Language of document : ECLI:EU:F:2012:83

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tielet Awla)

13 ta’ Ġunju 2012

Kawża F‑63/11

Macchia Luigi

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Membri tal-persunal temporanju — Nuqqas ta’ tiġdid ta’ kuntratt għal żmien determinat — Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni — Dmir ta’ premura — Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg — Artikolu 4 tad-deċiżjoni tad-Direttur Ġenerali tal-OLAF, tat-30 ta’ Ġunju 2005, dwar il-politika l-ġdida fil-qasam tar-reklutaġġ u tal-impjieg tal-persunal temporanju tal-OLAF — Tul massimu tal-kuntratti bħala membru tal-persunal temporanju”

Suġġett: Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEFA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu L. Macchia jitlob, b’mod partikolari, l-annullament tad-deċiżjoni impliċita tal-Aġent Direttur Ġenerali tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF), tat-12 ta’ Awwissu 2010, li tiċħad it-talba tiegħu għall-estensjoni tal-kuntratt bħala membru tal-persunal temporanju tiegħu.

Deċiżjoni: Id-deċiżjoni tal-Aġent Direttur Ġenerali tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF), tat-12 ta’ Awwissu 2010, li tiċħad it-talba għall-estensjoni tal-kuntratt bħala membru tal-persunal temporanju ta’ L. Macchia hija annullata. Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud. Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha u hija kkundannata tbati dawk sostnuti mir-rikorrent.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Rikors ippreżentat kontra deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda ta’ talba — Motiv ibbażat fuq l-assenza ta’ motivazzjoni — Teħid inkunsiderazzjoni tal-motivazzjoni li tinstab fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91; Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra, Artikolu 46)

2.      Uffiċjali — Membri tal-persunal temporanju — Reklutaġġ — Tiġdid ta’ kuntratt għal żmien determinat — Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni — Stħarriġ ġudizzjarju — Portata

(Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra, Artikoli 8 u 47(1)(b))

3.      Uffiċjali — Membri tal-persunal temporanju — Dmir ta’ premura tal-amministrazzjoni — Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba — Portata — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 24; Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra, Artikolu 11)

4.      Uffiċjali — Membri tal-persunal temporanju — Reklutaġġ — Nuqqas ta’ tiġdid ta’ kuntratt għal żmien determinat — Stħarriġ ġudizzjarju — Portata — Deċiżjoni mingħajr eżami preċedenti tas-sitwazzjoni tal-membru tal-persunal fid-dawl tal-interess tas-servizz — Illegalità

(Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra, Artikolu 2(a) u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8)

5.      Uffiċjali — Rikors — Sentenza ta’ annullament — Effetti — Obbligu li jiġu adottati miżuri ta’ eżekuzzjoni — Portata — Annullament ta’ deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ tiġdid ta’ kuntratt bħala membru tal-persunal temporanju — Assenza ta’ kumpens fid-dawl tal-possibbiltà ta’ sostituzzjoni retroattiva tal-att annullat

(Artikolu 266 TFUE)

1.      Fid-dawl tan-natura evoluttiva tal-proċedura prekontenzjuża, meta d-deċiżjoni tal-amministrazzjoni li tiċħad ilment tinkludi motivazzjoni li bla dubju ta’ xejn kienet nieqsa fid-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda ta’ talba li kontriha tressaq l-ilment, hija l-motivazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-eżami tal-legalità tal-att inizjali li jikkawża preġudizzju, peress li din il-motivazzjoni hija meqjusa li tikkompleta dan l-att. Għaldaqstant, hija tassew il-legalità tal-att inizjali li jikkawża preġudizzju li hija eżaminata, u dan, fid-dawl tal-motivi li jinsabu fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment.

(ara l-punti 18 u 41)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 9 ta’ Diċembru 2009, Il‑Kummissjoni vs Birkhoff, T‑377/08 P, punti 58 u 59, u l-ġurisprudenza ċċitata

Anki jekk il-membri tal-persunal temporanju ma għandhom ebda dritt għat-tiġdid ta’ kuntratt għal żmien determinat u anki jekk l-amministrazzjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa f’dan il-qasam, il-qorti tal-Unjoni, li quddiemha ġie ppreżentat rikors għal annullament intiż kontra att adottat fl-eżerċizzju ta’ tali setgħa, xorta waħda twettaq stħarriġ tal-legalità tiegħu, li jsir b’diversi modi indipendentement mill-eżistenza jew le ta’ obbligu formali ta’ motivazzjoni.

