Language of document : ECLI:EU:F:2014:23

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tielet Awla)

tal-25 ta’ Frar 2014

Kawża F‑118/11

Luigi Marcuccio

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra dwar l-irtirar mhux volontarju ta’ uffiċjal u l-għoti ta’ allowance tal-invalidità — Deċiżjoni li ma tiddeċidix fuq l-oriġini professjonali tal-marda li ġġustifikat l-irtirar mhux volontarju — Obbligu tal-Awtorità tal-Ħatra li tirrikonoxxi l-oriġini professjonali tal-marda — Il-ħames paragrafu tal-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal — Neċessità li jitlaqqa Kumitat tal-Invalidità ġdid — Rilevanza ta’ deċiżjoni preċedenti adottata skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal — Artikolu 76 tar-Regoli tal-Proċedura — Rikors parzjalment manifestament inammissibbli u parzjalment manifestament infondat”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA abbażi tal-Artikolu 106a tiegħu, li bih L. Marcuccio jitlob, b’mod partikolari, l-annullament tad-deċiżjoni impliċita li biha l-Kummissjoni Ewropea ċaħdet it-talba tiegħu intiża biex din tal-aħħar tadotta deċiżjoni dwar jew relattiva għar-rikonoxximent tal-oriġini professjonali tal-marda li wasslet lil din l-istituzzjoni biex tpoġġi lir-rikorrent f’irtirar mhux volontarju minħabba invalidità, kif ukoll l-għoti ta’ diversi kumpensi relattivi għal danni allegatament subiti u li għadhom jiġu subiti minnu minħabba n-nuqqas illegali tal-Kummissjoni, mit-30 ta’ Mejju 2005, li tadotta deċiżjoni dwar ir-rikonoxximent tal-oriġini professjonali ta’ din il-marda.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud bħala parzjalment manifestament inammissibbli u parzjalment manifestament infondat. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Sommarju

1.      Proċedura ġudizzjarja — Preżentata tar-risposta — Terminu — Kontinwazzjoni ta’ proċedura sospiża — Bidu tad-dekorrenza

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikoli 39(1) u (3), 100(3) u 116; Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91(4) u 90(2))

2.      Rikorsi tal-uffiċjali — Rikors intiż għall-astensjoni tal-amministrazzjoni milli tadotta deċiżjoni — Motivi intiżi għall-annullament tar-rifjut u għall-konstatazzjoni ta’ nuqqas — Rimedju legali wieħed u uniku

(Ir-raba’ paragrafu tal-Artikoli 263 u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 265 TFUE; Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90(1) u (2))

3.      Uffiċjali — Pensjonijiet — Pensjoni tal-invalidità — Determinazzjoni tal-oriġini professjonali tal-marda — Kompetenza tal-Kumitat tal-Invalidità

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 11, 73 u 78; Anness VIII, Artikolu 13)

4.      Uffiċjali — Deċiżjoni li tikkawża preġudizzju — Obbligu ta’ motivazzjoni — Portata — Insuffiċjenza ta’ motivazzjoni — Regolarizzazzjoni matul il-proċedura kontenzjuża — Kundizzjonijiet

(It-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE; Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 25)

5.      Uffiċjali — Pensjonijiet — Pensjoni tal-invalidità — Determinazzjoni tal-oriġini professjonali tal-marda — Bidu tal-proċedura wara l-preżentata tar-rikors — Konsegwenzi

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 73 u 78)

1.      F’kawża sospiża abbażi tal-Artikolu 91(4) tar-Regolamenti tal-Persunal, deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda ta’ lment timplika t-tmiem tas-sospensjoni tal-proċedura u l-konvenut ikollu, b’applikazzjoni tal-Artikolu 39(1) u tal-Artikolu 100(3) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, terminu ta’ xahrejn minn meta tintemm is-sospensjoni, li miegħu jiżdied it-terminu ta’ dekadenza ta’ għaxart-ijiem, biex tiġi ppreżentata risposta. Peress li tali termini huma ta’ ordni pubbliku u, konsegwentement, ma huma la għad-dispożizzjoni tal-partijiet u lanqas għal dik tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, it-tkomplija tal-proċedura f’tali ċirkustanzi, l-istess bħall-komputazzjoni tat-terminu inkwistjoni, ma jiddependux minn informazzjoni li għandha tiġi pprovduta formalment mit-Tribunal.

