Language of document : ECLI:EU:T:2019:1

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla Estiża)

10 ta’ Jannar 2019 (*)

“Servizz pubbliku – Membri tal-persunal temporanju – Artikolu 2(ċ) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra – Kuntratt għal żmien indeterminat – Tkeċċija – Tkissir tar-rabta ta’ fiduċja – Dritt għal smigħ – Oneru tal-prova”

Fil-Kawża T‑160/17,

RY, ex membru tal-persunal temporanju tal-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentat minn J.-N. Louis u N. de Montigny, sussegwentement minn Louis, avukati,

rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Berscheid u L. Radu Bouyon, bħala aġenti,

konvenut,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 270 TFUE u intiża għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta’ April 2016 li xxolji l-kuntratt għal żmien indeterminat tar-rikorrent,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla Estiża),

komposta minn S. Gervasoni (Relatur), President, L. Madise, R. da Silva Passos, K. Kowalik-Bańczyk u C. Mac Eochaidh, Imħallfin,

Reġistratur: M. Marescaux, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Settembru 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrent, RY, daħal fis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea fl-1 ta’ Novembru 2014, bħala membru tal-persunal temporanju rreklutat skont l-Artikolu 2(ċ) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“KAO”), fil-kuntest ta’ kuntratt għal żmien indeterminat.

2        Skont l-Artikoli 2 u 3 tal-kuntratt ta’ reklutaġġ iffirmat mid-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali tar-Riżorsi Umani u tas-Sigurtà tal-Kummissjoni fil-11 ta’ Diċembru 2014, ir-rikorrent eżerċita, sa mill-1 ta’ Novembru 2014, il-kariga ta’ Assistent Kap tal-Uffiċċju ta’ membru tal-Kummissjoni, u kien ikklassifikat fil-grad AD 12, fl-iskala 2.

3        Skont emenda fil-kuntratt ta’ reklutaġġ iffirmata fit-2 ta’ Ottubru 2015 b’effett mill-1 ta’ Ottubru preċedenti, il-funzjonijiet tar-rikorrent inbidlu, b’dan illi baqa’ jokkupa l-pożizzjoni ta’ espert fi ħdan l-Uffiċċju tal-Membru tal-Kummissjoni, iżda ġie kklassifikat fil-grad AD 13, skala 2.

4        Permezz ta’ deċiżjoni tad-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali tar-Riżorsi Umani u tas-Sigurtà tas-27 ta’ April 2016 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni tterminat il-kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju tar-rikorrent skont l-Artikolu 47(ċ)(i) tal-KAO b’effett mill-1 ta’ Awwissu 2016. Din id-deċiżjoni tipprovdi l-eżekuzzjoni ta’ preavviż ta’ tliet xhur, għall-perijodu ta’ bejn l-1 ta’ Mejju 2016 u l-31 ta’ Lulju 2016, li matulu r-rikorrent kellu jitqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ direttorat ġenerali. Minħabba leave tal-mard tar-rikorrent li ntuża matul il-perijodu ta’ preavviż, dan spiċċa effettivament fit-30 ta’ Ottubru 2016.

5        Fis-27 ta’ Lulju 2016, ir-rikorrent adixxa lill-Awtorità responsabbli mill-konklużjoni tal-kuntratti ta’ reklutaġġ (iktar ’il quddiem l-“ARKR”) tal-Kummissjoni b’ilment kontra d-deċiżjoni kkontestata, skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea. Insostenn tal-ilment tiegħu, ir-rikorrent invoka, minn naħa, il-ksur tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), u min-naħa l-oħra, il-ksur tal-Artikolu 2(ċ) tal-KAO.

6        Għal dak li jirrigwarda l-allegat ksur tal-Artikolu 41 tal-Karta, ir-rikorrent iddikjara, fl-ilment tiegħu, li d-deċiżjoni kkontestata kienet ivvizzjata b’nuqqas totali ta’ motivazzjoni u bi ksur tad-dritt għal smigħ. Fil-punt 1 taħt it-Titolu B tal-ilment, intitolat “Fil-mertu”, ir-rikorrent espona b’mod partikolari, li huwa ma kienx ġie informat bir-raġunijiet li wasslu għat-terminazzjoni tal-kuntratt tiegħu, b’tali mod li ma kienx f’pożizzjoni li jagħti l-opinjoni tiegħu quddiem l-ARKR dwar l-elementi li jivvizzjaw id-deċiżjoni kkontestata. Fil-punt 2 tal-istess titolu huwa żied li la l-Membru tal-Kummissjoni kkonċernat u lanqas ebda persuna oħra ma kienet informatu bi tkissir tar-rabta ta’ fiduċja.

