Language of document : ECLI:EU:F:2008:127

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA (L-Ewwel Awla)

14 ta’ Ottubru 2008 (*)

“Servizz pubbliku – Kompetizzjoni ġenerali – Rikorrent li ma għaddiex mill-eżami orali – Nuqqas ta’ inklużjoni fil-lista ta’ riżerva – Obbligu ta’ motivazzjoni – Osservanza tas-sigriet tax-xogħlijiet tal-Bord tal-Għażla – Rifjut tal-istituzzjoni li tikkonforma ruħha ma’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura”

Fil-Kawża F‑74/07,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat skont l-Artikolu 236 KE u l-Artikolu 152 KEEA,

Stefan Meierhofer, residenti f’Munich (il-Ġermanja), irrappreżentat minn H.‑G. Schiessl, avukat,

rikorrent

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn B. Eggers u K. Herrmann, bħala aġenti,

konvenuta

IT-TRIBUNAL (L-Ewwel Awla),

kompost minn H. Kreppel, President, H. Tagaras (Relatur) u S. Gervasoni, Imħallfin,

Reġistratur: R. Schiano, Amministratur,

wara li ra l-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-23 ta’ April 2008,

jagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz ta’ rikors li wasal fir-Reġistru tat-Tribunal fit-3 ta’ Lulju 2007 permezz ta’ faks (l-oriġinal ġie ppreżentat fil-5 ta’ Lulju segwenti), S. Meierhofer qed jitlob, essenzjalment, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni tal-10 ta’ Mejju 2007 tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni EPSO/AD/26/05, organizzata mill-Uffiċċju tal-għażla tal-persunal tal-Komunitajiet Ewropej (EPSO), li informatu li ma kienx għadda mill-eżami orali tal-imsemmija kompetizzjoni, kif ukoll tad-deċiżjoni tad-19 ta’ Ġunju 2007 li ma laqgħetx it-talba tiegħu għal reviżjoni ppreżentata kontra d-deċiżjoni tal-10 ta’ Mejju 2007, u min-naħa l-oħra, evalwazzjoni ġdida ta’ dan l-eżami u l-inklużjoni tiegħu fil-lista ta’ riżerva.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt Komunitarju ġenerali u d-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolamenti tal-Persunal

2        L-Artikolu 253 KE jipprovdi:

“Ir-regolamenti, id-direttivi u d-deċiżjonijiet adottati konġuntement mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill, kif ukoll dawk l-atti adottati mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni, għandhom jindikaw ir-raġunijiet li jkunu bbażati fuqhom, u għandhom jagħmlu riferenza għal kull proposta jew opinjoni li kienu meħtieġa li jinkisbu skond ma’ dan it-Trattat.”

3        It-tieni paragrafu tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal” jistipula kif ġej:

“Kull deċiżjoni relatata ma’ individwu speċifiku li tittieħed taħt dawn ir-Regolamenti tal-Persunal għandha tkun ikkomunikata minnufih bil-miktub lill-uffiċjal konċernat. Kull deċiżjoni li taffettwa ħażin uffiċjal għandha tagħti r-raġunijiet li fuqhom tkun ibbażata.”

4        L-Artikolu 6 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal jgħid dan li ġej:

“Il-proċeduri tal-Bord ta’ l-Għażla għandhom ikunu sigrieti.”

 L-avviż tal-kompetizzjoni

5        Fl-20 ta’ Lulju 2005, l-EPSO ppubblika fil-Ġurnal Uffiċċjali tal-Unjoni Ewropea l-avviż tal-kompetizzjoni ġenerali “EPSO/AD/26/05: liġi” (ĠU C 178A, p. 3).

6        Minn naħa, fit-titolu tiegħu “A. Natura tal-funzjonijiet, kundizzjonijiet għall-ammissjoni (profil meħtieġ)”, dan l-avviż tal-kompetizzjoni jipprovdi, fil-punt “I. Natura tal-funzjonijiet”, it-“twettiq ta’ funzjonijiet ta’ analiżi, fformular ta’ ideat, studji u kontrolli dwar l-attività tal-Unjoni Ewoprea”; għal dak li jirrigwarda t-taqsima relattiva għal-liġi, din tuża l-kliem li ġej:

“EPSO/AD/26/05: liġi

–        l-ifformular ta’ ideat dwar, l-analiżi u t-tfassil ta’ abbozzi ta’ atti legali tad-dritt Komunitarju,

–        l-għoti ta’ pariri legali,

–        riċerka fid-dritt nazzjonali, fid-dritt Komunitarju u fid-dritt internazzjonali,

–        parteċipazzjoni f’negozjati relattivi għal diversi ftehim internazzjonali,

–        analiżi u preparazzjoni ta’ abbozzi ta’ deċiżjonijiet, pereżempju fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni,

–        eżami u verifiki tal-liġijiet nazzjonali sabiex jiġi vverifikat li jikkonformaw mad-dritt Komunitarju,

–        investigazzjoni tal-fajls prekontenzjużi (ksur tad-dritt Komunitarju, ilment, eċċ.),

–        diversi funzjonijiet fil-qasam tal-proċeduri kontenzjużi, tfassil tal-pożizzjonijiet tal-istituzzjonijiet fil-kuntest ta’ kawżi quddiem qrati, prinċipalment quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej jew il-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej; funzjonijiet legali fi ħdan ir-reġistri tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti tal-Prim’Istanza,

–        xogħol ta’ fformular, tħejjija u implementazzjoni ta’ regoli fl-oqsma tal-ġustizzja u l-intern.”

7        Min-naħa l-oħra, fit-Titolu “B. Żvolġiment tal-kompetizzjoni”, dan l-avviż tal-kompetizzjoni jinkludi r-regoli li ġejjin fir-rigward tal-eżami orali u l-inklużjoni fil-lista ta’ riżerva:

“3. Eżami orali – Għoti ta’ marki

e)      Intervista mal-Bord tal-Għażla, fil-lingwa prinċipali tal-kandidat, sabiex tiġi evalwata l-kapaċità tiegħu biex jeżerċita l-funzjonijiet imsemmija fit-Titolu A, punt I. Din l-intervista tirrigwarda b’mod partikolari l-għarfien speċjalizzat fil-qasam magħżul u l-għarfien tal-Unjoni Ewropea, l-istituzzjonijiet tagħha u l-politiki tagħha. L-għarfien tat-tieni lingwa jiġi eżaminat ukoll. Din l-intervista hija intiża sabiex tevalwa wkoll il-kapaċità tal-kandidati li jadattaw ruħhom għax-xogħol, fi ħdan is-servizz pubbliku Ewropew, f’ambjent multikulturali.

Marki mogħtija għal dan l-eżami: 0 sa 50 punt (minimu meħtieġ: 25 punt).

[…]

5. Inklużjoni fil-lista ta’ riżerva

Il-Bord tal-Għażla jfassal il-listi ta’ riżerva, għal kull kompetizzjoni, diviżi f’gruppi ta’ mertu (massimu ta’ erba’ gruppi) u fl-ordni alfabetika ġo kull grupp ta’ mertu, tal-kandidati […] (titoli A, numru ta’ persuni li jkunu għaddew) li jkunu kisbu l-aħjar marki fl-eżamijiet bil-miktub d) u orali e) flimkien kif ukoll il-minimu meħtieġ għal kull wieħed minn dawn l-eżamijiet.

[…]”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

8        Ir-rikorrent, ta’ nazzjonalità Ġermaniża, ipparteċipa fil-kompetizzjoni EPSO/AD/26/05. Wara li għadda mill-eżamijiet ta’ preselezzjoni kif ukoll mill-eżamijiet bil-miktub, huwa ħa sehem fl-eżami orali, fid-29 ta’ Marzu 2007.

9        Permezz ta’ ittra tal-10 ta’ Mejju 2007, il-president tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni EPSO/AD/26/05 informa lir-rikorrent li kien kiseb 24.5 punti fl-eżami orali, u b’hekk ma kisibx il-marka minima meħtieġa ta’ 25/50, u ma setax jiġi inkluż fil-lista ta’ riżerva.

