Language of document : ECLI:EU:C:2003:596

SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA

6 ta’ Novembru 2003 (*)

“Direttiva 95/46/KE – Kamp ta’ applikazzjoni – Pubblikazzjoni ta’ data personali fuq l‑internet – Post fejn issir il‑pubblikazzjoni – Kunċett ta’ trasferiment ta’ data personali lejn pajjiż terz – Libertà ta’ espressjoni – Kompatibbiltà mad‑Direttiva 95/46 ta’ protezzjoni iktar b’saħħitha mogħtija lid‑data personali mil‑leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru”

Fil‑Kawża C‑101/01,

li għandha bħala suġġett talba mressqa lill‑Qorti tal‑Ġustizzja, skond l‑Artikolu 234 KE, mill‑Göta hovrätt (l‑Isvezja) u intiża sabiex tinkiseb, fil‑proċeduri kriminali mressqa quddiem dik il‑qorti kontra

Bodil Lindqvist,

deċiżjoni preliminari dwar, b’mod partikolari, l‑interpretazzjoni tad‑Direttiva 95/46/KE tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill, ta’ l‑24 ta’ Ottubru 1995, dwar il‑protezzjoni ta’ individwi fir‑rigward ta’ l‑ipproċessar ta’ data personali u dwar il‑moviment liberu ta’ dik id‑data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355),

IL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA,

komposta minn P. Jann, President ta’ l‑Ewwel Awla, li qed jaġixxi bħala President, C. W. A. Timmermans, C. Gulmann, J. N. Cunha Rodrigues u A. Rosas, Presidenti ta’ Awla, D. A. O. Edward (Relatur) u J.‑P. Puissochet, F. Macken u S. von Bahr, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Tizzano,

Reġistratur: H. von Holstein, Assistent Reġistratur,

wara li kkunsidrat l‑osservazzjonijiet bil‑miktub ippreżentati:

–        għal B. Lindqvist, minn S. Larsson, advokat,

–        għall‑Gvern Svediż, minn A. Kruse, bħala aġent,

–        għall‑Gvern Olandiż, minn H. G. Sevenster, bħala aġent,

–        għall‑Gvern tar‑Renju Unit, minn G. Amodeo, bħala aġent, assistita minn J. Stratford, barrister,

–        għall‑Kummissjoni tal‑Komunitajiet Ewropej, minn L. Ström u X. Lewis, bħala aġenti,

wara li rat ir‑rapport għas‑seduta,

wara li semgħet l‑osservazzjonijiet orali ta’ B. Lindqvist, irrappreżentata minn S. Larsson, tal‑Gvern Svediż, irrappreżentat minn A. Kruse u B. Hernqvist, bħala aġenti, tal‑Gvern Olandiż, irrappreżentat minn J. van Bakel, bħala aġent, tal‑Gvern tar‑Renju Unit, irrappreżentat minn J. Stratford, tal‑Kummissjoni, irrappreżentata minn L. Ström u C. Docksey, bħala aġenti, ta’ l‑Awtorità ta’ Sorveljanza ta’ l‑EFTA, irrappreżentata minn D. Sif Tynes, bħala aġent, fis‑seduta tat‑30 ta’ April 2002,

wara li semgħet il‑konklużjonijiet ta’ l‑Avukat Ġenerali, ippreżentati fis‑seduta tad‑19 ta’ Settembru 2002,

tagħti l‑preżenti

Sentenza

1        Permezz ta’ digriet tat‑23 ta’ Frar 2001, li wasal għand il‑Qorti tal‑Ġustizzja fl‑1 ta’ Marzu ta’ wara, il‑Göta hovrätt għamlet, skond l‑Artikolu 234 KE, seba’ domandi preliminari dwar, b’mod partikolari, l‑interpretazzjoni tad‑Direttiva 95/46/KE tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill, ta’ l‑24 ta’ Ottubru 1995, dwar il‑protezzjoni ta’ individwi fir‑rigward ta’ l‑ipproċessar ta’ data personali u dwar il‑moviment liberu ta’ dik id‑data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355).

2        Dawn id‑domandi tqajmu fil‑kuntest ta’ proċeduri kriminali mressqa quddiem dik il‑qorti kontra B. Lindqvist, li hija akkużata bi ksur tal‑leġiżlazzjoni Svediża dwar il‑protezzjoni tad‑data personali minħabba li, fuq is‑sit ta’ l‑internet tagħha, ippubblikat data personali dwar ċertu numru ta’ persuni li, bħalma tagħmel hija stess, jagħmlu xogħol ta’ volontarjat f’parroċċa tal‑Knisja Protestanta tal‑Isvezja.

 Il‑kuntest ġuridiku

 Il‑leġiżlazzjoni Komunitarja

3        Kif jirriżulta mill‑Artikolu 1(1) tagħha, id‑Direttiva 95/46 tikkonċerna l‑protezzjoni tal‑libertajiet u tad‑drittijiet fundamentali tal‑persuni fiżiċi, b’mod partikolari tal‑ħajja privata tagħhom, fejn jidħol l‑ipproċessar ta’ data personali.

4        L‑Artikolu 3 tad‑Direttiva 95/46, dwar il‑kamp ta’ applikazzjoni tagħha, jipprovdi:

“1.      Din id‑Direttiva għandha tkun applikabbli għall‑ipproċessar ta’ data personali fl‑intier tiegħu jew parti minnu b’mezzi awtomatiċi, u għall‑ipproċessar b’mezzi oħra mhux awtomatiċi ta’ data personali li tagħmel parti minn sistema ta’ skedar jew li tkun maħsuba li tagħmel parti minn sistema ta’ skedar.

2.      Din id‑Direttiva m’għandhiex tapplika għall‑ipproċessar ta’ data personali:

–      fil‑kors ta’ attività li ma tkunx skond il‑finijiet ta’ liġi tal‑Komunità, bħalma huma dawk provduti fit‑Titoli V u VI tat‑Trattat dwar l‑Unjoni Ewropea, u fi kwalunkwe każ għal operazzjonijiet ta’ ipproċessar dwar sigurtà pubblika, difiża, sigurtà ta’ l‑Istat (magħdud il‑ġid ekonomiku ta’ l‑Istat meta l‑operazzjoni ta’ l‑ipproċessar tkun dwar materji ta’ sigurtà ta’ l‑Istat) u l‑attivitajiet ta’ l‑Istat fl‑oqsma tal‑liġi kriminali,

–      minn persuna naturali meta fil‑kors ta’ attività purament personali jew domestika.”

5        L‑Artikolu 8 tad‑Direttiva 95/46, intitolat “L‑ipproċessar ta’ kategoriji speċjali ta’ data”, jipprovdi:

“1.      Stati Membri għandhom jipprojbixxu l‑ipproċessar ta’ data personali li tiżvela l‑oriġini razzjali jew etnika, opinjonijiet politiċi, twemmin reliġjuż jew filosofiku, sħubija trade‑unjonistika, u l‑ipproċessar ta’ data dwar saħħa jew ħajja sesswali.

2.      Il‑paragrafu 1 m’għandux japplika fejn:

a)      is‑suġġett tad‑data jkun ta l‑kunsens espliċitu tiegħu għall‑ipproċessar ta’ dak id‑data, ħlief jekk il‑liġijiet ta’ l‑Istat Membru jipprovdu li l‑projbizzjoni msemmija fil‑paragrafu 1 ma tkunx tista’ titneħħa minkejja li s‑suġġett tad‑data jkun ta l‑kunsent tiegħu; jew

b)      l‑ipproċessar ikun meħtieġ għall‑finijiet tat‑twettiq ta’ l‑obbligazzjonijiet u d‑drittijiet speċifiċi tal‑kontrollur fil‑qasam tal‑liġi ta’ l‑impjiegi sakemm dan ikun awtoriżżat mill‑liġi nazzjonali li tipprovdi għal protezzjoni adekwata; jew

ċ)       l‑ipproċessar ikun meħtieġ biex jipproteġi l‑interessi vitali tas‑suġġett tad‑data jew ta’ xi persuna oħra meta s‑suġġett tad‑data jkun fiżikament jew legalment inkapaċi li jagħti l‑kunsens tiegħu; jew

d)      l‑ipproċessar isir fil‑kors ta’ l‑attivitajiet legittimi tiegħu b’garanziji xierqa minn fondazzjoni, għaqda jew xi korp ieħor li ma jagħmilx profitt b’għanijiet politiċi, filosofiċi, reliġjużi jew trade‑unjonistiċi u bil‑kondizzjoni li l‑ipproċessar ikun biss dwar il‑membri tal‑korp jew il‑persuni li jkollhom kuntatt regulari miegħu b’rabta ma l‑għanijiet tiegħu, u li d‑data ma tkunx żvelata lil parti terza mingħajr il‑kunsens tas‑suġġett tad‑data, jew

e)      l‑ipproċessar ikun dwar data li b’mod ċar ikun sar pubbliku mis‑suġġett tad‑data jew li jkun meħtieġ biex ikunu stabbiliti, eżerċitati jew protetti talbiet legali.

3.      Il‑Paragrafu 1 m’għandux japplika meta l‑ipproċessar tad‑data jkun meħtieġ għall‑għanijiet ta’ mediċina preventiva, dijanjosi medika, l‑għoti ta’ kura jew trattament jew l‑amministrazzjoni ta’ servizzi tas‑saħħa, u meta dak id‑data tkun pproċessata minn professjonista tas‑saħħa li jkun suġġett skond il‑liġijiet nazzjonali jew regoli stabbiliti minn korpi nazzjonali kompetenti għall‑obbligazzjoni tas‑sigriet professjonali jew minn persuna oħra li wkoll tkun suġġetta għall‑istess obbligazzjoni ta’ segretezza.

4.      Bla ħsara għad‑dispożizzjonijiet ta’ protezzjoni xierqa, Stati Membri jistgħu, għall‑finijiet ta’ interess pubbliku sostanzjali, jistabbilixxu eżenzjonijiet b’żjieda ma dawk stabbiliti f’Paragrafu 2 permezz ta’ liġi nazzjonali jew b’deċiżjoni ta’ l‑awtorità ta’ superviżjoni.

5.      L‑ipproċessar ta’ data dwar offiżi, kundanni kriminali jew miżuri ta’ sigurtà jista’ jsir biss taħt il‑kontroll ta’ awtorità uffiċjali, jew jekk tkun hemm provduta protezzjoni speċifiċa xierqa taħt il‑liġi nazzjonali, skond derogi li jistgħu jingħataw mill‑Istat Membru permezz ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprovdu għal protezzjoni speċifiċa xierqa. Iżda reġistru komplut ta’ kundanni kriminali jista’ jinżamm biss taħt il‑kontroll ta’ awtorità uffiċjali.

Stati Membri jistgħu jipprovdu li data dwar sanzjonijiet amministrattivi jew sentenzi f’każi ċivili għandhom ukoll ikunu pproċessati taħt il‑kontroll ta’ awtorità uffiċjali.