7        Permezz tad-deċiżjoni tat-28 ta’ Novembru 2016 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment”), il-Viċi-President tal-Kummissjoni, responsabbli mill-baġit u mir-riżorsi umani, li aġixxa fil-kwalità ta’ ARKR, ċaħad l-ilment tar-rikorrent.

8        F’din id-deċiżjoni, l-ARKR ikkunsidrat li l-obbligu li l-persuna kkonċernata tinstema’ qabel tkeċċija ma huwiex impost meta, bħal f’dan il-każ, ikun jirrigwarda membru tal-persunal temporanju rreklutat abbażi tal-Artikolu 2(ċ) tal-KAO, peress li d-deċiżjoni li tittermina l-kuntratt ittieħdet minħabba tkissir tar-rabta ta’ fiduċja. Fi kwalunkwe każ, l-ARKR qieset li l-argument ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża kellu jiġi miċħud, peress li r-rikorrent kien tqiegħed f’pożizzjoni li jagħti l-opinjoni tiegħu dwar it-tluq tiegħu mill-Uffiċċju, b’mod partikolari matul il-laqgħat organizzati f’Settembru u Diċembru 2015.

9        Barra minn hekk, l-ARKR ikkunsidrat li d-deċiżjoni kkontestata kienet debitament immotivata. F’dan ir-rigward, l-ARKR indikat b’mod partikolari li r-rikorrent kien ġie informat diversi drabi li l-prestazzjoni tiegħu ma kinitx sodisfaċenti u li l-possibbiltà li l-kuntratt tiegħu jiġi tterminat tqajmet tal-inqas darbtejn matul intervisti mal-Kap tal-Uffiċċju, minn naħa, u l-Membru tal-Kummissjoni, min-naħa l-oħra. L-ARKR żiedet li d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment tagħti lir-rikorrent elementi ta’ motivazzjoni addizzjonali.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

10      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-10 ta’ Marzu 2017, ir-rikorrent ippreżenta dan ir-rikors.

11      Fuq proposta tad-Disa’ Awla, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, skont l-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, li tibgħat lura l-kawża quddiem Kulleġġ Ġudikanti Estiż.

12      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla Estiża) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura u skont miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, tistieden lill-partijiet jikkonċentraw is-sottomissjonijiet orali tagħhom fuq il-kwistjoni tan-natura effettiva jew le tal-motiv ibbażat fuq ksur tad-dritt għal smigħ, iggarantit mill-Artikolu 41(2) tal-Karta, u preżunt li tali motiv huwa effettiv, fuq il-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tad-dritt għal smigħ, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda r-rwoli rispettivi tal-Membru tal-Kummissjoni kkonċernat u tal-ARKR.

13      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-12 ta’ Settembru 2018.

14      Ir-rikorrent jitlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

15      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

 Id-dritt

16      Ir-rikorrent iqajjem żewġ motivi insostenn tar-rikors tiegħu. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tad-dritt għal smigħ, iggarantit mill-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta. It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur mill-amministrazzjoni tal-obbligu ta’ motivazzjoni, previst mill-Artikolu 41(2)(ċ) tal-Karta.

17      Qabelxejn, għandu jiġi eżaminat il-motiv ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għal smigħ.

18      Insostenn ta’ dan il-motiv, ir-rikorrent jargumenta b’mod partikolari li ħadd ma informah b’hekk imsejjaħ tkissir tar-rabta ta’ fiduċja qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u li l-Kummissjoni ma pproduċietx prova insostenn tal-allegazzjonijiet tagħha dwar l-intervisti li seħħew mal-Membru tal-Kummissjoni u mal-Kap tal-Uffiċċju, b’mod partikolari matul ix-xhur ta’ Settembru u Diċembru 2015.

19      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrent. B’mod partikolari, hija tesponi li l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tittermina, minħabba tkissir tar-rabta ta’ fiduċja, kuntratt konkluż abbażi tal-Artikolu 2(ċ) tal-KAO ma tippreżumix li l-persuna kkonċernata tinstema’ qabel u fi kwalunkwe każ, li l-Membru tal-Kummissjoni u l-Kap tal-Uffiċċju kienu semgħu lir-rikorrent diversi drabi qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

 Fuq in-natura effettiva tal-motiv ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għal smigħ, iggarantit mill-Artikolu 41(2) tal-Karta

20      Skont l-Artikolu 41 tal-Karta, intitolat “Id-dritt għal amministrazzjoni tajba”:

“1.      Kull persuna għandha d-dritt li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b’mod imparzjali u ġust u fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi ta’ l-Unjoni.

