Language of document : ECLI:EU:C:2018:986

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

6 ta’ Diċembru 2018 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-merkanzija – Dazji doganali – Taxxi li għandhom effett ekwivalenti – Ħlas fuq it-trażmissjoni tal-elettriku prodott fit-territorju nazzjonali u intiż għall-esportazzjoni – Kompatibbiltà ta’ din il-leġiżlazzjoni mal-prinċipju ta’ moviment liberu tal-merkanzija”

Fil-Kawża C‑305/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Okresný súd Dunajská Streda (il-Qorti Distrettwali ta’ Bratislava II, is-Slovakkja), permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Frar 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta’ Mejju 2017, fil-proċedura

FENS spol. s r. o.

vs

Slovenská republika – Úrad pre reguláciu sieťových odvetví,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn T. Von Danwitz, President tas-Seba’ Awla, li qiegħed jaġixxi bħala President tar-Raba’ Awla, K. Jürimäe, C. Lycourgos, E. Juhász (Relatur) u C. Vajda, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-19 ta’ April 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal FENS spol. s. r. o., minn A. Čižmáriková, advokátka,

–        għall-Gvern Slovakk, minn B. Ricziová, bħala aġent,

–        għall-Gvern Olandiż, minn K. Bulterman u J. Langer, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wasmeier u A. Tokár, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tal-5 ta’ Lulju 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 28 u 30 TFUE.

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn FENS spol. s. r.o. (iktar ’il quddiem “FENS”), kumpannija b’responsabbiltà limitata stabbilita fis-Slovakkja, u r-Repubblika Slovakka, irrappreżentata mill-Úrad pre reguláciu odvetví sieťových (l-Uffiċċju regolatorju tal-industriji tan-netwerks (iktar ’il quddiem l-“ÚRSO”)), dwar il-ħlas fuq il-provvista ta’ servizzi ta’ trażmissjoni tal-elettriku li tagħha l-ÚRSO kien talab il-ħlas mingħand il-predeċessur ta’ FENS.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        L-Artikolu 28(1) TFUE jipprovdi:

“L-Unjoni tinkludi unjoni doganali li tkopri n-negozju kollu tal-merkanzija u tikkomprendi kemm l-abolizzjoni, bejn l-Istati Membri ta’ dazji doganali fuq l-importazzjoni u l-esportazzjoni u kull piż b’effett ekwivalenti, kif ukoll l-adozzjoni ta’ tariffa doganali komuni fir-relazzjonijiet tagħhom ma’ pajjiżi terzi.”

4        Fi kliem l-Artikolu 30 TFUE:

“Id-Dazji tad-dwana fuq importazzjonijiet u esportazzjonijiet u piżijiet li jkollhom effett ekwivalenti għandhom ikunu pprojbiti bejn l-Istati Membri. Din il-projbizzjoni tapplika wkoll għal dazji doganali ta’ natura fiskali.”

5        Id-Direttiva 2003/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2003 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li tħassar id-Direttiva 96/92/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 211), tinkludi l-Artikolu 11, intitolat “Id-dispaċċ u l-ibbilanċjar”, li jipprovdi, fil-paragrafu 7 tiegħu:

“Ir-regoli adottati mill-operaturi tas-sistema tat-trasmissjoni għall-ibbilanċjar tas-sistema ta’ l-elettriku għandhom ikunu oġġettivi, trasparenti u mhux diskriminatorji, inklużi r-regoli biex l-utenti tas-sistema tan-netwerks tagħhom jiġu ċċarġjati għal skwilibrju ta’ l-enerġija. Termini u kondizzjonijiet, inklużi regoli u tariffi, għad-disposizzjoni ta’ servizzi bħal dawn minn operaturi tas-sistema tat-trasmissjoni għandhom ikunu stabbiliti skond metodoloġija kompatibbli ma’ l-Artikolu 23(2) u f’manjiera li ma tkunx diskriminatorju u li tkun tirrifletti n-nefqa, waqt li għandhom jiġu wkoll pubblikati.”

6        Id-Direttiva 2005/89/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Jannar 2006 dwar miżuri għas-salvagwardja tas-sigurtà fil-provvista ta’ l-elettriku u ta’ l-investiment fl-infrastruttura (ĠU 2006, L 33, p. 22), jipprovdi, fl-Artikolu 1 tiegħu, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”:

“1.      Din id-Direttiva tistabbilixxi miżuri mmirati lejn is-salvagwardja tas-sigurtà tal-provvista ta’ l-elettriku sabiex jiġu żgurati l-funzjonament korrett tas-suq intern ta’ l-elettriku u sabiex jiġu żgurati:

(a)      livell adegwat ta’ kapaċità ta’ ġenerazzjoni;

(b)      bilanċ adegwat bejn il-provvista u d-domanda; u

(ċ)      livell xieraq ta’ interkonnessjoni bejn l-Istati Membri għall-iżvilupp tas-suq intern.