Għaldaqstant, il-qorti tal-Unjoni tista’ tiġi mitluba tistħarreġ jekk l-amministrazzjoni bbażatx id-deċiżjoni tagħha fuq fatti materjali ineżatti jew inkompleti. Għal dan il-għan, hija għandha tivverifika jekk hija eżerċitatx b’mod effettiv is-setgħat li hija għandha bil-għan li tistabbilixxi l-fatti li jservu ta’ bażi għad-deċiżjoni tagħha, b’mod li tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha. Il-qorti tal-Unjoni tista’ wkoll tiġi mitluba teżamina jekk l-amministrazzjoni wettqitx eżami ddettaljat, jew konkret tal-elementi rilevanti tal-każ inkwistjoni, b’mod li dan l-eżami jitwettaq b’attenzjoni u imparzjalità.

Hija għaldaqstant il-qorti tal-Unjoni li għandha tivverifika jekk l-amministrazzjoni wettqitx żball manifest meta evalwat l-elementi li hija ħadet inkunsiderazzjoni sabiex tieħu d-deċiżjoni kkontestata. Issa, fil-kuntest ta’ setgħa diskrezzjonali wiesgħa rrikonoxxuta lill-amministrazzjoni, il-fatt li jiġi stabbilit li l-amministrazzjoni wettqet żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti ta’ natura li jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni meħuda abbażi ta’ din l-evalwazzjoni jippreżumi li l-provi, li r-rikorrent għandu jipproduċi, huma suffiċjenti sabiex iwaqqgħu l-kredibbiltà tal-evalwazzjonijiet magħmula mill-amministrazzjoni.

(ara l-punti 43, 45 u 47 sa 49)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 15 ta’ Frar 2005, Il‑Kummissjoni vs Tetra Laval, C‑12/03 P, punt 39; 10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corportation of America vs Impala, C‑413/06 P, punt 145

Il-Qorti tal-Prim Istanza: 30 ta’ Novembru 1993, Perakis vs Il‑Parlament, T‑78/92, punt 16; 12 ta’ Diċembru 1996, AIUFFASS u AKT vs Il‑Kummissjoni, T‑380/94, punt 59; 8 ta’ Mejju 2001, Caravelis vs Il‑Parlament, T‑182/99, punt 32; 17 ta’ Ottubru 2002, Cocchi u Hainz vs Il‑Kummissjoni, T‑330/00 u T‑114/01, punt 82; 6 ta’ Frar 2003, Pyres vs Il‑Kummissjoni, T‑7/01, punt 64; 26 ta’ Ottubru 2004, Brendel vs Il‑Kummissjoni, T‑55/03, punt 60; 13 ta’ Lulju 2006, Shandong Rejpu Biochemicals vs Il‑Kunsill, T‑413/03, punt 63; 27 ta’ Settembru 2006, Dresdner Bank vs Il‑Kummissjoni, T‑44/02 OP, T‑54/02 OP, T‑56/02 OP, T‑60/02 OP u T‑61/02 OP, punt 67; 12 ta’ Frar 2008, BUPA et vs Il‑Kummissjoni, T‑289/03, punt 221

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 7 ta’ Lulju 2009, Bemard vs Europol, F‑54/08, punt 44; 23 ta’ Novembru 2010, Gheysens vs Il‑Kunsill, F‑8/10, punt 75

Id-dmir ta’ premura, kif ukoll il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, jimplikaw b’mod partikolari li, meta l-awtorità kompetenti tiddeċiedi dwar is-sitwazzjoni ta’ uffiċjal jew ta’ membru tal-persunal, u dan, anki fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ setgħa diskrezzjonali wiesgħa, hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li jistgħu jiddeterminaw id-deċiżjoni tagħha; hija u tagħmel dan hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss l-interess tas-servizz, iżda wkoll dak tal-uffiċjal jew tal-membru tal-persunal ikkonċernat. Fid-dawl preċiżament tal-estent tas-setgħa diskrezzjonali li l-istituzzjonijiet għandhom fl-evalwazzjoni tal-interess tas-servizz, l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni għandu madankollu jkun limitat għall-kwistjoni dwar jekk l-awtorità kompetenti baqgħetx f’limiti raġonevoli u ma eżerċitatx is-setgħa diskrezzjonali tagħha b’mod żbaljat

(ara l-punt 50)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 28 ta’ Mejju 1980, Kuhner vs Il‑Kummissjoni, 33/79 u 75/79, punt 22; 29 ta’ Ottubru 1981, Aming vs Il‑Kummissjoni, 125/80, punt 19

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 6 ta’ Lulju 1999, Séché vs Il‑Kummissjoni, T‑112/96 u T‑115/96, punti 147 sa 149; 2 ta’ Marzu 2004, Di Marzio vs Il‑Kummissjoni, T‑14/03, punti 99 u 100