6.      Derogi mill‑Paragrafu 1 li huma provduti fil‑Paragrafi 4 u 5 għandhom ikunu nnotifikati lill‑Kummissjoni.

7.      Stati Membri għandhom jiddeterminaw il‑kondizzjonijiet li bihom numru ta’ identifikazzjoni nazzjonali jew mezz ieħor ta’ identifikazzjoni ta’ applikazzjoni ġenerali jistgħu jkun pproċessati.”

6        L‑Artikolu 9 tad‑Direttiva 95/46, intitolat “L‑ipproċessar ta’ data personali u libertà ta’ l‑espressjoni”, jipprovdi:

“Stati Membri għandhom jipprovdu għal eżenzjonijiet jew derogi mid‑dispożizzjonijiet ta’ dan il‑Kapitolu, il‑Kapitolu IV u l‑Kapitolu V dwar l‑ipproċessar ta’ data personali magħmul biss għal għanijiet ġurnalistiċi jew għall‑iskop ta’ espressjoni artistika jew letterarja jekk dawn ikunu meħtieġa biss biex jirrikonċiljaw id‑dritt tal‑ħajja parivata mar‑regoli li jirregolaw il‑libertà ta’ l‑espressjoni.”

7        L‑Artikolu 13 tad‑Direttiva 95/46, intitolat “Eżenzjonijiet u restrizzjonijiet”, jipprovdi li l‑Istati Membri jistgħu jintroduċu restrizzjonijiet fir‑rigward ta’ ċerti obbligi li din id‑direttiva timponi fuq il‑persuna responsabbli għall‑ipproċessar tad‑data, b’mod partikolari fir‑rigward ta’ l‑informazzjoni tal‑persuni kkonċernati, sa fejn dawn ir‑restrizzjonijiet ikunu meħtieġa għall‑protezzjoni, per eżempju, tas‑sigurtà nazzjonali, tad‑difiża, tas‑sigurtà pubblika, ta’ interess ekonomiku jew finanzjaru ta’ importanza għal Stat Membru jew għall‑Unjoni Ewropea, kif ukoll tas‑sejbien u prosekuzzjoni ta’ offiżi kriminali jew ta’ ksur ta’ etika ta’ professjonijiet irregolati.

8        L‑Artikolu 25 tad‑Direttiva 95/46, li jinsab fil‑Kapitolu IV intitolat “Trasferiment ta’ data personali lil [lejn] pajjiżi terzi”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      L‑Istati Membri għandhom jipprovdu li t‑trasferiment lil [lejn] pajjiż terz ta’ data personali li tkun qed tiġi pproċessata jew li tkun maħsuba li tiġi pproċessata wara trasferiment jista’ jsir biss jekk, bla ħsara għal konformità mad‑dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond id‑dispożizzjonijiet l‑oħra ta’ din id‑Direttiva, il‑pajjiż terz jassigura livell adekwat ta’ protezzjoni.

2.      Jekk il‑livell ta’ protezzjoni mogħti minn pajjiż terz ikunx adekwat għandu jiġi eżaminat fid‑dawl taċ‑ċirkostanzi kollha li jkollhom x’jaqsmu ma’ operazzjoni ta’ trasferiment ta’ data jew sett ta’ operazzjonijiet ta’ trasferiment ta’ data; għandu jittieħed kont partikolarment tan‑natura tad‑data, l‑għan u t‑tul ta’ żmien ta’ l‑operazzjoni jew operazzjonijiet proposti ta’ l‑ipproċessar, il‑pajjiż ta’ oriġini u l‑pajjiż tad‑destinazzjoni finali, ir‑regoli tal‑liġi, kemm ġenerali kif ukoll settorjali, fis‑seħħ fil‑pajjiż terz in kwistjoni u r‑regoli professjonali u l‑miżuri ta’ sigurtà li jitħarsu f’dak il‑pajjiż.

3.      L‑Istati Membri u l‑Kummissjoni għandhom jgħarrfu lil xulxin b’każi fejn iqisu li pajjiż terz ma jkunx qed jassigura livell adekwat ta’ protezzjoni skond it‑tifsira tal‑Paragrafu 2.

4.      Meta l‑Kummissjoni ssib, skond il‑proċedura pprovduta fl‑Artikolu 31(2), li pajjiż terz ma jkunx qed jassigura livell adekwat ta’ protezzjoni skond it‑tifsira tal‑Paragrafu 2 ta’ dan l‑Artikolu, Stati Membri għandhom jieħdu l‑miżuri meħtieġa biex ma jħallux li jsir trasferiment ta’ data ta’ l‑istess tip lill‑pajjiż terz in kwistjoni.

5.      Meta jkun jaqbel, il‑Kummissjoni għandha tidħol f’negozjati bil‑għan li ssib rimedju għas‑sitwazzjoni li tirriżulta minn dak li tkun sabet skond il‑Paragrafu 4.

6.      Il‑Kummissjoni tista’ tikkonkludi, skond il‑proċedura msemmija fl‑Artikolu 31(2), li pajjiż terz ikun qed jassigura livell adekwat ta’ protezzjoni skond it‑tifsira tal‑paragrafu 2 ta’ dan l‑Artikolu, permezz tal‑liġi domestika tiegħu jew ta’ l‑impenji internazzjonali li jkun daħal għalihom, partikolarment meta jintemmu n‑negozjati msemmija fil‑paragrafu 5, għall‑protezzjoni tal‑ħajja privata u tal‑libertajiet u d‑drittijiet bażiċi ta’ l‑individwu.

Stati Membri għandhom jieħdu l‑miżuri meħtieġa biex ikunu konformi mad‑deċiżjoni tal‑Kummissjoni.”

9        Meta ġiet adottata d‑Direttiva 95/46, ir‑Renju ta’ l‑Isvezja għamel dikjarazzjoni dwar l‑Artikolu 9 ta’ din id‑direttiva li tniżżlet fil‑minuti tal‑Kunsill (Dokument tal‑Kunsill Nru 4649/95, tat‑2 ta’ Frar 1995) u li tipprovdi:

“Ir‑Renju ta’ l‑Isvezja jikkunsidra li l‑kunċett ta’ espressjoni artistika u letterarja jirreferi għall‑mezzi ta’ espressjoni iktar milli għall‑kontenut tal‑komunikazzjoni jew għall‑kwalità tagħha.”

10      Il‑Konvenzjoni Ewropea għall‑Protezzjoni tad‑Drittijiet tal‑Bniedem u tal‑Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il‑“KEDB”), tistabbilixxi, fl‑Artikolu 8 tagħha, id‑dritt għar‑rispett tal‑ħajja privata u tal‑familja u tinkludi, fl‑Artikolu 10 tagħha, dispożizzjonijiet dwar il‑libertà ta’ espressjoni.

 Il‑leġiżlazzjoni nazzjonali

11      Id‑Direttiva 95/46 ġiet trasposta fid‑dritt Svediż permezz tal‑Personuppgiftslag, SFS 1998, Nru 204 (Liġi Svediża dwar id‑data personali, iktar ’il quddiem il‑“PUL”).

 Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

12      B. Lindqvist kienet impjegata bħala aġent ta’ manutenzjoni iżda kienet ukoll katekista fil‑parroċċa ta’ Alseda (l‑Isvezja). Hija segwiet kors ta’ l‑informatika fejn kellha, b’mod partikolari, toħloq sit portal fuq l‑internet. Lejn l‑aħħar tas‑sena 1998, B. Lindqvist ħolqot, fid‑dar tagħha u bil‑kompjuter personali tagħha stess, paġni ta’ l‑internet bil‑għan li n‑nies fil‑parroċċa tagħha li kienu qegħdin jippreparaw sabiex jirċievu l‑griżma jkunu jistgħu jiksbu faċilment l‑informazzjoni li seta’ jkollhom bżonn. Fuq talba tagħha, l‑amministratur tas‑sit ta’ l‑internet tal‑Knisja ta’ l‑Isvezja ħoloq konnessjoni bejn dawn il‑paġni u s‑sit imsemmi.

13      Il‑paġni kkonċernati kienu jinkludu informazzjoni dwar B. Lindqvist u 18 mill‑kollegi tagħha tal‑parroċċa, inkluż l‑isem u l‑kunjom tagħhom jew, f’xi każijiet, l‑isem tagħhom biss. Barra minn hekk, B. Lindqvist iddeskriviet il‑funzjonijiet miżmuma mill‑kollegi tagħha u l‑passatempi tagħhom b’mod kemxejn umoristiku. F’diversi każijiet, issemmew ukoll is‑sitwazzjoni familjarji tagħhom, in‑numru tat‑telefown tagħhom u informazzjoni oħra. Barra minn hekk, hija indikat li waħda mill‑kollegi tagħha kienet weġġgħet saqajha u kienet fuq leave parzjali minħabba mard.

14      B. Lindqvist la kienet informat lill‑kollegi tagħha bl‑eżistenza ta’ dawn il‑paġni, la kienet ġabret il‑kunsens tagħhom, u lanqas ma kienet iddikjarat l‑inizjattiva tagħha lid‑Datainspektion (korp pubbliku għall‑protezzjoni tad‑data trażmessa permezz ta’ l‑informatika). Hija ħassret il‑paġni kkonċernati malli saret taf li uħud mill‑kollegi tagħha ma kinux ħadu gost bihom.

15      Il‑prosekutur pubbliku beda proċeduri kontra B. Lindqvist fuq ksur tal‑PUL u talab li tinstab ħatja minħabba li kienet:

–        ipproċessat data personali, fil‑kuntest ta’ pproċessar b’mezz awtomatiku, mingħajr ma għamlet dikjarazzjoni mitkuba minn qabel quddiem id‑Datainspektion (Artikolu 36 tal‑PUL);

–        ipproċessat mingħajr awtorizzazzjoni data personali sensittiva, jiġifieri data dwar leżjoni fis‑saqajn u dwar leave parzjali minħabba mard (Artikolu 13 tal‑PUL);

–        ittrasferiet lejn pajjiżi terzi data personali pproċessati mingħajr awtorizzazzjoni (Artikolu 33 tal‑PUL).

16      B. Lindqvist ammettiet il‑fatti iżda nnegat li kienet wettqet reat. Peress li l‑Eksjö tingsrätt (l‑Isvezja) ikkundannatha għall‑ħlas ta’ multa, B. Lindqvist appellat minn din id‑deċiżjoni quddiem il‑qorti tar‑rinviju.

17      Il‑multa kienet tammonta għal SEK 4 000, ammont kompost mis‑somma, ikkalkolata abbażi tas‑sitwazzjoni finanzjarja ta’ B. Lindqvist, ta’ SEK 100, li fir‑rigward tagħha ġie applikat multiplikatur ta’ 40 minħabba s‑serjetà tar‑reat. Barra minn hekk, B. Lindqvist ġiet ikkundannata tħallas SEK 300 lil fond Svediż intiż sabiex jgħin lill‑vittmi ta’ reati.