2.      Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas li fih l-Istati Membri għandhom jiddefinixxu politika trasparenti, stabbli u mhux diskriminatorja dwar is-sigurtà tal-provvista ta’ l-elettriku kompatibbli mar-rekwiżiti ta’ suq intern kompetittiv għall-elettriku.”

7        L-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, intitolat “Żamma ta’ bilanċ bejn il-provvista u d-domanda”, jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa sabiex iżommu bilanċ bejn id-domanda għall-elettriku u l-kapaċità ta’ ġenerazzjoni disponibbli.

B’mod partikolari, l-Istati Membri għandhom:

(a)      mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti partikolari ta’ sistemi żgħar u iżolati, jinkoraġġixxu t-twaqqif ta’ qafas ta’ suq ta’ l-ingrossa li jipprovdi sinjali adattati tal-prezzijiet għall-ġenerazzjoni u għall-konsum;

(b)      jesiġu li l-operaturi tas-sistemi ta’ trasmissjoni jiżguraw li jkun disponibbli livell adattat ta’ kapaċità ta’ riserva ta’ ġenerazzjoni għall-finijiet ta’ bilanċ u/jew jadottaw miżuri ekwivalenti bbażati fuq is-suq.

2.      Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat, l-Istati Membri jistgħu ukoll jieħdu miżuri addizzjonali, li jinkludu:

(a)      dispożizzjonijiet li jiffaċilitaw kapaċità ġdida ta’ ġenerazzjoni u d-dħul fis-suq ta’ kumpanniji ġodda ta’ ġenerazzjoni;

(b)      it-tneħħija ta’ barrieri li jimpedixxu l-użu ta’ kuntratti interrompibbli;

(ċ)      it-tneħħija ta’ barrieri li jimpedixxu kuntratti li jvarjaw fit-tul kemm għall-produtturi kif ukoll għall-konsumaturi;

(d)      l-inkoraġġament ta’ l-adozzjoni ta’ teknoloġiji għall-immaniġġar tad-domanda fil-ħin reali bħal sistemi avvanzati ta’ kejl;

(e)      l-inkoraġġament ta’ miżuri għall-konservazzjoni ta’ l-enerġija;

(f)      proċeduri għall-offerti jew kull proċedura ekwivalenti f’termini ta’ trasparenza u non-diskriminazzjoni skond l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/54/KE.

3.      L-Istati Membri għandhom jippubblikaw il-miżuri li jittieħdu skond dan l-Artikolu u għandhom jiżguraw l-aktar disseminazzjoni mifruxa possibbli.”

 Id-dritt Slovakk

8        In-Nariadenie vlády Slovenskej republiky č. 317/2007 Z. z., ktorým ustanovujú pravidlá pre fungovanie trhu s elektrinou (id-Digriet tal-Gvern tar-Repubblika Slovakka Nru 317/2007 li jistabbilixxi r-regoli tal-funzjonament tas-suq tal-elettriku, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għaż-żmien tal-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem id-“Digriet tal-Gvern Nru 317/2007”), jipprovdi fl-Artikolu 12 tiegħu, intitolat “Kundizzjonijiet ta’ forniment ta’ servizzi ta’ netwerk”:

“1.      Is-servizzi tan-netwerk huma pprovduti mill-operatur tan-netwerk ta’ trażmissjoni skont kundizzjonijiet tekniċi u struzzjonijiet taċ-ċentru ta’ distribuzzjoni tal-enerġija elettrika, b’servizzi awżiljari mixtrija.

2.      Jekk il-konsumatur finali tal-elettriku huwa konness man-netwerk ta’ trażmissjoni, huwa jħallas it-tariffa għas-servizzi tan-netwerk u t-tariffa għall-użu tas-sistema lill-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni, fuq il-bażi ta’ kuntratt ta’ trażmissjoni u ta’ aċċess għan-netwerk tat-trażmissjoni.

3.      Jekk il-konsumatur finali tal-elettriku ma huwiex konness man-netwerk ta’ trażmissjoni, huwa jħallas it-tariffa għas-servizzi tan-netwerk u t-tariffa għall-użu tas-sistema mill-intermedjarju tal-operatur tan-netwerk ta’ distribuzzjoni li miegħu is-sit ta’ ta’ konsum tiegħu huwa konness, fuq il-bażi ta’ kuntratt ta’ distribuzzjoni u ta’ aċċess għan-netwerk ta’ distribuzzjoni.

