Language of document : ECLI:EU:C:2013:314

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

16 ta’ Mejju 2013 (*)

“Taxxa fuq il-valur miżjud — Direttiva 2006/112/KE — Artikolu 66(a) sa (ċ) — Provvista ta’ servizzi ta’ trasport u ta’ kunsinna — Impożizzjoni — Data li fiha jiġi riċevut il-ħlas u mhux iktar tard mit-tletin jum wara l-provvista — Ħruġ minn qabel tal-fattura”

Fil-Kawża C‑169/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa min-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Jannar 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta’ April 2012, fil-proċedura

TNT Express Worldwide (Poland) sp. z o.o.

vs

Minister Finansów,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn M. Berger, President tal-Awla, A. Borg Barthet (Relatur) u E. Levits, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal TNT Express Worldwide (Poland) sp. z o.o., minn Z. Modzelewski u M. Militz, bħala konsulenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn M. Szpunar u B. Majczyna, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Hottiaux u C. Soulay, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 66(a) sa (ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2008/117/KE, tas-16 ta’ Diċembru 2008 (ĠU L 14, p. 7, iktar ’il quddiem id-“Direttiva tal-VAT”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn TNT Express Worldwide (Poland) sp. z o.o. (iktar ’il quddiem “TNT”) u Minister Finansów (il-Ministru tal-Finanzi), dwar id-determinazzjoni tal-mument meta għandha tiġi imposta t-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”).

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

3        Skont il-premessa 24 tad-Direttiva tal-VAT:

“Il-kunċetti ta’ avveniment li jagħti lok għal ħlas u imposizzjoni ta’ VAT għandhom jiġu armonizzati jekk l-introduzzjoni tas-sistema komuni ta’ VAT u ta’ kwalunkwe emendi li jista’ jkun hemm għaliha għandhom jieħdu effett fl-istess żmien fl-Istati Membri kollha.”

4        Skont l-Artikolu 63 ta’ din id-direttiva:

“Għandu jkun hemm avveniment li jagħti lok għal ħlas u l-VAT għandha tiġi imposta meta l-merkanzija jew is-servizzi huma pprovduti.”

5        Skont l-Artikolu 64 tal-imsemmija direttiva:

“1.      Fejn din twassal għal dikjarazzjonijiet suċċessivi ta’ kont jew ħlasijiet suċċessivi, il-provvista [kunsinna] ta’ merkanzija, ħlief dik li tikkonsisti fil-kiri ta’ merkanzija għal ċertu perijodu jew il-bejgħ ta’ merkanzija fuq termini differiti, kif imsemmi fil-punt (b) ta’ l-Artikolu 14(2), jew il-provvista ta’ servizzi għandhom jitqiesu bħala kompluti ma’ l-iskadenza tal-perijodi li għalihom jirrelataw dawn id-dikjarazzjonijiet ta’ kont jew ħlasijiet.

2.      [...]

L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li, f’ċerti każijiet ħlief f’dawk imsemmija fl-ewwel subparagrafu, il-forniment kontinwu ta’ prodotti jew servizzi matul perijodu ta’ żmien għandha titqies bħala kompluta mill-inqas f’intervalli ta’ sena.”

6        L-Artikolu 65 tad-Direttiva tal-VAT jipprovdi li:

“Meta ħlas jrid isir akkont qabel ma l-merkanzija jew is-servizzi jiġu pprovduti, il-VAT għandha tiġi imposta meta jiġi riċevut il-ħlas u fuq l-ammont riċevut.”

7        L-Artikolu 66 tad-Direttiva tal-VAT jipprovdi li:

“[B]ħala deroga mill-Artikoli 63, 64 u 65, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-VAT għandha tiġi imposta, fir-rigward ta’ ċerti transazzjonijiet jew ċerti kategoriji ta’ persuni taxxabbli f’wieħed miż-żminijiet li ġejjin:

(a)      mhux iktar tard miż-żmien tal-ħruġ tal-fattura;

(b)      mhux iktar tard miż-żmien meta jiġi riċevut il-ħlas;

(ċ)      fejn ma tinħariġx fattura, jew tinħareġ tard, f’perijodu speċifikat mid-data ta’ l-avveniment li jagħti lok għal ħlas.