2.      Dan id-dritt jinkludi:

a)      id-dritt ta’ kull persuna li tinstema’, qabel ma tittieħed kwalunkwe miżura individwali li tolqotha negattivament […]”

21      Għandu jiġi kkonstatat li kif jirriżulta mill-kliem tagħha stess, din id-dispożizzjoni hija ta’ applikazzjoni ġenerali (sentenza tat-22 ta’ Novembru 2012, M., C‑277/11, EU:C:2012:744, punt 84).

22      Barra minn hekk il-Qorti tal-Ġustizzja dejjem affermat l-importanza tad-dritt li wieħed jinstema’ u tal-portata wiesgħa ħafna tiegħu fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, billi qieset li dan id-dritt għandu japplika għal kull proċedura li tista’ tagħti lok għal att li jikkawża preġudizzju (ara s-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2012, M., C‑277/11, EU:C:2012:744, punt 85 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23      B’mod konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rispett tad-dritt għal smigħ huwa imperattiv anki meta l-leġiżlazzjoni applikabbli ma tipprovdix espressament għal tali formalità (ara s-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2012, M., C‑277/11, EU:C:2012:744, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24      Id-dritt għal smigħ jiggarantixxi lil kull persuna l-possibbiltà li tesponi, b’mod utli u effettiv, il-fehma tagħha matul il-proċedura amministrattiva u qabel l-adozzjoni ta’ kull deċiżjoni li taffettwa b’mod sfavorevoli l-interessi tagħha (ara s-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2012, M., C‑277/11, EU:C:2012:744, punt 87 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25      Sabiex jiżgura protezzjoni effettiva tal-persuna kkonċernata, dan id-dritt huwa intiż b’mod partikolari sabiex din tal-aħħar tkun tista’ tikkoreġi żball jew tissottometti elementi marbuta mas-sitwazzjoni personali tagħha li jsostnu s-sens li fih id-deċiżjoni għandha tittieħed, jew ma tittiħidx jew li jkollha kontenut speċifiku (sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2014, Boudjlida, C‑249/13, EU:C:2014:2431, punt 37).

26      Id-dritt għal smigħ jimplika wkoll li l-amministrazzjoni għandha tagħti kull attenzjoni meħtieġa għall-osservazzjonijiet magħmula mill-persuna kkonċernata billi teżamina, bir-reqqa u b’imparzjalità, il-punti kollha rilevanti tal-każ inkwistjoni (ara s-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2012, M., C‑277/11, EU:C:2012:744, punt 88 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27      Għalhekk, l-imsemmi dritt għandu jippermetti lill-amministrazzjoni li tistudja l-fajl b’mod li tieħu deċiżjoni informata u li timmotiva lil din tal-aħħar b’mod xieraq, sabiex, jekk ikun il-każ, il-persuna kkonċernata tkun tista’ teżerċita d-dritt ta’ azzjoni tagħha b’mod validu (ara b’analoġija, is-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2014, Boudjlida, C‑249/13, EU:C:2014:2431, punt 59).

28      Finalment, li l-eżistenza ta’ ksur tad-dritt għal smigħ għandu jiġi evalwat skont, b’mod partikolari, ir-regoli ġuridiċi li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenza tad-9 ta’ Frar 2017, M., C‑560/14, EU:C:2017:101, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      F’dan il-każ, huwa stabbilit li d-deċiżjoni kkontestata, li tiddikjara x-xoljiment tal-kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju tar-rikorrent, tikkostitwixxi miżura individwali, meħuda kontra dan tal-aħħar u li taffettwah b’mod sfavorevoli, fis-sens tal-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta.

30      Madankollu, il-Kummissjoni tenfasizza r-rwol partikolari tal-persuni li jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom fl-uffiċċji tal-membri tal-Kummissjoni. Hija targumenta li peress li dawn il-persuni għandu jkollhom il-fiduċja tal-membru tal-Kummissjoni li miegħu huma marbutin, l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tittermina minħabba tkissir ta’ rabta ta’ fiduċja, kuntratt konkluż abbażi tal-Artikolu 2(ċ) tal-KAO ma tippreżumix s-smigħ minn qabel tal-persuna kkonċernata.

31      F’dan ir-rigward, huwa minnu li membru tal-Kummissjoni għandu uffiċċju kompost minn kollaboraturi li huma l-konsulenti personali tiegħu. Ir-reklutaġġ ta’ dawn il-kollaboraturi jsir intuitu personae, jiġifieri b’mod diskrezzjonali ħafna, peress li l-persuni kkonċernati huma magħżula kemm għall-kwalitajiet professjonali u morali tagħhom kif ukoll għall-kapaċità tagħhom li jaddattaw ruħhom għall-metodi proprji tal-membru tal-Kummissjoni kkonċernat u għal dawk tal-Uffiċċju kollu tiegħu (sentenza tal-11 ta’ Lulju 2006, Il-Kummissjoni vs Cresson, C‑432/04, EU:C:2006:455, punt 130).