[…]

9.      Il-ħlas għal servizzi ta’ netwerk f’każ ta’ esportazzjoni ta’ elettriku jsir mill-esportatur tal-elettriku, jekk dan ma jurix li l-elettriku esportat ġie importat fit-territorju ddefinit.

10.      Il-ħlas għall-użu tas-sistema ma huwiex iffatturat għall-elettriku għall-finijiet tal-esportazzjoni tal-elettriku.”

9        Fi kliem it-tieni punt tal-Artikolu 2(a), taż-Zákon č. 251/2012 Z. z. o energetike a o zmene a doplnení niektorých zákonov (il-Liġi Nru 251/2012 dwar l-enerġija, li temenda u tissupplimenta ċerti liġijiet), it-territorju ddefinit huwa t-territorju tar-Repubblika Slovakka fejn l-operatur ta’ sistema ta’ trażmissjoni jew l-operatur ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni għandu jiżgura t-trażmissjoni jew id-distribuzzjoni tal-elettriku, jew fejn l-operatur ta’ netwerk ta’ trażmissjoni jew l-operatur ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni għandu jiżgura t-trasport jew id-distribuzzjoni tal-gass.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10      FENS hija s-suċċessur legali ta’ Korlea Invest a.s. (iktar ’il quddiem “Korlea”), kumpannija li ġiet iddikjarata falluta matul il-proċedura ġudizzjarja li fl-ambitu tagħha saret din it-talba għal deċiżjoni preliminari.

11      Korlea kienet irċeviet l-awtorizzazzjoni sabiex topera bħala fornitur fis-suq tal-elettriku Slovakk. L-attivitajiet tagħha jinkludu x-xiri, il-bejgħ u l-esportazzjoni tal-elettriku. F’dan il-kuntest, Korlea kkonkludiet kuntratt qafas ta’ xiri u ta’ bejgħ tal-elettriku ma’ Slovenské elektrárne a.s., kumpannija Slovakka attiva fis-settur tal-produzzjoni tal-elettriku, bi dħul fis-seħħ fil-15 ta’ Awwissu 2006, kif ukoll diversi kuntratti ta’ provvista tal-elettriku speċifiċi. Fis-16 ta’ Jannar 2008, Korlea kkonkludiet ma’ Slovenská elektrizačná prenosová sústava a.s. (iktar ’il quddiem “SEPS”), kumpannija Slovakka li topera n-netwerk nazzjonali tat-trażmissjoni tal-elettriku, kuntratt ta’ trażmissjoni tal-elettriku li fuq il-bażi tiegħu din il-kumpannija tal-aħħar kienet intrabtet li tiżgura, f’isem Korlea, it-trażmissjoni tal-elettriku permezz ta’ interkonnessjonijiet kif ukoll il-ġestjoni u l-provvista ta’ servizzi ta’ trażmissjoni. Il-kuntratt ta’ trażmissjoni kien jipprevedi li, għall-provvista ta’ servizzi ta’ netwerks fil-każ tal-esportazzjoni tal-elettriku, Korlea kellha tħallas tariffa, ikkalkolata skont l-Artikolu 12(9) tad-Digriet tal-Gvern Nru 317/2007, sakemm ma jintweriex li l-elettriku esportat kien inizjalment importat fir-Repubblika Slovakka.

12      Korlea ħallset din it-tariffa fl-ammont ta’ EUR 6 815 853.415 lil SEPS għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru 2008. Dan l-ammont ġie kkalkolat konformement ma’ deċiżjoni tal-ÚRSO tal-4 ta’ Diċembru 2007.

13      Permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Ottubru 2008, Korlea talbet lil SEPS sabiex ma tkomplix titlob il-ħlas ta’ din it-tariffa u sabiex tirrimborsaha l-ammonti li hija kienet diġà ħallset fuq din il-bażi. Permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Ottubru 2008, SEPS ċaħdet din it-talba.

14      Matul is-sena 2010, Korlea ressqet quddiem l-Okresný súd Bratislava II (il-Qorti Distrettwali ta’ Bratislava II, is-Slovakkja) azzjoni għad-danni kontra l-ÚRSO, fejn sostniet, b’mod partikolari, li t-tariffa inkwistjoni kienet tikkostitwixxi taxxa b’effett ekwivalenti għal dazju doganali. L-ÚRSO sostna li din it-tariffa ma kinetx ta’ natura li taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, iżda kellha l-għan li tiżgura s-sigurtà tal-provvista, l-affidabbiltà u l-istabbiltà tan-netwerk tal-elettriku tar-Repubblika Slovakka, b’mod partikolari matul il-perijodu qabel is-sena 2009, li matulu l-istabbiltà tan-netwerk ġiet imfixkla mill-għeluq ta’ żewġ blokki tal-impjant tal-enerġija nukleari ta’ Jaslovské Bohunice (is-Slovakkja). L-ÚRSO indika wkoll li meta s-suq Slovakk reġa’ ġie stabbli – jiġifieri mill-1 ta’ April 2009 –, huwa ma applikax iktar l-imsemmija tariffa.

