Language of document :

Appell ippreżentat fil-15 ta’ Frar 2019 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) fit-13 ta’ Diċembru 2018 fil-Kawża T-743/16 RENV, CX vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-131/19 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellanti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: G. Berscheid, T. S. Bohr, C. Ehrbar, aġenti)

Parti oħra fil-proċedura: CX

Talbiet

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Diċembru 2018 fil-Kawża T-743/16 RENV, CX vs Il-Kummissjoni, sa fejn din annullat id-deċiżjoni dixxiplinari ta’ revoka;

tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi dwar il-motivi l-oħra tar-rikors;

tirriżerva l-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-ewwel aggravju: nuqqas ta’ osservanza tal-Artikoli 4 u 22 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal minħabba li twettqet interpretazzjoni żbaljata tal-portata tad-dritt għad-dehra persunali.

L-argumenti insostenn tal-ewwel aggravju huma maqsuma f’diversi partijiet.

Fl-ewwel parti, il-Kummissjoni ssostni li s-sentenza naqset milli tosserva l-kriterji ġuridiċi applikabbli għall-evalwazzjoni tal-istat ta’ inkapaċità tal-uffiċjal li jidher, l-obbligu ta’ motivazzjoni kif ukoll ir-regoli tal-oneru tal-prova.

Fit-tieni parti, il-Kummissjoni ssostni li s-sentenza wettqet applikazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ sensiela ta’ indizji konkordanti bl-għan li jiġi stabbilit li l-uffiċjal ma kienx kapaċi jidher fis-seduti u li l-Qorti Ġenerali wettqet eżami inkomplet tal-offerti ta’ prova rilevanti.

Fit-tielet parti, il-Kummissjoni ssostni li s-sentenza żnaturat żewġ offerti ta’ prova.

It-tieni aggravju: nuqqas ta’ osservanza tal-Artikoli 4 u 22 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal minħabba li twettqet interpretazzjoni żbaljata tal-portata tad-dritt għal smigħ bil-miktub jew permezz ta’ rappreżentant.

L-argumenti insostenn tat-tieni aggravju huma maqsuma f’żewġ partijiet.

L-ewwel parti tirrigwarda n-nuqqas ta’ osservanza tal-kriterji ġuridiċi applikabbli għall-evalwazzjoni tal-istat ta’ inkapaċità tal-uffiċjal li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu bil-miktub jew permezz ta’ rappreżentant, in-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni, in-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli tal-oneru tal-prova f’dak li jikkonċerna l-inkapaċità tal-uffiċjal li jiddefendi ruħu waqt is-seduti kif ukoll l-applikazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ sensiela ta’ indizji konkordanti.

It-tieni parti tirrigwarda l-kontradizzjoni tal-motivi f’dak li jikkonċerna l-inkapaċità tal-uffiċjal li jiżgura d-difiża tiegħu.

It-tielet aggravju: nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni f’dak li jikkonċerna l-konsegwenzi tal-ksur tad-dritt għal smigħ.

Il-Qorti Ġenerali ma mmotivatx ir-raġunijiet li għalihom l-irregolarità proċedurali bbażata fuq in-nuqqas li persuna tinstema’ twassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

____________