18      Minħabba li kellha xi dubji dwar l‑interpretazzjoni tad‑dritt Komunitarju applikabbli f’dan ir‑rigward, b’mod partikolari tad‑Direttiva 95/46, il‑Göta hovrätt iddeċidiet li tissospendi l‑proċeduri quddiemha u li tagħmel id‑domandi preliminari segwenti lill‑Qorti tal‑Ġustizzja:

“1)      Il‑fatt li tissemma persuna – b’isimha jew bl‑isem u n‑numru tat‑telefown tagħha – fuq sit portal fuq l‑internet, jammonta għal operazzjoni li taqa’ fil‑kamp ta’ applikazzjoni tad‑Direttiva [95/46]? Il‑fatt li wieħed isemmi, fuq sit portal fuq l‑internet mibni minnu stess, ċertu numru ta’ persuni, filwaqt li jagħmel affermazzjonijiet u dikjarazzjonijiet dwar il‑kundizzjonijiet ta’ xogħol u l‑passatempi ta’ dawn il‑persuni, jikkostitwixxi ‘ipproċessar ta’ data personali fl‑intier tiegħu jew parti minnu b’mezzi awtomatiċi’?

2)      Fil‑każ li d‑domanda preliminari teħtieġ risposta fin‑negattiv, il‑fatt li jinħolqu, fuq sit portal fuq l‑internet, paġni speċifiċi għal madwar ħmistax‑il persuna, b’konnessjonijiet bejn il‑paġni li jippermettu tfittxija bl‑isem, jista’ jiġi kkunsidrat bħala li jikkostitwixxi ‘ipproċessar b’mezzi oħra mhux awtomatiċi ta’ data personali li tagħmel parti minn sistema ta’ skedar jew li tkun maħsuba li tagħmel parti minn sistema ta’ skedar’ fis‑sens ta’ l‑Artikolu 3(1)?

Jekk waħda mid‑domandi preliminari teħtieġ risposta fl‑affermattiv, [il‑qorti tar‑rinviju] tagħmel ukoll id‑domandi segwenti:

3)      Il‑fatt li data ta’ dan it‑tip dwar kollegi tax‑xogħol tiddaħħal fuq sit portal privat, li madankollu huwa aċċessibbli għal dawk kollha li jafu l‑indirizz tal‑paġna, jista’ jiġi kkunsidrat bħala li ma jaqax fil‑kamp ta’ applikazzjoni tad‑Direttiva [95/46] minħabba waħda mill‑eċċezzjonijiet li jinsabu fl‑Artikolu 3(2)?

4)      L‑indikazzjoni, fuq sit portal, li kollega tax‑xogħol imsemmi b’ismu weġġa’ saqajh u jinsab fuq leave parzjali minħabba mard hija data personali marbuta mas‑saħħa li, skond l‑Artikolu 8(1) ma tistax tiġi pproċessata?

5)      It‑trasferiment ta’ data personali lejn pajjiżi terzi huwa pprojbit f’ċerti każijiet taħt id‑Direttiva [95/46]. Jekk persuna ddaħħal, fl‑Isvezja, permezz ta’ kompjuter, data personali fuq sit portal li huwa maħżun fuq server fl‑Isvezja – b’tali mod li d‑data personali ssir aċċessibbli għal ċittadini ta’ pajjiż terz – dan jikkostitwixxi trasferiment ta’ data lejn pajjiżi terzi fis‑sens tad‑Direttiva [95/46]? Ir‑risposta tibqa’ l‑istess jekk, skond l‑informazzjoni li għandna għad‑dispożizzjoni tagħna, ebda ċittadin ta’ pajjiż terz ma sar jaf bid‑data jew jekk is‑servizz in kwistjoni jinsab, mill‑aspett purament fiżiku, f’pajjiż terz?

6)      F’każ bħal dak in eżami, id‑dispożizzjonijiet tad‑Direttiva [95/46] jistgħu jiġu kkunsidrati bħala li jimplikaw restrizzjoni li tmur kontra l‑prinċipji ġenerali tal‑libertà ta’ espressjoni jew li tmur kontra drittijiet u libertajiet oħra applikabbli fl‑Unjoni Ewropea u li jikkorrispondu, b’mod partikolari, għall‑Artikolu 10 tal‑[KEDB]?

Fl‑aħħar nett, [il‑qorti tar‑rinviju] tagħmel id‑domanda segwenti:

7)      Fl‑oqsma koperti mid‑domandi preċedenti, Stat Membru jista’ jistabbilixxi protezzjoni iktar b’saħħitha tad‑data personali jew kamp ta’ applikazzjoni iktar estiż minn dawk li jirriżultaw mid‑Direttiva [95/46] anki meta ma jkunx involut wieħed mill‑interessi msemmija fl‑Artikolu 13?”

 Fuq l‑ewwel domanda

19      Permezz ta’ l‑ewwel domanda tagħha, il‑qorti tar‑rinviju qiegħda tistaqsi jekk l‑operazzjoni li tikkonsisti f’li jissemmew, fuq paġna ta’ l‑internet, diversi persuni u fl‑identifikazzjoni tagħhom b’isimhom jew b’mezzi oħra, per eżempju bin‑numru tat‑telefown tagħhom jew b’informazzjoni dwar il‑kundizzjonijiet ta’ xogħol tagħhom jew dwar il‑passatempi tagħhom, tikkostitwixxix “ipproċessar ta’ data personali fl‑intier tiegħu jew parti minnu b’mezzi awtomatiċi”, fis‑sens ta’ l‑Artikolu 3(1) tad‑Direttiva 95/46.

 L‑osservazzjonijiet ippreżentati lill‑Qorti tal‑Ġustizzja

20      Skond B. Lindqvist, mhuwiex raġonevoli li jiġi kkunsidrat li s‑sempliċi indikazzjoni ta’ l‑isem ta’ persuna jew ta’ data personali f’test li jinsab fuq paġna ta’ l‑internet tikkostitwixxi pproċessar b’mezzi awtomatiċi ta’ data. Għall‑kuntrarju, l‑inklużjoni ta’ tali data f’kelma ewlenija tal‑“indikaturi meta” (“meta tags”) ta’ paġna ta’ l‑internet, li jippermettu li ssir organizzazzjoni permezz ta’ indiċi jew li din il‑paġna tinstab permezz ta’ magna ta’ tiftix, tista’ tikkostitwixxi tali pproċessar.

21      Il‑Gvern Svediż isostni li l‑kunċett ta’ “ipproċessar ta’ data personali fl‑intier tiegħu jew parti minnu b’mezzi awtomatiċi”, kif previst fl‑Artikolu 3(1) tad‑Direttiva 95/46, jinkludi kull ipproċessar magħmul b’format ta’ l‑informatika, jiġifieri b’format binarju. Għaldaqstant, meta data personali tiġi pproċessata permezz ta’ kompjuter, kemm jekk tkun ipproċessata, per eżempju, permezz ta’ programm għall‑ipproċessar ta’ test jew sabiex tiġi inkluża f’paġna ta’ l‑internet, din id‑data tkun is‑suġġett ta’ pproċessar kopert mid‑Direttiva 95/46.

22      Il‑Gvern Olandiż isostni li l‑inklużjoni ta’ data personali f’paġna ta’ l‑internet issir permezz ta’ kompjuter u ta’ server, u dan jikkostitwixxi karatteristika importanti ta’ l‑awtomatizzazzjoni, b’tali mod li għandu jitqies li din id‑data hija suġġetta għal ipproċessar b’mezzi awtomatiċi.

23      Il‑Kummissjoni ssostni li d‑Direttiva 95/46 tapplika għal kull ipproċessar ta’ data kopert mill‑Artikolu 3 tagħha, irrispettivament mill‑mezzi tekniċi użati. Għaldaqstant, it‑tqegħid ta’ data personali għad‑dispożizzjoni fuq l‑internet jikkostitwixxi pproċessar imwettaq, fl‑intier tiegħu jew parti minnu, b’mezzi awtomatiċi, sakemm ma jkunux jeżistu limitazzjonijiet tekniċi li jillimitaw l‑ipproċessar għal operazzjoni esklużivament manwali. Għalhekk, minħabba n‑natura tagħha stess, paġna ta’ l‑internet taqa’ fil‑kamp ta’ applikazzjoni tad‑Direttiva 95/46.

 Ir‑risposta tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

24      Il‑kunċett ta’ “data personali” użat fl‑Artikolu 3(1) tad‑Direttiva 95/46 jinkludi, skond id‑definizzjoni li tinsab fl‑Artikolu 2(a) tagħha, “kull data li jkollha x’taqsam ma’ persuna naturali identifikata jew identifikabbli”. Ma hemm ebda dubju li dan il‑kunċett jinkludi l‑isem ta’ persuna flimkien mad‑dettalji tat‑telefown tagħha jew ma’ informazzjoni dwar il‑kundizzjonijiet ta’ xogħol tagħha jew dwar il‑passatempi tagħha.

25      Fir‑rigward tal‑kunċett ta’ “ipproċessar” ta’ tali data użat fl‑Artikolu 3(1) tad‑Direttiva 95/46, dan il‑kunċett jinkludi, skond id‑definizzjoni li tinsab fl‑Artikolu 2(b) ta’ l‑istess direttiva, “kull operazzjoni jew sett ta’ operazzjonijiet li jsiru fuq data personali, b’mezzi awtomatiċi jew mingħajrhom”. Din id‑dispożizzjoni ta’ l‑aħħar issemmi diversi eżempji ta’ tali operazzjonijiet, li fosthom jinsabu l‑iżvelar bi trażmissjoni, it‑tixrid jew operazzjonijiet oħra li jagħmlu d‑data disponibbli. Minn dan isegwi li l‑operazzjoni li tikkonsisti fit‑tqegħid ta’ data personali fuq paġna ta’ l‑internet għandha tiġi kkunsidrata bħala tali pproċessar.

26      Fadal li jiġi ddeterminat jekk dan l‑ipproċessar jitwettaqx “fl‑intier tiegħu jew parti minnu b’mezzi awtomatiċi”. F’dan ir‑rigward għandu jiġi osservat li t‑tqegħid ta’ informazzjoni fuq paġna tal‑internet jimplika, skond il‑proċeduri tekniċi u informatiċi attwalment applikabbli, it‑twettiq ta’ operazzjoni ta’ tqegħid ta’ din il‑paġna fuq server kif ukoll ta’ l‑operazzjonijiet meħtieġa sabiex din il‑paġna tkun aċċessibbli għall‑persuni b’konnessjoni ma’ l‑internet. Dawn l‑operazzjonijiet jitwettqu, ta’ l‑inqas parzjalment, b’mezzi awtomatiċi.