[...]”

8        Skont l-Artikolu 167 ta’ din id-direttiva:

“Dritt ta’ tnaqqis iseħħ fil-ħin meta t-taxxa mnaqqsa tiġi imposta.”

9        Id-Direttiva tal-Kunsill 2010/45, tat-13 ta’ Lulju 2010 (ĠU L 189, p. 1), introduċa fid-Direttiva 2006/112 l-Artikolu 167a li għandu jiġi traspost mill-Istati Membri mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2012 u li huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membri jistgħu jipprovdu fi skema fakultattiva li d-dritt għat-tnaqqis ta’ persuna taxxabbli li l-VAT tagħha ssir dovuta unikament f’konformità mal-Artikolu 66(b) għandu jiġi pospost sakemm il-VAT fuq il-merkanzija jew is-servizzi pprovduti titħallas lill-fornitur tagħha.

L-Istati Membri li japplikaw l-iskema fakultattiva msemmija fl-ewwel paragrafu għandhom jistabbilixxu limitu massimu għall-persuni taxxabbli li jużaw l-iskema fit-territorju tagħhom, abbażi tal-fatturazzjoni annwali tal-persuna taxxabbli, skont l-Artikolu 288. Dak il-limitu massimu m’għandux ikun aktar minn EUR 500000 jew l-ekwivalenti fil-munita nazzjonali. L-Istati Membri jistgħu jżidu dak il-limitu massimu sa EUR 2000000 jew l-ekwivalenti fil-munita nazzjonali wara li jikkonsultaw lill-Kumitat tal-VAT. Madankollu, din il-konsultazzjoni mal-Kumitat tal-VAT m’għandhiex tkun meħtieġa għall-Istati Membri li applikaw limitu massimu ogħla minn EUR 500000 jew l-ekwivalenti fil-munita nazzjonali fil-31 ta’ Diċembru 2012.

L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kumitat tal-VAT dwar il-miżuri leġislattivi nazzjonali adottati skont l-ewwel paragrafu.”

 Il-leġiżlazzjoni Pollakka

10      Skont l-Artikolu 19(1) u (4) u l-punt 2 tal-Artikolu 19(13) tal-Liġi dwar it-taxxa fuq il-merkanzija u s-servizzi (ustawa z dnia 11 marca 2004 r. o podatku od towarów i usług), tal-11 ta’ Marzu 2004 (Dz. U. Nru 54, entrata 535, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-VAT”):

“1.      L-obbligu li titħallas it-taxxa jimmaterjalizza fil-mument meta ssir il-kunsinna tal-merkanzija jew il-provvista tas-servizzi, bla ħsara għall-paragrafi 2 sa 21 ta’ dan l-artikolu, għall-Artikolu 14(6), għall-Artikolu 20 kif ukoll għall-Artikolu 21(1).

[…]

4.      Fil-każ li l-kunsinna tal-merkanzija jew il-provvista tas-servizzi għandhom jiġu kkonfermati permezz ta’ fattura, l-obbligu li titħallas it-taxxa jimmaterjalizza fil-mument meta tinħareġ il-fattura, iżda mhux iktar tard minn sebat ijiem mid-data tal-kunsinna tal-merkanzija jew tal-provvista tas-servizzi.

