) tal-Kodiċi Ċivili Awstrijak (Allgemeines bürgerliches Gesetzbuch), li hija intiża sabiex timpedixxi l-inkonvenjenzi li jeffettwaw jew li jirriskjaw li tiġi effettwata l-art li hija l-proprjetà ta' l-attur ta' din l-azzjoni u li huma prodotti mir-radjazzjonijiet jonizzanti li joħorġu minn ċentrali nukleari li tinsab fit-territorju ta' Stat ġar għal dak fejn jinsabu dawn il-beni.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.