32      Is-setgħa ta’ diskrezzjoni wiesgħa li għandu l-membru tal-Kummissjoni sabiex jagħżel il-kollaboraturi tiegħu hija ġġustifikata b’mod partikolari min-natura speċifika tal-funzjonijiet eżerċitati fi ħdan l-Uffiċċju ta’ membru tal-Kummissjoni u min-neċessità ta’ relazzjonijiet ta’ fiduċja reċiproka bejn il-membru tal-Kummissjoni u l-kollaboraturi tiegħu (ara f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tad-29 ta’ April 2004, Il-Parlament vs Reynolds, C‑111/02 P, EU:C:2004:265, punt 51).

33      Madankollu, in-natura speċifika tal-funzjonijiet eżerċitati fi ħdan l-Uffiċċju ta’ membru tal-Kummissjoni u n-neċessità ta’ relazzjonijiet ta’ fiduċja reċiproka ma jistgħux iċaħħdu lill-kollaboratur ikkonċernat mid-dritt għal smigħ qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li xxolji unilateralment il-kuntratt tiegħu minħabba tkissir tar-rabta ta’ fiduċja.

34      Fil-fatt, l-ewwel nett, għandu jitfakkar li d-dritt tal-persuna kkonċernata li tinstema’ qabel l-adozzjoni ta’ kull deċiżjoni individwali li taffettwaha b’mod sfavorevoli huwa espressament stabbilit bid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta, li sa mill-1 ta’ Diċembru 2009, data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, għandha l-istess valur legali bħat-Trattati. Għalhekk, peress li l-Kummissjoni tinvoka l-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali u tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea li tipprovdi li meta deċiżjoni ta’ tkeċċija tirriżulta minħabba telf ta’ fiduċja, il-persuna kkonċernata ma għandhiex garanzija ta’ dritt għal smigħ matul il-proċedura amministrattiva (sentenzi tal-24 ta’ Frar 2010, P vs Il-Parlament, F‑89/08, EU:F:2010:11, punti 31 sa 33; tas-7 ta’ Lulju 2010, Tomas vs Il-Parlament, F‑116/07, F‑13/08 u F‑31/08, EU:F:2010:77, punti 100 u 101, u tal-24 ta’ Ottubru 2011, P vs Il-Parlament, T‑213/10 P, EU:T:2011:617, punt 43), għandu jitfakkar li, kif iddeċieda t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku sussegwentement, dejjem għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet tal-Karta, li għandhom l-istess valur legali bħat-Trattati (sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2013, CH vs Il-Parlament, F‑129/12, EU:F:2013:203, punt 37, u tat-22 ta’ Mejju 2014, CU vs CESE, F‑42/13, EU:F:2014:106, punt 37).

35      It-tieni nett, għandu jiżdied li r-rispett tad-dritt għal smigħ japplika iktar u iktar fir-rigward tax-xoljiment tal-kuntratt għal żmien indeterminat ta’ membru tal-persunal temporanju li jseħħ fuq inizjattiva tal-amministrazzjoni, peress li tali miżura, tkun kemm tista’ tkun iġġustifikata, tikkostitwixxi att li għandu konsegwenzi gravi għall-persuna kkonċernata, li titlef l-impjieg tagħha u li l-karriera professjonali tagħha tista’ tiġi affettwata b’mod negattiv għal diversi snin (ara f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Ottubru 2015, DD vs FRA, F‑106/13 u F‑25/14, EU:F:2015:118, punt 95).

36      It-tielet nett, meta t-tkeċċija ta’ membru tal-persunal li jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu fl-Uffiċċju ta’ membru tal-Kummissjoni hija prevista minħabba tkissir tar-rabta ta’ fiduċja, raġuni li għall-evalwazzjoni tagħha l-membru tal-Kummissjoni kkonċernat għandu setgħa ta’ diskrezzjoni wiesgħa, hija amministrazzjoni tajba li l-persuna kkonċernata tiġi informata minn qabel bil-miżura ta’ tkeċċija prevista u tkun tista’ tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha, sabiex pereżempju tikkoreġi żball, tikkjarifika eventwali nuqqas ta’ ftehim jew tissottometti elementi marbuta mas-sitwazzjoni professjonali jew personali tagħha.