27      Għaldaqstant, ir‑risposta għall‑ewwel domanda għandha tkun li l‑operazzjoni li tikkonsisti f’li jissemmew, fuq paġna ta’ l‑internet, diversi persuni u fl‑identifikazzjoni tagħhom b’isimhom jew b’mezzi oħra, per eżempju bin‑numru tat‑telefown tagħhom jew b’informazzjoni dwar il‑kundizzjonijiet ta’ xogħol tagħhom jew dwar il‑passatempi tagħhom, tikkostitwixxi “ipproċessar ta’ data personali fl‑intier tiegħu jew parti minnu b’mezzi awtomatiċi”, fis‑sens ta’ l‑Artikolu 3(1) tad‑Direttiva 95/46.

 Fuq it‑tieni domanda

28      Peress li ngħatat risposta fl‑affermattiv għall‑ewwel domanda, mhuwiex meħtieġ li tingħata risposta għat‑tieni domanda, li saret biss fl‑eventwalità li l‑ewwel domanda tingħata risposta fin‑negattiv.

 Fuq it‑tielet domanda

29      Permezz tat‑tielet domanda tagħha, il‑qorti nazzjonali tixtieq essenzjalment tkun taf jekk ipproċessar ta’ data personali bħal dak imsemmi fl‑ewwel domanda jaqax taħt waħda mill‑eċċezzjonijiet imsemmija fl‑Artikolu 3(2) tad‑Direttiva 95/46.

 L‑osservazzjonijiet ippreżentati lill‑Qorti tal‑Ġustizzja

30      B. Lindqvist issostni li persuna privata li, filwaqt li tuża l‑libertà ta’ espressjoni tagħha, toħloq paġni ta’ l‑internet fil‑kuntest ta’ attività mingħajr skop ta’ lukru jew fil‑kuntest tal‑passatempi tagħha, ma tkunx qiegħda teżerċita attività ekonomika u għalhekk ma taqax fil‑kamp ta’ applikazzjoni tad‑dritt Komunitarju. Jekk il‑Qorti tal‑Ġustizzja tiddeċiedi bil‑maqlub, tqum il‑kwistjoni tal‑validità tad‑Direttiva 95/46 minħabba li, meta adottaha, il‑leġiżlatur Komunitarju jkun qabeż il‑limiti tal‑kompetenzi mogħtija lilu mill‑Artikolu 100 A tat‑Trattat KE (li sar, wara emenda, l‑Artikolu 95 KE). Fil‑fatt, l‑approssimazzjoni tal‑liġijiet, li l‑għan tagħha huwa l‑istabbiliment u l‑funzjonament tas‑suq intern, ma tistax isservi ta’ bażi legali għal miżuri Komunitarji li jirregolaw id‑dritt tal‑persuni privati għal‑libertà ta’ espressjoni fuq l‑internet.

31      Il‑Gvern Svediż isostni li, meta ttraspona d‑Direttiva 95/46 fid‑dritt intern, il‑leġiżlatur Svediż ikkunsidra li l‑ipproċessar ta’ data personali minn persuna fiżika li jikkonsisti fit‑trażmissjoni ta’ din id‑data lil numru indeterminat ta’ destinatarji, per eżempju permezz ta’ l‑internet, ma setax jiġi kkunsidrat bħala “attività purament personali jew domestika” fis‑sens tat‑tieni inċiż ta’ l‑Artikolu 3(2) tad‑Direttiva 95/46. Għall‑kuntrarju, dan il‑gvern ma jeskludix li l‑eċċezzjoni prevista fl‑ewwel inċiż ta’ dan l‑artikolu tkopri l‑każijiet fejn persuna fiżika tippubblika data personali fuq paġna ta’ l‑internet fil‑kuntest limitat ta’ l‑eżerċizzju tal‑libertà ta’ espressjoni tagħha u mingħajr ebda rabta ma’ attività professjonali jew kummerċjali.

32      Skond il‑Gvern Olandiż, ipproċessar b’mezzi awtomatiċi ta’ data bħal dak inkwistjoni fil‑kawża prinċipali ma jaqa’ taħt ebda waħda mill‑eċċezzjonijiet imsemmija fl‑Artikolu 3(2) tad‑Direttiva 95/46. Fir‑rigward b’mod iktar partikolari ta’ l‑eċċezzjoni prevista fit‑tieni inċiż ta’ dan l‑artikolu, dan il‑gvern josserva li l‑persuna li toħloq paġna ta’ l‑internet tkun qiegħda twassal id‑data inkluża f’din il‑paġna għall‑għarfien ta’ grupp ta’ persuni li, bħala prinċipju, huwa indeterminat.

33      Il‑Kummissjoni ssostni li paġna ta’ l‑internet bħal dik in kwistjoni fil‑kawża prinċipali ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li ma taqax fil‑kamp ta’ applikazzjoni tad‑Direttiva 95/46 bis‑saħħa ta’ l‑Artikolu 3(2) tagħha, iżda tikkostitwixxi, fid‑dawl ta’ l‑iskop tal‑paġna ta’ l‑internet in kwistjoni fil‑kawża prinċipali, kreazzjoni artistika u letterarja fis‑sens ta’ l‑Artikolu 9 tal-imsemmija direttiva.

34      Hija tikkunsidra li l‑ewwel inċiż ta’ l‑Artikolu 3(2) tad‑Direttiva 95/46 jista’ jingħata żewġ interpretazzjonijiet differenti. L‑ewwel interpretazzjoni tillimita l‑portata ta’ din id‑dispożizzjoni għall‑oqsma msemmija bħala eżempji, jiġifieri attivitajiet li essenzjalment jaqgħu taħt dawk li jissejħu t‑tieni u t‑tielet pilastri. L‑interpretazzjoni l‑oħra teskludi mill‑kamp ta’ applikazzjoni tad‑Direttiva 95/46 l‑eżerċizzju ta’ kull attività li ma taqax taħt id‑dritt Komunitarju.

35      Il‑Kummissjoni ssostni li d‑dritt Komunitarju mhuwiex limitat għal dawk l‑attivitajiet ekonomiċi biss li huma marbuta ma’ l‑erba’ libertajiet fundamentali. Filwaqt li tirreferi għall‑bażi legali tad‑Direttiva 95/46, għall‑għan tagħha, għall‑Artikolu 6 UE, għall‑Karta tad‑Drittijiet Fundamentali ta’ l‑Unjoni Ewropea, ipproklamata f’Nizza fit‑18 ta’ Diċembru 2000 (ĠU C 364 p. 1), u għall‑Konvenzjoni tal‑Kunsill ta’ l‑Ewropa tat‑28 ta’ Jannar 1981 dwar il‑protezzjoni ta’ l‑individwi fir‑rigward ta’ l‑ipproċessar b’mezzi awtomatiċi tad‑data personali, il‑Kummissjoni tikkonkludi li din id‑direttiva hija intiża sabiex tirregola l‑moviment liberu tad‑data personali bħala l‑eżerċizzju mhux biss ta’ attività ekonomika iżda anki bħala attività soċjali fil‑kuntest ta’ l‑integrazzjoni u tal‑funzjonament tas‑suq intern.

36      Hija żżid li jekk il‑paġni ta’ l‑internet li ma jkun fihom ebda element kummerċjali jew ta’ provvista ta’ servizzi jiġu esklużi b’mod ġenerali mill‑kamp ta’ applikazzjoni tad‑Direttiva 95/46, jistgħu jinħolqu problemi serji ta’ delimitazzjoni. Numru kbir ta’ paġni ta’ l‑internet li jkun fihom data personali, li jkunu intiżi li jimmalafamaw lil ċerti persuni bi skopijiet partikolari, ikunu għalhekk jistgħu jiġi esklużi mill‑kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id‑direttiva.

 Ir‑risposta tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

37      L‑Artikolu 3(2) tad‑Direttiva 95/46 jipprovdi żewġ eċċezzjonijiet għall‑kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

38      L‑ewwel eċċezzjoni tikkonċerna l‑ipproċessar ta’ data personali li jsir fil‑kuntest ta’ l‑eżerċizzju ta’ attivitajiet li ma jaqgħux fil‑kamp ta’ applikazzjoni tad‑dritt Komunitarju, bħalma huma dawk l‑attivitajiet previsti fit‑Titolu V u VI tat‑Trattat dwar l‑Unjoni Ewropea, u, fi kwalunkwe każ, l‑operazzjonijiet ta’ pproċessar dwar is‑sigurtà pubblika, id‑difiża, is‑sigurtà ta’ l‑Istat (inkluż il‑ġid ekonomiku ta’ l‑Istat meta dawn l‑operazzjonijiet ta’ pproċessar ikunu marbuta ma’ kwistjonijiet ta’ sigurtà ta’ l‑Istat) u l‑attivitajiet ta’ l‑Istat fl‑oqsma tal‑liġi kriminali.

39      Peress li l‑attivitajiet ta’ B. Lindqvist in kwistjoni fil‑kawża prinċipali ma kinux essenzjalment attivitajiet ekonomiċi iżda attivitajiet ta’ volontarjat, kif ukoll reliġjużi, għandu jiġi eżaminat jekk dawn l‑attivitajiet jikkostitwixxux operazzjonijiet ta’ pproċessar ta’ data personali “fil‑kors ta’ attività li ma tkunx skond il‑finijiet ta’ liġi tal‑Komunità” fis‑sens ta’ l‑ewwel inċiż ta’ l‑Artikolu 3(2) tad‑Direttiva 95/46.

40      Fir‑rigward tad‑Direttiva 95/46, li hija bbażata fuq l‑Artikolu 100 A tat‑Trattat, il‑Qorti tal‑Ġustizzja diġà ddeċidiet li l‑użu ta’ din il‑bażi legali ma jeħtieġx l‑eżistenza ta’ rabta effettiva mal‑moviment liberu bejn l‑Istati Membri f’kull waħda mis‑sitwazzjonijiet koperti mill‑att ibbażat fuq tali bażi (ara s‑sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2003, Österreichischer Rundfunk et, C‑465/00, C‑138/01 u C‑139/01, Ġabra p. I‑4989, punt 41 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

41      Interpretazzjoni kuntrarja toħloq ir‑riskju li l‑limiti tal‑kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id‑direttiva jsiru partikolarment inċerti u aleatorji, u dan ikun kuntrarju għall‑għan essenzjali tagħha, jiġifieri li tqarreb lejn xulxin il‑liġijiet, ir‑regolamenti u d‑dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l‑Istati Membri sabiex jiġu eliminati l‑ostakoli għall‑funzjonament tas‑suq intern li jirriżultaw preċiżament mid‑differenzi bejn il‑liġijiet nazzjonali (sentenza Österreichischer Rundfunk et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42).

42      F’dawn iċ‑ċirkustanzi, mhuwiex xieraq li l‑espressoni “attività li ma tkunx skond il‑finijiet ta’ liġi tal‑Komunità” tiġi interpretata b’mod li jfisser li jkun meħtieġ li jiġi vverifikat, każ b’każ, jekk l‑attività speċifika in kwistjoni taffettwax direttament il‑moviment liberu bejn Stati Membri.