B’hekk, ittra tal-konvenut, li għandha titqies li hija risposta, ippreżentata fit-termini, u li titlob lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku biex jiddeċiedi dwar nuqqas ta’ lok li tingħata deċiżjoni, twassal għar-rifjut tat-talba tar-rikorrent intiża biex it-talbiet tiegħu jiġu deċiżi b’deċiżjoni mogħtija fil-kontumaċja, b’applikazzjoni tal-Artikolu 116 tar-Regoli tal-Proċedura.

(ara l-punti 35 sa 38)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 14 ta’ Novembru 2006, Villa et vs Il-Parlament, F‑4/06, punti 24 u 26, u l-ġurisprudenza ċċitata; 23 ta’ April 2008, Pickering vs Il-Kummissjoni, F‑103/05, punti 49 u 51; 7 ta’ Lulju 2011, Pirri vs Il-Kummissjoni, F‑21/11, punt 14

2.      Kapijiet ta’ talbiet għal annullament b’rabta, rispettivament, mal-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal u mal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, jistgħu jitħalltu ħafna fil-kuntest, f’kawża dwar il-legalità tal-atti tal-Unjoni, ta’ rikors intiż għall-annullament ta’ att li jirrifjuta l-adozzjoni ta’ deċiżjoni abbażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u ta’ rikors intiż għall-konstatazzjoni tal-astensjoni illegali ta’ istituzzjoni milli tadotta tali deċiżjoni abbażi tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 265 TFUE, żewġ dispożizzjonijiet li jikkostitwixxu rimedju legali wieħed u uniku.

(ara l-punt 52)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 18 ta’ Novembru 1970, Chevalley vs Il-Kummissjoni, 15/70, punt 6

3.      Fil-proċedura dwar l-irtirar mhux volontarju minħabba invalidità ta’ uffiċjal, l-Awtorità tal-Ħatra ma tistax tadotta deċiżjoni li tirrikonoxxi l-oriġini professjonali ta’ marda li ġġustifikat l-irtirar mhux volontarju minħabba invalidità mingħajr ma jkollha għal dan l-iskop l-opinjoni tal-Kumitat tal-Invalidità kkostitwit għal dan il-għan u li għall-kostituzzjoni tiegħu l-uffiċjal għandu jikkontribwixxi kemm f’dak li jirrigwarda n-nomina ta’ wieħed mit-tobba li jifformaw dan il-kumitat kif ukoll fil-provvista tal-provi kollha li jistgħu jkunu utli għalih biex jagħti evalwazzjonijiet mediċi inerenti għax-xogħlijiet tiegħu.

Huwa wkoll l-uffiċjal li għandu jitlob il-benefiċċju tal-ħames paragrafu tal-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal, u meta titressaq tali talba fir-rigward tal-oriġini professjonali ta’ marda, hija fil-prinċipju l-istituzzjoni kkonċernata li għandha tagħti bidu għall-proċedura ta’ rikonoxximent tal-oriġini professjonali. Madankollu, l-istituzzjoni ma tistax tinjora konsultazzjoni ġdida tal-Kumitat tal-Invalidità u tirrikonoxxi immedjatament, mingħajr ebda formalità, l-oriġini professjonali tal-marda invokata.

Barra minn hekk, fid-dawl tal-fatt li l-proċeduri skont l-Artikoli 73 u 78 jistgħu leġittimament iwasslu għal riżultati mediċi diverġenti fir-rigward tal-istess sitwazzjoni fattwali, u b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna l-oriġini professjonali tal-marda li tolqot lill-istess uffiċjal, l-Awtorità tal-Ħatra lanqas ma tista’ tibbaża ruħha fuq il-konklużjonijiet li jirrikonoxxu marda kkaġunata mix-xogħol skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal, biex tilqa’ immedjatament talba intiża biex jiġi rrikonoxxut, skont il-ħames paragrafu tal-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal, li l-marda li ġġustifikat l-irtirar mhux volontarju minħabba invalidità tal-persuna interessata għandha wkoll oriġini professjonali.

Finalment, il-Qorti tal-Unjoni ma għandhiex tissostitwixxi ruħha għall-istituzzjoni kkonċernata jew għall-Kumitat tal-Invalidità biex tiddetermina hija stess, fin-nuqqas ta’ kull proċedura mibdija bil-għan tar-rikonoxximent tal-oriġini professjonali, jekk il-marda li ġġustifikat id-deċiżjoni tal-irtirar mhux volontarju hijiex ta’ oriġini professjonali.