15      Permezz ta’ sentenza tal-4 ta’ Frar 2011, din il-qorti ċaħdet din l-azzjoni. Korlea appellat minn din id-deċiżjoni quddiem il-Krajský súd (il-Qorti Reġjonali, is-Slovakkja), li, b’digriet tal-15 ta’ Awwissu 2012, annullat din is-sentenza u rrinvjat il-kawża quddiem il-qorti tal-ewwel istanza.

16      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Okresný súd Bratislava II (il-Qorti Distrettwali ta’ Bratislava II) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 30 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħalma huwa l-Artikolu 12(9) [tad-Digriet tal-Gvern Nru 317/2007], li tintroduċi ħlas partikolari għall-esportaturi tal-elettriku mit-territorju tar-Repubblika Slovakka, mingħajr ma tiddistingwi jekk hijiex esportazzjoni tal-elettriku mit-territorju tar-Repubblika Slovakka lejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea jew lejn pajjiżi terzi, u dan jekk il-prodottur tal-elettriku ma jurix li l-elettriku esportat ġie importat fit-territorju tar-Repubblika Slovakka, jiġifieri li l-ħlas japplika esklużivament għall-elettriku prodott fir-Repubblika Slovakka u esportat mit-territorju tar-Repubblika Slovakka?

2)      Tariffa pekunjarja bħal dik stabbilita bid-dispożizzjoni tal-Artikolu 12(9) [tad-Digriet tal-Gvern Nru 317/2007], jiġifieri taxxa applikata esklużivament għall-elettriku li jkun ġie prodott fir-Repubblika Slovakka u li jkun fl-istess ħin ġie esportat mit-territorju tar-Repubblika Slovakka, mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni ta’ jekk hijiex esportazzjoni lejn pajjiżi terzi jew lejn L-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, tikkostitwixxi taxxa li għandha effett ekwivalenti għal dazju doganali fis-sens tal-Artikolu 28(1) TFUE?

3)      Dispożizzjoni legali interna bħalma huwa l-Artikolu 12(9) [tad-Digriet tal-Gvern Nru 317/2007] hija kompatibbli mal-prinċipju tal-moviment liberu tal-merkanzija fis-sens tal-Artikolu 28 TFUE?”

 Fuq id-domandi preliminari

17      Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 28 u 30 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi piż pekunjarju, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, impost fuq l-elettriku esportat lejn Stat Membru ieħor jew pajjiż terz biss meta l-elettriku jkun ġie prodott fit-territorju nazzjonali.

18      Skont l-Artikolu 12(9) tad-Digriet tal-Gvern Nru 317/2007, il-ħlas għal servizzi ta’ netwerks f’każ ta’ esportazzjoni tal-elettriku jaqa’ fuq l-esportatur tal-elettriku, sakemm dan ma jurix li l-elettriku esportat ġie importat fit-territorju tar-Repubblika Slovakka. Jirriżulta wkoll mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li l-piż pekunjarju li tali ħlas jikkostitwixxi ġie impost biss b’mod temporanju u li dan ma baqax jiġi applikat mill-1 ta’ April 2009.

 Fuq l-applikabbiltà tal-Artikoli 28 u 30 TFUE

19      Il-Gvern Olandiż u l-Gvern Slovakk isostnu li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija rregolata mid-dritt sekondarju. L-ewwel wieħed jirreferi għal ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/54 u t-tieni wieħed għal xi wħud minn dawk tad-Direttiva 2005/89.

20      Skont il-Gvern Olandiż, il-piż pekunjarju inkwistjoni jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 11(7) tad-Direttiva 2003/54, li jippermetti tariffi pagabbli mill-utenti tat-trasport tal-elettriku f’każ ta’ żbilanċ. Il-konformità ta’ tali piż mad-dritt tal-Unjoni għandha, minħabba f’hekk, tiġi eżaminata fid-dawl ta’ din id-direttiva u mhux tad-dritt primarju.

21      Il-Gvern Slovakk min-naħa tiegħu jsostni li l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2005/89 jipprovdi espressament li l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa sabiex jinżamm il-bilanċ bejn il-kapaċità ta’ produzzjoni disponibbli u d-domanda tal-elettriku. L-introduzzjoni temporanja tal-piż pekunjarju inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li l-esportaturi tal-elettriku domestiku għandhom iħallsu, tirrifletti speċifikament l-għanijiet previsti f’dan l-artikolu.