[…]

13.      L-obbligu li titħallas it-taxxa jimmaterjalizza fil-mument meta:

[…]

2)      jiġi riċevut il-ħlas sħiħ jew parzjali, iżda mhux iktar tard minn tletin jum mid-data li fiha jiġu pprovduti s-servizzi segwenti:

a)      it-trasport ta’ persuni u ta’ merkanzija bil-ferrovija, vetturi tat-triq, bastimenti tal-baħar, bastimenti li jbaħħru f’kanali jew fi xmajjar u bastimenti ta’ kabotaġġ, laneċ, ajruplani u ħelikopters,

b)      servizzi ta’ trasport bil-baħar u ta’ trasbord,

c)      servizzi f’portijiet marittimi u kummerċjali,

d)      servizzi fil-qasam tal-kostruzzjoni u tal-immuntar.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11      Fil-kuntest tal-attività ekonomika tagħha, TNT, kumpannija b’responsabbiltà limitata stabbilita f’Varsavja (il-Polonja), tipprovdi servizzi ta’ distribuzzjoni tal-posta, ta’ trasport u ta’ kunsinna.

12      TNT toħroġ kull ġimgħa għall-klijenti tagħha fattura tal-VAT. Għal ċerti klijenti, li jitolbu l-provvista ta’ bosta servizzi, il-fatturi jinħarġu bi frekwenza miftiehma. F’dan il-każ, il-fatturi jkopru s-servizzi kollha pprovduti lil dak il-klijent speċifiku matul perijodu taxxabbli partikolari. It-terminu għall-ħlas tal-ammont dovut kif speċifikat fil-fattura huwa normalment stabbilit għal 7, 14 jew 21 jum wara d-data ta’ ħruġ tagħha. TNT tieħu inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ li jirriżulta minn fattura speċifika matul perijodu taxxabbli li fir-rigward tiegħu inħarġet din il-fattura.

13      Konsegwentement, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-mument li fih jimmaterjalizza l-obbligu li titħallas it-taxxa, TNT ma tisseparax is-servizzi li jinsabu fil-fattura bejn, minn naħa, is-servizzi ta’ distribuzzjoni tal-posta, u, min-naħa l-oħra, is-servizzi ta’ trasport u ta’ kunsinna. Peress li l-fatturi jinħarġu mhux iktar tard mill-aħħar jiem ta’ perijodu taxxabbli, it-taxxa fuq is-servizzi pprovduti matul ix-xahar inkwistjoni hija inkluża fir-reġistri u fid-dikjarazzjonijiet tal-VAT imfassla għax-xahar li fih ġew ipprovduti s-servizzi.

14      F’dan il-kuntest, TNT talbet lill-Minister Finansów sabiex tikseb interpretazzjoni individwali dwar id-dispożizzjonijiet tad-dritt fiskali applikabbli fil-qasam tat-taxxa fuq il-merkanzija u s-servizzi u b’mod partikolari dwar il-kwistjoni jekk l-imsemmija kumpannija kellhiex id-dritt, skont il-punt 2 tal-Artikolu 19(13) tal-Liġi dwar il-VAT, li tieħu inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ matul il-perijodu taxxabbli li fir-rigward tiegħu nħarġet il-fattura, anki jekk hija ma rċeviet ebda ħlas matul l-imsemmi perijodu u t-tletin jum ma kinux għadhom għaddew minn meta ġie pprovdut is-servizz jew, fil-każ li t-tweġiba tkun fin-negattiv, jekk kellhiex id-dritt li tikkunsidra d-data meta nħarġet il-fattura bħala dik li fiha jimmaterjalizza l-obbligu li titħallas it-taxxa, skont l-Artikolu 19(4) tal-Liġi dwar il-VAT, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet li jinsabu fil-punt 2 tal-Artikolu 19(3) tal-imsemmija liġi, li jmur kontra l-Artikolu 66 tad-Direttiva tal-VAT.

15      F’interpretazzjoni individwali tal-14 ta’ Diċembru 2009, il-Minister Finansów qies li l-argument ta’ TNT huwa infondat. Għal dak li jirrigwarda s-servizzi ta’ distribuzzjoni tal-posta pprovduti minn TNT, il-Minister Finansów ikkunsidra li l-obbligu li titħallas it-taxxa jimmaterjalizza skont il-prinċipji ġenerali stabbiliti mill-Artikolu 19(1) u (4) tal-Liġi dwar il-VAT. Għal dak li jirrigwarda s-servizzi l-oħra (trasport u kunsinna), il-mument li fih iseħħ l-avveniment li jagħti lok għall-obbligu li titħallas it-taxxa għandu jiġi ddeterminat skont ir-regoli previsti fil-punt 2 tal-Artikolu 19(13) tal-Liġi dwar il-VAT. Għal dawn is-servizzi, it-taxxa għandha tiġi indikata fid-dikjarazzjoni għax-xahar li matulu nħarġet il-fattura li tirreġistra dawn is-servizzi.

