Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Audiencia Provincial de Barcelona (Spanja) fl-20 ta’ Lulju 2020 – CDT, SA vs MIMR, HRMM

(Kawża C-321/20)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Audiencia Provincial de Barcelona

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: CDT, SA

Konvenuti: MIMR, HRMM

Domandi preliminari

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tinterpreta u tapplika direttiva tal-Unjoni u li tqis li leġiżlazzjoni nazzjonali tmur kontra d-direttiva, tirrendi l-imsemmija leġiżlazzjoni interna immedjatament ineffettiva, jew inkella din għandha tkompli tiġi applikata fir-relazzjonijiet bejn l-individwi sa ma tiġi emendata mil-leġiżlatur nazzjonali? Qiegħed jintalab li r-risposta għad-domanda tkun waħda ġenerali jew inkella b’riferiment għas-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2012 1 , u għall-effetti tagħha fuq l-Artikolu 83 tal-Ley General para la Defensa de los Consumidores (il-Liġi Ġenerali dwar il-Protezzjoni tal-Konsumaturi), fil-verżjoni tagħha [preċedenti għall-emenda introdotta mil-Liġi 3/2014, tas-27 ta’ Marzu 2014].

Il-prinċipju ta’ ċertezza legali inerenti għall-ordinament ġuridiku tal-Unjoni jipprekludi t-tħassir komplet tal-kontenut ta’ klawżola kuntrattwali minħabba n-natura inġusta tagħha fil-każijiet fejn, meta ġie konkluż il-kuntratt u meta ġiet ifformulata l-klawżola, ma kienet teżisti l-ebda definizzjoni tan-natura inġusta tas-suġġett tal-imsemmija klawżola, minħabba li ma kienx hemm dispożizzjoni legali u ġurisprudenza f’dan il-qasam? Fil-każ li r-risposta tkun waħda fl-affermattiv, għandha titħassar biss dik il-parti tal-klawżola inkwistjoni li ġiet iddikjarata inġusta?

L-istess prinċipju jipprekludi li l-interpretazzjoni ġudizzjarja ta’ dispożizzjoni legali nazzjonali tiġi applikata għal kuntratti preċedenti għad-definizzjoni ta’ din l-interpretazzjoni, li kienu ġew konklużi meta l-interpretazzjoni ġeneralment aċċettata mill-qrati kienet tmur kontra l-ġurisprudenza l-ġdida?

____________

1 Sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito (C‑618/10, EU:C:2012:349).