43      L‑attivitajiet imsemmija bħala eżempji fl‑ewwel inċiż ta’ l‑Artikolu 3(2) tad‑Direttiva 95/46 (jiġifieri l‑attivitajiet previsti fit‑Titoli V u VI tat‑Trattat dwar l‑Unjoni Ewropea kif ukoll l‑operazzjonijiet ta’ pproċessar dwar is‑sigurtà pubblika, id‑difiża, is‑sigurtà ta’ l‑Istat u l‑attivitajiet ta’ l‑Istat fl‑oqsma tal‑liġi kriminali) huma, fil‑każijiet kollha, attivitajiet li jappartjenu lill‑Istati jew lill‑awtoritajiet Statali u li mhumiex marbuta ma’ l‑oqsma ta’ attività ta’ individwi.

44      Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li l‑attivitajiet imsemmija bħala eżempji fl‑ewwel inċiż ta’ l‑Artikolu 3(2) tad‑Direttiva 95/46 huma intiżi sabiex jiddefinixxu l‑portata ta’ l‑eċċezzjoni prevista f’dan l‑inċiż, b’tali mod li din l‑eċċezzjoni tapplika biss għall‑attivitajiet li jissemmew espressament f’dan l‑inċiż jew li jistgħu jiġu kklassifikati fl‑istess kategorija (ejusdem generis).

45      Issa, attivitajiet karitatevoli jew reliġjużi, bħal dawk eżerċitati minn B. Lindqvist, ma jistgħux jiġu ekwiparati ma’ l‑attivitajiet imsemmija fl‑ewwel inċiż ta’ l‑Artikolu 3(2) tad‑Direttiva 95/46 u għalhekk mhumiex koperti minn din l‑eċċezzjoni.

46      Fir‑rigward ta’ l‑eċċezzjoni prevista fit‑tieni inċiż ta’ l‑Artikolu 3(2) tad‑Direttiva 95/46, il‑premessa 12 ta’ din id‑direttiva, li tikkonċerna din l‑eċċezzjoni, issemmi bħala eżempji ta’ pproċessar ta’ data magħmul minn persuna fiżika fl‑eżerċizzju ta’ attivitajiet esklużivament personali jew domestiċi, il‑korrispondenza u ż‑żamma ta’ reġistri ta’ indirizzi.

47      Għalhekk, din l‑eċċezzjoni għandha tiġi interpretata fis‑sens li tkopri biss l‑attivitajiet li jagħmlu parti mill‑kuntest tal‑ħajja privata jew familjari ta’ l‑individwi, ħaġa li manifestament mhijiex il‑każ fejn jidħol l‑ipproċessar ta’ data personali li jikkonsisti fil‑pubblikazzjoni tagħha fuq l‑internet b’tali mod li din id‑data tkun aċċessibbli għal numru indefinit ta’ persuni.

48      Għaldaqstant, ir‑risposta għat‑tielet domanda għandha tkun li pproċessar ta’ data personali bħal dak imsemmi fir‑risposta għall‑ewwel domanda ma jaqa’ taħt ebda waħda mill‑eċċezzjonijiet previsti fl‑Artikolu 3(2) tad‑Direttiva 95/46.

 Fuq ir‑raba’ domanda

49      Permezz tar‑raba’ domanda tagħha, il‑qorti tar‑rinviju qiegħda tistaqsi jekk l‑indikazzjoni tal‑fatt li persuna weġġgħet saqajha u tinsab fuq leave parzjali minħabba mard tikkostitwixxix data personali dwar saħħa fis‑sens ta’ l‑Artikolu 8(1) tad‑Direttiva 95/46.

50      Fid‑dawl tal‑għan ta’ din id‑direttiva, l‑espressjoni “data dwar saħħa” użata fl‑Artikolu 8(1) tagħha għandha tingħata interpretazzjoni wiesgħa, b’tali mod li tkun tkopri informazzjoni li tikkonċerna l‑aspetti kollha, kemm fiżiċi u kif ukoll psikiċi, tas‑saħħa ta’ persuna.

51      Għalhekk, ir‑risposta għar‑raba’ domanda għandha tkun li l‑indikazzjoni tal‑fatt li persuna weġġgħet saqajha u tinsab fuq leave parzjali minħabba mard tikkostitwixxi data personali dwar is‑saħħa fis‑sens ta’ l‑Artikolu 8(1) tad‑Direttiva 95/46.

 Fuq il‑ħames domanda

52      Permezz tal‑ħames domanda tagħha, il‑qorti tar‑rinviju essenzjalment tixtieq tkun taf jekk ikunx hemm “trasferiment lil [lejn] pajjiż terz ta’ data” fis‑sens ta’ l‑Artikolu 25 tad‑Direttiva 95/46 meta persuna li tinsab fi Stat Membru tinkludi fuq paġna ta’ l‑internet, maħżuna minn persuna fiżika jew ġuridika li tospita s‑sit ta’ l‑internet fejn tista’ tiġi kkonsultata l‑paġna (iktar ’il quddiem il‑“prestatarju ta’ servizzi ta’ ospitalità għal paġni ta’ l‑internet”) u li tkun stabbilita f’dan l‑istess Stat jew fi Stat Membru ieħor, data personali, b’tali mod li b’hekk tagħmilhom aċċessibbli għal kull persuna b’konnessjoni ma’ l‑internet, inklużi għal persuni li jinsabu f’pajjiżi terzi. Barra minn hekk, il‑qorti tar‑rinviju tistaqsi jekk ir‑risposta għal din id‑domanda tkunx identika meta jkun jidher li, fil‑fatt, ebda ċittadin ta’ pajjiż terz ma sar jaf dwar din id‑data jew li s‑server fejn hija maħżuna l‑paġna jinsab, minn aspett purament fiżiku, f’pajjiż terz.

 L‑osservazzjonijiet ippreżentati lill‑Qorti tal‑Ġustizzja

53      Il‑Kummissjoni u l‑Gvern Svediż jikkunsidraw li d‑dħul, permezz ta’ kompjuter, ta’ data personali fuq paġna ta’ l‑internet, b’tali mod li din id‑data ssir aċċessibbli għal ċittadini ta’ pajjiż terz, jikkostitwixxi trasferiment ta’ data lejn pajjiżi terzi fis‑sens tad‑Direttiva 95/46. Fil‑fehma tagħha, ir‑risposta tkun identika jekk effettivament ebda ċittadin ta’ pajjiż terz ma sar jaf b’din id‑data jew jekk is‑server fejn tkun maħżuna din id‑data jkun jinsab, minn aspett purament fiżiku, f’pajjiż terz.

54      Il‑Gvern Olandiż ifakkar li l‑kunċett ta’ “trasferiment” mhuwiex iddefinit mid‑Direttiva 95/46. Huwa jikkunsidra, minn naħa, li dan il‑kunċett għandu jinftiehem fis‑sens li jkopri att li jkun intenzjonat li jittrasferixxi data personali mit‑territorju ta’ Stat Membru lejn pajjiż terz u, min‑naħa l‑oħra, li ma tistax issir distinzjoni bejn id‑diversi metodi ta’ kif id‑data tkun magħmula aċċessibbli għal terzi. Minn dan huwa jikkonkludi li l‑introduzzjoni ta’ data personali fuq paġna ta’ l‑internet permezz ta’ kompjuter ma tistax titqies bħala trasferiment lejn pajjiż terz ta’ data personali fis‑sens ta’ l‑Artikolu 25 tad‑Direttiva 95/46.

55      Il‑Gvern tar‑Renju Unit isostni li l‑Artikolu 25 tad‑Direttiva 95/46 ikopri t‑trasferimenti ta’ data lejn pajjiżi terzi u mhux l‑aċċessibbiltà tagħha minn pajjiżi terzi. Il‑kunċett ta’ “trasferiment” jimplika t‑trażmissjoni ta’ data minn persuna li tkun tinsab f’post preċiż lil terza persuna li tkun tinsab f’post ieħor. Huwa biss f’sitwazzjoni ta’ tali trasferiment li l‑Artikolu 25 tad‑Direttiva 95/46 jobbliga lill‑Istati Membri li jiżguraw ruħhom min‑natura adegwata tal‑livell ta’ protezzjoni ta’ data personali f’pajjiż terz.

 Ir‑risposta tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

56      Id‑Direttiva 95/46 ma tiddefinixxix, la fl‑Artikolu 25 tagħha u lanqas f’xi dispożizzjoni oħra, u b’mod partikolari lanqas fl‑Artikolu 2 tagħha, il‑kunċett ta’ “trasferiment lil [lejn] pajjiż terz”.

57      Sabiex jiġi ddeterminat jekk l‑inklużjoni fuq paġna ta’ l‑internet ta’ data personali tikkostitwixxix, għas‑sempliċi raġuni li tagħmilha aċċessibbli għall‑persuni li jkunu jinsabu f’pajjiż terz, “trasferiment” ta’ din id‑data lejn pajjiż terz fis‑sens ta’ l‑Artikolu 25 tad‑Direttiva 95/46, għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni, minn naħa, in‑natura teknika ta’ l‑operazzjonijiet imwettqa b’dan il‑mod u, min‑naħa l‑oħra, tal‑għan, kif ukoll ta’ l‑istruttura, tal‑Kapitolu IV ta’ din id‑direttiva, li jagħmel parti minnu l‑Artikolu 25.

58      L‑informazzjoni li tinsab fuq l‑internet tista’ tiġi kkonsultata minn numru indefinit ta’ persuni residenti f’postijiet differenti u kważi f’kull mument. Din l‑ubikwità tirriżulta b’mod partikolari mill‑fatt li l‑mezzi tekniċi użati fil‑kuntest ta’ l‑internet huma relattivament sempliċi u kull ma jmur jiswew inqas flus.

59      Skond il‑metodi ta’ użu ta’ l‑internet, kif saru disponibbli għal individwi bħal B. Lindqvist matul is‑snin 1990, l‑awtur ta’ paġna intiża li tiġi ppubblikata fuq l‑internet tibgħat id‑data li tikkostitwixxi din il‑paġna lill‑prestatarju ta’ servizzi ta’ ospitalità għal paġni ta’ l‑internet tagħha. Dan il‑prestatarju jiġġestixxi l‑infrastruttura ta’ l‑informatika meħtieġa sabiex tiġi żgurata l‑ħażna ta’ din id‑data u l‑konnessjoni tas‑server li jospita s‑sit ta’ l‑internet. Dan jippermetti t‑trażmissjoni sussegwenti ta’ din id‑data lil kull persuna li jkollha konnessjoni ma’ l‑internet u li titlob sabiex tikseb din id‑data. Il‑kompjuters li jikkostitwixxu din l‑infrastruttura ta’ l‑informatika jistgħu jkunu jinsabu, u ħafna drabi jkunu jinsabu, f’pajjiż jew f’diversi pajjiżi li jkun jew ikunu differenti mill‑post fejn ikun stabbilit il‑prestatarju ta’ servizzi ta’ ospitalità għal paġni ta’ l‑internet, u dan mingħajr ma l‑klijenti ta’ dan il‑prestatarju ma jkunu jafu, jew mingħajr ma jkunu jistgħu raġonevolment jafu, b’dan.