16      Sussegwentement, TNT ressqet rikors quddiem il-Wojewódzki Sąd Administracyjny f’Varsavja. Insostenn tar-rikors tagħha, hija sostniet li hija kellha d-dritt, għas-servizzi kollha pprovduti, kemm fil-konfront tas-servizzi ta’ distribuzzjoni tal-posta kif ukoll tas-servizzi ta’ trasport u ta’ kunsinna, li tieħu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-VAT, id-dħul mill-bejgħ matul il-perijodu taxxabbli li fir-rigward tiegħu inħarġet il-fattura li tirreġistra servizz partikolari, minkejja l-fatt li ma rċevietx il-ħlas matul dan il-perijodu u li ma għaddewx tletin jum mid-data meta ġew ipprovduti dawn is-servizzi.

17      Permezz tad-deċiżjoni tagħha tat-30 ta’ Settembru 2010, il-Wojewódzki Sąd Administracyjny caħdet ir-rikors ta’ TNT li għaldaqstant ippreżentat appell ta’ kassazzjoni quddiem in-Naczelny Sąd Administracyjny.

18      Fl-appell ta’ kassazzjoni tagħha, TNT tilmenta li l-Wojewódzki Sąd Administracyjny interpretat b’mod żbaljat il-punt 2(a) u (b) tal-Artikolu 19(13) tal-Liġi dwar il-VAT, billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-Artikoli 63 sa 66 tad-Direttiva tal-VAT. Skont TNT, l-Artikolu 66 tad-Direttiva tal-VAT jipprovdi li l-obbligu li titħallas it-taxxa jimmaterjalizza meta jseħħ avveniment partikolari, iżda mhux iktar tard mid-data li fiha jiġi riċevut il-ħlas. Min-naħa l-oħra, id-dispożizzjonijiet nazzjonali jipprovdu, b’mod żbaljat, li l-obbligu li titħallas it-taxxa jimmaterjalizza meta jiġi riċevut il-ħlas, iżda li dan l-obbligu jimmaterjalizza mhux iktar tard minn mument partikolari (tletin jum) mid-data meta jiġu pprovduti s-servizzi.

19      Waqt l-eżami tal-appell, il-qorti tar-rinviju esprimiet dubji dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 66 tad-Direttiva TVA u qieset li l-fondatezza tal-aggravji invokati minn TNT kellhom jiġu evalwati fid-dawl tal-interpretazzjoni tad-dispożittivi ta’ din id-direttiva.

20      F’dawn il-kundizzjonijiet, in-Naczelny Sąd Administracyjny iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 66(a) [sa] (c) tad-Direttiva [tal-VAT] għandhom jiġu interpretati fis-sens li meta persuna taxxabbli toħroġ fattura li tirreġistra l-provvista ta’ servizz kopert mis-setgħa mogħtija lill-Istati Membri minn dan l-artikolu (b’deroga mill-Artikoli 63 [sa] 65 tad-Direttiva [tal-VAT]), l-impożizzjoni tat-taxxa (l-obbligu li titħallas it-taxxa) tista’ tiġi ddeterminata fuq il-bażi tal-Artikolu 66(b) tad-Direttiva [tal-VAT] bħala li timmaterjalizza fid-data li jsir il-ħlas iżda mhux iktar tard minn 30 jum mid-data li fiha jiġi pprovdut is-servizz?

