Language of document : ECLI:EU:F:2012:21

DIGRIET TAL-PRESIDENT TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

tat-28 ta’ Frar 2012

Kawża F‑129/11 R

BH

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Proċeduri għal miżuri provviżorji — Talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Investigazzjoni tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) — Stedina għal seduta — Rapport finali tal-investigazzjoni — Att li jikkawża preġudizzju — Inammissibbiltà tar-rikors prinċipali”

Suġġett:      Rikors ippreżentat taħt l-Artikoli 278 TFUE u 157 EA kif ukoll l-Artikolu 279 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a, li permezz tiegħu BH talab għas-sospensjoni tad-deċiżjoni tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF), tat-28 ta’ Ottubru 2011, li tistiednu għal seduta fil-kuntest ta’ investigazzjoni interna, peress li din d-deċiżjoni tħabbar l-għeluq tal-investigazzjonijiet u t-tfassil ta’ rapport finali dwar din l-investigazzjoni.

Deċiżjoni:      It-talba għal miżuri provviżorji hija miċħuda. L-ispejjeż huma rriżervati.

Sommarju

1.      Proċeduri għal miżuri provviżorji — Sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà — Deċiżjoni kkontestata li eżawriet parzjalment l-effetti tagħha fid-data tal-preżentata tat-talba għal miżuri provviżorji — Talba parzjalment inammissibbli

(Artikolu 278 TFUE)

2.      Proċeduri għal miżuri provviżorji — Ġurisdizzjoni tal-imħallef għall-miżuri provviżorji — Għoti ta’ ordnijiet ta’ natura provviżorja

(Artikolu 279 TFUE)

3.      Proċeduri għal miżuri provviżorji — Kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà — Ammissibbiltà tar-rikors prinċipali — Nuqqas ta’ rilevanza — Limiti

(Artikoli 278 TFUE u 279 TFUE)

4.      Uffiċjali — Rikorsi — Att li jikkawża preġudizzju — Kunċett — Atti li jipproduċu effetti legali vinkolanti — Rapport tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) li jagħlaq investigazzjoni — Tħabbir tal-għeluq tal-investigazzjoni u tfassil tar-rapport finali — Deċiżjoni li tistieden uffiċjal jattendi seduta u li tinfurmah bl-għan u bil-modalitajiet ta’ din is-seduta — Esklużjoni

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1073/1999, Artikoli 4(1) u (2) u 9)

5.      Proċeduri għal miżuri provviżorji — Sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Miżuri provviżorji — Kundizzjonijiet għall-għoti — “Fumus boni juris” – Urġenza — Natura kumulattiva — Ibbilanċjar tal-interessi kollha inkwistjoni — Setgħa diskrezzjonali tal-Imħallef għal miżuri provviżorji

(Artikoli 278 TFUE u 279 TFUE; Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 102(2))

6.      Proċeduri għal miżuri provviżorji — Sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Miżuri provviżorji — Kundizzjonijiet għall-għoti — Urġenza — Dannu gravi u irreparabbli — Oneru tal-prova

(Artikoli 278 TFUE u 279 TFUE; Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 102(2))

1.      Meta parti minn deċiżjoni kkontestata eżawriet l-effetti tagħha fid-data tal-preżentata tat-talba għal miżuri provviżorji, il-konklużjonijiet tagħha huma inammissibbli.

(ara l-punt 28)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 27 ta’ Mejju 2011, Mariën vs Il‑Kummissjoni u SEAE, F‑5/11 R u F‑15/11 R, punti 39 u 42

2.      L-imħallef għall-miżuri provviżorji għandu s-setgħa li jordna b’mod provviżorju u mingħajr ma jippreġudika d-deċiżjoni tal-qorti li għandha tiddeċiedi fil-kawża prinċipali.

(ara l-punt 30)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 5 ta’ Awwissu 1983, CMC et vs Il‑Kummissjoni, 118/83 R, punt 53

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 12 ta’ Diċembru 1995, Connolly vs Il‑Kummissjoni, T‑203/95 R, punt 25

3.      Il-kwistjoni tal-ammissibbiltà tal-kawża prinċipali ma għandhiex, bħala prinċipju, tiġi eżaminata fil-kuntest ta’ proċeduri għal miżuri provviżorji, iżda għandha tiġi rriżervata għall-analiżi ta’ dan ir-rikors. L-għoti ta’ deċiżjoni fuq l-ammissibbiltà fl-istadju tal-proċeduri għal miżuri provviżorji, meta l-ammissibbiltà ma hijiex, prima facie, totalment eskluża, effettivament ifisser li tiġi ppreġudikata d-deċiżjoni tal-qorti fil-kawża prinċipali.

Madankollu jista’ jkun neċessarju li l-imħallef, b’mod partikolari meta tiġi invokata l-inammissibbiltà manifesta tar-rikors prinċipali li fuqha hija bbażata t-talba għal miżuri provviżorji, jivverifika l-eżistenza ta’ ċerti provi li jippermettu li jiġi konkluż, prima facie, l-ammissibbiltà ta’ tali rikors.

