Language of document : ECLI:EU:F:2008:68

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(L-Ewwel Awla)

23 ta’ Mejju 2008

Kawża F-79/07

Kurt-Wolfgang Braun-Neumann

vs

Il-Parlament Ewropew

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Pensjonijiet – Pensjoni tas-superstiti – Ħlas sa 50 % minħabba li jeżisti konjuġi superstiti ieħor – Inammissibbiltà – Ilment tardiv – Eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku – Eżami ex officio – Applikazzjoni ratione temporis tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu K. Braun‑Neumann jitlob il-kundanna tal‑Parlament sabiex iħallsu, b’effett retroattiv mill-1 ta’ Awwissu 2004, in-nofs l-ieħor tal-pensjoni tas-superstiti wara l-mewt tal‑konjuġi Mandt, née Neumann, b’rati mensili ta’ EUR 1 670.84, flimkien mal-interessi kkalkolati bir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għall-faċilità tas-self marġinali permanenti miżjuda bi 3 %.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud bħala inammissibbli. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Sommarju

1.      Proċedura – Ammissibbiltà tar-rikorsi – Evalwazzjoni fid-dawl tar-regoli fis‑seħħ fil-mument tal-preżentata tar-rikors

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 77)

2.      Uffiċjali – Rikors – Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel – Termini

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

3.      Uffiċjali – Rikors – Att li jikkawża preġudizzju – Kunċett – Rekwiżiti proċedurali – Assenza

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

4.      Uffiċjali – Rikors – Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel – Termini

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

1.      Jekk ir-regola stabbilita fl-Artikolu 77 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li tipprovdi li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista’ wara li jisma’ lill-partijiet, jiddeċiedi fuq l-inammissibbilità għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku u, billi jagħmel dan, jiċħad rikors permezz ta’ digriet mingħajr ma jkompli l‑proċedura, hija regola ta’ proċedura li tapplika mid-data tad-dħul fis-seħħ tagħha għal kull kawża pendenti quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, xorta jibqa’ il-fatt li r-regoli li jistabilixxu l-inammissibbiltà għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku u li, inkwantu dawn jiddeterminaw l-ammissibbiltà ta’ rikors, jistgħu jkunu biss dawk applikabbli fil-ġurnata tal-preżentata tar-rikors.

(ara l-punt 33)

2.      It-termini għat-tressiq tal-ilmenti u l-preżentata tal-appelli previsti fl-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, li jissodisfaw il-ħtieġa taċ-ċertezza legali u l-ħtieġa li tiġi evitata kull diskriminazzjoni jew trattament arbitrarju fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja, huma ta’ ordni pubbliku u ma jistgħux jitħallew għad-dispożizzjoni tal-partijiet u tal-qorti li għandha tivverifika, anki ex officio, jekk dawn ġewx irrispettati. Il-fatt li istituzzjoni rrispondiet fuq il-mertu għal lment tardiv ma jistax ikollu bħala effett li jidderoga minn dawn it-termini imperattivi u lanqas li jeżenta t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku mill-obbligu li tivverifika, anki ex offiċio, ir-rispett tagħhom.

(ara l-punti 37 u 49)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 7 ta’ Lulju 1971, Müllers vs CES, 79/70, Ġabra p. 689, punt 18; 12 ta’ Lulju 1984, Moussis vs Il‑Kummissjoni, 227/83, Ġabra p. 3133, punt 13; 4 ta’ Frar 1987, Cladakis vs Il‑Kummissjoni, 276/85, Ġabra p. 495, punt 11; 29 ta’ Ġunju 2000, Politi vs Il‑Fondazzjoni Ewropea għat‑Taħriġ, C‑154/99 P, Ġabra. p. I‑5019, punt 15; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 11 ta’ Lulju 1991, Von Hoessle vs Il‑Qorti tal‑Awdituri, T‑19/90, Ġabra p. II‑615, punt 23; 25 ta’ Settembru 1991, Lacroix vs Il‑Kummissjoni, T‑54/90, Ġabra. p. II‑749, punt 25; 23 ta’ Marzu 2000, Rudolph vs Il‑Kummissjoni, T‑197/98, ĠabraSP p. I‑A‑55 u II‑241, punt 41; 17 ta’ Jannar 2001, Kraus vs Il‑Kummissjoni, T‑14/99, ĠabraSP p. I‑A‑7 u II‑39, punt 20; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 13 ta’ Diċmebru 2007, Veramme vs Il‑Kummissjoni, F‑64/05, Ġabra p. I‑0000, punti 20 u 21

3.      Att li jikkawża preġudizzju huwa att li jipproduċi effetti ġuridiċi obbligatorji ta’ natura li jaffettwaw direttament u immedjatament l-interessi tar-rikorrenti, billi jemendaw b’mod kunsiderevoli s-sitwazzjoni ġuridika tagħha. Il-fatt li tali att ikun ta’ natura informali ma jistax ineħħi minnu l-kwalità tiegħu ta’ att li jikkawża preġudizzju, peress li ebda rekwiżit ta’ forma ma huwa meħtieġ f’dan ir-rigward u jista’ anki jkun verbali.

(ara l-punti 39 u 47)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 30 ta’ Ġunju 1993, Devillez et vs Il‑Parlament, T‑46/90, Ġabra. p. II‑699, punt 14; 16 ta’ April 2002, Fronia vs Il‑Kummissjoni, T‑51/01, ĠabraSP p. I‑A‑43 u II‑187, punt 31; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 28 ta’ Ġunju 2006, Grünheid vs Il‑Kummissjoni, F‑101/05, Ġabra SP p. I‑A‑1‑55 u II‑A‑1‑199, punt 33, u l‑ġurisprudenza ċċitata; 24 ta’ Mejju 2007, Lofaro vs Il‑Kummissjoni, F‑27/06 u F‑75/06, Ġabra p. I‑0000, punt 57, li hija suġġetta għal appell pendenti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, Kawża T‑293/07 P

4.      Anki jekk ikun mixtieq li att li jikkawża preġudizzju jsemmi r-rimedji ġudizzjarji kif ukoll it-termini li għandhom jiġu rrispettati f’dan ir-rigward, in-nuqqas ta’ tali riferenza, fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi li timponiha, ma jistax ikollhu bħala konsegwenza li jipprekludi l-inammissibbiltà, minħabba t-tressiq tardiv ta’ lment amministrattiv minn qabel, ta’ rikors kontra dan l-att.

(ara l-punti 48 u 50)