2.      Għalkemm ma hijiex il-qorti tal-Unjoni li għandha tistħarreġ l-għażla tal-politika tal-persunal li istituzzjoni għandha l-intenzjoni ssegwi sabiex twettaq tajjeb il-missjonijiet assenjati lilha, hija validament tista’, meta titressaq quddiemha talba għall-annullament ta’ ċaħda ta’ tiġdid ta’ kuntratt bħala membru tal-persunal temporanju, tivverifika jekk il-motivi kkunsidrati mill-amministrazzjoni humiex ta’ natura li jmorru kontra l-kriterji u l-kondizzjonijiet bażiċi stabbiliti mil-leġiżlatur fir-Regolamenti tal-Persunal u intiżi b’mod partikolari sabiex jiggarantixxu lill-persunal bil-kuntratt il-possibbiltà li jibbenefika, skont il-każ, fit-tmiem, minn ċertu kontinwità ta’ impjieg. Huwa b’dan il-mod li għandu jinftiehem l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra li jipprovdi li l-kuntratt bħala membru tal-persunal temporanju, skont l-Artikolu 2(a) ta’ dawn il-kondizzjonijiet tal-impjieg, jista’ jiġġedded darba waħda biss għal żmien determinat u li kull tiġdid sussegwenti jsir għal żmien indeterminat, fatt li jista’ preċiżament jiġi analizzat f’miżuri preventivi intiżi sabiex tiġi miġġielda l-prekarjetà tal-impjieg. Din l-interpretazzjoni hija msaħħa bid-dmir ta’ premura li jeżiġi li, meta titressaq quddiemha talba għal tiġdid ta’ kuntratt, l-awtorità kompetenti għandha teżamina, b’mod partikolari, jekk teżistix pożizzjoni oħra ta’ membru tal-persunal temporanju fis-sens ta’ dan l-Artikolu 2(a), li fiha l-kuntratt tal-persuna kkonċernata seta’, fl-interess tas-servizz u fid-dawl tan-neċessitajiet prijoritarji tal-każ, jiġi validament imġedded.

Minn dan jirriżulta li l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ tonqos milli tosserva d-dmir ta’ premura u l-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra jekk, meta tiċħad talba għat-tiġdid tal-kuntratt bħala membru tal-persunal temporanju konkluż skont l-Artikolu 2(a) ta’ dawn il-kondizzjonijiet tal-impjieg, hija tirreferi, b’mod astratt, għall-possibbiltajiet baġitarji u għall-merti u l-kompetenzi tal-persuna kkonċernata filwaqt li ma tfittix, fil-kuntest ta’ eżami individwalizzat tas-sitwazzjoni partikolari tal-persuna kkonċernata u tas-servizzi li hija tkun f’pożizzjoni li tipprovdi lill-istituzzjoni, jekk l-interess tas-servizz li hija trid tilħaq ma jistax jiġi rrikonċiljat mal-assenjazzjoni, lill-persuna kkonċernata, ta’ kompiti ġodda u ta’ funzjonijiet ġodda u għaldaqstant mal-possibbiltà ta’ tiġdid tal-kuntratt tagħha jew tal-għoti ta’ kuntratt ġdid bħala membru tal-persunal temporanju.

(ara l-punti 54, 60 u 61)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 8 ta’ Marzu 2012, Huet, C‑251/11, punt 37

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 9 ta’ Diċembru 2010, Schuerings vs ETF, F‑87/08, punti 58 u 60; 9 ta’ Diċembru 2010, Vandeuren vs ETF, F‑88/08, punti 59 u 60

3.      L-annullament ta’ att mill-qorti tal-Unjoni għandu bħala effett l-eliminazzjoni retroattiva ta’ dan l-att mis-sistema legali u, meta l-att annullat ikun diġà ġie eżegwit, id-distruzzjoni tal-effetti tiegħu teżiġi li tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni ġuridika li kien jinsab fiha r-rikorrent qabel l-adozzjoni ta’ dan l-att. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 266 TFUE, hija l-istituzzjoni li l-att tagħha jkun ġie annullat li għandha tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mas-sentenza li tagħha hija d-destinatarja.

Madankollu, fir-rigward tal-annullament ta’ deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ tiġdid tal-kuntratt bħala membru tal-persunal temporanju, ma jistax, f’kull każ, jiġi eskluż li l-istituzzjoni tqis li tista’ tadotta mill-ġdid deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ tiġdid tal-kuntratt bħala membru tal-persunal temporanju tar-rikorrent wara eżami mill-ġdid komplut u ddettaljat tal-fajl, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-motivi tas-sentenza ta’ annullament.

Għaldaqstant, il-qorti tal-Unjoni ma tistax tikkundanna lill-istituzzjoni għall-ħlas tas-salarju tal-persuna kkonċernata mid-data tad-deċiżjoni illegali.

(ara l-punti 64, 66 u 67)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 26 ta’ Ottubru 2006, Landgren vs ETF, F‑1/05, punt 92; 26 ta’ Mejju 2011, Kalmár vs Europol, F‑83/09, punt 88, li hija s-suġġett ta’ appell pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, Kawża T-455/11 P