60      Mill‑proċess jirriżulta li, sabiex jikseb l‑informazzjoni li tinsab fuq il‑paġni ta’ l‑internet fejn B. Lindqvist daħħlet id‑data dwar il‑kollegi tagħha, utent ta’ l‑internet mhux biss kellu jaqbad ma’ l‑internet imma kellu wkoll jagħmel, billi jieħu passi min‑naħa tiegħu, l‑azzjonijiet meħtieġa sabiex jikkonsulta dawn il‑paġni. Fi kliem ieħor, il‑paġni ta’ l‑internet ta’ B. Lindqvist ma kellhomx il‑mekkaniżmi tekniċi li kienu jippermettu t‑trażmissjoni awtomatika ta’ din l‑informazzjoni lil persuni li ma kinux fittxew, intenzjonalment, li jkollhom aċċess għal dawn il‑paġni.

61      Minn dan isegwi li, f’ċirkustanzi bħal dawk fil‑kawża prinċipali, id‑data personali li tasal fuq il‑kompjuter ta’ persuna li tinsab f’pajjiż terz, u li toriġina minn persuna li tkun tellgħathom fuq sit ta’ l‑internet, ma tkunx ġiet ittrasferita direttament bejn dawn iż‑żewġ persuni iżda permezz ta’ l‑infrastruttura ta’ l‑informatika tal‑prestatarju ta’ servizzi ta’ ospitalità għal paġni ta’ l‑internet fejn tkun maħżuna l‑paġna.

62      Huwa f’dan il‑kuntest li huwa meħtieġ li jiġi eżaminat jekk il‑leġiżlatur Komunitarju kellux l‑intenzjoni, għall‑finijiet ta’ l‑applikazzjoni tal‑Kapitolu IV tad‑Direttiva 95/46, li fil‑kunċett ta’ “trasferiment lil [lejn] pajjiż terz ta’ data” fis‑sens ta’ l‑Artikolu 25 ta’ din id‑direttiva jinkludi operazzjonijiet bħal dawk imwettqa minn B. Lindqvist. Għandu jiġi enfasizzat li l‑ħames domanda magħmula mill‑qorti tar‑rinviju tikkonċerna biss dawn l‑operazzjonijiet, bl‑esklużjoni ta’ dawk imwettqa mill‑prestatarju ta’ servizzi ta’ ospitalità għal paġni ta’ l‑internet.

63      Il‑Kapitolu IV tad‑Direttiva 95/46, li jagħmel parti minnu l‑Artikolu 25, jistabbilixxi sistema speċjali, li tinkludi regoli speċifiċi, intiża sabiex jiġi żgurat kontroll, mill‑Istati Membri, tat‑trasferimenti ta’ data personali lejn pajjiżi terzi. Dan il‑kapitolu jistabbilixxi sistema li tikkomplementa lis‑sistema ġenerali stabbilita permezz tal‑Kapitolu II ta’ l-imsemmija direttiva dwar il‑legalità ta’ operazzjonijiet ta’ pproċessar ta’ data personali.

64      L‑għan tal‑Kapitolu IV huwa ddefinit fil‑premessi 56 sa 60 tad‑Direttiva 95/46, li jipprovdu, b’mod partikolari, li, għalkemm il‑protezzjoni tal‑persuni ggarantita fil‑Komunità permezz ta’ din id‑direttiva ma tipprekludix it‑trasferimenti ta’ data personali lejn pajjiżi terzi li jiżguraw livell ta’ protezzjoni adegwat, din in‑natura adegwata għandha tiġi evalwata fid‑dawl taċ‑ċirkustanzi kollha ta’ trasferiment jew ta’ kategorija ta’ trasferimenti. Meta pajjiż terz ma joffrix livell ta’ protezzjoni adegwat, it‑trasferiment ta’ data personali lejn dan il‑pajjiż għandu jiġi pprojbit.

65      Min‑naħa tiegħu, l‑Artikolu 25 tad‑Direttiva 95/46 jistabbilixxi serje ta’ obbligi għall‑Istati Membri u għall‑Kummissjoni li huma intiżi sabiex jiġu kkontrollati t‑trasferimenti ta’ data personali lejn pajjiżi terzi fid‑dawl tal‑livell ta’ protezzjoni mogħti lil tali data f’kull wieħed minn dawn il‑pajjiżi.

66      B’mod partikolari, l‑Artikolu 25(4) tad‑Direttiva 95/46 jipprovdi li, meta l‑Kummissjoni tikkonstata li pajjiż terz ma jiżgurax livell ta’ protezzjoni adegwat, l‑Istati Membri għandhom jieħdu l‑miżuri meħtieġa sabiex jipprekludu kull trasferiment ta’ data personali lejn il‑pajjiż terz in kwistjoni.

67      Il‑Kapitolu IV tad‑Direttiva 95/46 ma fih ebda dispożizzjoni dwar l‑użu ta’ l‑internet. B’mod partikolari, dan il‑kapitolu ma jispeċifikax il‑kriterji li permezz tagħhom jista’ jiġi ddeterminat jekk, fir‑rigward ta’ l‑operazzjonijiet imwettqa permezz ta’ prestatarji ta’ servizzi ta’ ospitalità għal paġni ta’ l‑internet, għandux jittieħed bħala bażi l‑post fejn ikun stabbilit il‑prestatarju jew fejn ikollu n‑negozju tiegħu jew inkella jekk għandux jittieħed bħala bażi l‑post, jew il‑postijiet, fejn ikunu jinsabu l‑kompjuters li jikkostitwixxu l‑infrastruttura tal‑informatika tal‑prestatarju.

68      Fid‑dawl, minn naħa, ta’ l‑istat ta’ l‑iżvilupp ta’ l‑internet fiż‑żmien meta ġiet redatta d‑Direttiva 95/46 u, min‑naħa l‑oħra, tan‑nuqqas, fil‑Kapitolu IV tagħha, ta’ kriterji applikabbli għall‑użu ta’ l‑internet, ma jistax jiġi preżunt li l‑leġiżlatur Komunitarju kellu l‑intenzjoni li jinkludi, b’mod prospettiv, l‑inklużjoni, minn persuna li tinsab fis‑sitwazzjoni ta’ B. Lindqvist, ta’ data fuq paġna tal‑internet fil‑kunċett ta’ “trasferiment lil [lejn] pajjiż terz ta’ data”, anki jekk din id‑data tkun b’hekk magħmula aċċessibbli għall‑persuni ta’ pajjiżi terzi li jkollhom il‑mezzi tekniċi sabiex ikollhom aċċess għaliha.

69      Jekk l‑Artikolu 25 tad‑Direttiva 95/46 jiġi interpretat fis‑sens li jkun hemm “trasferiment lil [lejn] pajjiż terz ta’ data” kull darba li data personali titqiegħed fuq paġna ta’ l‑internet, dan it‑trasferiment ikun neċessarjament trasferiment lejn il‑pajjiżi terzi kollha fejn jeżistu l‑mezzi tekniċi meħtieġa għall‑aċċess għall‑internet. Għalhekk, is‑sistema speċjali prevista fil‑Kapitolu IV ta’ l-imsemmija direttiva neċessarjament issir, fir‑rigward ta’ l‑operazzjonijiet fuq l‑internet, sistema ta’ applikazzjoni ġenerali. Fil‑fatt, fl‑eventwalità li l‑Kummissjoni tikkonstata, skond l‑Artikolu 25(4) tad‑Direttiva 95/46, li pajjiż terz wieħed biss ma jiżgurax livell ta’ protezzjoni adegwat, l‑Istati Membri jkunu obbligati jipprekludu kull tqegħid ta’ data personali fuq l‑internet.

70      F’dawn iċ‑ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li l‑Artikolu 25 tad‑Direttiva 95/46 għandu jiġi interpretat fis‑sens li operazzjonijiet bħal dawk imwettqa minn B. Lindqvist ma jikkostitwixxux fihom infushom “trasferiment lil [lejn] pajjiż terz ta’ data”. Għalhekk mhuwiex meħtieġ li jiġi mistħarreġ jekk persuna minn pajjiż terz kellhiex aċċess għall‑paġna ta’ l‑internet ikkonċernata jew jekk is‑server ta’ dan il‑prestatarju jinsabx fiżikament f’pajjiż terz.

71      Għaldaqstant, ir‑risposta għall‑ħames domanda għandha tkun li ma jkunx hemm “trasferiment lil [lejn] pajjiż terz ta’ data” fis‑sens ta’ l‑Artikolu 25 tad‑Direttiva 95/46 meta persuna li tkun tinsab fi Stat Membru tniżżel data personali fuq paġna ta’ l‑internet, maħżuna mill‑prestatarju ta’ servizzi ta’ ospitalità għal paġni ta’ l‑internet tagħha, li jkun stabbilit f’dan l‑istess Stat jew fi Stat Membru ieħor, b’tali mod li b’hekk tagħmel din id‑data aċċessibbli għal kull persuna b’konnessjoni ma’ l‑internet, inklużi persuni li jinsabu f’pajjiżi terzi.

 Fuq is‑sitt domanda

72      Permezz tas‑sitt domanda tagħha, il‑qorti tar‑rinviju tistaqsi jekk għandux jiġi kkunsidrat li d‑dispożizzjonijiet tad‑Direttiva 95/46 jinkludux, f’każ bħal dak in eżami fil‑kawża prinċipali, restrizzjoni li hija kuntrarja għall‑prinċipju ġenerali tal‑libertà ta’ espressjoni jew għal drittijiet u libertajiet oħra applikabbli fl‑Unjoni Ewropea u li jikkorrispondu, b’mod partikolari, għad‑dritt previst fl‑Artikolu 10 tal‑KEDB.

 L‑osservazzjonijiet ippreżentati lill‑Qorti tal‑Ġustizzja

73      Filwaqt li tirreferi, b’mod partikolari, għas‑sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2001, Connolly vs Il‑Kummissjoni (C‑274/99 P, Ġabra p. I‑1611), B. Lindqvist issostni li d‑Direttiva 95/46 u l‑PUL, sa fejn jipprevedu kundizzjonijiet ta’ kunsens minn qabel u ta’ notifika minn qabel lil awtorità ta’ kontroll kif ukoll prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ l‑ipproċessar ta’ data personali ta’ natura sensittiva, imorru kontra l‑prinċipju ġenerali tal‑libertà ta’ espressjoni rikonoxxut fid‑dritt Komunitarju. B’mod iktar partikolari, hija ssostni li d‑definizzjoni tal‑“ipproċessar ta’ data personali fl‑intier tiegħu jew parti minnu b’mezzi awtomatiċi” ma tissodisfax il‑kriterji ta’ prevedibbiltà u ta’ preċiżjoni.

