Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Curtea de Apel Braşov (ir-Rumanija) fid-9 ta’ April 2019 – SO vs TP et

(Kawża C-291/19)

Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

Qorti tar-rinviju

Curtea de Apel Braşov

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: SO

Konvenuti: TP et

Domandi preliminari

Il-mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verfika (MKV) stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/928/KE tat-13 ta’ Diċembru 2006 1 , għandu jitqies li huwa att adottat minn istituzzjoni tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, li jista’ jiġi ssuġġettat għall-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea?

Ir-rekwiżiti fformulati fir-rapporti stabbiliti fil-kuntest tal-imsemmi mekkaniżmu huma ta’ natura vinkolanti għar-Rumanija, b’mod partikolari (iżda mhux unikament) inkonnessjoni mal-ħtieġa li jitwettqu emendi leġiżlattivi li jkunu konformi mal-konklużjonijiet tal-MKV kif ukoll mar-rakkomandazzjonijiet ifformulati mill-Kummissjoni ta’ Venezia u mill-grupp ta’ Stati kontra l-korruzzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa?

L-Artikolu 2, moqri flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu tar-Rumanija li tosserva r-rekwiżiti imposti mir-rapporti stabbiliti fil-kuntest tal-mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verfika (MKV) stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/928/KE tat-13 ta’ Diċembru 2006, jaqa’ taħt l-obbligu tal-Istat Membru li josserva l-prinċipji tal-istat tad-dritt?

Il-prinċipju ta’ indipendenza tal-qrati, sanċit fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kif interpretat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (sentenza tas-27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses, C-64/16, EU:C:2018:117), jipprekludi l-istabbiliment tat-taqsima inkarigata mill-investigazzjonijiet ta’ reati mwettqa fi ħdan is-sistema ġudizzjarja fi ħdan l-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku fl-Înalta Curte de Casație și Justiție (il-Qorti Għolja ta’ Kassazzjoni u tal-Ġustizzja), fid-dawl tal-modalitajiet tal-ħatra u ta’ tneħħija tal-prosekuturi li jiffurmaw parti mill-imsemmija taqsima, tal-modalitajiet tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet fil-kuntest ta’ din tal-aħħar kif ukoll tal-mod kif tiġi stabbilita il-kompetenza, b’rabta man-numru ridott ta’ pożizzjonijiet fi ħdan din it-taqsima?

L-Artikolu 47, [it-tieni paragrafu], tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, marbut mad-dritt għal smigħ xieraq permezz tas-soluzzjoni tal-kawża f’terminu raġonevoli, jipprekludi l-istabbiliment tat-taqsima inkarigata mill-investigazzjonijiet ta’ reati mwettqa fi ħdan is-sistema ġudizzjarja fi ħdan l-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku fl-Înalta Curte de Casație și Justiție (il-Qorti Għolja ta’ Kassazzjoni u tal-Ġustizzja), fid-dawl tal-modalitajiet tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet fil-kuntest tal-imsemmija taqsima kif ukoll tal-mod kif tiġi stabbilita il-kompetenza, b’rabta man-numru ridott ta’ pożizzjonijiet fi ħdan din it-taqsima?

____________

1     Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Diċembru 2006 dwar it-twaqqif ta’ mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verfika tal-progress fir-Rumanija sabiex jiġu indirizzati punti ta’ riferiment speċifiċi fl-oqsma tar-riforma ġudizzjarja u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni (ĠU L 142M, 5.6.2007, p. 825).