37      Ir-raba’ nett, b’mod partikolari meta t-tkissir tar-rabta ta’ fiduċja joriġina minn ġudizzju tal-membru tal-Kummissjoni kkonċernat dwar il-valur tal-kollaboratur tiegħu, l-imsemmi membru jista’ jikkunsidra, wara li l-kollaboratur tiegħu jitqiegħed f’pożizzjoni li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu, li r-rabta ta’ fiduċja ma tkissritx b’mod definittiv.

38      Barra minn hekk, minkejja li l-ARKR ma għandhiex tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-membru tal-Kummissjoni kkonċernat dwar ir-realtà tat-tkissir tar-rabta ta’ fiduċja, l-ARKR għandha madankollu, qabelxejn, tivverifika jekk l-assenza jew it-telf ta’ rabta ta’ fiduċja huwiex effettivament invokat, u imbagħad, tivverifika l-eżattezza materjali tal-fatti (ara f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Mejju 2014, CU vs CESE, F‑42/13, EU:F:2014:106, punt 41), u finalment, tivverifika li fid-dawl tal-motiv imqajjem, it-talba għax-xoljiment ma hijiex ivvizzjata bi ksur tad-drittijiet fundamentali (ara f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2013, CH vs Il-Parlament, F‑129/12, EU:F:2013:203, punt 41) jew anki użu ħażin ta’ poter. F’dan il-kuntest, l-ARKR tista’ b’mod partikolari tikkunsidra, fir-rigward tal-osservazzjonijiet ipprovduti mill-persuna kkonċernata, li ċirkustanzi partikolari jiġġustifikaw li jiġu previsti miżuri oħra flok tkeċċija, pereżempju l-assenjazzjoni tal-persuna kkonċernata f’funzjonijiet oħra fi ħdan il-Kummissjoni.

39      Il-ħames nett, għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni hija infondata meta tinvoka s-sentenza tad-29 ta’ April 2004, Il-Parlament vs Reynolds (C‑111/02 P, EU:C:2004:265), insostenn tat-teżi li ma hemmx obbligu li r-rikorrent jinstema’ qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, iċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża huma differenti minn dawk tal-kawża li tat lok għal dik is-sentenza, peress li dawn kienu jikkonċernaw fatti preċedenti għad-dħul fis-seħħ tal-Karta. Barra minn hekk, id-deċiżjoni kontenzjuża f’dik il-kawża kienet deċiżjoni li tittermina l-kollokament ta’ uffiċjal tal-Parlament Ewropew li kien jeżerċita l-funzjonijiet ta’ Segretarju Ġenerali ta’ grupp politiku u tordna r-reintegrazzjoni ta’ dan l-uffiċjal fid-Direttorat Ġenerali ta’ oriġini tiegħu, u mhux deċiżjoni ta’ tkeċċija ta’ membru tal-persunal temporanju.

40      Għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li deċiżjoni li xxolji kuntratt għal żmien indeterminat ta’ membru tal-persunal temporanju rreklutat skont l-Artikolu 2(ċ) tal-KAO minħabba tkissir tar-rabta ta’ fiduċja ma tistax tiġi adottata mingħajr ma qabel jiġi rrispettat id-dritt ta’ dan il-membru tal-persunal li jinstema’, iggarantit mill-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta.

41      Għalhekk, ir-rikorrent jista’ jipprevalixxi ruħu b’mod utli mill-ksur tad-dritt għal smigħ fil-kuntest ta’ dan ir-rikors.

42      F’dan l-istadju, għandu jiġi evalwat jekk kienx hemm ksur tad-dritt tar-rikorrent li jinstema’.

 Fuq il-ksur tad-dritt għal smigħ

43      Ir-rikorrent isostni li huwa ma nstemax qabel ma ttieħdet id-deċiżjoni kkontestata. Huwa jesponi li ħadd ma informah b’hekk imsejjaħ tkissir tar-rabta ta’ fiduċja qabel ix-xoljiment tal-kuntratt tiegħu. Huwa ma kien destinatarju ta’ ebda dokument li jikkonstata l-inkompetenza tiegħu li jwettaq il-funzjonijiet tiegħu jew problemi relatati mal-prestazzjoni tiegħu u mal-aġir tiegħu fis-servizz. Huwa jargumenta li l-Kummissjoni ma tipproduċix prova li turi li diskussjonijiet, imsemmija fil-punti 28 sa 36 tar-risposta, kienu saru mal-Membru tal-Kummissjoni u mal-Kap tal-Uffiċċju, b’mod partikolari fir-rigward tal-laqgħat tat‑3 ta’ Settembru u tal-14 ta’ Diċembru 2015. Huwa jżid li huwa jikkontesta l-argumenti tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward.

