Language of document : ECLI:EU:C:2011:368

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

9 ta’ Ġunju 2011 (*)


Werrej


Il-kuntest ġuridiku

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Id-deċiżjoni kkontestata

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza kkontestata

It-talbiet tal-partijiet fl-appell u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

Fuq l-appell inċidentali tal-Kummissjoni

Fuq l-eċċeżżjoni ta’ lis alibi pendens invokata fil-kuntest tal-Kawża T‑277/00

Motivi tas-sentenza appellata

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fuq il-locus standi tal-impriżi rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali

Motivi tas-sentenza appellata

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fuq il-locus standi tal-Comitato

Motivi tas-sentenza appellata

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fuq l-interess ġuridiku tar-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali

Fuq l-appelli prinċipali

Fuq l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 659/1999 – kwalifika bħala “għajnuna ġdida”

Motivi tas-sentenza appellata

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fuq in-natura kumpensatorja

Motivi tas-sentenza appellata

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fuq il-kriterji ta’ impatt fuq il-kummerċ intra-Komunitarju u ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni, l-obbligi proċedurali tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-eżami tal-għajnuna inkwistjoni, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni kif ukoll l-Artikolu 86(2) KE

Motivi tas-sentenza appellata

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

– Portata u motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

– Obbligi proċedurali tal-Kummissjoni

Fuq l-Artikolu 87(3)(ċ) u (d) KE kif ukoll l-obbligu ta’ motivazzjoni

Motivi tas-sentenza appellata

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fuq l-Artikolu 87(2)(b) u 3(b) KE

Motivi tas-sentenza appellata

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fuq l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 659/1999

Motivi tas-sentenza appellata

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fuq l-ispejjeż


“Appell – Rikors għal annullament – Inammissibbiltà – Locus standi – Interess ġuridiku – Eċċezzjoni ta’ litis pendens – Għajnuna mill-Istat – Skema ta’ għajnuna multisettorjali – Tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali – Deċiżjoni 2000/394/KE – Natura kompensatorja – Impatt fuq il-kummerċ intra-Komunitarju – Impatt fuq il-kompetizzjoni – Firxa tal-istħarriġ – Oneru tal-prova – Obbligu ta’ motivazzjoni – Artikolu 87(2)(b) u (3)(b) sa (d) KE – Regolament (KE) Nru 659/1999 – Artikoli 14 u 15”

Fil-Kawżi magħquda C‑71/09 P, C‑73/09 P u C‑76/09 P,

li għandhom bħala suġġett tliet appelli abbażi tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ippreżentati rispettivament fil-11 (C‑71/09 P) u fis-16 ta’ Frar 2009 (C‑73/09 P u C‑76/09 P),

Comitato “Venezia vuole vivere”, stabbilit f’Venezja (l-Italja), irrappreżentat minn A. Vianello, avukat, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu (C‑71/09 P),

Hotel Cipriani Srl, stabbilita f’Venezja (l-Italja), irrappreżentata minn A. Bianchini u F. Busetto, avukati (C‑73/09 P),

Società Italiana per il gas SpA (Italgas), stabbilita f’Torino (l-Italja), irrappreżentata minn M. Merola, M. Pappalardo u T. Ubaldi, avukati (C‑76/09 P),

rikorrenti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Coopservice – Servizi di fiducia Soc. coop. rl, stabbilita f’Cavriago (l-Italja), irrappreżentata minn A. Bianchini, avukat,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn V. Di Bucci u E. Righini, bħala aġenti, assistiti minn A. Dal Ferro, avukat, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta fl-ewwel istanza,

Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn I. Bruni, sussegwentement minn G. Palmieri, bħala aġenti, assistiti minn P. Gentili, avvocato dello Stato, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, R. Silva de Lapuerta, G. Arestis, J. Malenovský u T. von Danwitz (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta’ Settembru 2010,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-16 ta’ Diċembru 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appelli tagħhom, il-Comitato “Venezia vuole vivere” (iktar ’il quddiem il-“Comitato”), Hotel Cipriani Srl (iktar ’il quddiem “Hotel Cipriani”) u Società Italiana per il gas SpA (iktar ’il quddiem Italgas) jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej tat-28 ta’ Novembru 2008, Hotel Cipriani et vs Il-Kummissjoni (T‑254/00, T‑270/00 u T‑277/00, Ġabra p. II‑3269, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha din ċaħdet ir-rikors għall-annullament tagħhom kontra d‑Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/394/KE, tal-25 ta’ Novembru 1999, dwar il‑miżuri ta’ għajnuna favur impriżi stabbiliti fit-territorju ta’ Venezja u ta’ Chioggia, stabbiliti bil-Liġijiet Nru 30/1997 u Nru 206/1995 li jistabbilixxu tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali (ĠU 2000, L 150, p. 50, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

2        Permezz tal-appell inċidentali tagħha, Coopservice – Servizi di fiducia Soc. coop. rl. (iktar ’il quddiem “Coopservice”) titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tannulla s-sentenza appellata.

3        Permezz tal-appell inċidentali tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tannulla s-sentenza appellata sa fejn din tiddikjara r-rikorsi msemmija bħala ammissibbli.

 Il-kuntest ġuridiku

4        L-Artikoli 1(b)(iv) u 13 sa 15 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88] tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), jipprovdu:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-għan ta’ dan ir-Regolament:

[…]

b)      ‘għajnuna eżistenti’ għandha tfisser:

[…]

iv)      għajnuna li tinftiehem li hi għajnuna eżistenti skond l-Artikolu 15;

[…]

Artikolu 13

Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni

1.      L-eżami ta’ għajnuna llegali possibli għandu jirriżulta f’deċiżjoni skond l‑Artikolu 4(2), (3) jew (4). Fil-każ ta’ deċiżjonijiet sabiex tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-proċeduri għandhom jingħalqu permezz ta’ deċiżjoni skond l-Artikolu 7. Jekk Stat Membru jonqos milli jikkonforma ma’ inġunzjoni ta’ informazzjoni, dik id-deċiżjoni għandha tittieħed abbażi ta’ l-informazzjoni disponibbli.

[…]

Artikolu 14

Rkupru ta’ għajnuna

1.      Fejn jittieħdu deċiżjonijiet negattivi f’każijiet ta’ għajnuna llegali, il‑Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l‑miżuri kollha meħtieġa sabiex jirkupra l-għajnuna mill-benefiċjarju (minn hawn ‘l quddiem imsejjħa ‘deċiżjoni ta’ rkupru’). Il-Kummissjoni m’għandhiex teħtieġ ir-rkupru ta’ l-għajnuna jekk dan ikun kuntrarju għal prinċipju ġenerali tal-liġi tal-Komunità.

2.      L-għajnuna li ser tkun rikuperata skond deċiżjoni ta’ rkupru għandha tinkludi l-imgħax f’rata xierqa ffissata mill-Kummissjoni. L-imgħax għandu jkun pagabbli mid-data li fiha l-għajnuna llegali kienet fid-disposizzjoni tal-benefiċjarju sad-data li fiha kienet irkuprata.

3.      Mingħajr preġudizzju għall-ebda ordni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej skond l-Artikolu [242] tat-Trattat, ir-rkupru għandu jsir mingħajr dewmien u f’konformità mal-proċeduri tal-liġi nazzjonali ta’ l-Istat Membru kkonċernat, sakemm jippermettu għall-esekuzzjoni mmedjata u effettiva tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Għal dan l-effett u fl-eventwalità ta’ proċedura quddiem il-qrati nazzjonali, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa li huma disponibbli fis-sistemi legali rispettivi tagħhom, li jinkludu miżuri proviżjonali, mingħajr preġudizzju għall-liġi tal-Komunità.

Artikolu 15

Perjodu ta’ limitazzjoni

1.      Il-poteri tal-Kummissjoni sabiex jirkupraw l-għajnuna għandhom ikunu suġġett għal perjodu ta’ limitazzjoni ta’ għaxar snin.

2.      Il-perjodu ta’ limitazzjoni għandu jibda dakinhar li fih l-għajnuna llegali tingħata lill-benefiċarju jew bħala għajnuna individwali jew bħala għajnuna taħt skema ta’ għajnuna. Kull azzjoni meħudha mill-Kummissjoni jew minn Stat Membru, li jaġixxi fuq talba tal-Kummissjoni, b’rigward għall-għajnuna llegali għandha tinterrompi l-perjodu ta’ limitazzjoni. Kull interuzzjoni għandha tibda l‑ħin mill-ġdid. Il-perjodu ta’ limitazzjoni għandu jkun sospiż sakemm id‑deċiżjoni tal-Kummissjoni tkun is-suġġett ta’ proċeduri pendenti quddiem il‑Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej.

3.      Kull għajnuna li għaliha jkun skada l-perjodu ta’ limitu, għandha tinftiehem li hi għajnuna eżistenti.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

5        Il-fatti li wasslu għall-kawża huma esposti fil-punti 1 sa 11 tas-sentenza appellata kif ġej:

“A – Skema ta’ tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali meħuda inkunsiderazzjoni

1      Id-Digriet Ministerjali Taljan tal-5 ta’ Awwissu 1994, li ġie nnotifikat lill-Kummissjoni, jiddefinixxi l-kriterji għall-assenjazzjoni ta’ tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali previst mid-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 59 tad-Digriet tal-President tar-Repubblika Taljana tas-6 ta’ Marzu 1978, li jistabbilixxi skema speċjali għat-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali dovuti minn min iħaddem lill-Istituto Nazionale della Previdenza Sociale (INPS, Istitut nazzjonali tas-Servizzi Soċjali), fil-Mezzogiorno, għall-perijodu inkluż bejn l-1994 u l-1996.

2      Permezz tad-Deċiżjoni 95/455/KE, tal-1 ta’ Marzu 1995, dwar id‑dispożizzjonijiet fil-qasam tat-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali fuq l-impriżi fil-Mezzogiorno u tal-ġbir mill-awtoritajiet fiskali ta’ wħud minn dawn il-kontribuzzjonijiet (ĠU L 265, p. 23), il-Kummissjoni ddikjarat l-iskema ta’ tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali msemmija fil-punt preċedenti, bħala kompatibbli mas-suq komuni, bla ħsara għall-osservanza ta’ ċertu numru ta’ kundizzjonijiet. Din id-deċiżjoni kienet b’mod partikolari tipprovdi li l-awtoritajiet Taljani kellhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni d-dispożizzjonijiet adottati għat-twaqqif ta’ pjan ta’ tneħħija progressiva, impost mill-istess deċiżjoni, tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni.

3      L-iskema ta’ tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali inkwistjoni f’dan il-każ ġiet stabbilita mil-Liġi Taljana Nru 206/1995, li testendi, għas-snin 1995 u 1996, l-iskema ta’ għajnuna prevista mid-Digriet Ministerjali tal-5 ta’ Awwissu 1994, iċċitat iktar ’il fuq, għall-impriżi stabbiliti fit-territorju insulari ta’ Venezja u ta’ Chioggia. Il-Liġi Taljana Nru 30/1997 estendiet din l-iskema, għas-sena 1997, favur impriżi stabbiliti kemm fir-reġjuni tal-Mezzogiorno kif ukoll fit-territorju insulari ta’ Venezja u ta’ Chioggia.

4      L-Artikolu 1 tad-Digriet Ministerjali tal-5 ta’ Awwissu 1994 jipprovdi tnaqqis ġenerali tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali dovuti minn min iħaddem. Rigward l-Artikolu 2 ta’ dan l-istess digriet, dan jipprovdi eżenzjoni mill-kontribuzzjonijiet ta’ sigurtà soċjali għall-impjiegi ġodda maħluqa fl-impriżi, matul terminu ta’ sena mid-data li fiha jiġi impjegat ħaddiem mingħajr xogħol.

5      Mid-[deċiżjoni kkontestata] jirriżulta li, skont l-informazzjoni mogħtija mill-INPS għall-perijodu meħud inkunsiderazzjoni inkluż bejn l-1995 u l-1997, it-tnaqqis fil-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali mogħti lil impriżi li jinsabu fit-territorju insulari ta’ Venezja u ta’ Chioggia, skont l-Artikolu 1 tad-Digriet Ministerjali tal-5 ta’ Awwissu 1994, kien tela’ għal 73 biljun Lira Taljana (ITL) (EUR 37.7 miljun) fis-sena bħala medja, imqassam bejn 1,645 impriża. L-eżenzjonijiet mogħtija lil impriżi li jinsabu fit-territorju insulari ta’ Venezja u ta’ Chioggia skont l-Artikolu 2 ta’ dan id-Digriet kien jammonta għal ITL 567 miljun (EUR 292,831) fis-sena, imqassma bejn 165 impriża.

B – Il-proċedura amministrattiva

6      Permezz ta’ ittra tal-10 ta’ Ġunju 1997, l-awtoritajiet Taljani kkomunikaw il-Liġi Nru 30/1997, imsemmija iktar ’il fuq, lill-Kummissjoni, skont id‑dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni 95/455 (ara l-punt 2 iktar ’il fuq). Permezz ta’ ittra tal-1 ta’ Lulju 1997, segwita minn nota ta’ tfakkir tat-28 ta’ Awwissu 1997, il-Kummissjoni talbet informazzjoni addizzjonali li tikkonċerna l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-iskema ta’ tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali msemmi iktar ’il fuq favur impriżi stabbiliti f’Venezja u fi Chioggia.