74      Barra minn hekk, fil‑fehma tagħha, is‑sempliċi fatt li persuna fiżika tissemma b’isimha, li jiġu żvelati d‑dettalji tat‑telefown tagħha u tal‑kundizzjonijiet ta’ xogħol tagħha, kif ukoll li tingħata informazzjoni dwar l‑istat tas‑saħħa tagħha u dwar il‑passatempi tagħha, informazzjoni din li hija pubblika, magħrufa jew trivjali, ma jikkostitwixxix ksur sostanzjali tad‑dritt għar‑rispett tal‑ħajja privata. B. Lindqvist tikkunsidra li, fi kwalunkwe każ, ir‑restrizzjonijiet imposti mid‑Direttiva 95/46 huma sproporzjonati meta mqabbla mal‑għan mixtieq, jiġifieri l‑protezzjoni tar‑reputazzjoni u tal‑ħajja privata ta’ ħaddieħor.

75      Il‑Gvern Svediż jikkunsidra li d‑Direttiva 95/46 tippermetti li jiġu bbilanċjati l‑interessi in kwistjoni u, għalhekk, li jitħarsu l‑libertà ta’ espressjoni u l‑protezzjoni tal‑ħajja privata. Huwa jżid li hija l‑qorti nazzjonali biss li tista’, fid‑dawl taċ‑ċirkustanzi ta’ kull każ partikolari, tevalwa l‑proporzjonalità tar‑restrizzjoni għall‑eżerċizzju tad‑dritt għal‑libertà ta’ espressjoni li timplika l‑applikazzjoni ta’ regoli intiżi li jipproteġu d‑drittijiet ta’ ħaddieħor.

76      Il‑Gvern Olandiż ifakkar li kemm il‑libertà ta’ espressjoni u kif ukoll id‑dritt għar‑rispett tal‑ħajja privata jagħmlu parti mill‑prinċipji ġenerali tad‑dritt li l‑Qorti tal‑Ġustizzja tiżgura r‑rispett tagħhom u li l‑KEDB ma tistabbilixxi ebda ġerarkija bejn id‑diversi drittijiet fundamentali. Huwa jikkunsidra għalhekk li l‑qorti nazzjonali għandha tirrikonċilja d‑diversi drittijiet fundamentali in kwistjoni billi tieħu in kunsiderazzjoni ċ‑ċirkustanzi tal‑każ in eżami.

77      Il‑Gvern tar‑Renju Unit jinnota li l‑proposta tiegħu għal rirposta għall‑ħames domanda, esposta fil‑punt 55 ta’ din is‑sentenza, taqbel perfettament mad‑drittijiet fundamentali u tippermetti li jiġi evitat li jinħoloq preġudizzju sproporzjonat għal‑libertà ta’ espressjoni. Huwa jżid li huwa diffiċli li tiġi ġustifikata interpretazzjoni li twassal sabiex pubblikazzjoni ta’ data personali taħt forma partikolari, jiġifieri fuq paġna ta’ l‑internet, tkun suġġetta għal restrizzjonijiet ħafna iktar severi minn dawk applikabbli għall‑pubblikazzjonijiet magħmula b’forom ta’ pubblikazzjoni oħra, bħalma hija l‑karta.

78      Il‑Kummissjoni ssostni wkoll li d‑Direttiva 95/46 ma timplikax restrizzjoni li tmur kontra l‑prinċipju ġenerali tal‑libertà ta’ espressjoni jew kontra drittijiet u libertajiet oħra applikabbli fl‑Unjoni Ewropea u li jikkorrispondu b’mod partikolari għad‑dritt previst fl‑Artikolu 10 tal‑KEDB.

 Ir‑risposta tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

79      Mill‑premessa 7 tad‑Direttiva 95/46 jirriżulta li l-istabbiliment u l‑funzjonament tas‑suq internet jistgħu jkunu affettwati b’mod serju mid‑differenzi bejn is‑sistemi nazzjonali applikabbli għall‑ipproċessar ta’ data personali. Skond il‑premessa 3 ta’ l‑istess direttiva, l‑armonizzazzjoni ta’ dawn is‑sistemi nazzjonali ma għandux ikollha bħala għanijiet il‑moviment liberu ta’ din id‑data bejn l‑Istati Membri biss, iżda għandu jkollha wkoll l‑għan li tipproteġi d‑drittijiet fundamentali tal‑persuni. Huwa evidenti li dawn l‑għanijiet jistgħu jkunu kunfliġġenti.

80      Minn naħa, l‑integrazzjoni ekonomika u soċjali li tirriżulta mill-istabbiliment u mill‑funzjonament tas‑suq intern twassal neċessarjament għal żieda kunsiderevoli fil‑flussi ta’ data personali bejn l‑operaturi ekonomiċi u soċjali kollha ta’ l‑Istati Membri, kemm jekk impriżi jew amministrazzjonijiet ta’ l‑Istati Membri. Sa ċertu punt, dawn l‑operaturi għandhom bżonn ta’ data personali sabiex iwettqu t‑tranżazzjonijiet tagħhom jew sabiex iwettqu l‑missjoni tagħhom fil‑kuntest ta’ l‑ispazju mingħajr fruntieri kompost mis‑suq intern.

81      Min‑naħa l‑oħra, il‑persuni kkonċernati mill‑ipproċessar ta’ data personali jeħtieġu, ġustament, li din id‑data tkun protetta b’mod effikaċi.

82      Il‑mekkaniżmi li jippermettu li jiġu bbilanċjati dawn id‑diversi drittijiet u interessi jinsabu, minn naħa, fid‑Direttiva 95/46 stess, sa fejn tipprovdi regoli li jiddeterminaw f’liema sitwazzjonijiet u sa fejn l‑ipproċessar ta’ data personali huwa legali u liema protezzjonijiet għandhom jiġu previsti. Min‑naħa l‑oħra, dawn il‑mekkaniżmi jirriżultaw mill‑adozzjoni, mill‑Istati Membri, ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jiżguraw it‑traspożizzjoni ta’ din id‑direttiva u mill‑eventwali applikazzjoni ta’ dawn id‑dispożizzjonijiet mill‑awtoritajiet nazzjonali.

83      Fir‑rigward tad‑Direttiva 95/46 stess, id‑dispożizzjonijiet tagħha huma neċessarjament relattivament ġenerali minħabba li għandha tapplika għal numru kbir ta’ sitwazzjonijiet differenti ħafna. Għal kuntrarju ta’ dak li tallega B. Lindqvist, huwa għalhekk ġustament li din id‑direttiva tinkludi regoli kkaratterizzati minn ċerta flessibbiltà u li f’diversi każijiet tħalli lill‑Istati Membri responsabbli sabiex jiddeċiedu dwar id‑dettalji jew sabiex jagħżlu minn fost diversi possibbiltajiet.

84      Huwa minnu li, minn diversi aspetti, l‑Istati Membri għandhom marġni ta’ manuvra fir‑rigward tat‑traspożizzjoni tad‑Direttiva 95/46. Madankollu, ma hemm xejn li jippermetti li jiġi kkunsidrat li s‑sistema prevista minn din id‑direttiva mhijiex prevedibbli jew li d‑dispożizzjonijiet tagħha huma, fihom infushom, kuntrarji għall‑prinċipji ġenerali tad‑dritt Komunitarju u, b’mod partikolari, għad‑drittijiet fundamentali protetti mis‑sistema legali Komunitarja.

85      Għaldaqstant, huwa iktar fl‑istadju ta’ l‑implementazzjoni fuq livell nazzjonali tal‑leġiżlazzjoni li tittrasponi d‑Direttiva 95/46 f’każijiet partikolari li għandu jinsab bilanċ ġust bejn id‑drittijiet u interessi in kwistjoni.

86      F’dan il‑kuntest, id‑drittijiet fundamentali għandhom importanza partikolari, kif turi l‑kawża prinċipali fejn essenzjalment huwa meħtieġ li jiġu bbilanċjati, minn naħa, il‑libertà ta’ espressjoni ta’ B. Lindqvist fil‑kuntest tax‑xogħol tagħha bħala katekista kif ukoll il‑libertà li jiġu eżerċitati attivitajiet li jagħtu kontribut għall‑ħajja reliġjuża u, min‑naħa l‑oħra, il‑protezzjoni tal‑ħajja privata tal‑persuni li fir‑rigward tagħhom B. Lindqvist semmiet data fis‑sit ta’ l‑internet tagħha.

87      Għaldaqstant, l‑awtoritajiet u l‑qrati ta’ l‑Istati Membri ma għandhomx sempliċement jinterpretaw id‑dritt nazzjonali tagħhom b’mod konformi mad‑Direttiva 95/46 iżda għandhom jiżguraw ukoll li ma jibbażawx ruħhom fuq interpretazzjoni ta’ din id‑direttiva li toħloq konflitt mad‑drittijiet fundamentali protetti mis‑sistema legali Komunitarja jew mal-prinċipji ġenerali l-oħra tad‑dritt Komunitarju, bħall‑prinċipju ta’ proporzjonalità.

88      Għalkemm huwa minnu li l‑protezzjoni tal‑ħajja privata teħtieġ l‑applikazzjoni ta’ sanzjonijiet effikaċi fil‑konfront tal‑persuni li jipproċessaw data personali b’mod mhux konformi mad‑Direttiva 95/46, tali sanzjonijiet għandhom madankollu jirrispettaw il‑prinċipju ta’ proporzjonalità. Dan jgħodd iktar u iktar fid‑dawl tal‑fatt li l‑kamp ta’ applikazzjoni tad‑Direttiva 95/46 jidher wiesa’ ħafna u li l‑obbligi tal‑persuni li jipproċessaw data personali huma ħafna u sinjifikattivi.

89      Skond il‑prinċipju ta’ proporzjonalità, hija l‑qorti tar‑rinviju li għandha tieħu in kunsiderazzjoni ċ‑ċirkustanzi kollha tal‑kawża li jkollha quddiemha, b’mod partikolari t‑tul tal‑ksur tar‑regoli li jimplementaw id‑Direttiva 95/46 kif ukoll l‑importanza, għall‑persuni kkonċernati, tal‑protezzjoni tad‑data żvelata.

90      Għaldaqstant, ir‑risposta għas‑sitt domanda għandha tkun li d‑dispożizzjonijiet tad‑Direttiva 95/46 ma jinkludux, fihom infushom, restrizzjoni li tmur kontra l‑prinċipju ġenerali tal‑libertà ta’ espressjoni jew li tmur kontra drittijiet u libertajiet oħra applikabbli fl‑Unjoni Ewropea u li jikkorrispondu, b’mod partikolari, għall‑Artikolu 10 tal‑KEDB. Huma l‑awtoritajiet u l‑qrati nazzjonali responsabbli għall‑applikazzjoni tal‑leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi d‑Direttiva 95/46 li għandhom jiżguraw bilanċ ġust bejn id‑drittijiet u interessi in kwistjoni, inklużi d‑drittijiet fundamentali protetti mis‑sistema legali Komunitarja.