22      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, meta qasam kien is-suġġett ta’ armonizzazzjoni eżawrjenti fil-livell tal-Unjoni, kull miżura nazzjonali relatata miegħu għandha tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ dik il-miżura ta’ armonizzazzjoni u mhux fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2014, Ålands Vindkraft Radlberger Getränkegesellschaft u S. Spitz, C‑573/12, EU:C:2014:2037, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23      F’dan il-każ, għandu jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 11(7) tad-Direttiva 2003/54 u/jew l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2005/89 wettqux armonizzazzjoni eżawrjenti, ta’ natura li teskludi l-eżami tal-kompatibbiltà ta’ leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali mal-Artikoli 28 u 30 TFUE.

24      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li d-Direttiva 2003/54, applikabbli għad-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, kienet tikkostitwixxi waħda mill-istadji tar-realizzazzjoni progressiva ta’ suq intern tal-elettriku fl-Unjoni kollha. Jekk din ikkontribwixxiet għall-ħolqien ta’ tali suq, hija bl-ebda mod ma temmet ir-realizzazzjoni tas-suq intern tal-elettriku. Il-fatt li d-Direttiva 2003/54 tħassret bid-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku (ĠU 2009, L 211, p. 55), isaħħaħ din il-konklużjoni.

25      Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-Artikolu 11(7) tad-Direttiva 2003/54, mill-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li r-regoli applikabbli għall-impożizzjoni tat-tariffi li għandhom jitħallsu mill-utenti tan-netwerk tal-elettriku fil-każ ta’ żbilanċ għandhom ikunu oġġettivi, trasparenti u mhux diskriminatorji. B’hekk, din id-dispożizzjoni sempliċement tiddefinixxi l-qafas li fih l-operaturi tan-netwerks ta’ trażmissjoni jistabbilixxu dawn it-tariffi li l-impożizzjoni tagħhom ma hijiex, għalhekk, armonizzata b’mod eżawrjenti. B’hekk, l-Artikoli 28 u 30 TFUE għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi stabbilita l-konformità mad-dritt tal-Unjoni tal-miżuri nazzjonali, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

26      Fir-rigward tad-Direttiva 2005/89, din hija intiża, kif jirriżulta mill-Artikolu 1(2) tagħha, sabiex tistabbilixxi qafas li fih l-Istati Membri jiddefinixxu, fil-qasam tas-sigurtà tal-provvista tal-elettriku, linji ta’ politika trasparenti, stabbli, mhux diskriminatorji u kompatibbli mar-rekwiżiti ta’ suq intern kompetittiv tal-elettriku. L-Artikolu 5 ta’ din id-Direttiva, invokat mill-Gvern Slovakk, jirreferi għall-adozzjoni ta’ “miżuri xierqa” mill-Istati Membri. Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-Istati Membri jżommu marġni ta’ diskrezzjoni sinjifikattiva f’dan il-kuntest u li l-armonizzazzjoni magħmula mill-imsemmija direttiva ma hijiex ta’ natura eżawrjenti.

27      Minn dan isegwi li l-Artikolu 11(7) tad-Direttiva 2003/54 u l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2005/89 ma wettqux armonizzazzjoni eżawrjenti tal-qasam li huma jirregolaw.

28      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li ssir l-interpretazzjoni tal-Artikoli 28 u 30 TFUE.

