Language of document : ECLI:EU:C:2015:686

Kawża C‑216/14

Proċeduri kriminali

vs

Gavril Covaci

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Amtsgericht Laufen)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Direttiva 2010/64/UE – Dritt għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fil-kuntest tal-proċeduri kriminali – Lingwa tal-kawża – Digriet kriminali li jimponi kundanna ta’ multa – Possibbiltà li titressaq oppożizzjoni f’lingwa differenti minn dik tal-kawża – Direttiva 2012/13/UE – Dritt għall-informazzjoni fil-kuntest tal-proċeduri kriminali – Dritt li tingħata informazzjoni dwar l-akkuża miġjuba kontriha – Notifika ta’ digriet kriminali – Modalitajiet – Nomina obbligatorja ta’ rappreżentant mill-persuna akkużata – Terminu għall-oppożizzjoni li jibda jiddekorri min-notifika lir-rappreżentant”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-15 ta’ Ottubru 2015

1.        Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Dritt għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fil-kuntest tal-proċeduri kriminali – Direttiva 2010/64 – Kamp ta’ applikazzjoni – Oppożizzjoni kontra digriet kriminali mhux definittiv li jimponi kundanna kriminali u mogħti fil-kuntest ta’ proċedura ssimplifikata – Inklużjoni

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2010/64, Artikolu 1)

2.        Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Dritt għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fil-kuntest tal-proċeduri kriminali – Direttiva 2010/64 – Portata – Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq id-destinatarju ta’ att li jimponi kundanna kriminali li jressaq azzjoni kontra l-imsemmi att fil-lingwa tal-proċedura tal-Istat Membru li minnu joriġina l-att – Ammissibbiltà – Limitu – Rikors promotur li jikkostitwixxi dokument essenzjali

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2010/64, Artikoli 1 sa 3)

3.        Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Dritt għall-informazzjoni fil-kuntest tal-proċeduri kriminali – Direttiva 2012/13 – Dritt tal-persuni ssuspettati jew akkużati li jiġu informati bid-drittijiet tagħhom u bl-akkużi magħmula kontrihom – Portata

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2012/13, Artikoli 1, 3 u 6)

4.        Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Dritt għall-informazzjoni fil-kuntest tal-proċeduri kriminali – Direttiva 2012/13 – Kamp ta’ applikazzjoni – Oppożizzjoni kontra digriet kriminali mhux definittiv li jimponi kundanna kriminali u mogħti fil-kuntest ta’ proċedura ssimplifikata – Inklużjoni

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2012/13, Artikolu 6)

5.        Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Dritt għall-informazzjoni fil-kuntest tal-proċeduri kriminali – Direttiva 2012/13 – Dritt li tingħata informazzjoni dwar l-akkuża miġjuba kontriha – Portata – Notifika ta’ att li jimponi kundanna kriminali – Modalitajiet – Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi n-nomina ta’ rappreżentant għall-persuni li ma jirrisjedux fl-Istat Membru li minnu joriġina l-att – Ammissibbiltà – Kundizzjoni – Benefiċċju tat-terminu sħiħ għall-preżentata ta’ rikors mid-destinatarju

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2012/13, Artikoli 2, 3(1)(c), u 6(1) u (3))

1.        Is-sitwazzjoni ta’ persuna li tixtieq tippreżenta oppożizzjoni kontra digriet kriminali li għadu ma huwiex res judicata u li din hija d-destinatarju tiegħu, tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2010/64, dwar id-drittijiet għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali, b’tali mod li din il-persuna għandha tkun tista’ tibbenefika mid-dritt għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni żgurat mid-direttiva msemmija.

(ara l-punti 26, 27)

2.        L-Artikoli 1 sa 3 tad-Direttiva 2010/64, dwar id-drittijiet għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li, fil-kuntest ta’ proċedura kriminali, ma tawtorizzax li persuna li hija s-suġġett ta’ digriet kriminali tippreżenta oppożizzjoni bil-miktub kontra dan id-digriet b’lingwa differenti minn dik tal-kawża, minkejja li din il-persuna ma tafx titkellem b’din l-aħħar lingwa, bil-kundizzjoni li l-awtoritajiet kompetenti ma jikkunsidrawx, konformement mal-Artikolu 3(3) tal-imsemmija direttiva, li, fid-dawl tal-kawża kkonċernata u tal-fatti tal-każ, tali oppożizzjoni tikkostitwixxi dokument essenzjali.