10      Permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Mejju 2007, ir-rikorrent talab ir-reviżjoni tad-deċiżjoni tal-10 ta’ Mejju 2007, imsemmija iktar ’il fuq, billi kien tal-fehma, fid-dawl tar-rapport li huwa stess kien fassal wara l-eżami orali, liema rapport huwa anness mar-rikors, li kien irrisponda b’mod korrett għal mill-inqas 80 % tal-mistoqsijiet matul dan l-eżami. Ir-rikorrent b’hekk talab verifika tal-marki li ngħata fl-eżami orali tiegħu, kif ukoll, sussidjarjament, spjegazzjoni tal-marki li kien kiseb f’kull waħda mid-domandi li kienu sarulu matul dan l-eżami.

11      Permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Ġunju 2007, il-president tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni EPSO/AD/26/05 informa lir-rikorrent li, wara li reġgħet ġiet eżaminata l-kandidatura tiegħu, il-Bord tal-Għażla ma kienx sab raġunijiet għalfejn kellu jbiddel ir-riżultati tiegħu. F’din l-ittra, ġie indikat ukoll lir-rikorrent, minn naħa, li fir-rigward tal-għarfien speċjalizzat tiegħu, in-numru ta’ risposti insodisfaċenti qabeż in-numru ta’ risposti sodisfaċenti u, min-naħa l-oħra, li l-eżami orali ġie żvolt skont il-kriterji speċifikati fl-avviż tal-kompetizzjoni u li, fid-dawl tas-sigriet tax-xogħlijiet tal-Bord tal-Għażla imposta mill-Artikolu 6 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, ma kienx possibbli li l-kandidati jingħataw it-tabella tal-marki (“marking grid”) jew it-tqassim tal-marki tagħhom fl-eżami orali (“breakdown of their marks for the oral test”).

 It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura

12      Ir-rikorrent jitlob li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jannulla d-deċiżjoni tal-10 ta’ Mejju 2007 tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni EPSO/AD/26/05;

–        jannulla d-deċiżjoni tad-19 ta’ Ġunju 2007 tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni EPSO/AD/26/05 li ma laqgħetx it-talba tiegħu għal reviżjoni magħmula fil-11 ta’ Mejju 2007;

–        jordna lill-Kummissjoni tagħmel evalwazzjoni mill-ġdid tal-eżami orali li sar fid-29 ta’ Marzu 2007, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-kriterji ta’ evalwazzjoni fis-seħħ;

–        jordna lill-Kummissjoni tieħu deċiżjoni ġdida dwar l-inklużjoni tar-rikorrent fil-lista ta’ riżerva tal-proċedura Komunitarja ta’ għażla tal-persunal EPSO/AD/26/05, billi tieħu inkusnderazzjoni r-riżultat il-ġdid tal-eżami;

–        jordna lill-Kummissjoni timmotiva d-deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu fid-dawl tat-tielet u r-raba’ inċiżi hawn fuq;

–        jikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

13      Il-Kummissjoni titlob li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jiċħad ir-rikors;

–        jikkundanna lil kull parti għall-ispejjeż tagħha.

14      Bħala miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura skont l-Artikolu 55 tar-Regoli tal-Proċedura, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku stieden lill-Kummissjoni, fir-rapport preparatorju għas-seduta mibgħut lill-partijiet fis-7 ta’ Frar 2008, sabiex jippreżenta, qabel is-seduta:

a)      it-tabella tal-marki u t-tqassim tal-marki fl-eżami orali (“the marking grid” u “the breakdown of [the] marks for the oral test”) tar-rikorrent, li għalihom tirreferi d-deċiżjoni tad-19 ta’ Ġunju 2007 li ma laqgħetx it-talba tiegħu għal reviżjoni,

b)      kwalunkwe informazzjoni oħra relattiva għall-evalwazzjoni tal-kwalità tal-prestazzjoni tar-rikorrent matul l-eżami orali,

c)      lista tal-marki, mingħajr ismijiet, tal-kandidati l-oħra li ngħataw marka eliminatorja fl-eżami orali,

d)      il-kalkoli li wasslu għar-riżultat preċiż ta’ 24.5/50 għar-rikorrent fl-eżami orali.

15      F’dan l-istess rapport preparatorju għas-seduta, u wara li l-partijiet ġew mistiedna jiddedikaw parti sostanzjali mis-sottomissjonijiet orali tagħhom għall-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, ġie indikat, minn naħa, li l-għan tal-miżuri mitluba kien “li l-effettività tad-diskussjonijiet relattivi għal dan il-motiv (kif ukoll il-motiv ibbażat fuq il-ksur manifest tal-kriterji ta’ evalwazzjoni fis-seħħ, motiv marbut essenzjalment ma’ dak tal-motivazzjoni) tiġi massimizzata”, u, min-naħa l-oħra, li l-komunikazzjoni lir-rikorrent tal-informazzjoni msemmija fil-punti 1) sa d) ta’ dan ir-rapport preparatorju ssir sa fejn tali komunikazzjoni tkun tista’ tiġi rrikonċiljata mal-prinċipju ta’ sigriet tax-xogħlijiet tal-Bord tal-Għażla u/jew wara li jitneħħew, jekk ikun hemm bżonn, ċerti indikazzjonijiet li l-komunikazzjoni tagħhom tmur kontra dan il-prinċipju.

16      B’risposta għal dawn il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, b’ittra li waslet b’faks fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fit-18 ta’ Frar 2008 (il-preżentata tal-oriġinal seħħet fid-19 ta’ Frar segwenti), il-Kummissjoni bagħtet lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, hekk kif kien ġie mitlub fir-rapport preparatorju għas-seduta, punt c), tabella mingħajr ismijiet tal-marki eliminatorji tal-kandidati li ma għaddewx mill-eżami orali. Madankollu, il-Kummissjoni rrifjutat li tikkonforma mal-miżuri ta’ organizzazzjoni indikati fil-punti a), b) u d) tal-imsemmi rapport, billi sostniet essenzjalment li, fin-nuqqas ta’ prova ta’ ksur tar-regoli li jirregolaw il-proċeduri tal-Bord tal-Għażla, il-motiv ibbażat fuq l-obbligu ta’ motivazzjoni waħdu ma kienx jiġġustifika, fid-dawl tas-sigriet tax-xogħlijiet tal-Bord tal-Għażla, il-produzzjoni tal-informazzjoni u d-dokumenti l-oħra mitluba mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Barra minn hekk, il-Kummissjoni indikat li hija ma kinitx marbuta tipproduċi tali informazzjoni u dokumenti, kemm jekk it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jitlobhom peremzz ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, bħal f’dan il-każ, jew anki permezz ta’ miżuri istruttorji. Madankollu, il-Kummissjoni rrifjutat.

17      Ir-rikorrent ippreżenta fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, fl-20 ta’ Marzu 2008, osservazzjonijiet, datati 17 ta’ Marzu 2008, fuq il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura indirizzati lill-Kummissjoni, u b’mod partikolari fuq ir-rifjut tagħha li tissodisfa t-talbiet kollha tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

18      Fid-19 ta’ Mejju 2008, il-Kummissjoni ppreżentat fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku xi osservazzjonijiet bħala risposta għan-nota tar-rikorrent imsemmija iktar ’il fuq.