44      Il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrent instema’ diversi drabi qabel ma ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata. Ir-rikorrent, inizjalment irreklutat bħala Assistant Kap tal-Uffiċċju, kellu diffikultajiet sabiex jaddatta għall-kuntest istituzzjonali u sabiex jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu fir-rigward tal-qasam tas-sigurtà, qasam prijoritarju tal-portafoll tal-Membru tal-Kummissjoni, kif il-Kap tal-Uffiċċju u l-Membru tal-Kummissjoni kienu ddiskutew mar-rikorrent diversi drabi. Fit-3 ta’ Settembru 2015 inżammet laqgħa bejn il-Kap tal-Uffiċċju u r-rikorrent, li matulha ssemma t-tluq ta’ dan tal-aħħar mill-Uffiċċju. Din il-laqgħa kienet segwita minn intervista mal-Membru tal-Kummissjoni dwar l-istess suġġett. Il-Kummissjoni tenfasizza li f’Ottubru 2015, ir-rikorrent ġie offrut pożizzjoni ta’ espert, sabiex jingħata l-possibbiltà li jkompli jservi fi ħdan l-Uffiċċju. Fl-14 ta’ Diċembru 2015, ir-rikorrent kien imsejjaħ mill-Kap tal-Uffiċċju u l-kwistjoni tat-tluq tiegħu kienet trattata b’mod iktar konkret. Mill-ġdid ir-rikorrent seta’ jagħti l-opinjoni tiegħu u jiddiskuti personalment mal-Membru tal-Kummissjoni waqt intervista sussegwenti. Minkejja l-inizjattivi tal-Uffiċċju, ir-rikorrent ma tejjibx il-prestazzjonijiet tiegħu. Għal din ir-raġuni, f’April 2016 il-Membru tal-Kummissjoni ddeċieda li jibda l-proċedura sabiex ixolji l-kuntratt tar-rikorrent għar-raġuni li r-rabta ta’ fiduċja kienet tkissret.

45      Għandu jitfakkar li meta deċiżjoni tista’ tittieħed biss b’rispett tad-dritt għal smigħ, il-persuna kkonċernata għandha titqiegħed f’pożizzjoni li tagħti l-opinjoni tagħha b’mod utli dwar il-miżura prevista, fil-kuntest ta’ skambju bil-miktub jew orali mibdi mill-ARKR u li l-prova tiegħu taqa’ fuq din tal-aħħar (ara f’dan is-sens is-sentenzi tas-6 ta’ Diċembru 2007, Marcuccio vs Il-Kummissjoni, C‑59/06 P, EU:C:2007:756, punt 47, u tat-3 ta’ Ġunju 2015, BP vs FRA, T‑658/13 P, EU:T:2015:356, punt 54). Għalhekk, huwa żbaljat li fil-kontroreplika tagħha, il-Kummissjoni tiddikjara li r-rikorrent għandu l-oneru tal-prova għal dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk instemax qabel ma ttieħdet id-deċiżjoni kkontestata.

46      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma pproduċietx il-prova li r-rikorrent tqiegħed f’pożizzjoni li jagħti l-opinjoni tiegħu b’mod utli, fil-kuntest tal-iskambji bil-miktub jew orali, fir-rigward tal-miżura prevista.

47      Fil-fatt, minkejja li l-Kummissjoni tallega li saru intervisti bejn il-Membru tal-Kummissjoni u l-Kap tal-Uffiċċju, minn naħa, u r-rikorrent min-naħa l-oħra, anki jekk jiġi preżunt li dawn l-intervisti seta’ kellhom natura li tippermetti lill-persuna kkonċernata tagħti l-opinjoni tagħha b’mod utli fir-rigward tal-miżura prevista, fis-sens tal-punt 45 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma pproduċietx il-prova tagħhom, minkejja li r-rikorrent jikkontesta dawn l-argumenti. Pereżempju, il-Kummissjoni ma pproduċiet ebda nota, ebda posta elettronika u ebda xhud. Barra minn hekk, hija ma ssostnix li waqt l-intervisti ta’ Settembru u Diċembru 2015, it-telf ta’ fiduċja u x-xoljiment tal-kuntratt għal din ir-raġuni kienu ġew diskussi mar-rikorrent.