7      Fin-nuqqas ta’ tweġiba, il-Kummissjoni kkomunikat lir-Repubblika Taljana, permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Diċembru 1997, id-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il‑proċedura prevista mill-Artikolu 88(2) KE, fir-rigward tal-għajnuna prevista mid-dispożizzjonijiet tal-Liġijiet Nru 206/1995 u Nru 30/1997, li kienu jestendu l-kamp ta’ applikazzjoni tat-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali previst għall-Mezzogiorno fit-territorju insulari ta’ Venezja u ta’ Chioggia.

8      L-awtoritajiet Taljani ssospendaw l-iskema ta’ tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali inkwistjoni fl-1 ta’ Diċembru 1997.

9      Id-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej tat-18 ta’ Frar 1998. B’ittra tas-17 ta’ Marzu 1998, […] il-Comitato […], assoċjazzjoni li tiġbor fiha l-organizzazzjonijiet prinċipali ta’ operaturi industrijali u kummerċjali ta’ Venezja, u li ġie ffurmat wara l-ftuħ tal-proċedura formali ta’ eżami msemmija iktar ’il fuq sabiex jikkoordina l-azzjonijiet intiżi sabiex tiġi rrimedjata s-sitwazzjoni żvantaġġuża tal-operaturi stabbiliti f’Venezja, ippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu u ttrażmetta rapport, flimkien ma’ studju mwettaq mill-Consorzio per la ricerca e la formazione (COSES, konsorzju għar-riċerka u għall-formazzjoni) bid-data tax-xahar ta’ Marzu 1998 u li jirrigwarda d‑diffikultajiet li ltaqgħu magħhom l-impriżi li joperaw fit-territorju tal-laguna, meta mqabbla ma’ dawk stabbiliti fuq l-art. Fit-18 ta’ Mejju 1998, il‑muniċipalità ta’ Venezja ppreżentat ukoll xi osservazzjonijiet, flimkien ma’ studju inizjali li sar mill-COSES dwar l-istess suġġett, bid-data tax-xahar ta’ Frar 1998. Fl-osservazzjonijiet tagħha, hija enfasizzat li, fost il‑benefiċjarji, kien hemm l-impriżi muniċipali, inkarigati mill-provvista ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali. Hija invokat favur tagħhom l‑applikazzjoni tal-Artikolu 86(2) KE. Dawn l-osservazzjonijiet kollha ġew trażmessi lir-Repubblika Taljana.

10      L-awtoritajiet Taljani ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom b’ittra tat-23 ta’ Jannar 1999. B’ittra tal-10 ta’ Ġunju 1999, huma informaw lill-Kummissjoni li kienu qegħdin jagħmlu tagħhom l-osservazzjonijiet trażmessi mill-muniċipalità ta’ Venezja.

11      B’deċiżjoni tat-23 ta’ Ġunju 1999, il-Kummissjoni stiednet lir-Repubblika Taljana sabiex tipprovdilha d-dokumenti u l-informazzjoni kollha neċessarja sabiex tippreċiża r-rwol tal-impriżi muniċipali u sabiex tevalwa l‑kompatibbiltà tal-miżuri ta’ tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali inkwistjoni mas-suq komuni. L-awtoritajiet Taljani wieġbu permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Lulju 1999. Fit-12 ta’ Ottubru 1999, saret laqgħa fi Brussell bejn dawn l-awtoritajiet u r-rappreżentanti tal-Kummissjoni.”

 Id-deċiżjoni kkontestata

6        Il-parti operattiva tad-deċiżjoni kkontestata tistipula kif ġej:

Artikolu 1

Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 3 u 4 ta’ din id-deċiżjoni, l-għajnuna mogħtija mill-Italja lill-impriżi stabbiliti fit-territorji ta’ Venezja u ta’ Chioggia, taħt forma ta’ tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali stabbilita mil-Liġijiet Nru 30/1997 u Nru 206/1995, li jirreferu għall-Artikolu 2 tad-Digriet Ministerjali tal-5 ta’ Awwissu 1994, tkun kompatibbli mas-suq komuni meta tingħata lill-impriżi segwenti:

a)      [impriżi żgħar u ta’ daqs medju] skont ir-regoli Komunitarji dwar l-għajnuna tal-Istat għall-impriżi żgħar u ta’ daqs medju;

b)      impriżi li ma jidħlux f’din id-definizzjoni, iżda li huma stabbiliti f’żona awtorizzata sabiex tibbenefika mid-deroga stabbilita fl-Artikolu 87(3)(ċ) tat-Trattat;

ċ)      kull impriża oħra li timpjega kategoriji ta’ ħaddiema li jsibu diffikultajiet partikolari ta’ inseriment jew ta’ inseriment mill-ġdid fis-suq tax-xogħol, b’mod konformi mal-linji gwida li jirrigwardaw l-għajnuna għax-xogħol.

Din l-għajnuna tikkostitwixxi għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni jekk din tingħata lil impriżi li ma humiex [impriżi żgħar u ta’ daqs medju] u li ma humiex stabbiliti f’żoni awtorizzati sabiex jibbenefikaw mid-deroga stabbilita fl-Artikolu 87(3)(ċ) tat-Trattat.

Artikolu 2

Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 3 u 4 ta’ din id-deċiżjoni, l-għajnuna mogħtija mill-Italja lill-impriżi stabbiliti fit-territorji ta’ Venezja u ta’ Chioggia, taħt forma ta’ tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali kif prevista mill-Artikolu 1 tad-Digriet Ministerjali tal-5 ta’ Awwissu 1994, huma inkompatibbli mas-suq komuni.

Artikolu 3

L-għajnuna mogħtija mill-Italja lill-impriżi ASPIV u Consorzio Venezia Nuova hija kompatibbli mas-suq komuni abbażi, rispettivament, tad-deroga stabbilita mill-Artikolu 86(2) u mid-deroga stabbilita fl-Artikolu 87(3)(d) tat-Trattat.

Artikolu 4

Il-miżuri implementati mill-Italja favur l-impriżi ACTV, Panfido SpA u AMAV ma jikkostitwuwx għajnuna skont l-Artikolu 87 tat-Trattat.

Artikolu 5

L-Italja għandha tieħu kull miżura neċessarja sabiex tiżgura r-restituzzjoni, mill-benefiċjarji, tal-għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni msemmija fl-Artikolu 1(2) u fl-Artikolu 2, li diġà ġiet mogħtija lilhom illegalment.

L-irkupru għandu jsir b’mod konformi mal-proċeduri stabbiliti mid-dritt nazzjonali. L-ammonti li għandhom jiġu rkuprati għandhom jinkludu fihom l‑interessi kurrenti mid-data li fiha dawn l-ammonti tpoġġew għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarji, sar-restituzzzjoni effettiva tagħhom. L-interessi għandhom jiġu kkalkolati abbażi tar-rata ta’ referenza użata għall-kalkolu tas-sussidju ekwivalenti fil-kuntest tal-għajnuna għal skop reġjonali.

[…]”

 Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza kkontestata

7        Tressqu disgħa u ħamsin rikors kontra d-deċiżjoni kkontestata quddiem il-Qorti Ġenerali.

8        Din stiednet lir-Repubblika Taljana sabiex tippreċiża, għal kull waħda mir-rikorrenti f’dawn il-kawżi, jekk hija kinitx tqis lilha nnifisha marbuta, skont l‑Artikolu 5 tad-deċiżjoni kkontestata, li tirkupra l-għajnuna inkwistjoni mħallsa.

9        Fid-dawl tat-tweġibiet tar-Repubblika Taljana, il-Qorti Ġenerali ddikjarat 22 rikors totalment inammissibbli u 6 rikorsi parzjalment inammissibbli, peress li r‑rikorrenti kkonċernati kienu impriżi li ma ġġustifikawx interess ġuridiku sa fejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti kienu qiesu, matul l-implementazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li dawn l-impriżi ma kinux ibbenefikaw minn għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni li timplika obbligu ta’ rkupru skont din id‑deċiżjoni (digrieti tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Marzu 2005, Gruppo ormeggiatori del porto di Venezia et vs Il-Kummissjoni, T‑228/00, T‑229/00, T‑242/00, T‑243/00, T‑245/00 sa T‑248/00, T‑250/00, T‑252/00, T‑256/00 sa T‑259/00, T‑265/00, T‑267/00, T‑268/00, T‑271/00, T‑274/00 sa T‑276/00, T‑281/00, T‑287/00 u T‑296/00, Ġabra p. II‑787; Confartigianato Venezia et vs Il‑Kummissjoni, T‑266/00; Baglioni Hotels u Sagar vs Il-Kummissjoni, T‑269/00; Unindustria et vs Il-Kummissjoni, T‑273/00, u Principessa vs Il-Kummissjoni, T‑288/00).

10      Fit-12 ta’ Mejju 2005, saret laqgħa informali quddiem l-Imħallef Relatur tal-Qorti Ġenerali, bil-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti tal-partijiet fis-37 kawża li fihom ir-rikors ma kienx ġie ddikjarat totalment inammissibbli. Il-partijiet irrappreżentati ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom u qablu fuq l-għażla ta’ erba’ kawżi piloti. Wara din il-laqgħa, il-Kawżi T‑254/00, T‑270/00 u T‑277/00, li wasslu għas-sentenza appellata, u l-Kawża T‑221/00 intgħażlu bħala kawżi piloti, iżda din tal-aħħar ġiet imħassra minħabba l-irtirar tar-rikorrenti.

11      Il-kawżi msemmija ġew magħquda u ġie deċiż li l-evalwazzjoni tal-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni tiġi magħquda fil-mertu.

12      Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddikjarat ir-rikorsi bħala inammissibbli għall-motivi msemmija fil-punti 41 sa 115 ta’ dik is-sentenza. Madankollu, dawn ir-rikorsi ġew iddikjarati bħala infondati, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punti 117 sa 398 tas-sentenza msemmija.

 It-talbiet tal-partijiet fl-appell u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

13      Il-Comitato jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex:

–        tilqa’ l-appell tiegħu u, għaldaqstant, li tannulla s-sentenza appellata;

–        tiċħad l-appell inċidentali mressaq mill-Kummissjoni;

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        sussidjarjament, tannulla l-Artikolu 5 ta’ din id-deċiżjoni sa fejn dan jimponi l-obbligu ta’ rkupru tal-ammont tat-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali inkwistjoni u jipprovdi li l-ammonti kkonċernati jiżdiedu bl-interessi kurrenti mid-data li fiha dawn l-ammonti tpoġġew għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarji, sar-restituzzzjoni effettiva tagħhom;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

14      Hotel Cipriani titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex:

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        tilqa’ t-talbiet tagħha kif imressqa fl-ewwel istanza u, konsegwentement:

–        preliminarjament, tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        sussidjarjament, tannulla l-Artikolu 5 ta’ din id-deċiżjoni sa fejn ir‑restituzzjoni imposta minn din id-dispożizzjoni tinkludi fiha l‑għajnuna mogħtija abbażi tal-prinċipju de minimis u/jew sa fejn din timponi l-ħlas ta’ interessi kkalkolati b’rata superjuri għar-rata effettivament imħallsa mill-impriża għad-dejn tagħha stess;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

15      Italgas titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex:

–        tilqa’ l-appell tagħha u, għaldaqstant, tannulla s-sentenza appellata;

–        tiċħad l-appell inċidentali mressaq mill-Kummissjoni bħala manifestament infondat jew, sussidjarjament, bħala inoperattiv f’uħud mill-aggravji tiegħu u infondat fir-rigward tal-oħrajn, jew bħala totalment infondat;

–        tannulla l-Artikoli 1 u 2 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn dawn jiddikjaraw bħala inkompatibbli mas-suq komuni t-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali inkwistjoni kif ukoll l-Artikolu 5 ta’ din id-deċiżjoni;

–        sussidjarjament, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali b’applikazzjoni tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi jew, f’kull każ, għall-ispejjeż supplimentari kkaġunati mill-appell inċidentali.

16      Coopservice titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex:

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        tilqa’ t-talbiet tagħha kif imressqa fl-ewwel istanza u, konsegwentement:

–        preliminarjament, tannulla, sa fejn hemm raġuni u fil-limiti tal-interess tar-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata;

–        sussidjarjament, tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din timponi l‑obbligu li jiġu rkuprati l-eżenzjonijiet tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali li ngħataw, kif ukoll li l-ammont ta’ dawn l-eżenzjonijiet jiżdied bl-interessi għal-perijodi kkunsidrati mid-deċiżjoni msemmija;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

17      Ir-Repubblika Taljana titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex:

–        tannulla s-sentenza appellata, u

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata.