 Fuq is-suġġett tar-rikors

19      Għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrent qed jitlob, b’mod partikolari, l-annullament tad-deċiżjoni tal-10 ta’ Mejju 2007 li informatu li ma kienx għadda mill-eżami orali tal-kompetizzjoni, kif ukoll l-annullament tad-deċiżjoni tad-19 ta’ Ġunju 2007, li ma laqgħetx it-talba tiegħu għal reviżjoni. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skont il-ġurisprudenza, meta kandidat għal kompetizzjoni jitlob ir-reviżjoni ta’ deċiżjoni meħuda minn bord tal-għażla, hija d-deċiżjoni meħuda minn dan tal-aħħar wara reviżjoni tas-sitwazzjoni tal-kandidat li tikkostitwixxi l-att li jikkawża preġudizzju (digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-3 ta’ April 2001, Zaur-Gora u Dubigh vs Il‑Kummissjoni, T‑95/00 u T‑96/00, ĠabraSP p. I‑A‑79 u II‑379, punti 24 sa 27; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ Jannar 2002, Gonçalves vs Il‑Parlament, T‑386/00, ĠabraSP p. I‑A‑13 u II‑55, punt 39; tal-31 ta’ Mejju 2005, Gibault vs Il‑Kummissjoni, T‑294/03, ĠabraSP p. I‑A‑141 u II‑635, punt 22; tat-13 ta’ Diċembru 2006, Heus vs Il‑Kummissjoni, T‑173/05, ĠabraSP p. II‑A‑2‑1695, punt 19, u tat-12 ta’ Marzu 2008, Giannini vs Il‑Kummissjoni, T‑100/04, Ġabra p. I‑0000, li hija suġġetta għal appell pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, Kawża C‑231/08 P, punt 30). Għaldaqstant, id-deċiżjoni tad-19 ta’ Ġunju 2007, adottata wara t-talba għal reviżjoni magħmula mir-rikorrent fil-11 ta’ Mejju 2007, issostitwiet id-deċiżjoni inizjali tal-Bord tal-Għażla tal-10 ta’ Mejju 2007 u għalhekk tikkostitwixxi l-att li jikkawża preġudizzju.

20      Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li r-rikors huwa dirett biss kontra d-deċiżjoni tad-19 ta’ Ġunju 2007 tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni EPSO/AD/26/05.

 Id-dritt

 L-argumenti tal-partijiet

21      Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka tliet motivi.

22      Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni naqset mill-obbligu tagħha li timmotiva d-deċiżjoni tal-10 ta’ Mejju 2007 (ara l-punt 9 ta’ din is-sentenza), kif dan l-obbligu huwa previst fl-Artikolu 253 KE, peress li d-“dmir ta’ diskrezzjoni”, previst mill-Artikolu 6 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal japplika biss fil-konfront ta’ terzi, u mhux fil-konfront tal-kandidat innifsu. Skont il-Kummissjoni, fir-rigward tal-aċċess ta’ kandidat għall-proċeduri tal-Bord tal-Għażla, skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 6 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal fih dispożizzjoni speċjali li tipprojbixxi l-iżvelar tal-pożizzjonijiet adottati mill-Bord tal-Għażla u ta’ kwalunkwe informazzjoni marbuta ma’ evalwazzjonijiet ta’ natura personali jew komparattiva fir-rigward tal-kandidati; b’hekk, meta kkomuninkat lir-rikorrent il-marki li kiseb fl-eżami orali, il-Kummissjoni ssodisfat l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni.

23      Fit-tieni lok, ir-rikorrent isemmi difett proċedurali relattiv għall-fatt li billi l-president tal-Bord tal-Għażla, is-Sur Singer, ma użax il-headphones li permezz tagħhom seta’ jsegwi t-traduzzjoni simultanja għall-Franċiż tal-eżami orali, ma fehmx ir-risposti mogħtija bil-Ġermaniż mir-rikorrent. Il-Kummissjoni tikkunsidra li dan il-motiv ma huwiex fondat, inkwantu, minbarra l-fatt li s-Sur Singer jaf il-Ġermaniż sew u l-membri tal-Bord tal-Għażla ma humiex obbligati jagħmlu użu mill-interpretazzjoni simultanja, jidher, l-ewwel nett, li r-rikorrent ma sofra ebda trattament mhux ugwali, peress li s-Sur Singer ma uża l-interpretazzjoni simultanja għal ebda wieħed mill-94 kandidat l-ieħor għall-eżami orali li rrispondew bil-Ġermaniż, u t-tieni nett, li, fi kwalunkwe każ, dan ma jistax jiġi kkunsidrat bħal irregolarità proċedurali.

24      Fl-aħħar lok, ir-rikorrent isostni li, fid-dawl tan-numru kbir ta’ risposti kompleti u indiskutabbilment eżatti li ta fl-eżami orali, marka ta’ inqas minn 50 % tikkostitwixxi ksur manifest tar-regoli li jirregolaw il-proċeduri tal-Bord tal-Għażla fil-kompetizzjonijiet u tal-kriterji ta’ evalwazzjoni fis-seħħ u tista’ tirriżulta biss minn tali ksur. Il-Kummissjoni tirrileva li ma jeżistix żball ta’ evalwazzjoni manifesta billi bord tal-għażla għandu diskrezzjoni wiesgħa, li hija saħansitra usa fl-eżamijiet orali, u l-Bord tal-Għażla jista’ jieħu inkunsiderazzjoni r-risposti tal-kandidati, iżda wkoll l-esperjenza u l-personalità tagħhom.

25      Bħala risposta għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura mitluba mit-Tribunal fir-rapport preparatorju għas-seduta, tas-7 ta’ Frar 2008, il-Kummissjoni, sabiex għas-Servizz Pubbliku tiġġustifika r-rifjut tagħha li tikkomunika ċerta informazzjoni mitluba mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (ara l-punt 16 ta’ din is-sentenza), issostni, b’mod partikolari, li r-rikorrent ma tax prova tal-ksur tar-regoli li jirregolaw il-proċeduri tal-Bord tal-Għażla u li d-deċiżjoni tiegħu, konsegwentement, skont ġurisprudenza stabbilita, hija eskluża mill-istħarriġ ġudizzjarju. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ Jannar 2003, Angioli vs Il‑Kummissjoni (T‑53/00, ĠabraSP p. I‑A‑13 u II‑73), hija kienet ipprovdiet lill-persuna kkonċernata bi “tqassim tal-marki li kienet kisbet fl-eżami orali”, iżda ssostni li din kienet “eċċezzjoni assoluta” u li, b’mod konformi mal-ġurisprudenza stabbilita relattiva għas-sigriet tax-xogħlijiet tal-bordijiet tal-għażla, allegat ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni ma jiġġustifikax f’dan il-każ il-produzzjoni tal-“karti ta’ evalwazzjoni” tar-rikorrent, karti li kien fihom kemm tabella tal-marki, il-punti individwali mogħtija waqt l-eżami orali u l-evalwazzjoni tal-membri tal-Bord tal-Għażla. Hija tikkonkludi li, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe indizju li kapaċi jqajjem dubji dwar il-validità tal-att ikkontestat, dan tal-aħħar igawdi minn preżunzjoni ta’ validità marbuta mal-atti Komunitarji u t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma huwiex kompetenti jitlob l-informazzjoni mitluba.

26      Fl-osservazzjonijiet tagħha dwar ir-rifjut tal-Kummissjoni li tikkomunika ċerta informazzjoni mitluba fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, ir-rikorrent reġa’ afferma, billi bbaża ruħu fuq l-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal, li kien hemm ksur manifest tar-regoli relevanti għall-proċeduri tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni, inkwantu, b’mod partikolari, il-Bord tal-Għażla ma evalwax b’mod oġġettiv il-prestazzjoni effettiva tiegħu matul l-eżami orali u ma mmotivax id-deċiżjoni tiegħu; peress li dan il-ksur manifest tal-imsemmija regoli ntwera f’dan il-każ, l-oneru tal-prova jmissu jiġi aġevolat favur ir-rikorrent, minħabba l-impossibiltà involontarja għalih biex jipproduċi tali prova. Barra minn hekk, ir-rikorrent jallega li l-Kummissjoni, fid-dawl tal-kawża li tat lok għas-sentenza Angioli vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, kisret il-prinċipju ta’ trattament ugwali.