 Fuq l-eżistenza ta’ taxxa li għandha effett ekwivalenti għal dazju doganali

29      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, kull piż pekunjarju, anki jekk minimu, impost unilateralment, irrispettivament minn kif huwa msejjaħ u l-mod ta’ kif jiġi applikat, u li jolqot il-merkanzija minħabba l-fatt li din taqsam fruntiera, meta dan ma huwiex dazju doganali fil-veru sens tal-kelma, jikkostitwixxi taxxa li għandha effett ekwivalenti għal dazju doganali. Min-naħa l-oħra, piż pekunjarju li jirriżulta minn sistema ġenerali ta’ taxxi interni li tinkludi sistematikament skont l-istess kriterji oġġettivi kategoriji ta’ prodotti indipendentement mill-oriġini tagħhom jew mid-destinazzjoni tagħhom jaqa’ taħt l-Artikolu 110 TFUE, li jipprojbixxi t-taxxi interni diskriminatorji (sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2018, Lubrizol France, C‑39/17, EU:C:2018:438, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar, minn naħa, li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar it-taxxi li għandhom effett ekwivalenti u dawk relatati mat-taxxi interni diskriminatorji ma humiex applikabbli b’mod kumulattiv, b’tali mod li miżura li taqa’ taħt l-Artikolu 110 TFUE ma tistax, fis-sistema tat-Trattat, tiġi kklassifikata bħala “taxxa li għandha effett ekwivalenti” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2014, Orgacom, C‑254/13, EU:C:2014:2251, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata) u, min-naħa l-oħra, li l-Artikolu 110 TFUE jipprevedi mhux biss il-merkanzija importata, iżda wkoll dik esportata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Mejju 2003, Freskot, C‑355/00, EU:C:2003:298, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      Piż pekunjarju jaħrab ukoll mill-klassifikazzjoni ta’ “taxxa li għandha effett ekwivalenti” jekk dan jinġabar, taħt ċerti kundizzjonijiet, minħabba kontrolli mwettqa sabiex jiġu osservati obbligi imposti mid-dritt tal-Unjoni jew jekk dan jikkostitwixxi l-korrispettiv għal servizz effettivament ipprovdut lill-operatur li jkollu jħallsu, li jkun ta’ ammont proporzjonali għall-imsemmi servizz (sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2018, Lubrizol France, C‑39/17, EU:C:2018:438, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      Għalhekk, hemm lok li jiġi ddeterminat jekk il-piż pekunjarju inkwistjoni fil-kawża prinċipali jirriflettix id-definizzjoni ta’ taxxa li għandha effett ekwivalenti għal dazju doganali, kif jirriżulta mill-elementi esposti fil-punti 29 sa 31 ta’ din is-sentenza.

33      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li l-piż inkwistjoni jikkostitwixxu piż pekunjarju impost b’mod unilaterali minn Stat Membru. Peress li l-għan li għalih tali piż jiġi impost huwa irrilevanti, ftit jimporta li dan huwa tariffa għal ċerti servizzi ta’ netwerk għat-trażmissjoni tal-elettriku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Settembru 2000, Michaïlidis, C-441/98 u C-442/98, EU:C:2000:479, punt 14 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li l-elettriku jikkostitwixxi merkanzija fis-sens tad-dritt tal-Unjoni u li taxxa miġbura mhux fuq prodott bħala tali, iżda fuq attività neċessarja b’rabta ma’ din il-merkanzija, bħal, fil-kawża prinċipali, servizzi ta’ netwerks, tista’ taqa’ taħt id-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu tal-merkanzija. B’hekk, meta taxxa tkun ikkalkolata skont l-għadd ta’ sigħat kilowatt trażmessi u mhux fuq id-distanza tat-trażmissjoni jew skont kull kriterju ieħor marbut direttament mat-trażmissjoni, din għandha titqies bħala li tolqot lill-merkanzija nnifisha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Lulju 2008, Essent Netwerk Noord et, C‑206/06, EU:C:2008:413, punti 43 u 44 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

35      Fil-kawża prinċipali, billi l-piż inkwistjoni huwa kkalkolat fuq in-numru ta’ sigħat kilowatt trażmessi, dan għandu jitqies li jolqot il-merkanzija.

36      Għandu jiġi vverifikat, fit-tielet lok, jekk dan il-piż jolqotx lil din il-merkanzija minħabba l-qsim ta’ fruntiera jew jekk, għall-kuntrarju, dan jirriżultax minn sistema ġenerali ta’ taxxi interni applikati sistematikament, skont l-istess kriterji oġġettivi, għal kategoriji ta’ prodotti irrispettivament mill-oriġini jew id-destinazzjoni tagħhom.

37      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-karatteristika essenzjali ta’ taxxa li għandha effett ekwivalenti, li tiddistingwiha minn taxxa interna ta’ natura ġenerali, tinsab fil-fatt li l-ewwel waħda tolqot esklużivament il-prodott li jaqsam il-fruntiera bħala tali, filwaqt li t-tieni waħda tolqot prodotti importati, esportati u kif ukoll nazzjonali (sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2014, Orgacom, C‑254/13, EU:C:2014:2251, punt 28).

38      F’dan il-każ, mill-formulazzjoni tad-domandi magħmula jirriżulta li l-piż inkwistjoni fil-kawża prinċipali jolqot biss l-elettriku prodott fir-Repubblika Slovakka u sussegwentement esportat. Minn dan isegwi li dan huwa impost minħabba l-fatt li l-elettriku jaqsam il-fruntiera.

39      Il-Gvern Slovakk madankollu jsostni li d-Digriet tal-Gvern Nru 317/2007 jipprevedi piż identiku fuq l-elettriku kkunsmat fis-Slovakkja mill-konsumatur jew il-klijent finali, irrispettivament mill-oriġini tal-elettriku. Għal din ir-raġuni, l-elettriku prodott fir-Repubblika Slovakka u sussegwentement esportat huwa, fil-fatt, ittrattat bl-istess mod bħall-elettriku prodott fis-Slovakkja u kkunsmat f’dan il-pajjiż.