18      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex:

–        preliminarjament, tilqa’ l-appell inċidentali tagħha u, konsegwentement, tannulla s-sentenza appellata sa fejn din tiddikjara r-rikorsi bħala ammissibbli;

–        sussidjarjament, tiċħad l-appelli prinċipali billi tibdel, sa fejn ikun hemm bżonn, il-motivazzjoni tas-sentenza appellata;

–        tikkundanna, f’kull każ, lir-rikorrenti għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

19      Permezz tad-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-8 ta’ April 2009, il‑Kawżi C‑71/09 P, C-73/09 P u C-76/09 P ġew magħquda flimkien għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali, kif ukoll tas-sentenza.

 Fuq l-appell inċidentali tal-Kummissjoni

20      Peress li l-appell inċidentali mressaq mill-Kummissjoni jirrigwarda l‑ammissibbiltà tar-rikorsi mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali, liema kwistjoni hija preliminari għal dawk dwar il-mertu invokati mill-appelli prinċipali u mill-appell inċidentali ta’ Coopservice, dan għandu jiġi eżaminat fl-ewwel lok.

21      Insostenn tal-appell inċidentali tagħha, il-Kummissjoni tressaq erba’ aggravji.

 Fuq l-eċċeżżjoni ta’ lis alibi pendens invokata fil-kuntest tal-Kawża T‑277/00

 Motivi tas-sentenza appellata

22      Dwar l-eċċezzjoni ta’ lis alibi pendens invokata kontra r-rikors fil-Kawża T‑277/00, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, min-naħa waħda, li din l-eċċezzjoni ma tistax tiġi validament invokata fir-rigward tal-Kawża T‑274/00, peress li l‑Comitato kien irtira r-rikors tiegħu f’din l-aħħar kawża (punt 43 tas-sentenza appellata).

23      Min-naħa l-oħra, dwar il-lis alibi pendens fir-rigward tal-Kawża T‑231/00, il‑Qorti Ġenerali kkunsidrat li ma kinitx marbuta li teżamina l-ammissibbiltà tar-rikors ippreżentat mill-Comitato fil-Kawża T‑277/00 peress li dan kien ippreżenta l-imsemmi rikors flimkien ma’ Coopservice (punt 43 tas-sentenza appellata). Barra minn hekk, din irrilevat li rikors jista’ jkun inammissibbli fuq il-bażi tal-lis alibi pendens biss meta dan ir-rikors jinvolvi lill-istess partijiet, huwa intiż għall-annullament tal-istess deċiżjoni, u huwa bbażat fuq l-istess motivi bħal dawk invokati f’rikors preċedenti. Issa, f’dan il-każ, ir-rikorsi fil-Kawżi T‑277/00 u T‑231/00 huma bbażati, parzjalment, fuq motivi differenti (punti 44 u 45 tas-sentenza appellata). Bl-istess mod, id-dispożizzjoni tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li, bħala prinċipju, tipprekludi t-tressiq ta’ motivi ġodda waqt l-istanza, hija irrilevanti għall-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà ta’ rikors li għandu l-istess suġġett u li għandu l-istess partijiet, iżda li huwa bbażat fuq motivi differenti minn dawk invokati f’rikors preċedenti (punt 46 tas-sentenza appellata).

 L-argumenti tal-partijiet

24      Permezz tal-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, li jinkludi fih tliet partijiet, il‑Kummissjoni tosserva li l-Qorti Ġenerali injorat b’mod żbaljat l-eċċezzjoni tal-inammissibbliltà tal-lis alibi pendens f’dak li jirrigwarda r-rikors fil-Kawża T‑277/00 fir-rigward tal-Kawża T‑274/00. L-ammissibbiltà ta’ rikors għandha tiġi evalwata fir-rigward tas-sitwazzjoni fil-mument meta jiġi ppreżentat l-att introduttiv, b’tali mod li l-fatt li l-Comitato sadanittant irtira mir-rikors tiegħu fil-Kawża T‑274/00 ma jistax ikollu l-konsegwenza li r-rikors tiegħu fil-Kawża T‑277/00 isir ammissibbli. Inkella, rikorrent ikun jista’ jressaq diversi rikorsi u jkun jista’ ulterjorment jagħżel, kif irid hu, liema wieħed ikollu l‑intenzjoni li jkompli, liema ħaġa tmur kontra l-prinċipju ta’ ekonomija proċedurali.

25      Permezz tat-tieni parti ta’ dan l-aggravju, il-Kummissjoni tilmenta li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat, f’dak li jirrigwarda l-lis alibi pendens fir-rigward tal-Kawża T‑231/00, li l-identiċità tal-motivi bejn ir-rikorsi preċedenti u dawk sussegwenti tikkostitwixxi kundizzjoni neċessarja tal-lis alibi pendens. Issa, kemm mir-regoli proċedurali tal-Istati Membri kif ukoll mill-Artikolu 27 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42), jirriżulta li l-lis alibi pendens ma tippreżumix tali kundizzjoni. Permezz tat-tielet parti ta’ dan l-aggravju, il-Kummissjoni tosserva li l-Qorti Ġenerali kellha, mill-inqas, tiċħad ir-rikors fil-Kawża T‑277/00 abbażi tal-lis alibi pendens, sa fejn dan kien jikkoinċidi mar-rikors fil-Kawża T-231/00.

26      Il-Comitato josserva li l-Kummissjoni stess, fl-osservazzjonijiet tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, ikkunsidrat li din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tippresupponi li rikors jiġi ppreżentat b’mod sussegwenti għal ieħor, bejn l-istess partijiet, li jkollu l-istess suġġett u li jkun ibbażat fuq l-istess motivi. Għalhekk, din issa ma tistax, fl-istadju tal-appell, tinvoka motivi totalment ġodda. Barra minn hekk, il‑Kummissjoni, peress li ma ppreżentatx appell kontra d-digriet tal-Qorti Ġenerali Gruppo ormeggiatori del porto di Venezia et vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, ma tistax tinvoka dan il-motiv fil-kuntest ta’ appell relattiv għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T‑277/00.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

27      Dan l-aggravju huwa ammissibbli, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Comitato. Fil-fatt, iċ-ċirkustanza li insostenn tal-eċċezzjoni tal-inammissibbiltà tagħha, il‑Kummissjoni sostniet perspettiva legali differenti quddiem il-Qorti Ġenerali minn dik ippreżentata fl-appell inċidentali tagħha hija irrilevanti, peress li dan l‑aggravju huwa bbażat, l-istess bħall-argumenti mressqa mill-Kummissjoni fl-ewwel istanza fil-kuntest ta’ din l-eċċezzjoni, fuq allegata lis alibi pendens f’dak li jirrigwarda l-Kawża T-277/00 fir-rigward tal-Kawża T-274/00.

28      Fil-fatt, minkejja li l-Kummissjoni ssostni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li ma huwiex meħtieġ li l-motivi għall-annullament imressqa minn rikorrenti jkunu l‑istess sabiex jiġi kkonstatat każ ta’ lis alibi pendens, filwaqt li hija rrikonoxxiet quddiem il-Qorti Ġenerali, il-ħtieġa ta’ tali identiċità tal-motivi, it-teżi tagħha fir-rigward tal-lis alibi pendens hija, essenzjalment, l-istess bħal dik imressqa quddiem il-Qorti Ġenerali, u għalhekk din ma hijiex motiv ġdid.

29      Id-digriet tal-Qorti Ġenerali Gruppo ormeggiatori del porto di Venezia et vs Il‑Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, lanqas ma jipprekludi li l-Qorti tal-Ġustizzja teżamina l-motiv ippreżentat mill-Kummissjoni fir-rigward tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali dwar l-eċċezzjoni tal-lis alibi pendens li kienet invokat din l-istituzzjoni fil-Kawża T‑277/00, peress li dan id-digriet ma jinkludix fih evalwazzjoni fuq l‑ammissibbiltà tar-rikors f’din l-aħħar kawża.

30      Dwar il-mertu, fir-rigward tal-ewwel parti tal-aggravju, dwar il-lis alibi pendens fir-rigward tal-Kawża T‑274/00, il-Qorti Ġenerali kkonstatat ġustament li, minħabba l-irtirar mill-Comitato tar-rikors tiegħu f’din il-kawża, ir-rikors tiegħu fil-Kawża T‑277/00 ma kienx jinterferixxi iktar ma’ lis alibi pendens fir-rigward tal-Kawża T‑274/00.

31      Ċertament, kif issostni l-Kummissjoni, l-ammissibbiltà ta’ rikors għandha tiġi evalwata, bħala regola ġenerali, b’riferiment għas-sitwazzjoni fil-mument meta dan jiġi ppreżentat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ April 2002, Spanja vs Il‑Kunsill, C‑61/96, C‑132/97, C‑45/98, C‑27/99, C‑81/00 u C‑22/01, Ġabra p. I‑3439, punt 23). Xorta jibqa’ l-fatt li, b’mod konformi mal-ġurisprudenza, minħabba r-rifjut ta’ rikors bħala inammissibbli, il-kawża li tirriżulta minnu, li kienet pendenti, ittemm, b’tali mod li s-sitwazzjoni ta’ lis alibi pendens tispiċċa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Ottubru 1987, Diezler et vs CES, 146/85 u 431/85, Ġabra p. 4283, punt 12).

32      L-istess jgħodd, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 50 tal-konklużjonijiet tiegħu, meta, bħal f’dan il-każ, il-kawża pendenti tispiċċa minħabba l-fatt li r‑rikorrent jirtira r-rikors tiegħu. Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, l-interess li jiġi evitat li l-individwi jagħmlu użu minn din il-possibbiltà b’mod kuntrarju għall-prinċipju tal-ekonomija proċedurali ma jeħtieġx li tippersisti sitwazzjoni ta’ lis alibi pendens anki fir-rigward ta’ rikors li r-rikorrent ikun irtira. Fil-fatt, dan l-interess huwa suffiċjentement protett mill-kundanna tar-rikorrent għall-ispejjeż, b’mod konformi mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 69(5) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jew mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 87(5) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

33      Għalhekk, l-ewwel parti ta’ dan il-motiv għandha tiġi miċħuda.

34      F’dak li jirrigwarda t-tieni u t-tielet partijiet ta’ dan l-aggravju, dwar il-lis alibi pendens fir-rigward tal-Kawża T‑231/00, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-ilmenti diretti lejn deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali intiżi kontra motivi li saru biss għall-finijiet ta’ eżawriment ma jistgħux jimplikaw l-annullament ta’ din id-deċiżjoni u b’hekk huma ineffettivi (sentenza tat-2 ta’ Settembru 2010, Il‑Kummissjoni vs Deutsche Post, C‑399/08 P, Ġabra p. I-7831, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      F’dan ir-rigward, mill-punt 43 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali qieset li ma kinitx marbuta li teżamina l-ammissibbiltà tar-rikors imressaq mill-Comitato minħabba l-fatt li dan ippreżenta r-rikors fil-Kawża T-277/00 flimkien ma’ Coopservice, b’tali mod li, anki jekk tiġi stabbilita l-lis alibi pendens allegata, din ma jkollha l-ebda impatt fuq l-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors sa fejn dan ġie ppreżentat minn Coopservice, u b’mod partikolari fuq il-motivi dwar il-mertu evalwati f’dan il-każ mill-Qorti Ġenerali, peress li dawn ġew invokati b’mod konġunt miż-żewġ rikorrenti.

36      Dawn il-kunsiderazzjonijiet, li, barra minn hekk, ma ġewx ikkontestati mill-Kummissjoni, huma konformi mal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tal-24 ta’ Marzu 1993, CIRFS et vs Il-Kummissjoni (C‑313/90, Ġabra p. I‑1125).

37      Fil-fatt, skont din il-ġurisprudenza, li hija bbażata fuq raġunijiet ta’ ekonomija proċedurali [digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Marzu 2009, Cheminova et vs Il-Kummissjoni, C‑60/08 P(R), li ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 34], jekk l-istess deċiżjoni hija kkontestata minn diversi rikorrenti u jekk jiġi stabbilit li wieħed minnhom ikollu l-locus standi, ma jkunx hemm lok għalfejn jiġi evalwat l-interess ġuridiku tar-rikorrenti l-oħrajn.

38      Din il-ġurisprudenza hija bbażata fuq il-kunsiderazzjoni li, f’sitwazzjoni bħal din, huwa, f’kull każ, neċessarju li tiġi evalwata l-fondatezza tar-rikors, b’tali mod li l‑kwistjoni jekk ir-rikorrenti kollha għandhomx effettivament locus standi hija irrilevanti.

39      Issa, l-istess loġika tapplika għall-dan il-każ.

40      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li ċħid tar-rikors tal-Comitato, kif propost mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ dawn il-partijiet, ma kien ikollu l-ebda effett fuq il-ħtieġa, għall-Qorti Ġenerali, li jiġu evalwati l-motivi invokati insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑277/00. Fil-fatt, dan ir-rikors ġie ppreżentat mill-Comitato u minn Coopservice flimkien. Issa, ma kinitx teżisti sitwazzjoni ta’ lis alibi pendens f’din tal-aħħar, b’tali mod li l-Qorti Ġenerali kellha teżamina, f’kull każ, it-totalità tal-motivi msemmija, liema ħaġa kienet tirrendi irrilevanti ċħid eventwali tar-rikors tal-Comitato.