27      Bħala risposta għall-osservazzjonijiet esposti fil-punt preċedenti, il-Kummissjoni ssostni li, skont il-ġurisprudenza, l-isħarriġ sussegwenti ta’ eżami orali mill-qorti Komunitarja huwa, minnu nnifsu, impossibbli u li, għalhekk, sabiex jiġi sodisfatt l-obbligu ta’ motivazzjoni, huwa biżżejjed li tiġi kkomunikata marka globali biss. Imbagħad, hija tinsisti fuq in-nuqqas ta’ ksur manifest tar-regoli li jirregolaw il-proċeduri tal-Bord tal-Għażla, fid-dawl, l-ewwel nett, tal-evalwazzjoni korretta mill-membri tal-Bord tal-Għażla tal-prestazzjoni tar-rikorrent matul l-eżami tiegħu, it-tieni nett, tal-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni, it-tielet nett, tal-osservanza tal-prinċipju ta’ trattament ugwali; hija żżid, barra minn hekk, li r-rikorrent ma rnexxilux jipproduċi provi biżżejjed ta’ ksur manifest ta’ tali regoli.

 Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

28      B’mod preliminari, għandu jiġi mfakkar li, insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka tliet motivi, ibbażati fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, l-eżistenza ta’ difett proċedurali u l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni. Peress li l-Kummissjoni, fir-risposta tagħha, għamlet ċerti kunsiderazzjonijiet relattivi għall-prinċipju ta’ trattament ugwali, ir-rikorrent, fin-nota addizzjonali tiegħu tas-17 ta’ Marzu 2008, għamel ċerti argumenti fir-rigward ta’ allegat ksur ta’ dan il-prinċipju, argumenti li l-Kummissjoni rrispondiet għalihom fl-osservazzjonijiet tagħha tad-19 ta’ Mejju 2008. Peress li tali ilmenti ma tqajmux mir-rikorrent fir-rikors tiegħu, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma jistax ħlief jikkonstata li huma inammissibbli u li ma jistgħux jiġu eżaminati.

29      Fost it-tliet motivi invokati mir-rikorrent fir-rikors tiegħu, għandu jiġi eżaminat, fl-ewwel lok, dak ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

30      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat qabel kollox li jirriżulta mill-Artikolu 253 KE u mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal li kull deċiżjoni individwali meħuda skont ir-Regolamenti tal-Persunal u li tikkawża preġudizzju għandha tkun motivata. Skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu ta’ motivazzjoni jikkostitwixxi kemm prinċipju essenzjali tad-dritt Komunitarju kif ukoll formalità sostantiva tal-atti tal-istituzzjonijiet u għandu l-għan, minn naħa, li jippermetti lill-qorti tistħarreġ il-legalità tad-deċiżjoni u, min-naħa l-oħra, li jagħti lill-persuna kkonċernata l-indikazzjonijiet neċessarji sabiex tkun taf jekk id-deċiżjoni hijiex fondata jew le u jagħtih l-opportunità jevalwa jekk huwiex opportun li jippreżenta rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Marzu 2002, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑310/99, Ġabra p. I‑2289, punt 48, u tad-19 ta’ Settembru 2002, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑113/00, Ġabra p. I‑7601, punt 47; is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-20 ta’ Marzu 1991, Pérez-Mínguez Casariego vs Il‑Kummissjoni, T‑1/90, Ġabra p. II‑143, punt 73; tal-8 ta’ Ġunju 1995, P vs Il‑Kummissjoni, T‑583/93, ĠabraSP p. I‑A‑137 u II‑433, punt 24, u tad-29 ta’ Frar 1996, Lopes vs Il‑Qorti tal‑Ġustizzja, T‑280/94, ĠabraSP p. I‑A‑77 u II‑239, punt 148).

31      Madankollu, għal dak li jirrigwarda d-deċiżjonijiet meħudin minn bord tal-għażla ta’ kompetizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li l-obbligu ta’ motivazzjoni għandu jiġi rrikonċiljat mal-osservanza tas-sigriet tax-xogħlijiet tal-Bord tal-Għażla skont l-Artikolu 6 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, liema sigriet ġie stabbilit sabiex tiġi ggarantita l-indipendenza tal-bordijiet tal-għażla u l-oġġettività tax-xogħol tagħhom, billi tipproteġihom minn kull indħil u pressjonijiet esterni, kemm jekk dawn joriġinaw mill-amministrazzjoni Komunitarja stess, mill-kandidati kkonċernati jew minn terzi; b’mod partikolari, ġie deċiż li l-osservanza ta’ dan is-sigriet jipprekludi li jiġu żvelati kemm il-pożizzjoni tal-membri individwali tal-bordijiet tal-għażla kif ukoll kwalunkwe informazzjoni marbuta ma’ evalwazzjonijiet ta’ natura personali jew komparattiva fir-rigward tal-kandidati u li l-ħtieġa ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ bord tal-għażla ta’ kompetizzjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni n-natura tal-proċeduri inkwistjoni, li, fl-istadju tal-eżami tal-kapaċitajiet tal-kandidati, huma qabel kollox ta’ natura komparattiva u, minħabba f’hekk, koperti mis-sigriet inerenti f’dawn ix-xogħlijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Lulju 1996, Il‑Parlament vs Innamorati, C‑254/95 P, Ġabra p. I‑3423, punti 24 sa 28).

32      Abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-qorti Komunitarja ddeċidiet b’mod konsistenti li “l-komunikazzjoni tal-marki miksubin fl-eżamijiet differenti” [traduzzjoni mhux uffiċjali] tikkostitwixxi motivazzjoni suffiċjenti tad-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Għażla (sentenza Il‑Parlament vs Innamorati, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-21 ta’ Mejju 1996, Kaps vs Il‑Qorti tal‑Ġustizzja, T‑153/95, ĠabraSP p. I‑A‑233 u II‑663, punt 81; tat-2 ta’ Mejju 2001, Giulietti et vs Il‑Kummissjoni, T‑167/99 u T‑174/99, ĠabraSP p. I‑A‑93 u II‑441, punt 81; Angioli vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 69, u Gibault vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39).

33      Din il-konklużjoni tapplika b’mod partikolari għall-każijiet fejn il-marka mogħtija fil-fażi bil-miktub jew fil-fażi orali tal-kompetizzjoni tikkonsisti f’diversi marki indiviwali, li jikkorrispondu għad-diversi eżamijiet tal-fażi kkonċernata; l-istess japplika f’każ ta’ komunikazzjoni lill-persuna kkonċernata tal-marki intermedjarji, li jikkorrispondu għad-diversi kriterji ta’ evalwazzjoni ta’ kull wieħed mill-eżamijiet bil-miktub jew orali. F’każ bħal dan, fil-fatt, il-komunikazzjoni lill-kandidati eliminati tal-marki individwali jew intermedjarji ma tinvolvix biss informazzjoni dwar l-eliminazzjoni tagħhom mill-istadju suċċessiv tal-proċedura ta’ għażla, iżda wkoll informazzjoni dwar ir-raġunijiet għalfejn ma għaddewx, billi tagħtihom indikazzjonijiet fuq is-suġġetti jew il-kriterji li għalihom il-Bord tal-Għażla iddeċieda li l-prestazzjoni tagħhom ma kinitx sodisfaċenti.

34      Il-ġurisprudenza msemmija fil-punti 31 u 32 ta’ din is-sentenza ma tagħmilx, għall-inqas direttament, distinzjoni bejn il-komunikazzjoni ta’ diversi marki, individwali jew intermedjarji, u l-komunikazzjoni ta’ marka individwali waħda eliminatorja. Madankollu, minn dan ma jistax jirriżulta li l-komunikazzjoni lill-kandidat ta’ marka individwali eliminatorja dejjem tikkostitwixxi motivazzjoni suffiċjenti, indipendentement miċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ ikkonċernat.