48      Minkejja li huwa minnu, kif targumenta l-Kummissjoni, li l-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 45 iktar ’il fuq ma teħtieġx li sabiex jiġi rrispettat id-dritt għal smigħ għandu jkun hemm seduta u li din s-seduta tkun l-oġġett ta’ rapport jew minuti, xorta jibqa’ l-fatt li meta membru tal-persunal temporanju jikkontesta, bħal f’dan il-każ, li huwa nstema’, il-Kummissjoni għandha tipproduċi l-prova li l-persuna kkonċernata tqiegħdet f’pożizzjoni li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-intenzjoni tal-Kummissjoni li xxolji l-kuntratt tagħha billi tinvoka t-tkissir tar-rabta ta’ fiduċja. Barra minn hekk, iċ-ċirkustanza waħedha, enfasizzata mill-Kummissjoni li l-uffiċċji tal-membri tal-Kummissjoni huma entitajiet żgħar, ma tippermettix li jiġi kkunsidrat li huwa stabbilit li membru tal-persunal li jokkupa funzjonijiet f’wieħed minn dawn l-uffiċċji nstema’ b’mod validu qabel ma kien l-oġġett ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija. Finalment, minkejja li r-rikorrent ma pproduċiex spjegazzjoni jew ġustifikazzjoni għal dak li jirrigwarda l-laqgħat tax-xhur ta’ Settembru u Diċembru 2015 allegati mill-Kummissjoni, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li huwa kkontesta l-argumenti tal-Kummissjoni li matul dawn il-laqgħat huwa nstema’ b’mod validu, mingħajr ma huwa possibbli li sempliċi dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni jingħataw supremazija fuq iċ-ċaħdiet tal-parti l-oħra (ara f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2007, Marcuccio vs Il‑Kummissjoni, C‑59/06 P, EU:C:2007:756, punti 69 u 70).

49      Barra minn hekk, għal dak li jirrigwarda l-kwistjoni, indirizzata mill-Kummissjoni, dwar jekk ir-rikorrent huwiex ammissibbli u fondat meta jallega l-assenza ta’ stabbiliment ta’ rapport fi tmiem il-perijodu ta’ prova, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li din il-kwistjoni ma għandha l-ebda effett fuq il-konklużjoni li l-Kummissjoni ma pproduċietx il-prova li d-dritt tar-rikorrent li jinstema’ kien irrispettat.

50      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li kien hemm ksur tad-dritt tar-rikorrent li jinstema’ qabel ma tittieħed id-deċiżjoni kkontestata.

 Fuq il-konsegwenzi tal-ksur tad-dritt għal smigħ

51      Skont ġurisprudenza stabbilita, ksur tad-dritt għal smigħ iwassal għall-annullament tad-deċiżjoni meħuda fi tmiem il-proċedura amministrattiva inkwistjoni biss jekk, fl-assenza ta’ din l-irregolarità, din il-proċedura seta’ kellha riżultat differenti (sentenzi tal-10 ta’ Settembru 2013, G. u R., C‑383/13 PPU, EU:C:2013:533, punt 38, tal-24 ta’ April 2017, HF vs Il-Parlament, T‑584/16, EU:T:2017:282, punt 157; ara wkoll, is-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2015, De Loecker vs SEAE, F‑28/14, EU:F:2015:101, punt 127 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52      F’dan il-każ, ir-rikorrent jargumenta li kieku huwa nstema’ qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, huwa kien ikun jista’ jiġi informat bl-ilmenti sostnuti kontra tiegħu, jagħmel l-osservazzjonijiet tiegħu u jipproduċi l-posta elettronika li tistabbilixxi li r-raġunijiet invokati mill-Kummissjoni kienu infondati. Huwa jindika li l-ilmenti li ssemmi l-Kummissjoni sabiex tiġġustifika d-deċiżjoni kkontestata huma elementi suġġettivi, li, min-natura tagħhom, setgħu jinbidlu kieku huwa kien instema’.

53      F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment jirriżulta essenzjalment li t-tkissir tar-rabta’ ta’ fiduċja bejn ir-rikorrent u l-membru tal-Kummissjoni kkonċernat joriġina mid-“diffikultajiet [tar-rikorrent] li jaddatta ruħu għall-kuntest istituzzjonali tal-Kummissjoni kif ukoll li jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu fir-rigward tal-qasam prioritarju li tikkostitwixxi s-sigurtà”. Barra minn hekk, skont id-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment, ir-rikorrent “ma kienx f’pożizzjoni li jagħti parir lill-[membru tal-Kummissjoni] dwar l-oqsma tiegħu u b’mod partikolari li jiżviluppa strateġija dwar iċ-ċittadinanza”.