2)      Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 66(a) u (b) tad-Direttiva [tal-VAT] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu d-dispożizzjonijiet nazzjonali Pollakki li jinsabu fl-Artikolu 19(13)(2)(a) u (b) tal-Liġi dwar [il-VAT] u li jipprovdu li l-mument meta jimmaterjalizza l-obbligu li titħallas it-taxxa (l-avveniment li meta jseħħ jiskatta l-impożizzjoni tat-taxxa fir-rigward ta’ ċerti tranżazzjonijiet) huwa, fir-rigward ta’ servizzi ta’ trasport u ta’ kunsinna, meta jiġi riċevut il-ħlas sħiħ jew parzjali iżda mhux iktar tard minn 30 jum mid-data li fiha jiġu pprovduti dawn is-servizzi, u dan anki meta fattura li tindika terminu sussegwenti għall-ħlas tinħareġ u tingħata lix-xerrej mhux iktar tard minn sebat ijiem wara l-provvista tas-servizz u x-xerrej tas-servizz ikollu d-dritt li jnaqqas it-taxxa tal-input matul il-perijodu li fih ikun irċieva l-fattura, irrispettivament minn jekk ikunx ħallas għas-servizz jew le?”

 Fuq id-domandi preliminari

21      Permezz ta’ dawn iż-żewġ domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 66 tad-Direttiva tal-VAT għandhiex tiġi interpretata fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-VAT għandha tiġi imposta, għas-servizzi ta’ trasport u ta’ kunsinna, fid-data li fiha jiġi riċevut il-ħlas sħiħ jew parzjali iżda mhux iktar tard minn tletin jum mid-data li fiha jiġu pprovduti dawn is-servizzi, u dan anki meta l-fattura tinħareġ qabel u tindika terminu sussegwenti għall-ħlas.

22      Għandu jiġi kkonstatat, qabelxejn, li mid-Direttiva tal-VAT jirriżulta li l-VAT għandha tiġi imposta, bħala prinċipju, fil-mument stess meta jseħħ l-avveniment li jagħti lok għall-ħlas. L-Artikolu 63 tal-imsemmija direttiva jirrifletti dan il-prinċipju fundamentali billi jipprovdi li l-avveniment li jagħti lok għall-ħlas iseħħ u t-taxxa għandha tiġi imposta fid-data li fiha ssir il-kunsinna tal-merkanzija jew li fiha jiġu pprovduti s-servizzi.

23      L-Artikolu 66 tad-Direttiva tal-VAT jawtorizza madankollu lill-Istati Membri li jipprovdu li l-VAT tiġi imposta wara li jseħħ avveniment li jagħti lok għall-ħlas, f’wieħed mill-mumenti segwenti, jiġifieri mhux iktar tard minn meta tinħareġ il-fattura, mhux iktar tard minn meta jiġi riċevut il-ħlas, jew, fil-każ li l-fattura ma tinħariġx jew tinħareġ tard, f’terminu li jibda’ jiddekorri mid-data meta jseħħ l-avveniment li jagħti lok għall-ħlas.

24      Peress li jikkostitwixxi deroga mir-regola stabbilita fl-Artikolu 63 tad-Direttiva tal-VAT, l-Artikolu 66 tagħha għandu jiġi interpretat b’mod strett (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-7 ta’ Marzu 2013, Efir, C‑19/12, punt 31).

25      Għalkemm il-fatt li l-leġiżlatur estenda sostanzjalment il-kamp ta’ applikazzjoni tad-derogi ammissibbli jippermetti li jiġi preżunt li huwa kellu l-intenzjoni li jagħti setgħa diskrezzjonali wiesgħa lill-Istati Membri (ara s-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 1995, Italittica, C‑144/94, Ġabra p. I‑3653, punt 15), madankollu, dan ma jippermettix li jitqies li Stat Membru jiddisponi minn marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jiddetermina l-mument meta għandha tiġi imposta t-taxxa minbarra wieħed minn dawk il-mumenti previsti fl-Artikolu 66(a) sa (ċ) tad-Direttiva tal-VAT.