35      Fil-fatt, minn naħa, xejn fil-formulazzjoni jew fil-kuntest tal-ġurisprudenza esposta fil-punti 31 u 32 ta’ din is-sentenza ma jippermetti li r-referenza għall-“marki miksubin fl-eżamijiet differenti” tiġi interpretata bħala li tkopri biss il-marki individwali eliminatorji b’kuntrast mal-marki l-oħra eżistenti, inklużi l-marki intermedjarji, b’mod patikolari għal dak li għandu x’jaqsam ma’ dawn tal-aħħar, fil-każijiet fejn il-fażi bil-miktub jew – bħal f’dan il-każ – il-fażi orali jkun fiha eżami wieħed biss u, għalhekk, marka individwali waħda biss. F’dan ir-rigward, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jirrileva l-kliem ġenerali użat mill-ġurisprudenza inkwistjoni, u l-fatt li, fis-sentenza Il‑Parlament vs Innamorati, iċċitata iktar ’il fuq, sentenza li tat lok għall-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 32, l-ilment relattiv għall-obbligu ta’ motivazzjoni ma kienx jirrigwarda r-rifjut tal-istituzzjoni konvenuta li tagħti lir-rikorrent diversi marki, individwali jew intermedjarji, iżda r-rifjut li r-rikorrent jiġi mgħarraf bil-kriterji tal-Bord tal-Għażla u l-motivi tad-deċiżjoni kkontestata f’dak il-każ (ara s-sentenza Il‑Parlament vs Innamorati, iċċitata iktar ’il fuq, punt 22); dan jgħodd ukoll fir-rigward tas-sentenzi li kienu jikkonċernaw, bħal f’dan il-każ, l-eliminazzjoni tar-rikorrenti fil-fażi orali, bħal pereżempju s-sentenzi Angioli vs Il‑Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq, punti 56 sa 65), u Gibault vs Il‑Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq, punti 33 sa 35).

36      Barra minn hekk, f’kawża reċenti dwar – bħal f’dan il-każ – kandidat li ma għaddiex mill-fażi orali ta’ kompetizzjoni, ġie deċiż li l-obbligu ta’ motivazzjoni jista’ jinvolvi l-komunikazzjoni, fuq talba ta’ kandidat, tal-marki intermedjarji u tal-metodu segwit mill-Bord tal-Għażla sabiex jiddetermina l-marka individwali f’wieħed mill-eżamijiet orali u li jekk din il-motivazzjoni ma tingħatax fuq talba ta’ kandidat li ma jkunx għadda, hija l-qorti Komunitarja li għandha titlob kjarifiki permezz ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-28 ta’ April 2004, Pascall vs Il‑Kunsill, T‑277/02, ĠabraSP p. I‑A‑137 u II‑621); f’dik il-kawża, tali miżuri ntalbu mill-Qorti tal-Prim’Istanza u l-konvenuta ssodisfat it-talba, u wara dan, il-motiv ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni ġie reż ineffettiv (ara s-sentenza Pascall vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punti 28 sa31).

37      Barra minn hekk, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku josserva li l-Kummissjoni stess diġà aċċettat li tikkomunika lil xi kandidati l-marki intermedjarji, b’mod partikolari f’żewġ kawżi dwar kandidati li ma għaddewx mill-fażi orali, li kienet tinvolvi eżami orali wieħed biss. Fl-ewwel kawża, dwar kompetizzjoni, il-Kummissjoni bagħtet lill-persuna kkonċernata, fuq talba tagħha, it-tqassim tad-diversi marki intermedjarji tal-eżami orali, kriterju b’kriterju (ara s-sentenza Angioli vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 79). Fit-tieni kawża, dwar proċedura ta’ reklutaġġ, il-Kummissjoni bagħtet, fuq talba tal-Qorti tal-Prim’Istanza, l-evalwazzjonijiet tal-eżami orali ta’ selezzjoni, kriterju b’kriterju, irrappreżentati minn skala minn “ -- ” sa “ ++ ” (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Frar 2008, Neirinck vs Il‑Kummissjoni, C‑17/07 P, Ġabra p. I‑36, punt 56). B’hekk, għall-kuntrarju ta’ dak li tafferma l-Kummissjoni meta tirreferi għall-kawża li tat lok għas-sentenza Angioli vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, fir-risposta għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-komunikazzjoni ta’ informazzjoni addizzjonali u, b’mod partikolari, marki miksubin għal kull wieħed mill-kriterji ta’ evalwazzjoni, ma kinitx “eċċezzjoni assoluta, f’każ partikolari wieħed biss”, iżda saret diversi drabi, minħabba ċ-ċirkustanzi tal-każ.

38      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tat-talbiet dwar informazzjoni differenti mill-marki nfushom, jiġifieri l-kriterji jew il-motivi għal marka eliminatorja jew informazzjoni oħra relattiva għall-marka tal-kandidat ikkonċernat, għandu jiġi kkonstatat li, minkejja l-affermazzjoni li l-komunikazzjoni tal-marki individwali tissodisfa l-obbligu ta’ motivazzjoni, jirriżulta mit-test stess tas-sentenzi li jirrepetu din l-affermazzjoni (ara l-punt 32 ta’ din is-sentenza), inkluża s-sentenza Il‑Parlament vs Innamorati, iċċitata iktar ’il fuq, u b’mod partikolari s-sentenzi li jirrigwardaw il-fażi orali, bħal pereżempju s-sentenzi Angioli vs Il‑Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq, punti 71 sa 85), u Gibault vs Il‑Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq, punt 42), li l-qorti Komunitarja ma tillimitax ruħha għal applikazzjoni awtomatika tal-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq, iżda teżamina kull każ billi tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest partikolari tal-kawża u tat-talbiet tal-kandidati kkonċernati.

39      Il-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punti 35 sa 37 kif ukoll fil-punt preċedenti huma msaħħin mill-ġurisprudenza eżistenzi fir-rigward tal-kandidati li ma jgħaddux mill-fażi bil-miktub ta’ kompetizzjoni, li tistipula li fil-prattika, kandidat jirċievi spjegazzjoni pjuttost kompleta dwar in-nuqqas tiegħu milli jgħaddi mill-eżami meta jingħata mhux biss il-marki individwali differenti, iżda wkoll il-motivazzjoni tal-marka individwali eliminatorja li kkawżat l-esklużjoni tiegħu mill-bqija tal-kompetizzjoni, kif ukoll elementi oħrajn. Fil-fatt, il-qorti Komunitarja ddeċidiet li “kandidati li ma jkunux għadddew jistgħu, jekk ikun il-każ, jiksbu mill-istituzzjoni li tkun organizzat il-kompetizzjoni inkwistjoni l-kopji korretti tagħhom u/jew il-kriterji ġenerali għall-għoti tal-marki stabbiliti mill-Bord tal-Għażla, u dan, bħal f’dan il-każ, permezz tal-għoti, deliberatament, ta’ dokumenti matul proċeduri legali bejn din l-istituzzjoni u l-imsemmija kandidati jew skont prattika adottata minn din l-istituzzjoni li jkollha l-għan li tiżgura t-trasparenza tal-proċeduri ta’ reklutaġġ li madankollu tosserva r-regola tas-sigriet tax-xogħlijiet tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni, stabbilita mill-Artikolu 6 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-25 ta’ Ġunju 2003, Pyres vs Il‑Kummissjoni, T‑72/01, ĠabraSP p. I‑A‑169 u II‑861, punt 70, u tas-17 ta’ Settembru 2003, Alexandratos u Panagiotou vs Il‑Kunsill, T‑233/02, ĠabraSP p. I‑A‑201 u II‑989, punt 31). Barra minn hekk jidher li l-istituzzjonijiet ikkomunikaw diversi drabi, jew direttament lil rikorrent, jew lill-qorti Komunitarja fuq talb tagħha, il-karta bil-miktub korretta u/jew karta ta’ evalwazzjoni li tinkludi evalwazzjoni tal-karta (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-14 ta’ Lulju 2005, Le Voci vs Il‑Kunsill, T‑371/03, ĠabraSP p. I‑A‑209 u II‑957, punti 115 sa 117; is-sentenzi tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-13 ta’ Diċembru 2007, Van Neyghem vs Il‑Kummissjoni, F‑73/06, Ġabra p. I‑0000, li hija suġġetta għal appell pendenti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, Kawża T‑105/08 P, punti 72, 79 u 80, kif ukoll tal-4 ta’ Settembru 2008, Dragoman vs Il‑Kummissjoni, F‑147/06, Ġabra p. I‑0000, punti 21, 82 u 83). Għalkemm huwa minnu li jista’ jkun li l-persuni kkonċernati ma jkunux jafu min huma l-korretturi tal-eżamijiet bil-miktub (u b’hekk, huma protetti mill-indħil u l-pressjonijiet li għalihom tirreferi l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 31 ta’ din is-sentenza), għall-kuntrarju tal-membri tal-bord fil-fażi orali, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jikkunsidra li dan il-fatt ma jiġġustifikax oġġettivament l-eżistenza ta’ differenzi importanti bejn ir-rekwiżiti ta’ motivazzjoni f’każ li kandidat ma jgħaddix mill-fażi bil-miktub, kif dawn ir-rekwiżiti jirriżultaw mill-ġurisprudenza msemmija f’dan il-punt, u dawk sostnuti mill-Kummissjoni f’każ li kandidat ma jgħaddix mill-fażi orali, li, b’mod partikolari f’dan il-każ, jikkonsistu fl-għoti lir-rikorrent biss ta’ marka individwali eliminatorja, u dan minkejja ċ-ċirkustanzi deskritti fil-punti 42 u 47 ta’ din is-sentenza.

