Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Lietuvos Aukščiausiojo Teismas (il-Litwanja) fl-4 ta’ Frar 2019 – E. E.

(Kawża C-80/19)

Lingwa tal-kawża: il-Litwan

Qorti tar-rinviju

Lietuvos Aukščiausiojo Teismas

Partijiet fil-kawża prinċipali

Appellant: E. E.

Parti oħra fil-proċedura ta’ kassazzjoni: nutar tal-uffiċċju notarili Nru 4 tal-belt ta’ Kaunas, K.-D. E.

Domandi preliminari

Sitwazzjoni bħal dik li qed tiġi eżaminata – li fiha ċittadina Litwana li l-post ta’ residenza abitwali tagħha fid-data ta’ mewtha kien possibbilment fi Stat Membru ieħor iżda li, fi kwalunkwe każ, qatt ma qatgħet ir-rabtiet tagħha ma’ pajjiżha u li, b’mod partikolari, kienet irrediġiet, qabel mewtha, testment fil-Litwanja fejn ħalliet l-assi kollha tagħha lill-eredi tagħha, ċittadin Litwan, u fejn fil-mument tal-ftuħ tas-suċċessjoni ġie stabbilit li l-eredità kienet komposta fl-intier tagħha minn proprjetajiet immobbli li kienu jinsabu esklużivament fil-Litwanja u fejn il-konjuġi superstiti, ċittadin tal-imsemmi Stat Membru ieħor, iddikjara espliċitament l-intenzjoni tiegħu li jirrinunzja kull dritt fuq l-eredità tal-persuna li ddeċediet, ma ħax sehem fil-proċeduri ġudizzjarji mressqa fil-Litwanja u aċċetta l-ġurisdizzjoni tal-qrati Litwani u l-applikazzjoni tal-liġi Litwana – għandha titqies li hija suċċessjoni b’implikazzjonijiet transkonfinali skont it-tifsira tar-Regolament Nru 650/2012 li għaliha għandu jiġi applikat dan ir-regolament?

Nutar Litwan li jiddikjara l-ftuħ tas-suċċessjoni, joħroġ iċ-ċertifikat ta’ suċċessjoni u jwettaq l-azzjonijiet ulterjuri neċessarji għall-eredi sabiex dan tal-aħħar ikun jista’ jeżerċita d-drittijiet tiegħu għandu jitqies li huwa “qorti” fis-sens tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 650/2012 1 , fid-dawl tal-fatt li, fl-iżvolġiment tal-funzjonijiet tagħhom, in-nutara josservaw il-prinċipji ta’ imparzjalità u ta’ indipendenza, li d-deċiżjonijiet tagħhom huma vinkolanti għalihom infushom jew għall-awtoritajiet ġudizzjarji u li l-azzjonijiet tagħhom jistgħu jkunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tieni domanda, iċ-ċertifikati ta’ suċċessjoni maħruġa min-nutara Litwani għandhom jiġu kkunsidrati li huma deċiżjonijiet skont l-Artikolu 3(1)(g) tar-Regolament Nru 650/2012 u, għal din ir-raġuni, għall-finijiet tal-ħruġ tagħhom huwa meħtieġ li tiġi ddikjarata l-ġurisdizzjoni?

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għat-tieni domanda, id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 4 u 59 tar-Regolament Nru 650/2012 (moqrija flimkien jew separatament, iżda mhux waħedhom) għandhom jiġu interpretati fis-sens li n-nutara Litwani għandhom id-dritt li joħorġu ċertifikati ta’ suċċessjoni mingħajr ma japplikaw ir-regoli ġenerali ta’ ġurisdizzjoni kif ukoll fis-sens li l-imsemmija ċertifikati jitqiesu li huma atti pubbliċi li jagħtu lok għal effetti ġuridiċi anki fl-Istat Membri l-oħra?

L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 650/2012 (jew dispożizzjonijiet oħra tal-imsemmi regolament) għandu jiġi interpretat fis-sens li r-residenza abitwali tal-persuna ddeċeduta tista’ tiġi stabbilita biss fi Stat Membru speċifiku wieħed biss?

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 4, 5, 7 u 22 tar-Regolament Nru 650/2012 (moqrija flimkien jew separatament, iżda mhux waħedhom) għandhom jiġu interpretati u applikati b’tali mod li, fil-każ inkwistjoni, abbażi tal-fatti spjegati fl-ewwel domanda, għandu jiġi konkluż li l-partijiet ikkonċernati jaqblu fuq il-fatt li għandhom ġurisdizzjoni l-qrati Litwani u li għandha tiġi applikata l-liġi Litwana?

____________

1 Regolament (UE) Nru 650/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l-infurzar ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni (ĠU 2012, L 201, p. 107).