41      Konsegwentement, anki jekk jitqies li l-motivazzjoni, esposta b’mod abbondanti fil-punti 44 sa 46 tas-sentenza appellata, hija żbaljata fid-dritt, tali konstatazzjoni ma għandha l-ebda effett fuq il-fondatezza taċ-ċħid tal-ilmenti li jirrigwardaw l‑eċċezzjoni ta’ lis alibi pendens fir-rigward tal-Kawża T-231/00.

42      F’dawn iċ-ċirkustazi, għandu jiġi kkonstatat li t-tieni u t-tielet partijiet ta’ dan l‑aggravju huma ineffettivi.

43      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, l-ewwel aggravju tal-appell inċidentali tal-Kummissjoni għandu jiċi miċħud.

 Fuq il-locus standi tal-impriżi rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali

 Motivi tas-sentenza appellata

44      Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li r-rikorrenti fil-Kawżi T‑254/00, T‑270/00 u T‑277/00 għandhom locus standi u b’mod partikolari kkonstatat li huma individwalment ikkonċernati, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, mid-deċiżjoni kkontestata.

45      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali qieset li huma individwalizzati biżżejjed minħabba l-ksur partikolari kkaġunat lill-interessi tagħhom mill-obbligu ta’ rkupru impost minn din id-deċiżjoni, bħala membri perfettament identifikabbli ta’ grupp magħluq (punti 76 sa 92 tas-sentenza appellata). Sussegwentement, permezz tal-eżami tas-sistema ta’ stħarriġ tal-għajnuna mill-Istat (punti 94 sa 99 ta’ din is‑sentenza) u tal-kompetenza tal-awtoritajiet nazzjonali għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni msemmija (punti 100 sa 111 tas-sentenza msemmija), il-Qorti Ġenerali kkonfermat l-evalwazzjoni, imsemmija fil-punt 92 tal-istess sentenza, li tgħid li r‑rikorrenti huma individwalment ikkonċernati (punt 93 tagħha).

 L-argumenti tal-partijiet

46      Il-Kummissjoni ssostni li, meta deċiżjoni tiddikjara bħala illegali u inkompatibbli mas-suq komuni lil skema ta’ għajnuna mill-Istat, il-fatt li din id-deċiżjoni tordna l-irkupru tal-għajnuna mħallsa b’applikazzjoni tal-imsemmija skema ma jistax ikollu l-konsegwenza li l-benefiċjarji ta’ din l-għajnuna jkunu kkonċernati b’mod individwali. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali ħawdet il-kunċett ta’ benefiċjarju mill-iskema ta’ għajnuna ma’ dak ta’ benefiċjarju ta’ benefiċċji stabbiliti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Issa, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-benefiċjarji marbuta li jħallsu lura l-għajnuna abbażi tagħha ma kinux identifikabbli. Għal dan il-għan, kien meħtieġ li jiġi stabbilit jekk il-benefiċċji li dawn irċevew kinux effettivament jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87 KE u jekk kinux effettivament marbuta, bis-saħħa tad-deċiżjoni msemmija, li jirrimborsaw l-għajnuna li rċevew.

47      Barra minn hekk, hija tosserva li l-appartenenza għal grupp ta’ benefiċjarji identifikabbli fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma hijiex suffiċjenti sabiex ikun hemm interess individwali, peress li dan tal-aħħar jippreżumi li l-benefiċjarji jinsabu f’sitwazzjoni partikolari ta’ natura li ġġiegħel lill-Kummissjoni li teħodha inkunsiderazzjoni.

48      Sussegwentement, l-approċċ tal-Qorti Ġenerali għandu l-konsegwenza li l‑benefiċjarji ta’ skema ta’ għajnuna jkunu marbuta, abbażi tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tad-9 ta’ Marzu 1994, TWD Textilwerke Deggendorf (C‑188/92, Ġabra p. I‑833, punti 24 sa 26), li jikkontestaw id-deċiżjoni tal-Kummissjoni quddiem il-Qorti Ġenerali, anki fin-nuqqas ta’ ċertezza li huma jkunu effettivament marbuta li jirrimborsaw il-benefiċċji li rċevew.

49      Fir-rigward tar-raġunament li jinsab fil-punti 94 u s-segwenti tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali injorat b’mod żbaljat il‑kriterju, imressaq minnha, li jgħid li l-benefiċjarji minn għajnuna ma jkunux individwalment ikkonċernati jekk l-għajnuna tingħata b’mod awtomatiku b’applikazzjoni ta’ skema ġenerali. Finalment, fir-rigward tal-motivi esposti fil-punti 100 u s-segwenti ta’ din is-sentenza, il-Kummissjoni tqis li l-Qorti Ġenerali injorat il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, meta l-Kummissjoni tieħu deċiżjoni b’mod ġenerali u astratt fuq skema ta’ għajnuna li hija tiddikjara bħala inkompatibbli mas-suq komuni, u tordna l-irkupru tal-għajnuna rċevuta abbażi ta’ din l-iskema, ikun imbgħad l-Istat Membru li jkollu jivverifika s-sitwazzjoni individwali ta’ kull impriża kkonċernata sabiex jipproċedi bl-irkupru tal-għajnuna illegali.

50      Skont il-Comitato u Italgas, il-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet ġustament il-locus standi tal-impriżi rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

51      Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat ġustament li l-impriżi rikorrenti kellhom locus standi, peress li dawn kienu individwalment ikkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata minħabba l-preġudizzju partikolari fuq is-sitwazzjoni legali tagħhom ikkawżat mill-ordni ta’ rkupru tal-għajnuna kkonċernata.

52      Fil-fatt, min-naħa waħda, u b’mod konformi ma’ ġurisprudenza stabbilita, is‑suġġetti li ma humiex id-destinatarji ta’ deċiżjoni jistgħu biss jippretendu li jkunu individwalment ikkonċernati jekk din id-deċiżjoni tippreġudikahom minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għalihom jew sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzahom fir-rigward ta’ kull persuna oħra u, minħabba f’hekk, tindividwalizzahom b’mod simili għal dak tad-destinatarju (ara s-sentenzi tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il-Kummissjoni, 25/62, Ġabra p. 197, 223, u tad-29 ta’ April 2004, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑298/00 P, Ġabra p. I‑4087, punt 36 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

53      Min-naħa l-oħra, il-benefiċjarji effettivi ta’ għajnuna individwali mogħtija abbażi ta’ skema ta’ għajnuna li l-Kummissjoni ordnat l-irkupru tagħha huma, minħabba f’hekk, individwalment ikkonċernati fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Ottubru 2000, L-Italja u Sardegna Lines vs Il-Kummissjoni, C‑15/98 u C‑105/99, Ġabra p. I‑8855, punt 34, kif ukoll L-Italja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 38 u 39).

54      L-argumenti mressqa mill-Kummissjoni ma jistgħux ixejnu din il-konklużjoni.

55      Qabel kollox, għandha tiġi injorata t-teżi li tgħid li l-obbligu ta’ rkupru impost mid-deċiżjoni kkontestata ma jindividwalizzax lir-rikorrenti b’mod suffiċjenti fil-mument tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni. Din it-teżi hija bbażata, min-naħa waħda, fuq il-premessa li l-irkupru effettiv jiġi implementat f’fażi ulterjuri li fiha għandu jiġi stabbilit jekk il-benefiċċji rċevuti effettivament jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat li għandha tiġi rimborsata u, min-naħa l-oħra, fuq il-fatt li l‑kundizzjonijiet li jippermettu li l-benefiċjarji jitqiesu li jiffurmaw parti minn grupp magħluq ma humiex sodisfatti.

56      Issa, kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punti 71 sa 82 tal-konklużjonijiet tagħha, l‑ordni ta’ rkupru diġà jikkonċerna individwalment lill-benefiċjarji kollha tal-iskema inkwistjoni, sa fejn dawn huma esposti, sa mill-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, għar-riskju li l-benefiċċji li rċevew jiġu rkuprati, u b’hekk jinsabu milquta fis-sitwazzjoni legali tagħhom. Għalhekk, dawn il-benefiċjarji jifformaw parti minn grupp magħluq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2009, Il-Kummissjoni vs Koninklijke FrieslandCampina, C‑519/07 P, Ġabra p. I‑8495, punt 54), mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati l‑kundizzjonijiet supplimentari dwar sitwazzjonijiet li fihom id-deċiżjoni tal-Kummissjoni ma tkunx tinkludi ordni ta’ rkupru. Barra minn hekk, l-eventwalità li, b’mod ulterjuri, il-benefiċċji ddikjarati illegali ma jiġux irkuprati mingħand il‑benefiċjarji tagħhom ma teskludix li dawn jitqiesu bħala individwalment ikkonċernati.

57      Għandu jiġi injorat ukoll l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li r-rikonoxximent tal-ammissibbiltà tar-rikorsi kontra deċiżjoni tagħha li tordna l-irkupru tal-għajnuna mill-Istat għandu l-“effett paradossali u pervers” li jġiegħel lill-benefiċjarji tal-għajnuna mill-Istat li jikkontestawha immedjatament id-deċiżjoni msemmija, anki qabel ma jkunu jafu jekk din twassalx għal ordni ta’ rkupru li jippreġudikahom. Dan l-argument diġà ġie invokat f’termini kważi identiċi mill-Kummissjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza L-Italja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 31), mingħajr ma ġie milqugħ.

58      Fil-fatt, il-possibbiltà għal individwu li jinvoka, fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali, l-invalidità ta’ dispożizzjonijiet li jinsabu f’atti tal-Unjoni tippresupponi, ċertament, illi dan ma għandux id-dritt li jippreżenta, abbażi tal-Artikolu 230 KE, rikors dirett kontra dawn id-dispożizzjonijiet, li huwa jbati l‑konsegwenzi tagħhom mingħajr ma jkun f’pożizzjoni li jitlob l-annullament tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi TWD Textilwerke Deggendorf, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23, kif ukoll tad-29 ta’ Ġunju 2010, E u F, C‑550/09, Ġabra p. I‑6213, punti 45 u 46). Madankollu, minn din l-istess ġurisprudenza jirriżulta li rikors dirett għandu jkun mingħajr dubju ammissibbli (ara s-sentenzi E u F, iċċitata iktar ’il fuq, punt 48, kif ukoll tas-17 ta’ Frar 2011, Bolton Alimentari, C-494/09, Ġabra p. I‑0000, punt 23).

59      Għalhekk, individwi li jinsabu fis-sitwazzjoni tar-rikorrenti huma marbuta biss li jikkontestaw deċiżjoni quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex jipproteġu l-interessi tagħhom jekk hemm lok għalfejn jitqies li tali rikors huwa mingħajr ebda dubju ammissibbli. Fil-fatt, sa fejn l-ammissibbiltà tar-rikors dirett ta’ tali individwu ma tkunx fid-dubju, huwa raġjonevoli li jiġi mistenni mingħandu li jippreżentah fit-terminu ta’ xahrejn stabbilit għal dan il-għan mill-Artikolu 230 KE.

60      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-motivi esposti fil-punti 76 sa 92 tas-sentenza appellata huma, waħedhom, tali li jiġġustifikaw biżżejjed fid-dritt il‑konklużjoni tal-Qorti Ġenerali, imsemmija fil-punt 92 ta’ din is-sentenza, li tgħid li r-rikorrenti huma individwalment ikkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata.

61      Madankollu, sa fejn is-sentenza appellata tirreferi, fil-punt 251 tagħha, għar-raġunament żviluppat fil-punti 100 sa 111 tagħha u sa fejn dan ir-raġunament huwa kkontestat mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ dan il-motiv, għandu jiġi rilevat, diġà minn issa, li dan ir-raġunament huwa vvizzjat minn żball ta’ dritt.

62      Fil-fatt, b’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punt 106 tas-sentenza appellata, li ma jistax jiġi aċċettat li l-Istat Membru kkonernat ikun jista’, fl-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirrigwarda skema ta’ għajnuna illegali, jivverifika, f’kull każ individwali, jekk humiex sodisfatti l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE.

63      Għandu jiġi mfakkar li, fil-każ ta’ programm ta’ għajnuna, il-Kummissjoni tista’ tillimita ruħha li tistudja l-karatteristiċi tal-programm inkwistjoni sabiex tevalwa, fil-motivi tad-deċiżjoni, jekk, minħabba l-metodi previsti minn dan il-programm, dan jiżgurax vantaġġ sinjifikattiv lill-benefiċjarji meta pparagunat mal-kompetituri tagħhom u jekk huwiex kapaċi li essenzjalment ikun ta’ profitt għal impriżi li jipparteċipaw fil-kummerċ bejn l-Istati Membri. B’hekk, il‑Kummissjoni, f’deċiżjoni li tirrigwarda tali programm, ma hijiex marbuta li twettaq evalwazzjoni tal-għajnuna mogħtija f’kull każ individwali abbażi ta’ tali skema. Huwa biss fl-istadju tal-irkupru tal-għajnuna li huwa neċessarju li tiġi vverifikata s-sitwazzjoni individwali ta’ kull impriża kkonċernata (ara s-sentenza tas-7 ta’ Marzu 2002, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑310/99, Ġabra p. I‑2289, punti 89 u 91).