40      Konsegwentement, għandu jiġi ammess li, għalkemm l-eżitu tal-bilanċ bejn l-obbligu ta’ motivazzjoni u l-osservanza tal-prinċipju ta’ sigriet tax-xogħlijiet tal-Bord tal-Għażla, b’mod partikolari fuq il-punt jekk il-komunikazzjoni ta’ marka individwali eliminatorja biss lill-kandidat li ma jkunx għadda mill-fażi orali tissodisfax l-imsemmi obbligu, sikwit ixaqleb lejn il-prinċipju ta’ sigriet tax-xogħlijiet tal-Bord tal-Għażla, jista’ jkun mod ieħor meta jeżistu ċirkustanzi partikolari. Tali konklużjoni b’ebda mod ma tmur kontra l-prinċipju ta’ osservanza tas-sigriet tax-xogħlijiet tal-Bord tal-Għażla previst mill-Artikolu 6 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal u hija barra minn hekk konformi mal-iżvilupp reċenti tal-ġurisprudenza Komunitarja favur it-trasparenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Diċembru 2007, L‑Isvezja vs Il‑Kummissjoni, C‑64/05 P, Ġabra p. I‑11389, u tal-1 ta’ Lulju 2008, L‑Isvezja u Turco vs Il‑Kunsill, C‑39/05 P u C‑52/05 P, Ġabra p. I‑4723; is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-8 ta’ Novembru 2007, Bavarian Lager vs Il‑Kummissjoni, T‑194/04, Ġabra p. II‑4523, li hija suġġetta għal appell pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, Kawża C‑28/08 P).

41      F’dan il-każ, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jikkunsidra li huwa affaċċjat b’ċirkustanzi partikolari fis-sens tal-punt preċedenti.

42      Fl-ewwel lok, minn qari tad-deċiżjoni tal-10 ta’ Mejju 2007 (ara l-punt 9 ta’ din is-sentenza), huwa paċifiku li r-rikorrent ma għaddiex mill-fażi orali verament għal ftit. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa raġonevoli li l-persuna kkonċernata titlob informazzjoni ulterjuri, anki jekk sempliċiment biex tiżgura ruħha li l-marka tagħha ma tirriżultax minn żball jew biex issir taf b’eventwali arrotondament magħmul lill-marka.

43      Fit-tieni lok, huwa paċifiku wkoll li r-rikorrent ingħata biss marka individwali waħda għall-fażi orali, ħaġa li, għall-kuntrarju tas-sitwazzjonijiet imsemmija fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, ma tippermettilux jikseb l-indikazzjonijiet, esposti fl-imsemmi punt, li għandu bżonn sabiex jifhem ir-raġunijiet għalfejn ma għaddiex minn din il-fażi tal-kompetizzjoni, iktar u iktar meta, kif għadu kif ġie mfakkar, ma għaddiex verament għal ftit.

44      Fit-tielet lok, huwa paċifiku wkoll li f’dan il-każ kien hemm marki intermedjarji li ntużaw għall-kalkolu tal-marka individwali eliminatorja tar-rikorrent. Dan ġie indikat b’mod ċar fir-risposta għat-talba tiegħu għal reviżjoni u ġie kkonfermat mir-rappreżentanta tal-Kummissjoni waqt is-seduta.

45      Fir-raba’ lok, għalkemm ir-rappreżentanta tal-Kummissjoni sostniet, waqt is-seduta, li kienu ġew assenjati marki għal kull kriterju ta’ evalwazzjoni previst fl-avviż tal-kompetizzjoni EPSO/AD/26/05 u kull kriterju kien ittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġu kkalkulati l-marki individwali tal-kandidati, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li, skont id-dikjarazzjoni tagħha stess, hija stess ma kinitx rat il-karti ta’ evalwazzjoni (ara l-punt 25 ta’ din is-sentenza) u kulma kienet qed tagħmel kien li tagħti lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku l-informazzjoni li kienet ingħatat mill-EPSO, u min-naħa l-oħra u fuq kollox, li meta t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku staqsiha fuq dan il-punt, hija ammettiet li ma kinitx taf jekk dawn il-kriterji ta’ evalwazzjoni kollha kinux ingħataw l-istess importanza u lanqas jekk itteħdux inkunsiderazzjoni fatturi oħra, li ma kinux previsti fl-avviż tal-imsemmija kompetizzjoni. B’mod partikolari, meta ġiet mistoqsija diversi drabi fuq il-kwistjoni jekk il-marka 24.5/50 kinitx ir-riżultat tas-somma matematika ta’ kull waħda mill-marki intermedjarji li jikkorrispondi għall-kriterji ta’ evalwazzjoni stipulati fl-avviż tal-kompetizzjoni, ir-rappreżentanta tal-Kummissjoni, għalkemm irrispondiet fl-affermattiv għall-imsemmija domanda, ikkwalifikat il-pożizzjoni tagħha b’mod li ma eskludietx li fatturi jew kunsiderazzjonijiet oħrajn setgħu ttieħdu inkunsiderazzjoni fl-għoti ta’ din il-marka eliminatorja lir-rikorrent. Għalkemm il-“kriterji ta’ korrezzjoni” msemmijin fil-punt 29 tas-sentenza Il‑Parlament vs Innamorati, iċċitata iktar ’il fuq, huma intiżi sabiex jagħtu lill-korretturi tal-eżamijiet bil-miktub – li normalment iktar numerużi mill-membri tal-Bord tal-Għażla fil-fażi orali – regoli komuni għall-evalwazzjoni u l-għoti tal-marki għall-eżamijiet bil-miktub u huma koperti mis-sigriet, dan ma japplikax għall-kriterji ta’ evalwazzjoni msemmijin f’dan il-każ, li huma stabbilit fit-Titolu B, punt 3 tal-avviż tal-kompetizzjoni EPSO/AD/26/05, huma aċċessibbli għall-pubbliku u huma vinkolanti fil-konfront tal-membri tal-Bord tal-Għażla. Minn dan jirriżulta li, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, kif inhuma deskritti hawn fuq, is-sempliċi komunikazzjoni tal-marka individwali eliminatorja ma tippermetti la lir-rikorrent u lanqas lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jiżguraw ruħhom li d-deċiżjonijiet tal-10 ta’ Mejju 2007 u tad-19 ta’ Ġunju 2007 ma humiex ivvizzjati minn żball, relattiv għall-kriterji ta’ evalwazzjoni li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-marka individwali, li kienu jirrigwardaw, f’dan il-każ, l-evalwazzjoni, minn naħa, tal-għarfien speċjalizzat marbut mal-“qasam” u l-għarfien tal-Unjoni Ewropea, l-istituzzjonijiet tagħha u l-politiki tagħha u min-naħa l-oħra, l-għarfien ta’ lingwa oħra, u fl-aħħar nett, il-kapaċità tal-kandidati li jadattaw ruħhom għax-xogħol, fi ħdan is-servizz pubbliku Ewropew, f’ambjent multikulturali.