(ara l-punti 58 sa 63, 66 u 68)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 12 ta’ Jannar 1983, K vs Il-Kunsill, 257/81, punti 11, 12, 14, 15 u 20

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 27 ta’ Frar 1992 Plug vs Il-Kummissjoni, T‑165/89, punt 67; 14 ta’ Mejju 1998, Lucaccioni vs Il-Kummissjoni, T‑165/95, punt 149; 1 ta’ Lulju 2008, Il-Kummissjoni vs D., T‑262/06 P, punt 70

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 22 ta’ Mejju 2007, López Teruel vs UASI, F‑97/06, punti 48 u 68; 1 ta’ Frar 2008, Labate vs Il-Kummissjoni, F‑77/07, punt 12; 30 ta’ Ġunju 2011, Marcuccio vs Il-Kummissjoni, F‑14/10, punt 60; 6 ta’ Novembru 2012, Marcuccio vs Il-Kummissjoni, F‑41/06 RENV, punti 98 u 99

4.      Il-firxa tal-obbligu ta’ motivazzjoni għandha, f’kull każ, tiġi evalwata skont iċ-ċirkustanzi konkreti. Deċiżjoni hija motivata biżżejjed jekk tkun saret f’ċirkustanzi li l-uffiċjal ikkonċernat ikun jaf bihom, li jippermettulu jifhem il-portata tal-miżura meħuda fir-rigward tiegħu.

F’każ ta’ insuffiċjenza fil-motivazzjoni, motivi ppreżentati matul il-proċedura jistgħu, f’każijiet eċċezzjonali, jagħmlu mingħajr skop lil motiv ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

F’tali sitwazzjoni, l-amministrazzjoni tista’ tipprovdi motivazzjoni supplimentari matul il-kawża li tkun suffiċjenti biex id-deċiżjoni ta’ ċaħda impliċita tagħha, b’mod partikolari meta din l-aħħar deċiżjoni jkollha tiġi evalwata bħala deċiżjoni ta’ ċaħda “fl-istat”, jiġifieri fl-istat tal-proċedura ta’ rikonoxximent tal-oriġini professjonali tal-marda tar-rikorrent magħmula skont l-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal u, bħala tali, ma tkun b’ebda mod tippreġudika d-deċiżjoni li għandha tiġi adottata fl-aħħar tal-proċedura msemmija.

(ara l-punti 71 sa 73 u 78)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 26 ta’ Novembru 1981, Michel vs Il-Parlament, 195/80, punt 22; 27 ta’ Marzu 1985, Kypreos vs Il-Kunsill, 12/84, punt 8; 8 ta’ Marzu 1988, Sergio et vs Il-Kummissjoni, 64/86, 71/86 sa 73/86 u 78/86, punt 52; 28 ta’ Frar 2008, Neirinck vs Il-Kummissjoni, C‑17/07 P, punti 50 u 51

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 20 ta’ Marzu 1991, Pérez-Mínguez Casariego vs Il-Kummissjoni, T‑1/90, punt 73; 6 ta’ Lulju 1995, Ojha vs Il-Kummissjoni, T‑36/93, punt 60; 12 ta’ Diċembru 2002, Morello vs Il-Kummissjoni, T‑135/00, punt 28; 1 ta’ April 2004, N vs Il-Kummissjoni, T‑198/02, punt 70; 6 ta’ Lulju 2004, Huygens vs Il-Kummissjoni, T‑281/01, punt 105; 15 ta’ Settembru 2005, Casini vs Il-Kummissjoni, T‑132/03, punt 36

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 31 ta’ Marzu 2011, Hecq vs Il-Kummissjoni, F‑10/10, punt 68

5.      Ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ bidu ta’ proċedura għall-finijiet tar-rikonoxximent tal-oriġini professjonali tal-marda tar-rikorrent ikun nieqes fil-mertu meta l-Awtorità tal-Ħatra tkun, wara l-preżentata tar-rikors mill-uffiċjal ikkonċernat, laqgħet it-talba tiegħu.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, minn naħa, hija l-Awtorità tal-Ħatra li qabel ma tippronunzja ruħha, għandha mill-ġdid tressaq il-każ quddiem il-Kumitat tal-Invalidità, li jkollu jivverifika jekk l-istat patoloġiku tar-rikorrent għandux relazzjoni diretta biżżejjed ma’ riskju speċifiku u tipiku, inerenti għall-funzjonijiet li eżerċita r-rikorrent u, min-naħa l-oħra, huwa r-rikorrent, fl-interess tiegħu li jkollu s-sitwazzjoni amministrattiva tiegħu ċċarata, li għandu jagħti l-kollaborazzjoni sħiħa tiegħu għas-sejħa ta’ Kumitat tal-Invalidità u għall-iżvolġiment tajjeb tal-inkarigu tiegħu.

(ara l-punti 81 u 82)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 12 ta’ Lulju 1988, Il-Parlament vs Il-Kunsill, 377/87, punt 10