 Fuq is‑seba’ domanda

91      Permezz tas‑seba’ domanda tagħha, il‑qorti tar‑rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l‑Istati Membri jistgħux jistabbilixxu protezzjoni ta’ data personali iktar b’saħħitha jew kamp ta’ applikazzjoni iktar estiż minn dawk li jirriżultaw mid‑Direttiva 95/46.

 L‑osservazzjonijiet ippreżentati lill‑Qorti tal‑Ġustizzja

92      Il‑Gvern Svediż isostni li d‑Direttiva 95/46 ma tistabbilixxix sempliċement kundizzjonijiet minimali ta’ protezzjoni tad‑data personali. Fil‑kuntest tat‑traspożizzjoni ta’ din id‑direttiva, l‑Istati Membri huma obbligati jimplementaw il‑livell ta’ protezzjoni stabbilit minnha u ma jistgħux jipprovdu għal protezzjoni iktar jew inqas b’saħħitha. Madankollu, għandu jittieħed in kunsiderazzjoni l‑marġni ta’ diskrezzjoni li l‑Istati Membri għandhom meta jittrasponu din id‑direttiva sabiex jispeċifikaw, fid‑dritt intern tagħhom, il‑kundizzjonijiet ġenerali ta’ legalità ta’ l‑ipproċessar ta’ data personali.

93      Il‑Gvern Olandiż isostni li d‑Direttiva 95/46 ma tipprekludix lill‑Istati Membri milli jistabbilixxu protezzjoni iktar b’saħħitha f’ċerti oqsma. Per eżempju, mill‑Artikoli 10, 11(1), 14(a), 17(3), 18(5) u 19(1) ta’ din id‑direttiva jirriżulta li l‑Istati Membri jistgħu jistabbilixxu protezzjoni iktar estiża. Barra minn hekk, l‑Istati Membri huma liberi li japplikaw il‑prinċipji tad‑Direttiva 95/46 anki għal attivitajiet li ma jaqgħux fil‑kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

94      Il‑Kummissjoni ssostni li d‑Direttiva 95/46 hija bbażata fuq l‑Artikolu 100 A tat‑Trattat u li, jekk Stat Membru jixtieq iżomm jew jistabbilixxi leġiżlazzjoni li tidderoga minn tali direttiva ta’ armonizzazzjoni, huwa obbligat jinnotifikaha lill‑Kummissjoni skond l‑Artikolu 95(4) jew (5) KE. Għaldaqstant, il‑Kummissjoni ssostni li Stat Membru ma jistax jistabbilixxi protezzjoni ta’ data personali iktar estiża jew kamp ta’ applikazzjoni iktar estiż minn dawk li jirriżultaw mill-imsemmija direttiva.

 Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

95      Kif jirriżulta b’mod partikolari mill‑premessa 8 tagħha, id‑Direttiva 95/46 hija intiża li tagħmel ekwivalenti, fl‑Istati Membri kollha, il‑livell ta’ protezzjoni tad‑drittijiet u tal-libertajiet tal‑persuni fir‑rigward ta’ l‑ipproċessar ta’ data personali. Il‑premessa 10 tagħha żżid li l‑approssimazzjoni tal‑liġijiet nazzjonali applikabbli f’dan il‑qasam ma għandhiex twassal sabiex tiddgħajjef il‑protezzjoni mogħtija minnhom iżda, għall‑kuntrarju, għandu jkollha l‑għan li tiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni fil‑Komunità.

96      L‑armonizzazzjoni ta’ dawn il‑liġijiet nazzjonali, għaldaqstant, mhijiex limitata għal armonizzazzjoni minimali iżda twassal għal armonizzazzjoni li, bħala prinċipju, hija kompleta. Huwa f’dan id‑dawl li d‑Direttiva 95/46 hija intiża li tiżgura l‑moviment liberu tad‑data personali, u dan filwaqt li tiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni tad‑drittijiet u ta’ l‑interessi tal‑persuni kkonċernati minn din id‑data.

97      Huwa minnu li d‑Direttiva 95/46 tirrikonoxxi lill‑Istati Membri marġni ta’ manuvra f’ċerti oqsma u li tawtorizzahom iżommu fis‑seħħ jew jintroduċu sistemi partikolari għal sitwazzjonijiet speċifiċi, kif jindikaw numru kbir mid‑dispożizzjonijiet tagħha. Madankollu, tali possibbiltajiet għandhom jintużaw bil‑mod previst mid‑Direttiva 95/46 u skond l‑għan tagħha, jiġifieri li jinżamm bilanċ bejn il‑moviment liberu tad‑data personali u l‑protezzjoni tal‑ħajja privata.

98      Għall‑kuntrarju, ma hemm xejn li jipprekludi lil Stat Membru milli jestendi l‑portata tal‑leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi d‑dispożizzjonijiet tad‑Direttiva 95/46 għal oqsma li mhumiex inklużi fil‑kamp ta’ applikazzjoni ta’ din ta’ l‑aħħar, bil‑kundizzjoni li ebda dispożizzjoni oħra tad‑dritt Komunitarju ma tipprekludi dan.

99      Fid‑dawl ta’ dawn il‑kunsiderazzjonijiet, ir‑risposta għas‑seba’ domanda għandha tkun li l‑miżuri meħuda mill‑Istati Membri sabiex jiżguraw il‑protezzjoni tad‑data personali għandhom ikunu konformi kemm mad‑dispożizzjonijiet tad‑Direttiva 95/46 u kif ukoll mal‑għan tagħha, jiġifieri li jinżamm bilanċ bejn il‑moviment liberu tad‑data personali u l‑protezzjoni tal‑ħajja privata. Għall‑kuntrarju, ma hemm xejn li jipprekludi lil Stat Membru milli jestendi l‑portata tal‑leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi d‑dispożizzjonijiet tad‑Direttiva 95/46 għal oqsma li mhumiex inklużi fil‑kamp ta’ applikazzjoni ta’ din ta’ l‑aħħar, bil‑kundizzjoni li ebda dispożizzjoni oħra tad‑dritt Komunitarju ma tipprekludi dan.

 Fuq l‑ispejjeż

100    L-ispejjeż sostnuti mill-Gvern Svediż, mill-Gvern Olandiż u mill-Gvern tar-Renju Unit, kif ukoll mill-Kummissjoni u mill-Awtorità ta’ Sorveljanza ta’ l-EFTA, li ppreżentaw osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistgħux jitħallsu lura. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

Għal dawn il‑motivi,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L‑operazzjoni li tikkonsisti f’li jissemmew, fuq paġna ta’ l‑internet, diversi persuni u fl‑identifikazzjoni tagħhom b’isimhom jew b’mezzi oħra, per eżempju bin‑numru tat‑telefown tagħhom jew b’informazzjoni dwar il‑kundizzjonijiet ta’ xogħol tagħhom jew dwar il‑passatempi tagħhom, tikkostitwixxi “ipproċessar ta’ data personali fl‑intier tiegħu jew parti minnu b’mezzi awtomatiċi”, fis‑sens tal‑Artikolu 3(1) tad‑Direttiva 95/46/KE tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill, ta’ l‑24 ta’ Ottubru 1995, dwar il‑protezzjoni ta’ individwi fir‑rigward ta’ l‑ipproċessar ta’ data personali u dwar il‑moviment liberu ta’ dik id‑data.

2)      Tali pproċessar ta’ data personali ma jaqa’ taħt ebda waħda mill‑eċċezzjonijiet previsti fl‑Artikolu 3(2) tad‑Direttiva 95/46.

3)      L‑indikazzjoni tal‑fatt li persuna weġġgħet saqajha u tinsab fuq leave parzjali minħabba mard tikkostitwixxi data personali dwar is‑saħħa fis‑sens ta’ l‑Artikolu 8(1) tad‑Direttiva 95/46.

4)      Ma jkunx hemm “trasferiment lil [lejn] pajjiż terz ta’ data” fis‑sens ta’ l‑Artikolu 25 tad‑Direttiva 95/46 meta persuna li tkun tinsab fi Stat Membru tniżżel data personali fuq paġna ta’ l‑internet, maħżuna minn persuna fiżika jew ġuridika li tospita s-sit ta’ l-internet fejn tkun tista’ tiġi kkonsultata l-paġna u li tkun stabbilita f’dan l‑istess Stat jew fi Stat Membru ieħor, b’tali mod li b’hekk tagħmel din id‑data aċċessibbli għal kull persuna b’konnessjoni ma’ l‑internet, inklużi persuni li jinsabu f’pajjiżi terzi.

5)      Id‑dispożizzjonijiet tad‑Direttiva 95/46 ma jinkludux, fihom infushom, restrizzjoni li tmur kontra l‑prinċipju ġenerali tal‑libertà ta’ espressjoni jew li tmur kontra drittijiet u libertajiet oħra applikabbli fl‑Unjoni Ewropea u li jikkorrispondu, b’mod partikolari, għall‑Artikolu 10 tal‑Konvenzjoni Ewropea għall‑Protezzjoni tad‑Drittijiet tal‑Bniedem u tal‑Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950. Huma l‑awtoritajiet u l‑qrati nazzjonali responsabbli għall‑applikazzjoni tal‑leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi d‑Direttiva 95/46 li għandhom jiżguraw bilanċ ġust bejn id‑drittijiet u interessi in kwistjoni, inklużi d‑drittijiet fundamentali protetti mis‑sistema legali Komunitarja.

6)      Il‑miżuri meħuda mill‑Istati Membri sabiex jiżguraw il‑protezzjoni tad‑data personali għandhom ikunu konformi kemm mad‑dispożizzjonijiet tad‑Direttiva 95/46 u kif ukoll mal‑għan tagħha, jiġifieri li jinżamm bilanċ bejn il‑moviment liberu tad‑data personali u l‑protezzjoni tal‑ħajja privata. Għall‑kuntrarju, ma hemm xejn li jipprekludi lil Stat Membru milli jestendi l‑portata tal‑leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi d‑dispożizzjonijiet tad‑Direttiva 95/46 għal oqsma li mhumiex inklużi fil‑kamp ta’ applikazzjoni ta’ din ta’ l‑aħħar, bil‑kundizzjoni li ebda dispożizzjoni oħra tad‑dritt Komunitarju ma tipprekludi dan.

Jann

Timmermans

Gulmann

Cunha Rodrigues

Rosas

Edward

Puissochet

Macken

von Bahr

Mogħtija f’Qorti bil‑miftuħ fil‑Lussemburgu, 6 ta’ Novembru 2003.

Reġistratur

 

       Il‑President

R. Grass

 

       V. Skouris


* Lingwa tal‑kawża: l‑Isvediż.