Language of document : ECLI:EU:F:2016:64

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA
(It-Tieni Awla)

17 ta’ Marzu 2016

Kawża F‑2/15

Gergő Pasqualetti

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku – Membru tal-persunal temporanju rreklutat mis-SEAE – Allowance ta’ installazzjoni – Allowance ta’ kuljum – Post ta’ oriġini – Post ta’ reklutaġġ – Bidla ta’ residenza – Rikors għal annullament – Kawża għad-danni – Ġurisdizzjoni sħiħa”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu G. Pasqualetti jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-4 ta’ Marzu 2014 tal-Kummissjoni Ewropea li tirrifjutalu l-benefiċċji tal-allowance ta’ installazzjoni u tal-allowance ta’ kuljum mad-dħul fil-kariga tiegħu, fis-16 ta’ Frar 2014, mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE).

Deċiżjoni:      Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal-4 ta’ Marzu 2014 li permezz tagħha hija tirrifjuta li tagħti lil G. Pasqualetti l-benefiċċji tal-allowance ta’ installazzjoni u tal-allowance ta’ kuljum, previsti fl-Artikolu 5(1) u fl-Artikolu 10(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, hija annullata. Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata tħallas lil G. Pasqualetti, skont ir-regoli fis-seħħ li jirriżultaw mir-Regolamenti tal-Persunal, l-ammonti tal-allowances imsemmija fil-punt 1 tad-dispożittiv, miżjuda bl-interessi moratorji, mid-dati li fihom dawn kienu dovuti rispettivament u sad-data tal-ħlas effettiv, bir-rata ffissata mill-Bank Ċentrali Ewropew għat-tranżazzjonijiet prinċipali ta’ finanzjament mill-ġdid u applikabbli matul il-perijodu kkonċernat, miżjuda b’żewġ punti. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess u hija kkundannata tbati l-ispejjeż sostnuti minn G. Pasqualetti.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Rimbors ta’ spejjeż – Allowance ta’ installazzjoni – Allowance ta’ kuljum – Kunċett ta’ residenza – Ċentru tal-interessi tal-uffiċjal

(Regolamenti tal-Persunal, Anness VII, Artikoli 5 u 10; Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra, Artikolu 22)

2.      Rikorsi tal-uffiċjali – Suġġett – Ordni indirizzata lill-amministrazzjoni – Ġurisdizzjoni sħiħa – Talba għal ħlas – Ammonti dovuti fir-rigward tal-allowance ta’ installazzjoni u tal-allowance ta’ kuljum – Assenza ta’ kalkolu mir-rikorrent – Ammonti li jistgħu jiġu ddeterminati direttament u oġġettivament – Ammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91(1) u Anness VII, Artikoli 5 u 10)

1.      Skont l-Artikoli 5 u 10 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, l-allowance tal-installazzjoni u l-allowance ta’ kuljum għandhom jitħallsu lill-uffiċjal stabbilit li jiġġustifika li bidla fil-post tar-residenza tiegħu kienet meħtieġa sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti tal-Artikolu 20 tar-Regolamenti tal-Persunal.

F’dan il-każ, ir-residenza abitwali hija l-post fejn il-persuna kkonċernata stabbilixxiet, bl-intenzjoni li dan ikun stabbli, iċ-ċentru permanenti jew abitwali tal-interessi tagħha. Il-kunċett ta’ residenza, filwaqt li ma huwiex ibbażat fuq informazzjoni purament kwantitattiva taż-żmien mgħoddi minn persuna f’territorju, jimplika madankollu, minbarra l-fatt li persuna tgħix fiżikament f’ċertu post, l-intenzjoni li dan il-fatt jingħata kontinwità li tirriżulta minn abitudni tal-ħajja u l-iżvilupp ta’ rapporti soċjali normali.

Konsegwentement, jekk uffiċjal ikun iġġustifika li bidla fil-post tar-residenza tiegħu kienet meħtieġa sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti tal-Artikolu 20 tar-Regolamenti tal-Persunal, il-fatt li huwa kien diġà, fil-mument tar-reklutaġġ tiegħu, fil-post ta’ impjieg futur tiegħu ma jaffettwax l-għoti tal-allowance tal-installazzjoni u tal-allowance ta’ kuljum.

(ara l-punti 31, 32 sa 58)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenza tal-5 ta’ Frar 1987, Mouzourakis vs Il‑Parlament, 280/85, EU:C:1987:66

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: sentenza tal-10 ta’ Lulju 1992, Benzler vs Il‑Kummissjoni, T‑63/91, EU:T:1992:88

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenzi tas-16 ta’ Jannar 2007, Borbély vs Il‑Kummissjoni, F‑126/05, EU:F:2007:12, punti 33 u 49, u tad-19 ta’ Marzu 2013, Infante Garcia-Consuegra vs Il‑Kummissjoni, F‑10/12, EU:F:2013:38, punt 29

2.      Il-qorti tal-Unjoni ma tistax, mingħajr ma tidħol fuq il-prerogattivi ta’ l-awtorità amministrattiva, tindirizza ordni lil istituzzjoni tal-Unjoni, billi tordnaha tieħu l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza li tannulla deċiżjoni. Madankollu, fit-tilwim ta’ natura pekunjarja, il-qorti tal-Unjoni għandha ġurisdizzjoni sħiħa, konformement mat-tieni sentenza tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, li tippermettilha tikkundanna lill-istituzzjoni konvenuta għall-ħlas ta’ ammonti ddeterminati u miżjuda, skont il-każ, bl-interessi moratorji.

Fil-kuntest ta’ rikors għal annullament kontra r-rifjut li r-rikorrent jingħata il-benefiċċju tal-allowance tal-installazzjoni u tal-allowance ta’ kuljum, il-kap tat-talbiet intiż għall-kundanna tal-amministrazzjoni għall-ħlas tal-ammonti dovuti fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ allowances, miżjuda bl-interessi moratorji, huwa suffiċjentement preċiż u għandu jiġi ddikjarat ammissibbli anki jekk ir-rikorrent ma jkunx ippreżenta kalkolu tal-ammonti mitluba, għaliex dawn jistgħu jiġu ddeterminati direttament u oġġettivament bl-applikazzjoni ta’ żewġ parametri ċari u inkontestabbli, jiġifieri s-salarju bażiku tar-rikorrent u r-rikonoxximent jew le tad-dritt tiegħu għall-allowance tad-dar, fil-mument u matul il-perijodi rilevanti għall-finijiet ta’ kull waħda mid-dispożizzjonijiet li jipprevedu dawn l-allowances.

(ara l-punti 66 sa 68)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza tas-16 ta’ Novembru 2007, Borbély vs Il‑Kummissjoni, F‑126/05, EU:F:2007:12, punti 71 sa 73