54      Dawn id-dikjarazzjonijiet, ifformulati f’termini ġenerali ħafna, isegwu minn evalwazzjonijiet dwar il-mod kif iservi r-rikorrent, ibbażati kemm fuq elementi oġġettivi kif ukoll fuq ġudizzji ta’ valur. Madankollu, b’mod partikolari fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar, kif ġustament jenfasizza r-rikorrent, minħabba n-natura suġġettiva tagħhom dawn jistgħu jinbidlu fil-kuntest ta’ skambju mal-persuna kkonċernata (ara f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Settembru 2015, Wahlström vs Frontex, T-653/13 P, EU:T:2015:652, punt 28). Barra minn hekk, kien x’kien il-grad ta’ suġġettività fl-evalwazzjonijiet inkwistjoni, billi ma offriet ebda possibbiltà lir-rikorrent sabiex jagħti l-opinjoni tiegħu, il-Kummissjoni ċaħdet lil dan tal-aħħar minn opportunità sabiex jikkonvinċi li kien hemm possibbiltà ta’ evalwazzjoni oħra tal-mod kif huwa jservi, u għalhekk milli jfittex li jerġa’ jistabbilixxi rabta ta’ fiduċja mal-membru tal-Kummissjoni. Fil-fatt, li kieku nstema’, ir-rikorrent seta’ jagħmel osservazzjonijiet dwar il-mod kif iservi jew dwar is-sitwazzjoni personali jew professjonali tiegħu, li setgħu jwasslu għall-qari differenti tal-allegazzjonijiet magħmula fil-konfront tiegħu.

55      Barra minn hekk, kif ġie rrilevat fil-punti 32 u 36 iktar ’il fuq, dan japplika iktar u iktar peress li l-membru tal-Kummissjoni kkonċernat għandu setgħa ta’ diskrezzjoni wiesgħa fl-għażla tal-kollaboraturi tiegħu rreklutati abbażi tal-Artikolu 2(ċ) tal-KAO, li tagħtih libertà importanti kemm sabiex jipproponi t-tkeċċija tal-imsemmija kollaboraturi kif ukoll sabiex jerġa’ lura minn tali proposta.

56      Għalhekk, jekk fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ jiġi deċiż li l-ARKR kienet neċessarjament tadotta deċiżjoni identika kieku r-rikorrent tqiegħed f’pożizzjoni li jagħti l-opinjoni tiegħu b’mod utli matul il-proċedura amministrattiva, dan ikun ifisser li d-dritt fundamentali għal smigħ stabbilit fl-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta jiċċaħħad mis-sustanza tiegħu, peress li l-kontenut stess ta’ dan id-dritt jimplika li l-persuna kkonċernata tingħata l-possibbiltà li tinfluwenza l-proċess deċiżjonali inkwistjoni (ara f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Settembru 2011, Marcuccio vs Il-Kummissjoni, T-236/02, EU:T:2011:465, punt 115, u tal-5 ta’ Ottubru 2016, ECDC vs CJ, T-395/15 P, mhux ippubblikata, EU:T:2016:598, punt 80).

57      Finalment fir-rigward tal-argument magħmul mill-Kummissjoni fir-risposta tagħha u bbażat fuq l-inammissibbiltà li r-rikorrent jipproduċi l-posta elettronika msemmija fir-rikors fi stadju ulterjuri tal-proċedura kontenzjuża, preżunt li din teżisti u li l-kontenut tagħha huwa dak sostnut mir-rikorrent, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li r-rikorrent ma pproduċiex din il-posta elettronika quddiem il-Qorti Ġenerali, u min-naħa l-oħra, li l-eventwali inammissibbiltà tal-imsemmija posta elettronika quddiem il-Qorti Ġenerali ma għandhiex effett fuq il-possibbiltà li r-rikorrent kien ikollu, li kieku nstema’, li jipproduċi din il-posta elettronika, jew fi kwalunkwe każ, kull element utli ieħor matul il-proċedura amministrattiva sabiex jipprova jevita li tittieħed id-deċiżjoni ta’ tkeċċija prevista.

58      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi eskluż li l-proċedura ta’ tkeċċija setgħet twassal għal riżultat differenti li kieku r-rikorrent instema’ debitament.

59      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-motiv ibbażat fuq ksur tad-dritt għal smigħ, iggarantit mill-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta, għandu jiġi milqugħ.

60      Għalhekk, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata, mingħajr il-bżonn li jiġi eżaminat it-tieni motiv imqajjem mir-rikorrent, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

 Fuq l-ispejjeż

61      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. F’dan il-każ, peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mir-rikorrent.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tas-27 ta’ April 2016 li xxolji l-kuntratt għal żmien indeterminat ta’ RY hija annullata.

2)      Il-Kummissjoni hija kkundannata għall-ispejjeż.

Gervasoni

Madise

da Silva Passos

Kowalik-Bańczyk

 

      Mac Eochaidh

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-10 ta’ Jannar 2019.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.