26      Issa, l-ewwel nett, il-punt 2 tal-Artikolu 19(13) tal-Liġi dwar il-VAT jipprovdi li, għal dak li jirrigwarda ċerti tranżazzjonijiet, f’dan il-każ is-servizzi ta’ transport u ta’ kunsinna, l-obbligu li titħallas it-taxxa jimmaterjalizza fid-data li fiha jiġi riċevut il-ħlas sħiħ jew parzjali iżda mhux iktar tard minn tletin jum mid-data li fiha jiġu pprovduti dawn is-servizzi.

27      It-tieni nett, għandu jiġi osservat li, skont l-Artikolu 66(b) tad-Direttiva tal-VAT, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-VAT għandha tiġi imposta, fir-rigward ta’ ċerti tranżazzjonijiet jew ta’ ċerti kategoriji ta’ persuni taxxabbli, “mhux iktar tard miż-żmien meta jiġi riċevut il-ħlas”. Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi t-termini u tindika l-aħħar mument li fih għandha tiġi imposta l-VAT fir-rigward ta’ tranżazzjonijiet partikolari li Stat Membru ddeċieda li jirregola b’dan il-mod. Dan il-mument jikkorrispondi għal dak meta jiġi riċevut il-ħlas.

28      Il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-opportunità li tinterpreta l-Artikolu 10(2) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23) [li sar l-Artikolu 66(a) tad-Direttiva tal-VAT] fis-sens li, meta Stat Membru jagħżel id-deroga prevista f’din id-dispożizzjoni, jiġifieri li jimponi t-taxxa mhux iktar tard minn meta tinħareġ il-fattura jew id-dokument li jservi bħala tali, huwa jista’ jipprovdi, skont it-tielet inċiż tal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 77/388 [li sar l-Artikolu 66(ċ) tad-Direttiva tal-VAT], li t-taxxa għandha tiġi imposta, “fil-każ li l-fattura jew id-dokument li jservi bħala tali ma jinħariġx jew jinħareġ tard, f’terminu speċifiku li jibda’ jiddekorri mid-data meta jseħħ l-avveniment li jagħti lok għall-ħlas” (ara s-sentenza Itallica, iċċitata iktar ’il fuq, punt 22).

29      Għandu jiġi osservat ukoll li, f’din l-istess sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li l-fatt li “għalkemm din il-possibbiltà ma teżistix meta Stat Membru jagħżel id-deroga prevista fit-tieni inċiż [tal-Artikolu 10(2) tad-Direttiv 77/388, li sar l-Artikolu 66(b) tad-Direttiva tal-VAT], dan jirriżulta probabbilment mill-fatt li l-leġislatur [tal-Unjoni] qies li l-interess ta’ operatur ekonomiku li jirċievi l-ħlas inkambju għas-servizz ipprovdut jirrappreżenta inċentiv suffiċjenti sabiex jiġi żgurat il-ħlas mingħajr dewmien għas-servizz” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Itallica, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23).

30      Minn dan jirriżulta li l-leġiżlatur ma tax lil Stat Membru li jagħżel l-għażla prevista fl-Artikolu 66(b) tad-Direttiva tal-VAT il-possibbiltà li jistabbilixxi terminu li fih għandha tiġi imposta t-taxxa. Barra minn hekk, l-applikazzjoni tal-Artikolu 66(ċ) ta’ din id-direttiva u t-terminu previst minnu jistgħu jiġu marbuta biss mal-applikazzjoni tal-Artikolu 66(a), peress li t-terminu huwa suġġett għall-assenza tal-fattura jew għall-ħruġ tardiv tagħha u mhux għall-fatt li ma jiġix riċevut il-ħlas jew għal riċezzjoni tardiva tal-ħlas.

