Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landesgericht Korneuburg (l-Awstrija) fit-13 ta’ Novembru 2019 – WZ vs Austrian Airlines AG

(Kawża C-826/19)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Landesgericht Korneuburg

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: WZ

Konvenuta: Austrian Airlines AG

Domandi preliminari

L-Artikolu 8(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 1 , għandu jiġi interpretat fis-sens li għandu jiġi applikat għal żewġ ajruporti li t-tnejn li huma jinsabu fi prossimità immedjata ta’ ċentru ta’ belt, fejn madankollu wieħed minnhom biss jinsab fit-territorju tal-belt filwaqt li l-ieħor jinsab fil-Land Federali ġar?

L-Artikolu 5(1)(ċ), l-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 8(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jirriżulta dritt għal kumpens minħabba kanċellazzjoni ta’ titjira f’każ ta’ nżul f’ajruport ta’ destinazzjoni alternattiv tal-istess lokalità, tal-istess belt jew l-istess reġjun?

L-Artikolu 6(1), l-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 8(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jirriżulta dritt għal kumpens għal dewmien twil f’każ ta’ nżul f’ajruport alternattiv tal-istess lokalità, tal-istess belt jew tal-istess reġjun?

L-Artikolu 5, l-Artikolu 7 u l-Artikolu 8(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 għandhom jiġu interpretati fis-sens li sabiex jiġi stabbilit jekk passiġġier bl-ajru ikunx issubixxa telf ta’ ħin ta’ tliet sigħat jew iktar fis-sens tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tad-19 ta’ Novembru 2009 Sturgeon et (C-402/07 u C-432/07, EU:C:2009:716) 2 , id-dewmien għandu jiġi kkalkolat b’riferiment għall-mument ta’ nżul fl-ajurport ta’ destinazzjoni alternattiv jew għall-mument tat-trasferiment fl-ajruport ta’ destinazzjoni previst fir-reżervazzjoni inizjali jew f’destinazzjoni oħra qrib li tkun miftiehma mal-passiġġier?

L-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li trasportatur tal-ajru li jwettaq titjiriet fi proċedura ta’ rotazzjoni jista’ jinvoka incident, f’dan il-każ tnaqqis tar-rata tal-wasliet dovut għal kundizzjonijiet ta’ maltempata, li seħħ fir-rigward tar-rotazzjoni ta’ tliet titjiriet qabel it-titjira kkonċernata?

L-Artikolu 8(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li f’każ ta’ nżul f’ajruport ta’ destinazzjoni alternattiv, it-trasportatur tal-ajru huwa obbligat jipproponi t-trasferiment lejn post ieħor fuq inizjattiva tiegħu stess jew il-passiġġier għandu jitlob dan?

L-Artikolu 7(1), l-Artikolu 8(3) u l-Artikolu 9(1)(ċ) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-passiġġier għandu dritt għal kumpens minħabba l-ksur tal-obbligi ta’ assistenza u ta’ teħid ta’ responsabbiltà previsti fl-Artikoli 8 u 9?

____________

1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10.

2 ĠU 2010, C 24, p. 4.