64      Għalhekk, il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali, li jinsabu fil-punti 104 sa 106 tas-sentenza appellata, jinjoraw il-ġurisprudenza li tgħid li, meta l-Kummissjoni tiddeċiedi b’mod ġenerali u astratt fuq skema ta’ għajnuna tal-Istat, li hija tiddikjara bħala inkompatibbli mas-suq komuni u tordna l-irkupru tal-ammonti rċevuti abbażi ta’ din l-iskema, huwa l-Istat Membru li għandu jivverifika s‑sitwazzjoni individwali ta’ kull impriża kkonċernata minn tali operazzjoni ta’ rkupru.

65      Madankollu, l-ilmenti tal-Kummissjoni dwar ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali kif żviluppat fil-punti 100 sa 111 ta’ din is-sentenza, f’kull każ, ma għandhomx impatt fuq id-dispożittiv tas-sentenza msemmija u għandhom, għalhekk, jitqiesu bħala ineffettivi (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2001, Il-Kummissjoni u Franza vs TF1, C‑302/99 P u C‑308/99 P, Ġabra p. I‑5603, punti 27 sa 29).

66      Għalhekk, it-tieni aggravju tal-Kummissjoni ma jistax jiġi milqugħ.

 Fuq il-locus standi tal-Comitato

 Motivi tas-sentenza appellata

67      Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punt 114 tas-sentenza appellata, li, fid-dawl tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza CIRFS et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, hija ma kinitx marbuta li teżamina l-locus standi tal-Comitato. Barra minn hekk, din ikkonstatat, fil-punt 115 tas-sentenza appellata, li l-Comitato kellu, f’kull każ, din il-kwalità, sa fejn dan kien jaġixxi f’isem il-membri tiegħu, li r‑rikorsi tagħhom kellhom jiġu ddikjarati bħala ammissibbli.

 L-argumenti tal-partijiet

68      Permezz tat-tielet aggravju tagħha, il-Kummissjoni tilmenta li l-Qorti Ġenerali ttrasponiet, b’mod żbaljat, il-ġurisprudenza dwar l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi għal assoċjazzjoni ta’ assoċjazzjonijiet, bħall-Comitato. Barra minn hekk, xejn ma jippermetti li jitqies li l-assoċjazzjonijiet inkwistjoni kienu effettivament inkarigaw lil dan tal-aħħar sabiex jiżgura d-difiża tal-interessi tagħhom.

69      Skont il-Comitato, kien b’mod ġust li l-Qorti Ġenerali rrikonoxxietlu locus standi.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

70      Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li, hekk kif ġie mfakkar fil-punt 34 ta’ din is‑sentenza, l-ilmenti diretti kontra motivi abbondanti ta’ deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali ma jistgħux iwasslu għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni u għandhom għalhekk jitqiesu bħala ineffettivi.

71      F’dan ir-rigward, mill-punt 114 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali qieset li ma kinitx marbuta li teżamina l-locus standi tal-Comitato minħabba li l‑impriża rikorrenti Coopservice kellha locus standi.

72      Din il-kunsiderazzjoni, ibbażata fuq il-locus standi ta’ Coopservice, li l‑Kummissjoni ma tikkontestax quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, hija konformi mal-ġurisprudenza stabbilita mis-sentenza CIRFS et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, hekk kif jirriżulta mill-punti 37 sa 40 ta’ din is-sentenza.

73      Konsegwentement, anki jekk jitqies li l-motivazzjoni li tinsab fil-punt 115 tas-sentenza appellata hija żbaljata fid-dritt, għandu jiġi enfasizzat li tali konstatazzjoni ma għandha l-ebda effett fuq il-fondatezza tal-evalwazzjoni tal-ilment li jirrigwarrda l-locus standi tal-Comitato.

74      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li t-tielet aggravju huwa ineffettiv.

75      Għalhekk, għandu jiġi miċħud it-tielet aggravju tal-Kummissjoni.

 Fuq l-interess ġuridiku tar-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali

76      Permezz tar-raba’ aggravju tagħha, il-Kummissjoni tilmenta li l-Qorti Ġenerali naqset milli teżamina l-interess ġuridiku tar-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali u li ma ċaħditx ir-rikorsi tagħhom bħala inammissibbli minħabba n-nuqqas ta’ tali interess.

77      Dan l-aggravju ma huwiex fondat. Kuntrarjament għal dak li ssostni l‑Kummissjoni, l-interess ġuridiku tar-rikorrenti ma huwiex ibbażat fuq is‑sempliċi eventwalità li ordni ta’ rkupru jista’ jiġi indirizzat lilhom mill-awtoritajiet nazzjonali. Fil-fatt, l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata biddlet is‑sitwazzjoni legali ta’ kull wieħed minnhom peress li din iddikjarat bħala inkompatibbli mas-suq komuni għajnuna, mogħtija abbażi tal-iskema ta’ għajnuna kkonċernata, li huma kienu diġà rċevew u ġie ordnat l-irkupru tagħha. B’hekk, sa mill-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, l-impriżi rikorrenti kellhom jistennew, bħala prinċipju, li jiġu obbligati li jagħtu lura l-għajnuna li kienu diġa rċevew, liema ħaġa tiġġustifika l-interess ġuridiku tagħhom. Il-Kummissjoni ma ressqet l‑ebda prova li tippermetti li jitqies li kien eskluż li jiġi indirizzat lilhom ordni ta’ rimbors.

78      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, l-appell inċidentali tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-appelli prinċipali

79      Insostenn tal-appell tagħhom, kif ukoll fil-kuntest tal-appell inċidentali ta’ Coopservice, ir-rikorrenti u din tal-aħħar jinvokaw aggravji li jistgħu jinqasmu, essenzjalment, f’sitt gruppi, relatati, fl-ewwel lok, man-natura kumpensatorja tal-benefiċċji inkwistjoni, fit-tieni lok, mal-kriterji tal-effett fuq il-kummerċ u tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni, mal-Artikolu 86(2) KE, kif ukoll mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, fit-tielet lok, mal-Artikolu 87(3)(ċ) u (d) KE, fir-raba’ lok, mal-Artikolu 87(2)(b) u 3(b) KE, fil-ħames lok mal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 659/1999 u, fis-sitt u l-aħħar lok, mal-Artikolu 15 tal-istess regolament.

 Fuq l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 659/1999 – kwalifika bħala “għajnuna ġdida”

 Motivi tas-sentenza appellata

80      Il-Qorti Ġenerali ċaħdet, fil-punti 357 sa 367 tas-sentenza appellata, il-motivi diretti kontra d-deċiżjoni kkontestata bbażati fuq ksur tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 659/1999, li jgħidu li l-benefiċċji kkontestati, mogħtija bis-saħħa tal-Liġijiet Nri 206/1995 u 30/1997, għandhom jiġu kkwalifikati bħala “għajnuna eżistenti”, b’tali mod li t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin ikun għadda. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha b’mod partikolari fuq il-fatt li l-benefiċċji stabbiliti mil-Liġi Nru 590/1971, imġedda bil-Liġi Nru 463/1972, ma kinux mogħtija iktar mill-1 ta’ Lulju 1973, u li dawk stabbiliti mil-Liġijiet Nri 502/1978, 102/1977 u 573/1977 kienu mogħtija sal-31 ta’ Diċembru 1981. Għalhekk, il-benefiċċji li huma s-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata ma kellhom l-ebda relazzjoni mal-benefiċċji mogħtija preċedentement abbażi tal-imsemmija liġijiet, liema ħaġa tipprekludi li l-ewwel benefiċċji jiġu kkwalifikati bħala “għajnuna eżistenti”.

 L-argumenti tal-partijiet

81      Il-Comitato u Hotel Cipriani, permezz tal-ħames aggravju tagħhom, kif ukoll Coopservice, permezz tas-seba’ aggravju tagħha, josservaw li l-Qorti Ġenerali ma eżaminatx biżżejjed meta l-iskema ta’ tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali kienet ġiet introdotta, u injorat il-kontinwità ta’ din l-iskema, li kienet ila teżisti għal għexieren ta’ snin. Fil-fatt, l-iskema msemmija ġiet stabbilita bil-Liġi Nru 463/1972. Sussegwentement, il-Liġi Speċjali Nru 171/1973, li kienet tipprovdi għad-deċiżjoni bażika ta’ eżenzjoni tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, ġiet applikata f’Venezja. Ir-riferiment għad-dispożizzjonijiet applikabbli għall-Mezzogiorno stabbilixxiet il-firxa ta’ dan it-tnaqqis. Issa, id-deċiżjoni bażika stabbilita mil-Liġi Speċjali Nru 171/1973 qatt ma ġiet imħassra.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

82      Il-motivi msemmija, li għandhom jiġu eżaminati fl-ewwel lok, għandhom jiġu miċħuda. Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li ebda waħda mir-rikorrenti ma tikkritika l‑konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali fil-punt 360 tas-sentenza appellata, li tgħid li l‑benefiċċji stabbiliti mil-Liġijiet Nri 590/1971, 463/1972, 102/1977, 573/1977 u 502/1978, ma ngħatawx iktar, rispettivament, wara l-1 ta’ Lulju 1973 jew l-1 ta’ Jannar 1982. Għalhekk, għandu jitqies li dawn il-benefiċċji u dawk mogħtija abbażi tal-Liġijiet Nri 30/1997 u 206/1995 ma kellhomx rabta ta’ kontinwità, b’tali mod li dawn tal-aħħar ma jistgħux jiġu kkwalifikati bħala għajnuna eżistenti, u għalhekk fir-realtà jikkostitwixxu għajnuna ġdida.

 Fuq in-natura kumpensatorja

 Motivi tas-sentenza appellata

83      Il-Qorti Ġenerali ċaħdet, fil-punti 179 sa 198 tas-sentenza appellata, il-motivi li jgħidu li d-deċiżjoni kkontestata kkwalifikat b’mod żbaljat bħala “għajnuna” t‑tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali inkwistjoni, billi injorat in‑natura kumpensatorja tagħhom. B’mod partikolari, din ikkonstatat, b’riferiment għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-fatt li Stat Membru jipprova japprossima, permezz ta’ miżuri unilaterali, il-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni eżistenti f’ċertu settur ekonomiku ma’ dawk li jipprevalu fi Stati Membri oħra ma jistax ineħħi minn dawn il-miżuri l-karattru ta’ għajnuna (punti 181 sa 184 tas-sentenza msemmija).

 L-argumenti tal-partijiet

84      L-ewwel parti tal-ewwel aggravju tal-Comitato, ta’ Hotel Cipriani u ta’ Coopservice, kif ukoll l-ewwel aggravju ta’ Italgas, huma diretti kontra l-motivi tas-sentenza appellata dwar in-nuqqas ta’ natura kumpensatorja tal-benefiċċji mogħtija, imsemmija fil-punti 179 sa 198 ta’ din is-sentenza.

85      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jilmentaw li l-Qorti Ġenerali injorat in-natura kumpensatorja tal-miżuri kkontestati. Teżisti rabta stretta bejn l-għan ta’ promozzjoni tal-impjieg, min-naħa waħda, u l-iżvantaġġi u l-ispejjeż żejda li huma esposti għalihom l-operaturi kkonċernati mill-miżuri, min-naħa l-oħra. L‑iżvantaġġi li huma esposti għalihom il-benefiċjarji tat-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali inkwistjoni għandhom jiġu evalwati fir-rigward tal-ispejjeż li l-impriżi msemmija jkollhom ibatu li kieku kienu joperaw fuq l-art, u mhux fir-rigward tal-ispejjeż medji mħallsa mill-impriżi Komunitarji.

86      Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi sa fejn naqset milli tirrileva l-kontradizzjoni ta’ motivazzjoni li hija vvizzjata biha d-deċiżjoni kkontestata, li aċċettat, fil-punt 92 tal-motivi tagħha, li l-miżuri ta’ tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali kienu intiżi sabiex jikkumpensaw, f’dak li jirrigwarda l-impriża ASPIV, l-ispejjeż supplimentari mħallsa minnha. Bl-istess mod, is-sentenza appellata hija vvizzjata minn żball ta’ motivazzjoni sa fejn il‑Qorti Ġenerali aċċettat li jeżistu sitwazzjonijiet speċifiċi li fihom il-kumpens ta’ żvantaġġ itellef in-natura ta’ benfiċċju ta’ miżura, mingħajr madankollu ma spjegat b’mod suffiċjenti għal liema raġunijiet dan ma huwiex il-każ f’din il‑kawża.