(ara l-punti 31 u 32)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 27 ta’ Ġunju 1991, Bosman vs Il‑Kummissjoni, C‑117/91 R, punt 7

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 4 ta’ Frar 1999, Peña Abizanda et vs Il‑Kummissjoni, T‑196/98 R, punt 10, u l-ġurisprudenza ċċitata; 30 ta’ Ottubru 2003, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il‑Kummissjoni, T‑125/03 R, punt 56

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 14 ta’ Diċembru 2006, Dálnoky vs Il‑Kummissjoni, F‑120/06 R, punt 41

4.      Kemm fil-kuntest ta’ kontenzjuż speċifiku tas-servizz pubbliku Ewropew kif ukoll fil-kuntest ta’ kontenzjuż ġenerali, jikkostitwixxu atti li jikkawżaw preġudizzju, u li għalhekk jistgħu jiġu kkontestati, il-miżuri li jipproduċu effetti legali vinkolanti li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent billi jibdlu, b’mod serju, is-sitwazzjoni ġuridika tagħhom.

F’dan ir-rigward, rapport finali ta’ investigazzjoni tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) ma jbiddilx is-sitwazzjoni ġuridika tal-persuni msemmija fihom. A fortiori, l-aħbar tal-għeluq tal-investigazzjoni u tat-tfassil tar-rapport finali ma tistax titqies bħala att li jikkawża preġudizzju.

Barra minn hekk, id-deċiżjoni tal-OLAF li jistieden uffiċjal jew membru tal-persunal għal seduta u, inċidentalment, jinformah bl-għan u l-modalitajiet ta’ din is-seduta ma jbiddilx is-sitwazzjoni ġuridika tiegħu b’mod suffiċjentement serju li jikkostitwixxi att li jikkawża preġudizzju. Fil-fatt, huwa ċar li hija miżura preparatorja fit-tmexxija ta’ investigazzjoni li tista’ twassal għal deċiżjoni finali li l-istituzzjoni kkonċernata jew l-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali kompetenti jistgħu jadottaw fir-rigward tar-rapport tal-OLAF li tagħlaq din l-investigazzjoni.

(ara l-punti 38, 40 u 41)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza 6 ta’ April 2006, Camós Grau vs Il‑Kummissjoni, T‑309/03, punti 48 u 49

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 20 ta’ Mejju 2010, Il‑Kummissjoni vs Violetti et, T‑261/09 P, punt 46

5.      Skont l-Artikolu 102(2) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, it-talbiet għal miżuri provviżorji għandhom jispeċifikaw, b’mod partikolari, iċ-ċirkustanzi li jistabbilixxu l-urġenza kif ukoll ir-raġunijiet ta’ fatt u ta’ dritt li jiġġustifikaw prima facie (fumus boni juris) l-adozzjoni tal-miżura provviżorja li tintalab.

Il-kundizzjonijiet dwar l-urġenza u l-fumus boni juris huma kumulattivi, b’tali mod li talba għal miżuri provviżorji għandha tiġi miċħuda jekk waħda minn dawn il-kundizzjonijiet tiġi ssodisfatta. L-Imħallef għal miżuri provviżorji xorta jipproċedi wkoll, jekk ikun il-każ, bl-ibbilanċjar tal-interessi involuti.

Fil-kuntest ta’ dan l-eżami ġenerali, l-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa u huwa liberu li jiddetermina, fid-dawl tal-partikolaritajiet tal-każ, il-mod li bih dawn id-diversi kundizzjonijiet għandhom jiġu vverifikati kif ukoll l-ordni ta’ din l-evalwazzjoni, peress li ebda dispożizzjoni legali ma timponi fuqu skema ta’ evalwazzjoni stabbilita minn qabel sabiex jevalwa l-ħtieġa ta’ deċiżjoni provviżorja.

(ara l-punti 55 sa 57)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 10 ta’ Settembru 1999, Elkaïm u Mazuel vs Il‑Kummissjoni, T‑173/99 R, punt 18; 9 ta’ Awwissu 2001, De Nicola vs BEI, T‑120/01 R, punti 12 u 13

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 31 ta’ Mejju 2006, Bianchi vs ETF, F‑38/06 R, punti 20 u 22

6.      L-għan tal-proċedura għal miżuri provviżorji ma huwiex li jiġi kkumpensat dannu, iżda li tiġi żgurata l-effettività sħiħa tas-sentenza fuq il-mertu. Sabiex jintlaħaq dan l-aħħar għan, hemm bżonn li l-miżuri mitluba jkunu urġenti fis-sens li jkun neċessarju, sabiex jiġi evitat dannu gravi u irreparabbli għall-interessi tar-rikorrent, li dawn jiġu ppronunzjati u li joħolqu l-effetti tagħhom minn qabel ma tiġi adottata d-deċiżjoni fil-kawża prinċipali. Barra minn hekk, hija l-parti li titlob l-għoti ta’ miżuri provviżorji li għandha tipproduċi l-prova li ma tistax tistenna l-eżitu tal-kawża prinċipali mingħajr ma ġġarrab dannu ta’ din in-natura.

(ara l-punt 59)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 19 ta’ Diċembru 2002, Esch-Leonhardt et vs BĊE, T‑320/02 R, punt 27