Language of document : ECLI:EU:F:2008:49

DIGRIET TAL-PRESIDENT TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
25 ta’ April 2008

Kawża F-19/08 R

Kelly-Marie Bennett et

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Servizz pubbliku – Proċeduri għal miżuri provviżorji – Talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ att – Avviż ta’ kompetizzjoni – Urġenza – Assenza”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 242 KE, 243 KE, 157 KEEA u 158 KEEA, li permezz tiegħu tliet membri tal-persunal temporanju tal-UASI jitolbu s-sospensjoni tal-avviż ta’ kompetizzjoni UASI/AD/02/07 – Amministraturi (AD 6) fil-qasam tal-proprjetà industrijali, ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tat-12 ta’ Diċembru 2007 (ĠU C 300 A, p. 17), u disa’ membri oħra tal-persunal temporanju tal-UASI jitolbu s-sospensjoni tal-avviż ta’ kompetizzjoni UASI/AST/02/07 – Assistenti (AST 3) fil-qasam tal-proprjetà industrijali, ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tat-12 ta’ Diċembru 2007 (ĠU C 300 A, p. 50).

Deċiżjoni:      It-talba għal miżuri provviżorji hija miċħuda. L-ispejjeż huma rriżervati.

Sommarju

1.      Proċeduri għal miżuri provviżorji – Sospensjoni tal-eżekuzzjoni – Miżuri provviżorji – Kundizzjonijiet għall-għoti – “Fumus boni juris” – Urġenza – Natura kumulattiva – Ibbilanċjar tal-interessi kollha inkwistjoni

(Artikoli 242 KE u 243 KE; Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 102(2))

2.      Proċeduri għal miżuri provviżorji – Sospensjoni tal-eżekuzzjoni – Miżuri provviżorji – Kundizzjonijiet għall-għoti – Dannu gravi u irreparabbli – Oneru tal-prova

(Artikoli 242 KE u 243 KE; Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 102(2))

1.      Skont l-Artikolu 102(2) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, it-talbiet għal miżuri provviżorji għandhom jispeċifikaw il-fatti li jistabbilixxu l-urġenza kif ukoll il-motivi ta’ fatt u ta’ dritt li jiġġustifikaw prima facie (fumus boni juris) l-adozzjoni tal-miżuri provviżorji mitluba. Dawn il-kundizzjonijiet huma kumulattivi, b’tali mod illi talba għal miżuri provviżorji għandha tkun miċħuda meta waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma tkunx sodisfatta. L-Imħallef għal miżuri provviżorji, jekk ikun il-każ, għandu jibbilanċja l-interessi involuti.

Fil-kuntest ta’ dan l-eżami komplessiv, l-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa u huwa liberu li jiddetermina, fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ, il-mod ta’ kif dawn id-diversi kundizzjonijiet għandhom jiġu vverifikati kif ukoll l-ordni ta’ dan l-eżami, ladarba ebda regola tad-dritt Komunitarju ma timponilu skema ta’ analiżi stabbilita minn qabel għall-evalwazzjoni tal-bżonn li jiġu ordnati miżuri provviżorji.

(ara l-punti 15 sa 17)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 10 ta’ Settembru 1999, Elkaïm u Mazuel vs Il‑Kummissjoni, T‑173/99 R, ĠabraSP p. I‑A‑155 u II‑811, punt 18; 9 ta’ Awwissu 2001, De Nicola vs BEI, T‑120/01 R, ĠabraSP p. I‑A‑171 u II‑783, punti 12 u 13; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 31 ta’ Mejju 2006, Bianchi vs ETF, F‑38/06 R, ĠabraSP p. I‑A‑1‑27 u II‑A‑1‑93, punti 20 u 22

2.      L-għan tal-proċeduri għal miżuri provviżorji ma huwiex li jiġi żgurat il-kumpens għal dannu, iżda li tiġi ggarantita l-effettività sħiħa tas-sentenza fuq il-mertu. Sabiex jintlaħaq dan il-għan, jeħtieġ li l-miżuri mitluba jkunu urġenti, fis-sens li huwa neċessarju, sabiex jiġi evitat dannu gravi u irreparabbli lill-interessi tar-rikorrenti, li dawn ikunu deċiżi u jipproduċu l-effetti tagħhom qabel id-deċiżjoni fil-kawża prinċipali. Hija l-parti li titlob il-miżuri provviżorji li għandha tressaq il-prova li hija ma tistax tistenna deċiżjoni fil-kawża prinċipali mingħajr ma ssofri dannu ta’ din in-natura. Minkejja li, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ tali dannu, ma huwiex neċessarju li jiġi stabbilit b’ċertezza assoluta jekk seħħx id-dannu u li huwa biżżejjed li dan ikun prevedibbli b’livell ta’ probabbiltà suffiċjenti, jibqa’ l-fatt li r-rikorrent għandu jressaq provi tal-fatti li allegatament jiġġustifikaw il-probabbiltà ta’ dannu gravi u irreparabbli.

Dannu ta’ natura purament pekunjarja, bħala prinċipju, ma jistax jitqies bħala irreparabbli, u lanqas diffiċilment reparabbli, ladarba jista’ jkun is-suġġett ta’ kumpens finanzjarju ulterjuri. Bl-istess mod, is-sempliċi kundizzjoni li jinstab impjieg f’pajjiż barrani ma għandhiex, bħala regola, tikkostitwixxi fiha nnifisha dannu gravi u irreparabbli.

(ara l-punti 24, 25, 27 u 28)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 25 ta’ Marzu 1999, Willeme vs Il‑Kummissjoni, C‑65/99 P(R), Ġabra p. I‑1857, punt 62; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 30 ta’ Novembru 1993, D. vs Il‑Kummissjoni, T‑549/93 R, Ġabra p. II‑1347, punt 45; Elkaïm u Mazuel vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25; 7 ta’ Diċembru 2001, Lior vs Il‑Kummissjoni, T‑192/01 R, Ġabra p. II‑3657, punt 49; 19 ta’ Diċembru 2002, Esch-Leonhardt et vs BCE, T‑320/02 R, ĠabraSP p. I‑A‑325 u II‑1555, punt 27; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 21 ta’ Novembru 2007, Petrilli vs Il‑Kummissjoni, F‑98/07 R, Ġabra p. I‑0000, punt 36; 30 ta’ Jannar 2008, S vs Il‑Parlament, F‑64/07 R, Ġabra p. I‑0000, punt 31