40      Madankollu, sabiex jitqies li ż-żewġ kategoriji ta’ elettriku huma suġġetti għall-istess regoli, għandu wkoll jiġi osservat li, sabiex jaqa’ taħt sistema ġenerali ta’ “taxxi interni”, fis-sens tal-Artikolu 110 TFUE, il-piż fiskali inkwistjoni għandu jolqot lill-prodott intern u lill-prodott esportat identiku bl-istess taxxa fl-istess stadju ta’ kummerċjalizzazzjoni u l-fatt taxxabbli għandu, huwa wkoll, ikun identiku (sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2014, Orgacom, C-254/13, EU:C:2014:2251, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      Issa, jekk, skont l-indikazzjonijiet tal-Gvern Slovakk, huwa l-konsumatur finali jew il-klijent li jħallas il-piż pekunjarju inkwistjoni għall-elettriku kkunsmat fis-Slovakkja, huwa paċifiku li, għall-elettriku esportat, dan il-piż huwa dovut mill-esportatur tal-elettriku. B’hekk, il-piż inkwistjoni fil-kawża prinċipali jolqot l-elettriku prodott fis-Slovakkja minħabba l-konsum tiegħu f’dan l-Istat Membru jew, fejn dan huwa esportat sabiex jiġi sussegwentement ikkunsmat f’pajjiż ieħor, minħabba l-esportazzjoni tiegħu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi kkonstatat li dan il-piż pekunjarju ma jolqotx l-elettriku esportat u dak ikkunsmat f’dan l-Istat Membru fl-istess stadju ta’ kummerċjalizzazzjoni.

42      Għandu jiġi rrilevat, fir-raba’ lok, li ma jirriżultax mill-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja li l-piż pekunjarju inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa miġbur minħabba kontrolli mwettqa sabiex ikunu ssodisfatti obbligi imposti mid-dritt tal-Unjoni jew li dan jikkostitwixxi l-korrispettiv ta’ servizz effettivament mogħti lill-operatur, ta’ ammont proporzjonali għall-imsemmi servizz.

43      F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li piż li jikkostitwixxi remunerazzjoni ta’ servizz effettivament mogħti lill-operatur ekonomiku li huwa obbligat iħallas dan il-piż, f’ammont proporzjonali għall-imsemmi servizz, ma jikkostitwixxix taxxa li għandha effett ekwivalenti għal dazju doganali (sentenza tad-9 ta’ Settembru 2004, Carbonati Apuani, C‑72/03, EU:C:2004:506, punt 31), xorta waħda jibqa’ l-fatt li, kif fakkar l-Avukat Ġenerali fil-punt 66 tal-konklużjonijiet tiegħu, sabiex piż ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 28 TFUE, is-servizz ipprovdut għandu jagħti benefiċċju speċifiku u ċert lill-esportatur individwali, sa fejn benefiċċju għall-interess pubbliku huwa wisq ġenerali u inċert sabiex jiġi kkunsidrat bħala remunerazzjoni li tifforma l-korrispettiv ta’ benefiċċju speċifiku fil-fatt mogħti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-1 ta’ Lulju 1969, Il-Kummissjoni vs L-Italja, 24/68, EU:C:1969:29, punt 16, u tas-27 ta’ Settembru 1988, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, 18/87, EU:C:1988:453, punt 7).

44      Issa, il-Gvern Slovakk, filwaqt li indika, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li dan il-piż pekunjarju ġie impost għal servizz ta’ netwerk li ġie fil-fatt ipprovdut lill-esportaturi, bl-ebda mod ma sostna din il-parti tal-argument tiegħu b’elementi supplimentari li jistgħu jistabbilixxu li l-piż kontenzjuż jikkostitwixxi ħlas għal tali benefiċċju speċifiku u ċert.

45      Lanqas ma jirriżulta minn elementi oħra tal-proċess li piż pekunjarju impost bil-għan li jinżamm il-bilanċ bejn il-kapaċità ta’ produzzjoni disponibbli u d-domanda tal-elettriku jista’ jikkostitwixxi r-remunerazzjoni li tifforma l-korrispettiv ta’ benefiċċju speċifiku u ċert.

46      F’dawn iċ-ċirkustanzi, piż pekunjarju bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jolqot l-elettriku esportat kemm lejn Stat Membru differenti mir-Repubblika Slovakka kif ukoll lejn pajjiżi terzi, jikkostitwixxi taxxa li għandha effett ekwivalenti, fis-sens tal-Artikolu 28 TFUE.