Fil-fatt, minn naħa, id-dritt għall-interpretazzjoni previst fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2010/64 għandu bħala skop it-traduzzjoni minn interpretu tal-komunikazzjonijiet orali bejn il-persuni ssuspettati jew il-persuni akkużati u s-servizzi investigattivi, l-awtoritajiet ġudizzjarji jew, jekk ikun il-każ, il-konsulent legali, bl-esklużjoni tat-traduzzjoni bil-miktub ta’ kull att miktub ippreżentat minn dawn il-persuni ssuspettati jew akkużati. Għalhekk, l-imsemmi artikolu jiggarantixxi l-benefiċċju ta’ assistenza mingħajr ħlas ta’ interpretu, jekk persuna tressaq hija stess oppożizzjoni oralment kontra d-digriet kriminali li din tkun is-suġġett tiegħu quddiem ir-Reġistru tal-qorti nazzjonali kompetenti, sabiex dan ifassal proċess verbal ta’ din l-oppożizzjoni, jew, jekk il-persuna msemmija tippreżenta oppożizzjoni bil-miktub, il-benefiċċju tal-assistenza ta’ konsulent legali, li jieħu r-responsabbiltà li jfassal id-dokument korrispondenti, fil-lingwa tal-kawża. Għall-kuntrarju, li jiġi meħtieġ li l-Istati Membri mhux biss jippermettu lill-persuni kkonċernati li jkunu informati, b’mod sħiħ bil-lingwa tagħhom, bir-reati li huma akkużati bihom u li jipprovdu l-verżjoni tal-fatti tagħhom stess, iżda wkoll li sistematikament jieħdu r-responsabbiltà tat-traduzzjoni ta’ kull rikors ippreżentat mill-persuni kontra deċiżjoni ġudizzjarja indirizzata lilhom imur kontra l-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 2010/64.

Min-naħa l-oħra, id-dritt għat-traduzzjoni ta’ ċerti dokumenti essenzjali previst fl-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 2010/64, jikkonċerna biss, fil-prinċipju, it-traduzzjoni miktuba bil-lingwa miftiehma mill-persuna kkonċernata ta’ ċerti dokumenti mfassla fil-lingwa tal-kawża mill-awtoritajiet kompetenti. Dan ma jinkludix, fil-prinċipju, it-traduzzjoni bil-miktub fil-lingwa tal-kawża ta’ dokument bħall-oppożizzjoni magħmula kontra digriet kriminali.

Madankollu, peress li l-Artikolu 3(3) tal-imsemmija direttiva jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti li jiddeċiedu każ b’każ il-punt jekk xi dokument minbarra dawk previsti fl-Artikolu 3(1) u (2) tal-imsemmija direttiva huwa essenzjali, hija l-qorti tar-rinviju li, b’mod partikolari billi tieħu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi tal-proċedura applikabbli għal tali digriet kriminali kif ukoll tas-sentenza li jkollha quddiemha, għandha tiddetermina jekk l-oppożizzjoni magħmula bil-miktub kontra digriet kriminali għandhiex titqies bħala dokument essenzjali li t-traduzzjoni tiegħu hija neċessarja. F’dan ir-rigward, huma rilevanti ċ-ċirkustanzi li din l-oppożizzjoni, li tista’ ssir bil-miktub jew, meta ssir oralment, direttament fir-Reġistru tal-qorti kompetenti, ma hijiex suġġetta għall-obbligu ta’ motivazzjoni, għandha ssir f’terminu partikolarment qasir ta’ ġimagħtejn min-notifika tad-digriet imsemmi u ma teħtieġx l-intervent obbligatorju ta’ avukat u li din hija mfassla mill-persuna kkonċernata b’lingwa li tifhem, iżda li ma hijiex dik tal-proċedura.