31      Għandu jitfakkar ukoll li, hekk kif jirriżulta mill-premessa 24 tad-Direttiva tal-VAT, il-kunċetti ta’ “avveniment li jagħti lok għal ħlas” u “imposizzjoni ta’ VAT” għandhom jiġu armonizzati jekk l-introduzzjoni tas-sistema komuni ta’ VAT u ta’ kwalunkwe emendi li jista’ jkun hemm għaliha għandhom jidħlu fis-seħħ fl-istess żmien. Il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jarmonizza kemm jista’ jkun id-data li fiha jimmaterjalizza l-obbligu li titħallas it-taxxa fl-Istati Membri kollha sabiex jiġi żgurat il-ġbir uniformi ta’ din it-taxxa.

32      F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-sitwazzjoni li fiha l-obbligu li titħallas it-taxxa jimmaterjalizza mhux iktar tard minn tletin jum wara l-provvista tas-servizz, sakemm il-ħlas ma jkunx ġie riċevut qabel din id-data, ma hijiex konformi mad-Direttiva tal-VAT, għaliex tali regola twassal sabiex il-kliem tal-Artikolu 66(b) ta’ din id-direttiva jingħaqqad ma’ terminu li fih għandha tiġi imposta t-taxxa.

33      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju ssostni li għad għandha dubji fuq il-kwistjoni dwar jekk, matul il-perijodu qabel l-adozzjoni tal-Artikolu 167a tad-Direttiva 2006/112, kif emendata bid-Direttiva 2010/45, l-Istati Membri kinux awtorizzati li jdaħħlu sistema li skontha l-posponiment tal-mument li fih għandha tiġi imposta t-taxxa fil-konfront tal-fornitur ma jikkorrispondix għall-posponiment tal-mument li fih jimmaterjalizza d-dritt għat-tnaqqis tal-VAT tal-input fil-konfront tax-xerrej, li kien intitolat iwettaq it-tnaqqis malli rċieva l-fattura.

34      Għandu jitfakkar li dan l-Artikolu 167a ġie introdott bl-għan li l-Istati Membri jkunu jistgħu jintroduċu deroga li tirrigwarda d-data li fiha d-dritt għal tnaqqis jista’ jiġi eżerċitat mill-persuni taxxabbli li jagħmlu dikjarazzjoni tal-VAT fil-kuntest ta’ sistema fakultattiva ta’ kontabbiltà ta’ flus intiża sabiex jiġi ssemplifikat il-ħlas tat-taxxa għall-impriżi ż-żgħar.

35      Għandu jiġi kkonstatat f’dan ir-rigward li l-imsemmi Artikolu 167a jirreferi direttament għall-Artikolu 66(b) tad-Direttiva tal-VAT, liema dispożizzjoni tirrigwarda d-determinazzjoni tal-mument meta x-xerrej jista’ jeżerċita d-dritt tiegħu għat-tnaqqis tal-VAT tal-input. Issa, il-kawża pendenti quddiem il-qorti nazzjonali tirrigwarda esklużivament il-kwistjoni dwar l-impożizzjoni tat-taxxa fil-konfront tal-fornitur.

36      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula hija li l-Artikolu 66 tad-Direttiva tal-VAT għandha tiġi interpretata fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-VAT għandha tiġi imposta, għas-servizzi ta’ trasport u ta’ kunsinna, fid-data li fiha jiġi riċevut il-ħlas sħiħ jew parzjali iżda mhux iktar tard minn tletin jum mid-data li fiha jiġu pprovduti dawn is-servizzi, u dan anki meta l-fattura tinħareġ qabel u tindika terminu sussegwenti għall-ħlas.

 Fuq l-ispejjeż

37      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 66 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2008/117/KE, tas-16 ta’ Diċembru 2008, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li t-taxxa fuq il-valur miżjud għandha tiġi imposta, għas-servizzi ta’ trasport u ta’ kunsinna, fid-data li fiha jiġi riċevut il-ħlas sħiħ jew parzjali iżda mhux iktar tard minn tletin jum mid-data li fiha jiġu pprovduti dawn is-servizzi, u dan anki meta l-fattura tinħareġ qabel u tindika terminu sussegwenti għall-ħlas.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.