47      Din il-konstatazzjoni tapplika kemm għall-elettriku esportat lejn Stat Membru ieħor kif ukoll għall-elettriku esportat lejn pajjiżi terzi.

48      Fil-fatt, sa fejn tali piż pekunjarju jolqot l-esportazzjonijiet lejn Stati Membri oħra, dan jaqa’ taħt l-Artikoli 28 u 30 TFUE u, sa fejn dan jolqot l-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi, dan jaqa’ taħt l-Artikolu 28 TFUE.

49      Fir-rigward senjatament tal-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 3(1)(a) u (e) TFUE, l-Unjoni għandha kompetenza esklużiva fil-qasam tal-unjoni doganali u l-politika kummerċjali komuni u li, skont l-Artikolu 207(1) TFUE, il-politika kummerċjali komuni għandha tkun ibbażata fuq prinċipji uniformi, partikolarment fir-rigward ta’ tibdil fit-tariffi, il-konklużjoni ta’ ftehimiet dwar tariffi u dawk kummerċjali rigward il-kummerċ ta’ merkanzija u ta’ servizzi.

50      Issa, ikun hemm riskju serju għall-uniformità tal-politika kummerċjali komuni jekk l-Istati Membri jitħallew jimponu, b’mod unilaterali, taxxi li għandhom effett ekwivalenti għal dazji doganali fuq l-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi.

51      Minn dan isegwi li, kif osservat il-Kummissjoni Ewropea, l-Istati Membri ma għandhomx kompetenza li tippermettilhom jimponu b’mod unilaterali taxxi li għandhom effett ekwivalenti għal dazi doganali fuq l-esportazzjoni fil-każ ta’ esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 1995, Siesse, C‑36/94, EU:C:1995:351, punt 17).

 Fuq il-ġustifikazzjoni eventwali ta’ dan il-piż fuq l-esportazzjoni

52      Il-Gvern Olandiż isostni li l-għan li tiġi ggarantita s-sigurtà tal-provvista tal-elettriku jikkostitwixxi, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet fis-sentenza tagħha tat-22 ta’ Ottubru 2013, Essent et (C‑105/12 sa C‑107/12, EU:C:2013:677, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata), raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali.

53      F’dan ir-rigward, hija ġurisprudenza stabbilita li l-projbizzjoni li tinsab fl-Artikolu 28 TFUE hija ta’ natura ġenerali u assoluta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Settembru 2000, Michaïlidis, C‑441/98 u C‑442/98, EU:C:2000:479, punt 14 u l-ġurisprudenza ċċitata). It-Trattat FUE ma jipprevedi ebda deroga u l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li miċ-ċarezza, min-natura imperattiva u mill-portata mingħajr riżerva tad-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju applikabbli jirriżulta li l-projbizzjoni ta’ dazji doganali tikkostitwixxi regola essenzjali u li, konsegwentement, kull eċċezzjoni eventwali għandha tiġi stipulata b’mod ċar. Hija speċifikat ukoll li l-kunċett ta’ “taxxa li għandha effett ekwivalenti għal dazju doganali” huwa neċessarjament kumplimentari għar-regola ġenerali ta’ projbizzjoni ta’ dazji doganali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 1962, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu u Il-Belġju, 2/62 u 3/62, EU:C:1962:45, p. 827).

54      Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset ukoll li d-derogi mill-Artikoli 34 u 35 TFUE li jinsabu fl-Artikolu 36 TFUE ma jistgħux jiġu applikati, b’analoġija, fil-kuntest tad-dazji doganali u tat-taxxi li għandhom effett ekwivalenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Diċembru 1968, Il-Kummissjoni vs L-Italja, 7/68, EU:C:1968:51, p. 628).

55      Dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw kemm għall-projbizzjoni ta’ taxxi li għandhom effett ekwivalenti għal dazju doganali fuq l-esportazzjoni lejn Stati Membri oħra kif ukoll għall-projbizzjoni ta’ tali taxxi fuq l-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi.

56      Minn dan isegwi li peress li l-piż pekunjarju inkwistjoni għandu jiġi kklassifikat bħala taxxa li għandha effett ekwivalenti għad-dazji doganali, tali piż ma jistax jiġi ġġustifikat.

57      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikoli 28 u 30 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi piż pekunjarju, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jolqot l-elettriku esportat lejn Stat Membru ieħor jew pajjiż terz biss meta l-elettriku jkun ġie prodott fit-territorju nazzjonali.

 Fuq l-ispejjeż

58      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikoli 28 u 30 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi piż pekunjarju, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jolqot l-elettriku esportat lejn Stat Membru ieħor jew pajjiż terz biss meta l-elettriku jkun ġie prodott fit-territorju nazzjonali.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: is-Slovakk.