87      Hotel Cipriani żiedet li l-Qorti Ġenerali kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li t‑tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali sar fil-kuntest ta’ politika ta’ salvagwardja taċ-ċentru ta’ Venezja li ma jistax iwassal għal kalkolu eżatt tal-benefiċċji u tal-iżvantaġġi li jirriżultaw mil-limitazzjonijiet marbuta mas-sitwazzjoni partikolari ta’ din il-belt. Il-Qorti Ġenerali, minflok ma ħadet inkunsiderazzjoni b’mod xieraq żewġ studji, li wieħed minnhom kien b’mod partikolari jirrigwarda l-ispejjeż dovuti mis-settur tal-lukandi, ilmentat li Hotel Cipriani ma stabbilixxietx id-daqs tal-ispejjeż supplimentari li din kellha taffronta meta mqabbla ma’ lukandi oħrajn stabbiliti fl-Italja jew f’pajjiż barrani, li għandhom jiġu kkumpensati mill-benefiċċji mogħtija.

88      Ir-Repubblika Taljana tqis ukoll li l-Qorti Ġenerali injorat in-natura kumpensatorja tal-benefiċċji mogħtija. L-għoti ta’ dawn il-benefiċċji huwa ġġustifikat minn kriterju ekonomiku. Fil-fatt, meta jipparaguna lill-awtoritajiet Taljani ma’ impriża privata, u l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali ma’ primjums tal-assigurazzjoni, dan l-Istat Membru josserva li, f’każ bħal dak inkwistjoni, impriża privata kienet tbaxxi l-primjums tal-assigurazzjoni. Barra minn hekk, teżisti rabta diretta bejn il-benefiċċji msemmija u s-sitwazzjoni li l-impriżi kkonċernati qegħdin jaffrontaw, ikkaratterizzata mill-ispiża partikolarment għolja tax-xogħol tal-idejn.

89      Il-Kummissjoni tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiċħad dawn l-aggravji bħala infondati filwaqt li tipproċedi għal sostituzzjoni tal-motivi f’dak li jirrigwarda l-parti tar-raġunament tal-Qorti Ġenerali fejn din tesponi li, f’sitwazzjonijiet partikolari, in-natura kumpensatorja tal-benefiċċji tista’ tneħħi n‑natura ta’ għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87 KE.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

90      Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat ġustament, fil-punti 181 sa 184 tas-sentenza appellata, li l-allegata natura kumpensatorja tal-benefiċċji mogħtija abbażi tal-iskema inkwistjoni ma tippermettix li tiġi injorata l-kwalifika tagħhom bħala “għajnuna” fis-sens tal-Artikolu 87 KE.

91      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont ġurisprudenza stabbilita, huma kkunsidrati bħala għajnuna mill-Istat l-interventi li, taħt kwalunkwe forma, jistgħu jiffavorixxu direttament jew indirettament lil impriżi jew li għandhom jiġu kkunsidrati bħala vantaġġ ekonomiku li l-impriża benefiċjarja ma kinitx tikseb taħt kundizzjonijiet normali tas-suq (sentenza Il-Kummissjoni vs Deutsche Post, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

92      Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, sa fejn intervent mill-Istat għandu jiġi kkunsidrat bħala kumpens li jirrappreżenta l-korrispettiv għas-servizzi pprovduti mill-impriżi inkarigati minn servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali sabiex jeżegwixxu obbligi ta’ servizz pubbliku, b’tali mod li dawn l-impriżi ma jgawdux, fil-fatt, minn vantaġġ finanzjarju u li għaldaqstant l-imsemmi intervent ma jkollux bħala effett li jqegħedhom f’pożizzjoni kompetittiva iktar favorevoli meta mqabbla mal-impriżi kompetituri, tali intervent ma jaqax taħt l-ambitu tal-Artikolu 87(1) KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Deutsche Post, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

93      Issa, la Hotel Cipriani, u lanqas Italgas ma jsostnu, fl-ewwel aggravju tagħhom, li dawn il-kundizzjonijiet huma sodisfatti fil-konfront tagħhom. Min-naħa l-oħra, huma jsostnu li l-fatt li l-benefiċċji inkwistjoni huma intiżi sabiex jikkumpensaw l-ispejjeż supplimentari marbuta mal-kundizzjonijiet partikolari li huma esposti għalihom l-operaturi stabbiliti f’Venezja, ineħħi n-natura ta’ għajnuna minn dawn il-benefiċċji.

94      F’dan ir-rigward, għandu qabel kollox jiġi mfakkar li l-motivi li jsostnu miżura ta’ għajnuna ma humiex biżżejjed sabiex jeskludu ipso facto tali miżura mill-kwalifika bħala “għajnuna” fis-sens tal-Artikolu 87 KE. Fil-fatt, il-paragrafu (1) ta’ din id-dispożizzjoni ma jagħmilx distinzjoni skont il-kawżi jew l-għanijiet tal-interventi Statali, iżda jiddefinihom skont l-effetti tagħhom (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tat-3 ta’ Marzu 2005, Heiser, C‑172/03, Ġabra p. I‑1627, punt 46 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

95      Għandu jingħad ukoll li, skont ġurisprudenza stabbilta, il-fatt li Stat Membru jipprova japprossima, permezz ta’ miżuri unilaterali, il-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni eżistenti f’ċertu settur ekonomiku ma’ dawk li jipprevalu fi Stati Membri oħra ma jistax ineħħi minn dawn il-miżuri l-karattru ta’ “għajnuna” (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq L-Italja vs Il-Kummissjoni, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Heiser, punt 54).

96      Kif sewwa rrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punti 183 u 184 tas-sentenza appellata, din il-ġurisprudenza tgħodd ukoll għall-miżuri intiżi sabiex jikkumpensaw eventwali żvantaġġi li l-impriżi stabbiliti f’ċertu reġjun ta’ Stat Membru jkunu esposti għalihom. Fil-fatt, it-test stess tat-Trattat KE, li, fl-Artikolu 87(3)(a) u (ċ) tiegħu jikkwalifika bħala għajnuna mill-Istat li tista’ tiġi ddikjarta bħala kompatibbli mas-suq komuni “għajnuna maħsuba biex tiffaċilita l-iżvilupp ekonomiku ta’ reġjun” kif ukoll “għajnuna maħsuba biex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ […] ċerti reġjuni”, jindika li l-benefiċċji li għandhom portata limitata għal parti mit-territorju tal-Istat Membru suġġetti għad-dixxiplina tal-għajnuna jistgħu jikkostitwixxu benefiċċji selettivi (ara s-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2006, Il‑Portugall vs Il-Kummissjoni, C-88/03, Ġabra p. I‑7115, punt 60).

97      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali setgħet legalment tiċħad il-motivi insostenn tar-rikors għal annullament ibbażat fuq l-allegata natura kumpensatorja tal-benefiċċji inkwistjoni mingħajr ma kienet marbuta li teżamina sitwazzjonijiet ipotetiċi, minbarra dawk inkwistjoni, li fihom in-natura kumpensatorja ta’ ċerti miżuri tista’ eventwalment tneħħilhom in-natura ta’ għajnuna.

98      Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi sa fejn naqset milli tirrileva kontradizzjoni fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li fil-punt 92 tagħha taċċetta, fir-rigward tal-impriża ASPIV, li t-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali huma intiżi sabiex jikkumpensaw spejjeż supplimentari.

99      Għandu jiġi rrilevat li, fl-imsemmi punt 92, il-Kummissjoni ma ddeċidietx li n‑natura kumpensatorja tat-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tneħħilhom in-natura ta’ għajnuna. B’mod kuntrarju, hija kkonkludiet li għandha tiġi applikata d-deroga stabbilita fl-Artikolu 86(2) KE. Għalhekk, mill-punt 92 tad-deċiżjoni kkontestata ma jirriżultax li l-allegata natura kumpensatorja tal-benefiċċji mogħtija tneħħilhom, f’dak li jirrigwarda lil ASPIV, in-natura ta’ għajnuna. Konsegwentement, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni ma hijiex ivvizzjata minn kontradizzjoni ta’ motivi li l-Qorti Ġenerali kellha tissanzjona.

100    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li tgħid li t-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali inkwistjoni jikkostitwixxi għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE hija diġà ġġustifikata mill-motiv, espost fil-punti 181 sa 184 tas-sentenza appellata, li jgħid li l-għan ta’ kumpens għall-iżvantaġġi kompetittivi tal-impriżi stabbiliti f’Venezja u fi Chioggia, segwit bit-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, ma jistax ineħħi lil dawn l-iżvantaġġi n‑natura ta’ għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE. Għalhekk, l-ilmenti mressqa fir-rigward tal-punti 185 sa 195 tas-sentenza msemmija huma diretti kontra motivi abbondanti u huma għalhekk ineffettivi, b’mod konformi mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 65 ta’ din is-sentenza. Għall-istess raġuni, ma hemmx lok għalfejn tiġi eżaminata n-neċessità li ssir sostituzzjoni tal-motivi f’dak li jirrigwarda l-motivi esposti fil-punti 185 sa 187 tas-sentenza msemmija, kif il‑Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja.

101    Finalment, fir-rigward tal-osservazzjoni tar-Repubblika Taljana li tgħid li l-Qorti Ġenerali kellha tirrikorri għall-kriterju tal-operatur privat, biżżejjed li jiġi rrilevat li l-paragun ma’ tali operatur huwa irrilevanti minħabba l-fatt li dan ma jsegwix għanijiet bħal dawk ikkunsidrati mit-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali inkwistjoni, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 121 tal-konklużjonijiet tiegħu.

102    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, l-ewwel parti tal-ewwel aggravju tal-Comitato, ta’ Hotel Cipriani u ta’ Coopservice, kif ukoll l-ewwel aggravju ta’ Italgas, għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq il-kriterji ta’ impatt fuq il-kummerċ intra-Komunitarju u ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni, l-obbligi proċedurali tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-eżami tal-għajnuna inkwistjoni, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni kif ukoll l‑Artikolu 86(2) KE

 Motivi tas-sentenza appellata

103    Il-Qorti Ġenerali ċaħdet, fil-punti 199 sa 253 tas-sentenza appellata, il-motivi mressqa insostenn tar-rikors għal annullament ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 87(1) KE, tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u tal-obbligu ta’ motivazzjoni. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha, b’mod partikolari, fuq il-partikolaritajiet li jikkaratterizzaw l-eżami ta’ skema ta’ għajnuna multisettorjali u n-nuqqas ta’ informazzjoni speċifika fir-rigward tar-rikorrenti.

 L-argumenti tal-partijiet

104    It-tieni parti tal-ewwel aggravju kif ukoll it-tieni aggravju tal-Comitato, it-tieni parti tal-ewwel aggravju ta’ Hotel Cipriani, it-tieni, it-tielet u r-raba’ aggravji ta’ Italgas u t-tieni parti tal-ewwel aggravju kif ukoll it-tieni aggravju ta’ Coopservice huma diretti kontra l-motivi esposti fil-punti 199 sa 253 tas-sentenza appellata.

105    Ir-rikorrenti kif ukoll Coopservice u r-Repubblika Taljana jilmentaw li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni u injorat l-obbligi proċedurali imposti fuq il-Kummissjoni fl-evalwazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali ammettiet li l-Kummissjoni setgħet twettaq, f’dak li jirrigwarda lil ċerti impriżi muniċipali, analiżi individwali tal-impatt fuq il‑kummerċ intra-Komunitarju u tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni mingħajr ma kienet marbuta li tipproċedi bl-istess mod fir-rigward tal-impriżi u s-setturi l-oħra. Madankollu, dawn l-impriżi u setturi oħra jinsabu f’sitwazzjonijiet identiċi, hekk kif jirriżulta mill-informazzjoni trażmessa waqt il-fażi tal-evalwazzjoni, li l-Qorti Ġenerali żnaturat. Barra minn hekk, din kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni u r-regoli li jirregolaw l-oneru tal-prova. Finalment, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat id-deċiżjoni kkontestata u naqset milli tikkonstata li din ma kinitx motivata biżżejjed sabiex tippermetti l-implementazzjoni tagħha min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali. Permezz tat-tieni aggravju tagħha, Coopservice issostni li s-sentenza appellata twettaq ksur tal-Artikolu 86(2) KE, sa fejn din id-dispożizzjoni ma ġietx ippubblikata fir-rigward tagħha.

106    Skont il-Kummissjoni, dawn l-aggravji għandhom jiġu miċħuda. Madankollu, f’dak li jirrigwarda l-ksur tal-oneru tal-prova, hija tammetti li l-ġurisprudenza li ssir riferiment għaliha fil-punti 208 u 233 tas-sentenza appellata ma hijiex rilevanti, u għalhekk ma tistax tintuża sabiex timmotiva r-raġunament adottat. Għalhekk, hija tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tissostitwixxi dan b’motivi oħra billi tadotta raġunament ibbażat fuq il-partikolaritajiet li jikkaratterizzaw l-eżami ta’ skema ta’ għajnuna multisettorjali.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

107    Sabiex jiġu evalwati l-aggravji mressqa kontra motivi tas-sentenza appellata esposti fil-punti 199 sa 253 tagħha, għandhom qabel kollox jiġu eżaminati l‑kunsiderazzjonijiet adottati mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-portata tad-deċiżjoni kkontestata u, sussegwentement, dawk relattivi għall-obbligi proċedurali li l-Kummissjoni għandha tosserva fl-evalwazzjoni ta’ skema ta’ għajnuna multisettorjali.

