Language of document : ECLI:EU:F:2007:234

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(L-Ewwel Awla)

14 ta’ Diċembru 2007

Kawża F-131/06

Robert Steinmetz

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Ftehim bonarju – Implementazzjoni ta’ ftehim – Rifjut ta’ ħlas lura ta’ spejjeż fil-kuntest ta’ missjoni – Inammissibbiltà manifesta – Nuqqas ta’ interess ġuridiku – Qsim ta’ spejjeż – Spejjeż frivoli jew vessatorji”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skond l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu R. Steinmetz jitlob, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-21 ta’ Frar 2006, safejn tirrifjuta l-implementazzjoni sħiħa ta’ ftehim fil-kuntest ta’ ftehim bonarju milħuq bejn il-partijiet quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-kawża T-155/05, u, min-naħa l-oħra, il-ħlas ta’ EUR 1 simboliku bħala kumpens għad-danni morali li huwa jallega li ġarrab.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud bħala manifestament inammissibbli. Ir-rikorrent għandu jbati l-ispejjeż tiegħu ħlief għall-ammont ta’ EUR 500. Il-Kummissjoni għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, l-ispejjeż tar-rikorrent sa l-ammont ta’ EUR 500.

Sommarju

1.      Proċedura – Ammissibbiltà ta’ l-atti proċedurali – Evalwazzjoni fil-mument li jiġi ppreżentat l-att

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Artikolu 114)

2.      Uffiċjali – Rikors – Rikors li jinjora l-kontenut ta’ ftehim bonarju li preċedentement wassal għal ċessjoni – Nuqqas ta’ interess ġuridiku

1.      Bl-istess mod kif l-ammissibbiltà ta’ rikors tiġi evalwata fil-mument li fih jiġi ppreżentat, l-ammissibbiltà ta’ l-atti proċedurali l-oħra, bħal att li jqajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, tiġi eżaminata fil-mument li fih jiġu ppreżentati. Tali interpretazzjoni tiggarantixxi r-rispett tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u tal-protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi.

(ara l-punt 27)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 27 ta’ Novembru 1984, Bensider et vs Il-Kummissjoni, 50/84, Ġabra p. 3991, punt 8

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 8 ta’ Ottubru 2001, Stauner et vs Il-Parlament u Il‑Kummissjoni, T‑236/00 R II, Ġabra p. II‑2943, punt 49; 9 ta’ Lulju 2003, Commerzbank vs Il-Kummissjoni, T‑219/01, Ġabra p. II‑2843, punt 61

2.      Meta, fil-kuntest ta’ kawża pendenti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, rikorrent jipproponi lill-istituzzjoni konvenuta abbozz ta’ ftehim bonarju sabiex il-kawża tiġi tranżatta, l-istituzzjoni taċċetta din il-proposta parzjalment u, fuq il-bażi ta’ din l-aċċettazzjoni parzjali, ir-rikorrent jitlob u jikseb mingħand il-Qorti tal-Prim’Istanza t-tħassir tal-kawża, il-persuna kkonċernata għandha titqies li qablet mal-ftehim kif propost fl-aħħar nett mill-istituzzjoni u għaldaqstant ma għandhiex interess li tikkontesta l-kontenut ta’ tali ftehim bil-pretest li huwa jikkorrispondix għal dak li hija kienet inizjalment issuġġeriet.

Meta istituzzjoni tkun ikkonformat kompletament ma’ l-obbligi li jirriżultaw minn ftehim milħuq f’kawża kontra r-rikorrent, dan ta’ l-aħħar ma għandux interess sabiex iressaq ilment kontra l-imsemmija istituzzjoni li ma rrispettax it-termini ta’ dan il-ftehim.

(ara l-punti 44 sa 52)