46      Fil-ħames lok, ma jidhirx li l-komunikazzjoni lir-rikorrent ta’ informazzjoni iktar dettaljata mill-marka individwali eliminatorja tiegħu tista’, jew tfisser piż ikbar għax-xogħol tal-Kummissjoni fid-dawl tal-mezzi teknoloġiċi disponibbli llum, jew tirriżulta delikata. Għalkemm, waqt is-seduta, ir-rappreżentanta tal-Kummissjoni qajjmet dawn iż-żewġ kwistjonijiet, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jixtieq jirrileva li hija għamlet dan biss b’mod ġenerali, mingħajr ma semmiet problemi li jistgħu jinqalgħu f’dan il-każ, b’mod partikolari, mingħajr ma semmiet xi numru kbir ta’ kandidati oħra li talbu motivazzjoni iktar dettaljata tal-marka individwali eliminatorja tagħhom u mingħajr ma indikat b’liema mod il-komunikazzjoni lir-rikorrent ta’ informazzjoni iktar dettaljata, iżda li ma turix l-evalwazzjonijiet individwali tal-membri tal-Bord tal-Għażla jew il-marki mogħtija minn kull wieħed minnhom, tista’ twassal għal sitwazzjonijiet sensittivi. Fil-fatt, l-iktar li sostniet, waqt is-seduta u dejjem f’termini ġenerali, kien li r-rifjut li tiġi kkomunikata din l-informazzjoni kien ibbażat b’mod partikolari fuq id-diffikultà li jinsabu persuni li jkunu lesti jkunu membri tal-Bord tal-Għażla fuq bażi volontarja u fuq il-“mewġa ta’ kontestazzjonijiet” ta’ kandidati fil-kompetizzjonijiet li tista’ twassal għaliha l-komunikazzjoni ta’ tali informazzjoni.

47      Fis-sitt lok, fid-deċiżjoni tiegħu tad-19 ta’ Ġunju 2007 li ma laqgħetx it-talba għal reviżjoni, il-Bord tal-Għażla, billi rrefera għall-“għarfien speċjalizzat” tar-rikorrent, ippreċiża li n-numru tar-risposti insodisfaċenti tiegħu kien jaqbeż in-numru ta’ risposti sodisfaċenti, filwaqt li, fir-risposti għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, u mbagħad waqt is-seduta, il-konvenuta indikat li n-nuqqas prinċipali fir-risposti tar-rikorrent waqt l-eżami orali kien in-natura pjuttost impreċiża u mhux ċara tagħhom. Barra minn hekk, fir-rigward ta’ din l-aħħar kritika, il-Kummissjoni ma semmietx jekk din kinitx tapplika għall-kriterji ta’ evalwazzjoni kollha stabbiliti fl-avviż tal-kompetizzjoni jew biss għall-kriterju relattiv għall-għarfien speċjalizzat. It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku b’hekk jikkonstata, fil-kummenti tal-Kummissjoni, ċerti lakuni u ambigwitajiet, li s-sempliċi komunikazzjoni tal-karti ta’ evalwazzjoni u/jew tal-marki intermedjarji tar-rikorrent setgħet tirrimedja għalihom.

48      Sussidjarjament, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku josserva li r-rikorrent annetta mar-rikors tiegħu rapport ta’ tliet paġni tal-eżami orali tiegħu tad-29 ta’ Marzu 2007. Għalkemm huwa paċifiku li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma huwiex kompetenti sabiex iqajjem dubji dwar l-evalwazzjonijiet tal-membri tal-Bord tal-Għażla abbażi ta’ tali dokument, li barra minn hekk, ma jista’ jkollu ebda valur fil-mertu, jibqa’ l-fatt li r-rikorrent ma jibbażax l-argumenti tiegħu, dwar ir-riżultati tal-eżami orali, fuq kunsiderazzjonijiet konfużi u vagi, invokati b’mod impreċiż u diżorganizzat, iżda fuq rapport ċar u espliċitu, li jirrifletti l-mistoqsijiet li sarulu u li jirriproduċi r-risposti li ta.

49      Konsegwentement, għandu jiġi ammess li, għalkemm il-komunikazzjoni lir-rikorrent tal-marka individwali eliminatorja li ngħata fl-eżami orali, jiġifieri l-marka 24.5/50, tikkostitwixxi aktar minn sempliċi bidu ta’ motivazzjoni, li flimkien magħha, skont il-ġurisprudenza (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Novembru 1997, Berlingieri Vinzek vs Il‑Kummissjoni, T‑71/96, ĠabraSP p. I‑A‑339 u II‑921, punt 79), setgħu ngħataw kjarifiki addizzjonali fil-mori tal-kawża, min-naħa l-oħra, din il-marka waħedha ma hijiex biżżejjed, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, sabiex tissodisfa pjenament l-obbligu ta’ motivazzjoni; minn dan jirriżulta li r-rifjut tal-Kummissjoni li tagħti kwalunkwe informazzjoni addizzjonali jammonta għal ksur ta’ dan l-obbligu.

50      It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma huwiex kompetenti sabiex jiddetermina l-informazzjoni li l-Kummissjoni għandha tikkomunika lill-persuna kkonċernata sabiex tissodisfa l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni, b’mod partikolari meta, bħal f’dan il-każ, il-Kummissjoni tirrifjuta tikkonforma mal-miżuri ta’ organizzazzjoni deċiżi mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u meta, konsegwentement, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jinsab f’pożizzjoni li tagħmilha impossibbli għalih li jsir jaf bil-kontenut tal-karti ta’ evalwazzjoni tar-rikorrent jew informazzjoni oħra relattiva għall-iżvolġiment tal-eżami orali tiegħu u, b’mod partikolari, l-għoti tal-marka tiegħu.

51      Madankollu, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku josserva li, fi kwalunkwe każ, u b’mod partikolari f’dan il-każ, ċerti indikazzjonijiet addizzjonali setgħu jingħataw lir-rikorrent, bħal fil-kawża li tat lok għas-sentenza Pascall vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, mingħajr ma jiġi ppreġudikat is-sigriet tax-xogħlijiet tal-Bord tal-Għażla, kif definit mill-ġurisprudenza (ara l-punt 31 ta’ din is-sentenza), b’mod partikolari kif teżiġi s-sentenza Il‑Parlament vs Innamorati, iċċitata iktar ’il fuq, mingħajr ma jiġu żvelati la l-pożizzjoni tal-membri individwali tal-Bord tal-Għażla u lanqas kwalunkwe informazzjoni marbuta ma’ evalwazzjonijiet ta’ natura personali jew komparattiva fir-rigward tal-kandidati (ara s-sentenza Pascall vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28). It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku qed jaħseb b’mod partikolari fin-noti intermedjarji għal kull wieħed mill-kriterji ta’ evalwazzjoni stabbiliti fl-avviż tal-kompetizzjoni; dan seta’ japplika wkoll għall-karti ta’ evalwazzjoni, li setgħu jintbagħtulu filwaqt li titħassar dik l-informazzjoni koperta bis-sigriet tax-xogħlijiet tal-Bord tal-Għażla. Ir-rifjut tal-Kummissjoni li tikkomunika, anki biss lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, din l-informazzjoni, kellha l-konsegwenza li ma ħallitux jeżerċita l-istħarriġ tiegħu b’mod sħiħ. Fil-fatt, minkejja l-fatt li l-Kummissjoni kkunsidrat, waqt is-seduta, li l-komunikazzjoni tat-tqassim tal-marki kriterju b’kriterju “ma kinitx se tikkontribwixxi wisq”, imbagħad, fl-osservazzjonijiet tagħha tad-19 ta’ Mejju 2008 fuq in-nota addizzjonali tar-rikorrent tas-17 ta’ Marzu 2008, li d-dokumenti mitluba mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, jiġifieri l-karti ta’ evalwazzjoni, kienu “irrilevanti”, tali evalwazzjoni rigward il-fondatezza tal-motiv dwar il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni taqa’ taħt il-kompetenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u mhux taħt dik tal-Kummissjoni.