–       Portata u motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

108    Ir-rikorrenti jilmentaw li l-Qorti Ġenerali, essenzjalment, ipproċediet għal qari żbaljat tad-deċiżjoni kkontestata u li kkunsidrat, b’mod żbaljat, li din hija preċiża biżżejjed sabiex tippermetti l-implementazzjoni tagħha mill-awtoritajiet nazzjonali.

109    Fid-dawl ta’ dan tal-aħħar, huma jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata ma tindikax il‑kriterji skont liema l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jiddeterminaw jekk tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali effettivament jikkostitwix, għall-benefiċjarju tiegħu, għajnuna kompatibbli mas-suq komuni. Fil-fatt, l-ittri tal-Kummissjoni ta’ Awwissu u ta’ Ottubru 2001, indirizzati lill-awtoritajiet Taljani fil-kuntest tal-implementazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, kienu neċessarji sabiex jipprovdu l-kriterji meħtieġa għall-bidu tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni msemmija fir-rigward tal-impriżi benefiċjarji mill-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni. Il-Qorti Ġenerali, meta qieset li dawn l-ittri kienu japplikaw biss fil-kuntest tal-kooperazzjoni leali bejn din l-istituzzjoni u l-awtoritajiet nazzjonali, aċċettat b’mod żbaljat li l-Kummissjoni setgħet, minflok ma tindika fid-deċiżjoni stess l‑elementi kollha neċessarji għall-implementazzjoni tagħha, tirrikorri, għal dan il‑għan, għal sempliċi ittri.

110    Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tistax tadotta deċiżjoni li tillimita ruħha, b’mod ġenerali, għal evalwazzjoni astratta ħafna, iżda li tipproċedi, f’ċerti każijiet, minn evalwazzjoni ta’ każijiet individwali, mingħajr ma tinkludi f’din id-deċiżjoni preċiżazzjonijiet relattivi għall-portata tagħha li jippermettu l-implementazzjoni tagħha mill-awtoritajiet nazzjonali.

111    Fid-dawl ta’ dawn l-ilmenti, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punt 251 tas-sentenza appellata, li ma humiex l-awtoritajiet nazzjonali li għandhom, fl-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, jivverifikaw f’kull każ individwali jekk il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE humiex sodisfatti. Barra minn hekk, mill-punti 100 sa 111 ta’ dik is-sentenza, li jirreferi għalihom il-punt 251 tagħha, jirriżulta li l-Qorti Ġenerali interpretat id‑deċiżjoni kkontestata fis-sens li teskludi l-kwalifika bħala għajnuna, u għalhekk l-irkupru, biss għat-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali li josserva r‑regola de minimis. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, kif jirriżulta b’mod ċar mill-punti 251 u 252 tas-sentenza msemmija, li d-deċiżjoni kkontestata hija preċiża u mmotivata biżżejjed sabiex tippermetti l‑implementazzjoni tagħha min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali.

112    Din l-analiżi tal-portata tad-deċiżjoni kkontestata hija madankollu vvizzjata minn żball ta’ liġi.

113    Fil-fatt, skont il-kliem tal-Artikolu 5 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-Repubblika Taljana għandha tieħu kull miżura neċessarja sabiex tiżgura r-restituzzjoni, min-naħa tal-benefiċjarji, tal-“għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni”. L‑eżekuzzjoni ta’ dan l-obbligu tippresupponi, għalhekk, li jkun stabbilit minn qabel li l-benefiċċji mogħtija jistgħu jkunu kkwalifikati bħala għajnuna mill-Istat. L-Artikoli 1 sa 3 ta’ din id-deċiżjoni jiddefinixxu l-għajnuna kompatibbli mas-suq komuni u dik li hija inkompatibbli miegħu, u l-Artikolu 4 tad-deċiżjoni msemmija jikkonstata li, għall-kumpanniji msemmija fih, il-benefiċċji mogħtija ma jikkostitwixxux għajnuna. Barra minn hekk, kif ġie rrilevat b’mod rilevanti mill-Qorti Ġenerali fil-punt 103 tas-sentenza appellata, il-benefiċċji li josservaw ir‑regola de minimis huma esklużi mill-kwalifika bħala għajnuna mill-Istat.

114    Mill-qari tal-premessi 49 u 50 tagħha jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata limitat ruħha, f’dak li jirrigwarda l-kriterji ta’ impatt fuq il-kummerċ intra-Komunitarju u d-distorsjoni tal-kompetizzjoni, għal evalwazzjoni tal-karatteristiċi tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni. Fil-fatt, il-Kummissjoni limitat ruħha sabiex tivverifika jekk xi wħud mill-impriżi li jibbenefikaw mit-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali abbażi ta’ din l-iskema kinux jeżerċitaw attivitajiet ekonomiċi li jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri li jistgħu jwasslu għal distorsjoni tal-kompetizzjoni, peress li tali verifika hija biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l‑kompetenza tagħha għall-finijiet li tipproċedi għal evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-iskema msemmija mas-suq komuni.

115    Konsegwentement, qabel ma jipproċedu għall-irkupru ta’ benefiċċju, l-awtoritajiet nazzjonali kienu neċessarjament marbuta li jivverifikaw, f’kull każ individwali, jekk il-benefiċċju mogħti kienx, għal kull benefiċjarju, kapaċi li joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni u li jolqot il-kummerċ intra-Komunitarju, għaliex jekk le, din il‑verifika supplimentari, essenzjali għall-kwalifika bħala għajnuna mill-Istat tal-benefiċċji individwali rċevuti, ma tkunx tista’ ssir.

116    Bl-istess mod, il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li tgħid li d-deċiżjoni kkontestata hija motivata biżżejjed sabiex tippermetti l-implementazzjoni tagħha mill-awtoritajiet nazzjonali hija vvizzjata minn żball ta’ dritt. Fil-fatt, mill-punti 251 u 252 tas-sentenza appellata jirriżulta li, sabiex waslet għal din il-konklużjoni, il‑Qorti Ġenerali bbażat ruħha preċiżament fuq l-interpretazzjoni żbaljata tagħha tal-portata ta’ din id-deċiżjoni li tgħid li l-awtoritajiet nazzjonali ma humiex marbuta li jivverifikaw f’kull każ individwali jekk il-benefiċċju mogħti kienx, għall-benefiċjarju tiegħu, kapaċi li joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni u li jolqot il-kummerċ intra-Komunitarju.

117    Hekk kif jirriżulta mill-punti 61 sa 64 ta’ din is-sentenza, din l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali tinjora l-ġurisprudenza dwar l-obbligi tal-awtoritajiet nazzjonali fl-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni.

118    Madankollu, għandu jiġi mfakkar li, jekk mill-motivi ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali jirriżulta ksur tad-dritt tal-Unjoni, iżda d-dispożittiv tagħha jidher fondat fir-rigward ta’ motivi oħra tad-dritt, tali ksur ma jkunx ta’ natura li jwassal għall-annullament ta’ din is-sentenza u li jkun hemm lok għalfejn issir sostituzzjoni tal-motivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2008, FIAMM et vs Il‑Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑120/06 P u C‑121/06 P, Ġabra p. I‑6513, punt 187 u l-ġurisprudenza ċċitata).

119    B’hekk, għandu jiġi eżaminat, fid-dawl tal-kontenut u tal-portata tad-deċiżjoni kkontestata u b’kunsiderazzjoni tal-punti 61 sa 64 kif ukoll 113 sa 117 ta’ din is‑sentenza, jekk din hijiex suffiċjentement immotivata sabiex tippermetti l‑implementazzjoni tagħha mill-awtoritajiet nazzjonali.

120    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-verifika li għandha ssir mill-awtoritajiet nazzjonali dwar is-sitwazzjoni individwali ta’ kull benefiċjarju kkonċernat għandha tkun suffiċjentement inkwadrata mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar skema ta’ għajnuna li hija milquta minn ordni ta’ rkupru. Min-naħa waħda, hekk kif jirriżulta mill-punt 196 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, tali deċiżjoni għandha tippermetti li tiġi identifikata b’mod ċar il-portata tagħha. Min-naħa l‑oħra, kif isostnu r-rikorrenti, tali deċiżjoni għandu jkollha fiha nnifisha l‑elementi essenzjali kollha għall-implementazzjoni tagħha min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali, bl-esklużjoni għalhekk li l-kontenut reali ta’ din id‑deċiżjoni jkun stabbilit biss wara, permezz ta’ skambju ta’ ittri bejn il‑Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali.

121    Id-deċiżjoni kkontestata hija, fir-rigward ta’ dawn il-prinċipji, suffiċjentement immotivata. Fil-fatt, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punti 197 u 198 tal-konklużjonijiet tagħha, mill-motivi ta’ din id-deċiżjoni jirriżulta b’mod ċar biżżejjed li, fir-rigward tal-punt jekk dan it-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali kienx kapaċi li joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni u li jolqot il‑kummerċ intra-Komunitarju, il-Kummissjoni limitat ruħha b’mod ċar għal evalwazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni bħala tali. B’hekk, l-awtoritajiet nazzjonali kienu marbuta li jeżaminaw f’kull każ individwali jekk il-benefiċċji mogħtija kinux kapaċi li joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni u li jolqtu l‑kummerċ intra-Komunitarju. Min-naħa l-oħra, f’dak li jirrigwarda l-eventwali natura kumpensatorja tal-benefiċċji mogħtija, il-konstatazzjoni mwettqa fid-deċiżjoni kkontestata li tgħid li din in-natura ma tpoġġix inkwistjoni l-kwalifika bħala għajnuna ta’ dawn il-benefiċċji hija valida b’mod ġenerali, u b’hekk torbot lill-awtoritajiet nazzjonali.

122    Konsegwentement, l-ittri tal-Kummissjoni ta’ Awwissu u ta’ Ottubru 2001 ma jistgħux jitqiesu bħala li juru motivazzjoni insuffiċjenti tad-deċiżjoni kkontestata.

123    Dawn l-ittri lanqas ma stabbilixxew sussegwentement il-kontenut reali tad-deċiżjoni kkontestata.

124    Ċertament, kif tosserva Italgas, fl-ittri msemmija l-Kummissjoni indikat li minħabba n-nuqqas ta’ impatt fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri, il-benefiċċji mogħtija ma jikkostitwixxux, għal ċerti operaturi f’setturi determinati, għajnuna mill-Istat. Madankollu, tali spjegazzjonijiet, li għandhom l-għan li jiċċaraw l‑applikazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat għal każijiet individwali, jidħlu fil-kuntest stabbilit mid-deċiżjoni kkontestata.

125    Min-naħa l-oħra, kieku ġie meħtieġ li d-deċiżjoni li tordna l-irkupru ta’ għajnuna illegali tikkontjeni neċessarjament tali speċifikazzjonijiet, il-fakultà rrikonoxxuta lill-Kummissjoni mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 63 ta’ din is-sentenza li tiġi evalwata skema ta’ għajnuna skont il-karatteristiċi ġenerali tagħha terġa’ titqiegħed indiskussjoni. Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri titqiegħed fil-periklu kieku l-Kummissjoni kienet miċħuda mill-possibbiltà li tipprovdi informazzjoni sabiex tiffaċilita l‑eżekuzzjoni korretta ta’ tali deċiżjoni mill-Istat Membru kkonċernat. Għalhekk, l-ittri mibgħuta f’dan il-każ mill-Kummissjoni lill-awtoritajiet nazzjonali jifformaw parti, kif ġustament aċċettat il-Qorti Ġenerali fil-punt 252 tas-sentenza appellata, mill-kuntest tal-kooperazzjoni leali bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali.

126    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat il-portata tad-deċiżjoni kkontestata, iżda li dan l-iżball ma jistax iwassal għall-annullament tas-sentenza appellata peress li din id-deċiżjoni tirriżulta li hija suffiċjentement immotivata sabiex tippermetti l‑eżekuzzjoni tagħha mill-awtoritajiet nazzjonali.

127    Għalhekk, l-ilmenti diretti kontra din il-parti tas-sentenza appellata għandhom jiġu miċħuda.

–       Obbligi proċedurali tal-Kummissjoni

128    Ir-rikorrenti jilmentaw li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat b’mod żbaljat li l‑Kummissjoni kienet osservat l-obbligi proċedurali li kienu imposti fuqha fl-eżami tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni. B’mod partikolari, huma josservaw li l‑Kummissjoni injorat in-natura lokali tas-servizzi u li hija kisret l‑Artikolu 86(2) KE kif ukoll il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni meta eżaminat is-sitwazzjoni individwali tal-impriżi muniċipali mingħajr ma pproċediet bl-istess mod għal impriżi privati li kienu f’sitwazzjonijiet simili. Barra minn hekk, huma jilmentaw li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-provi.