(ara l-punti 38, 40-44, 47, 49-51 u d-dispożittiv 1)

3.        Hekk kif jirriżulta minn qari flimkien tal-Artikoli 3 u 6 tad-Direttiva 2012/13, dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali, id-dritt għall-informazzjoni tas-suspettati jew tal-persuni akkużati li jiġu informati dwar id-drittijiet tagħhom fi proċeduri kriminali u dwar l-akkuża kontrihom, imsemmi fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, jikkonċerna, tal-inqas, żewġ drittijiet distinti, jiġifieri, minn naħa, id-dritt għall-informazzjoni tas-suspettati jew tal-persuni akkużati, konformement mal-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, mill-inqas, b’ċerti drittijiet proċedurali, fosthom id-dritt għall-assistenza ta’ avukat, id-dritt għall-benefiċċju minn konsulent legali mingħajr ħlas u l-kundizzjonijiet għall-kisba ta’ tali konsulenti, id-dritt li tingħata l-informazzjoni dwar l-akkuża li titressaq kontra l-persuna, id-dritt għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni kif ukoll id-dritt li jinżamm is-silenzju u, min-naħa l-oħra, id-dritt li tingħata l‑informazzjoni dwar l-akkuża li titressaq kontra l-persuna, iddefinit fl-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva.

(ara l-punti 54-56)

4.        Is-sitwazzjoni ta’ persuna kkonċernata minn digriet kriminali li jikkostitwixxi deċiżjoni provviżorja mogħtija fuq it-talba tal-prosekutur għal reat minuri u li ngħatat mingħajr seduta jew preżentazzjoni ta’ oppożizzjoni u ma jsirx res judicata qabel l-iskadenza tat-terminu mogħti biex titressaq l-oppożizzjoni kontrih, tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2012/13, dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali, b’tali mod li l-persuna interessata għandha tkun tista’ tibbenefika mid-dritt li tiġi informata bl-akkuża miġjuba kontriha, u dan matul il-proċedura kollha.

Minkejja li ċertament huwa minnu li, minħabba n-natura sommarja u ssimplifikata tal-proċedura inkwistjoni, in-notifika ta’ tali digriet kriminali biss wara li l-qorti tkun esprimiet ruħha dwar il-fondatezza tal-akkuża, xorta jibqa’ l-fatt li, f’dan id-digriet, il-qorti tesprimi ruħha biss b’mod provviżorju u li n-notifika ta’ dan tirrappreżenta l-ewwel okkażjoni, għall-persuna akkużata, li tkun informata bl-akkuża mressqa kontriha. Konsegwentement, in-notifika ta’ digriet kriminali għandha, konformement mal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2012/13, titqies bħala forma ta’ komunikazzjoni tal-akkuża mressqa kontra l-persuna kkonċernata, b’tali mod li din għandha tosserva r-rekwiżiti stabbiliti f’dan l-Artikolu.

(ara l-punti 59-61)

5.        L-Artikoli 2, 3(1)(c) u 6(1) u (3) tad-Direttiva 2012/13, dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, fil-kuntest ta’ proċedura kriminali, timponi fuq il-persuna akkużata li ma tirrisjedix f’dan l-Istat Membru li tinnomina rappreżentant għall-finijiet tan-notifika ta’ digriet kriminali li jikkonċernaha, bil-kundizzjoni li din il-persuna tibbenefika effettivament mit-terminu sħiħ biex tressaq oppożizzjoni kontra d-digriet imsemmi.

Fil-fatt, kemm l-għan li jikkonsisti f’li l-persuna akkużata tkun tista’ tipprepara d-difiża tagħha kif ukoll il-ħtieġa li tiġi evitata kull diskriminazzjoni bejn, minn naħa, il-persuni akkużati li għandhom residenza li tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi nazzjonali kkonċernata u, min-naħa l-oħra, dawk li r-residenza tagħhom ma tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, li huma biss huma marbuta li jinnominaw rappreżentant għall-finijiet tan-notifika tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji, jeżiġu li l-persuna akkużata jkollha dan it-terminu kollu, jiġifieri mingħajr ma t-tul tiegħu jitnaqqas biż-żmien neċessarju għar-rappreżentant biex iwassal id-digriet kriminali lid-destinatarju tiegħu.

(ara l-punti 65-68 u d-dispożittiv 2)