52      Fi kwlaunkwe każ, jekk jiġi aċċettat ir-raġunament tal-Kummissjoni, dan ikun ifisser li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku qed jiġi mċaħħad minn kull possibbiltà ta’ stħarriġ tal-marki mogħtija fil-fażi orali. Għalkemm it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku effettivament ma jistax jissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-membri tal-Bord tal-Għażla bl-evalwazzjoni tiegħu, huwa għandu jkun f’pożizzjoni li jkun jista’ jivverifika, fid-dawl tal-obbligu ta’ motivazzjoni (li l-portata tiegħu ġie mfakkar fil-punt 30 ta’ din is-sentenza), li dawn evalwaw lir-rikorrent abbażi ta’ kriterji ta’ evalwazzjoni indikati fl-avviż tal-kompetizzjoni u li ma sar ebda żball fil-kalkolu tal-marka tiegħu; bl-istess mod, huwa għandu jkun f’pożizzjoni li jkun jista’ jwettaq stħarriġ limitat tar-relazzjoni bejn l-evalwazzjonijiet tal-membri tal-Bord tal-Għażla u l-marki li jagħtu (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Ġunju 1987, Kolivas vs Il‑Kummissjoni, 40/86, Ġabra p. 2643, punt 11; is-sentenza Van Neyghem vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 86, u s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-11 ta’ Settembru 2008, Coto Moreno vs Il‑Kummissjoni, F‑127/07, Ġabra p. I‑0000, punti 34 u 36). Għal dan il-għan, huwa għandu japplika l-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura li jidhirlu xierqa, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tal-każ, billi jispeċifika jekk ikun hemm bżonn lill-istituzzjoni konvenuta, kif sar f’dan il-każ, li r-risposti jiġu kkomunikati lill-persuna kkonċernata biss sa fejn dan ikun kompatibbli mal-prinċipju ta’ sigriet tax-xogħlijiet tal-Bord tal-Għażla.

53      F’dan il-każ, fid-dawl tal-elementi fil-proċess (b’mod partikolari ċ-ċirkustanzi relattivi għall-punti 42 sa 47 ta’ din is-sentenza) u fin-nuqqas tal-Kummissjoni li tipprovdi l-informazzjoni mitluba mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura (ara l-punt 16 ta’ din is-sentenza), it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jikkunsidra li l-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni huwa fondat u għandu jintlaqa’.

54      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-pożizzjoni tal-Kummissjoni, espressa fin-nota tagħha tat-18 ta’ Frar 2008, fis-sens li r-rifjut tagħha li tikkomunika l-karti ta’ evalwazzjoni u l-informazzjoni l-oħra mitluba mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kien iġġustifikat, minn naħa, min-nuqqas ta’ allegazzjonijiet u, inqas u inqas, provi, mir-rikorrent, ta’ ksur manifest tar-regoli li jirregolaw il-proċeduri tal-Bord tal-Għażla u, min-naħa l-oħra, mill-fatt li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku żbaljatament fehem l-obbligu ta’ motivazzjoni bħala regola applikabbli għall-proċeduri tal-Bord tal-Għażla jew, l-iktar l-iktar, bħala regola relatata. Fil-fatt, minbarra l-fatt li jirriżulta minn sempliċi qari tar-rapprot preparatorju għas-seduta li l-miżuri inkwistjoni ntalbu, prinċipalment, sabiex jiġi evalwat il-motiv ibbażat fuq l-obbligu ta’ motivazzjoni, il-pożizzjoni tal-Kummissjoni tinjora, kemm in-natura tal-obbligu ta’ motivazzjoni bħala wieħed ta’ ordni pubbliku kif ukoll il-portata stess ta’ dan l-obbligu, kif ġie mfakkar fil-punt 30 ta’ din is-sentenza.

55      Minn dak kollu li ntqal, u mingħajr ma hemm għalfejn jiġu eżaminati l-motivi l-oħra mqajmin mir-rikorrent, jirriżulta li t-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni tad-19 ta’ Ġunju 2007 tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni EPSO/AD/26/05 (ara l-punt 19 ta’ din is-sentenza) għandhom jintlaqgħu, inkwantu jeżisti ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

56      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tat-talbiet sabiex it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jagħti ordnijiet lill-Kummissjoni, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ifakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-qorti Komunitarja hija manifestament inkompetenti sabiex tagħti ordnijiet lill-istituzzjonijiet Komunitarji. Din il-ġurisprudenza hija applikabbli għall-kawżi tas-servizz pubbliku (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Novembru 1989, Becker u Starquit vs Il‑Parlament, C‑41/88 u C‑178/88, Ġabra p. 3807, pubblikazzjoni sommarja, punt 6; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Ġunju 1998, Chesi et vs Il‑Kunsill, T‑172/95, ĠabraSP p. I‑A‑265 u II‑817, punt 33). B’hekk, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma jistax, mingħajr ma jindaħal fil-prerogattivi tal-awtorità amministrattiva (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Diċembru 1999, Latino vs Il‑Kummissjoni, T‑300/97, ĠabraSP p. I‑A‑259 u II‑1263, punt 28, u l-ġurisprudenza ċċittata), jagħti, f’dan il-każ, ordnijiet lill-Kummissjoni, anki jekk jikkorrispondu għall-obbligu imposta fuq l-istituzzjoni, skont l-Artikolu 233 KE, wara sentenza li tannulla att (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Ġunju 2005, Castets vs Il‑Kummissjoni, T‑80/04, ĠabraSP p. I‑A‑161 u II‑729, punt 17, u tal-5 ta’ Ottubru 2005, Rasmussen vs Il‑Kummissjoni, T‑203/03, ĠabraSP p. I‑A‑279 u II‑1287, punt 32). Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni għandha tieħu l-miżuri kollha li tinvolvi l-eżekuzzjoni tas-sentenza.

 Fuq l-ispejjeż

57      Skont l-Artikolu 122 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, id-dispożizzjonijiet tat-tmien Kapitolu tat-tielet Titolu ta’ dawn ir-regoli, dwar l-ispejjeż ġudizzjarji, huma applikabbli biss għall-kawżi mressqa quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku mid-dħul fis-seħħ dawn ir-Regoli tal-Proċedura, jiġifieri mill-1 ta’ Novembru 2007. Id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza jibqgħu japplikaw mutatis mutandis għall-kawżi pendenti quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku qabel dik id-data.

58      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Procedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-parti li titlef il-kawza ghandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Madankollu, bis-saħħa tal-Artikolu 88 ta’ dawn ir-regoli, fil-kawżi bejn il-Komunitajiet u l-impjegati tagħhom, l-istituzzjonijiet għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Peress li l-maġġoranza tal-kapijiet tat-talbiet tar-rikorrent intlaqgħu, hemm lok li jiġi deċiż li l-Kummissjoni tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll l-ispejjeż tar-rikorrent.

Għal dawn il-motivi,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (L-Ewwel Awla)

jaqta’ u jiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tad-19 ta’ Ġunju 2007 tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni EPSO/AD/26/05 hija annullata.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll l-ispejjeż tar-rikorrent.

Kreppel

Tagaras

Gervasoni

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-14 ta’ Ottubru 2008.

W. Hakenberg

 

      S. Gervasoni

Reġistratur

 

      President

It-testi tal-preżenti deċiżjoni, kif ukoll id-deċiżjonijiet tal-qrati Komunitarji ċċitati fiha u li għadhom ma ġewx ippubblikati fil-Ġabra huma disponibbli fuq is-sit internet tal-Qorti tal-Ġustizzja: www.curia.europa.eu


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.