129    Sabiex jiġu evalwati dawn l-ilmenti, għandu jiġi rrilevat, preliminarjament, li l‑Qorti Ġenerali bbażat ruħha, fil-punti 209 u 228 sa 231 tas-sentenza appellata, fuq il-ġurisprudenza dwar l-eżami tal-iskemi ta’ għajnuna, sabiex tikkonkludi li l‑Kummissjoni ma kinitx, bħala prinċipju, marbuta li tipproċedi għal eżami tas-setturi differenti li jibbenefikaw mill-iskema inkwistjoni.

130    Dawn il-kunsiderazzjonijiet huma konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li l-Kummissjoni tista’, fil-każ ta’ skema ta’ għajnuna, tillimita ruħha sabiex teżamina l-karatteristiċi ġenerali tal-iskema inkwistjoni, mingħajr ma tkun fl-obbligu li teżamina kull każ ta’ applikazzjoni partikolari (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi L-Italja u Sardegna Lines vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 51; tad-29 ta’ April 2004, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, C-278/00, Ġabra p. I-3997, punt 24, kif ukoll tal-15 ta’ Diċembru 2005, Unicredito Italiano, C‑148/04, Ġabra p. I‑11137, punt 67) sabiex tivverifika jekk din l-iskema tinvolvix elementi ta’ għajnuna.

131    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jilmentaw li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat b’mod żbaljat, hekk kif jirriżulta mill-punti 224, 235 u 249 tas-sentenza appellata, li l‑Kummissjoni tista’ tagħmel użu, fil-kuntest tal-evalwazzjoni ta’ skema ta’ għajnuna, minn preżunzjoni li tirrigwarda l-eżistenza tal-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat, jiġifieri, f’dan il-każ, l-impatt fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u d-distorsjoni tal-kompetizzjoni.

132    Ċertament, huwa stabbilit li l-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat jippreżenta natura ġuridika u għandu jiġi interpretat abbażi ta’ elementi oġġettivi u li l-Kummissjoni ma għandhiex setgħa diskrezzjonali fir-rigward tal-kwalifika ta’ miżura bħala “għajnuna mill-Istat” fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, iżda hija suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju, bħala prinċipju sħiħ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il-Kummissjoni, C‑487/06 P, Ġabra p. I‑10515, punti 111 u 112).

133    Madankollu, il-kunsiderazzjonijiet adottati mill-Qorti Ġenerali marbuta kemm mal-partikolaritajiet tal-evalwazzjoni ta’ skema ta’ għajnuna mill-Istat kif ukoll man-natura tal-benefiċċji mogħtija bħala għajnuna għall-funzjonament huma, waħedhom, tali li jiġġustifikaw b’mod suffiċjenti fil-liġi l-konklużjonijiet imsemmija fil-punti 249 u 250 tas-sentenza appellata, b’tali mod li l-ilment preżenti huwa, f’kull każ, ineffettiv.

134    Fil-fatt, min-naħa waħda, b’mod konformi mal-ġurisprudenza, il-Kummissjoni hija obbligata, mhux li turi l-eżistenza ta’ impatt reali tal-għajnuna fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u distorsjoni effettiva fuq il-kompetizzjoni, iżda biss li teżamina jekk din l-għajnuna tistax taffettwa dan il-kummerċ u twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni (sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2005, L-Italia vs Il‑Kummissjoni, C-66/02, Ġabra p. I‑10901, punt 111).

135    Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha kemm fuq il-partikolaritajiet tal-evalwazzjoni ta’ skema ta’ għajnuna kif ukoll fuq in-natura tal-benefiċċji mogħtija bħala għajnuna għall-funzjonament. Fir-rigward tal-ewwel punt, il-Qorti Ġenerali, fl-evalwazzjoni tal-iskema inkwistjoni dwar il-karatteristiċi ġenerali tagħha, ikkonstatat fil-punti 246 sa 250 tas-sentenza appellata, b’mod konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata fiha, li l-ammont baxx ta’ għajnuna jew il-fatt li l-parti l-kbira tal-benefiċjarji kienu jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fuq livell lokali ma jistax ikollu l-konsegwenza li l-għajnuna mogħtija bis-saħħa ta’ din l-iskema ma tkunx kapaċi li tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri u li toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni.

136    Fir-rigward tat-tieni punt, għandu jiġi mfakkar li l-għajnuna għall-funzjonament, jiġifieri l-għajnuna li, bħal dik inkwistjoni, hija intiża sabiex teħles lil impriża mill-ispejjeż li hija kien ikollha normalment issostni fil-kuntest tal-ġestjoni kurrenti jew tal-attivitajiet normali tagħha, toħloq, bħala prinċipju, distorsjoni tal-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni (ara s-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2000, Il‑Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑156/98, Ġabra p. I‑6857, punt 30).

137    Għalhekk, l-ilment li jgħid li l-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet bi żball lill-Kummissjoni l-possibbiltà li tirrikorri għal preżunzjoni f’dak li jirrigwarda l‑impatt fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u d-distorsjoni tal-kompetizzjoni huwa, f’kull każ, mingħajr effett fuq il-parti dispożittiva tas-sentenza appellata u għandu, konsegwentement, jitqies bħala ineffettiv, b’mod konformi mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 65 ta’ din is-sentenza.

138    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jilmentaw li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat b’mod żbaljat li l-oneru tal-prova li l-benefiċċji inkwistjoni ma jikkostitwixxux għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE jinsab fuq l-awtoritajiet Taljani.

139    Madankollu, mit-tabella tal-evalwazzjoni esposta fil-punti 209 sa 211 tas-sentenza appellata u mill-eżami konsekuttiv jirriżulta li, sabiex tasal għall-konklużjonijiet imsemmija fil-punti 249 sa 251 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha mhux fuq il-fatt li l-oneru tal-prova jinsab fuq ir-Repubblika Taljana, iżda fuq il‑partikolaritajiet tal-evalwazzjoni ta’ skema ta’ għajnuna mill-Istat u fuq ir‑rilevanza tal-informazzjoni rċevuta bil-għan li ssir din l-evalwazzjoni. Għalhekk, is-sempliċi riferiment fil-punt 232 tas-sentenza msemmija li t-tqassim tal-oneru tal-prova huwa suġġett għar-rispett tal-obbligi proċedurali rispettivi fuq il-Kummissjoni u fuq l-Istat Membru kkonċernat, jidher li huwa mingħajr effett fuq l-evalwazzjoni kif imwettqa mill-Qorti Ġenerali u għalhekk ma jippermettix li s‑sentenza appellata tiġi interpretata bħala li tattribwixxi lill-Istati Membri l-oneru tal-prova li ma humiex sodisfatti l-kundizzjonijiet li jikkaratterizzaw il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat.

140    Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-oneru tal-prova huwa bbażat fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata u għandu għalhekk jiġi miċħud bħala infondat.

141    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jsostnu li s-sentenza tal-Qorti Ġenerali kif ukoll id‑deċiżjoni kkontestata huma vvizzjati minn żball ta’ motivazzjoni u minn ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni. L-impriżi muniċipali min-naħa waħda u, min-naħa l-oħra, l-impriżi privati, li jinsabu f’sitwazzjonijiet paragunabbli, huma ttrattati b’mod diskriminatorju. L-istess bħall-impriżi muniċipali, Italgas u Hotel Cipriani jeżerċitaw attivitajiet strettament lokali, liema ħaġa teskludi li l-benefiċċji li huma jibbenefikaw minnhom jista’ jkollhom impatt fuq il-kummerċ intra-Komunitarju.

142    Fid-dawl tal-informazzjoni li ġiet ikkomunikata lill-Kummissjoni, din kellha l‑obbligu li teżamina b’mod individwali, f’dak li jirrigwarda ċerti setturi jew ċerti impriżi, jekk il-benefiċċji inkwistjoni setgħux jaffettwaw il-kummerċ intra-Komunitarju u joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni, jew jekk kinitx tapplika d-deroga stabbilita fl-Artikolu 86(2) KE. Mill-inqas, il-Kummissjoni kellha titlob informazzjoni supplimentari lill-awtoritajiet nazzjonali, hekk kif kienet għamlet f’dak li jirrigwarda lill-impriżi muniċipali.

143    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jirreferu b’mod partikolari għall-istudji li saru mill-COSES fl-1998, imsemmija fil-punt 9 tas-sentenza appellata, kif ukoll għall-ittri tal-belt ta’ Venezja tat-18 ta’ Mejju 1998 u tal-gvern Taljan tat-23 ta’ Jannar u tal-10 ta’ Ġunju 1999, mibgħuta lill-Kummissjoni matul l-evalwazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni. Dawn jikkontradixxu indikazzjonijiet ċari li jgħidu li r‑riskju li l-kummerċ intra-Komunitarju jiġi milqut jew li l-kompetizzjoni tiġi distorta kien ineżistenti għal ċerti setturi u impriżi, fid-dawl tan-natura lokali tal-attivitajiet tagħhom. B’mod partikolari, fir-rigward tas-settur tal-lukandi, is-suq għandu jiġi delimitat lokalment, għaliex it-turisti jagħżlu qabel kollox id‑destinazzjoni, u wara l-lukanda jew ir-ristorant. Peress li ma teżistix relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn il-lukandi ta’ Venezja u dawk ta’ bliet oħra, it-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali inkwistjoni ma setgħux jolqtu l-kummerċ intra-Komunitarju. Barra minn hekk, Coopservice tosserva li hija inkarigata minn servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali u ssostni, permezz tat-tieni aggravju tagħha, li s-sentenza appellata hija vvizzjata minn ksur tal-Artikolu 86(2) KE.

144    Fir-rigward ta’ dawn l-ilmenti, għandu jiġi rrilevat li f’dan il-każ, il-kwistjoni ma hijiex li jiġi ddeterminat jekk il-benefiċċji mogħtija lill-impriżi rikorrenti effettivament ħolqux distorsjoni tal-kompetizzjoni u impatt fuq il-kummerċ intra-Komunitarju. Hemm biss lok li jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni, minħabba li hija wettqet evalwazzjoni tas-sitwazzjoni individwali tal-impriżi muniċipali, kinitx marbuta, abbażi tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, li tidderoga mill-approċċ tagħha bbażat fuq evalwazzjoni tal-iskema inkwistjoni skont il‑karatteristiċi ġenerali tagħha anki f’dak li jirrigwarda lill-impriżi rikorrenti u s‑setturi li dawn joperaw fihom fid-dawl tal-informazzjoni li hija rċeviet fir-rigward tagħhom.

145    F’dan ir-rigward, mis-sentenza appellata jirriżulta li, fir-rigward, min-naħa waħda, tas-sitwazzjoni ta’ Hotel Cipriani, ta’ Italgas u ta’ Coopservice, il-Qorti Ġenerali eżaminat l-istudji tal-COSES u l-ittri msemmija iktar ’il fuq, u kkonstatat, fil-punti 214 sa 216 u 241 tas-sentenza msemmija, li matul il-proċedura ta’ evalwazzjoni, il-Kummissjoni ma kienet irċeviet ebda informazzjoni speċifika fir-rigward ta’ dawn l-impriżi li kienet kapaċi li toħloq l-obbligu proċedurali li tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni individwali tagħhom.

146    Min-naħa l-oħra, f’dak li jirrigwarda s-sitwazzjoni tas-setturi tal-kostruzzjoni, tal-kummerċ, tal-lukandi u tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali, wara li eżaminat l-informazzjoni pprovduta minn dawn l-istudji u minn dawn l-ittri, ikkunsidrat, fil-punt 240 tas-sentenza appellata, li, anki għal dawn is-setturi, ma kinitx teżisti informazzjoni speċifika li tista’ toħloq, għall-Kummissjoni, l-obbligu proċedurali li tinforma ruħha mingħand l‑awtoritajiet Taljani fir-rigward ta’ dawn is-setturi.

147    Min-naħa l-oħra, hekk kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punti 244 u 245 tas-sentenza appellata, kienet teżisti, f’dak li jirrigwarda lill-impriżi muniċipali, informazzjoni ċertament inkompleta, iżda speċifika, li kienet tobbliga lill-Kummissjoni sabiex tiġbor informazzjoni fir-rigward tagħhom mingħand l‑imsemmija awtoritajiet.

148    Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punti 242 sa 245 kif ukoll 249 u 250 tas-sentenza msemmija, li l-Kummissjoni ma kinitx marbuta li tidderoga, f’dak li jirrigwarda lil Hotel Cipriani, Italgas u Coopservice kif ukoll is‑setturi tal-kostruzzjoni, tal-kummerċ, tal-lukandi u tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, l-approċċ tagħha li jikkonsisti fl-evalwazzjoni tal-karatteristiċi ġenerali tal-iskema inkwistjoni u, barra minn hekk, li d-deċiżjoni kkontestata hija motivata biżżejjed f’dan ir-rigward u ma tiksirx il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.

149    Peress li r-rikorrenti jikkontestaw dawn l-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, mill-Artikoli 225 KE u l‑ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l‑Qorti Ġenerali hija l-unika li għandha l-kompetenza, minn naħa, li tikkonstata l‑fatti, ħlief fil-każ fejn l-ineżattezza materjali tal-osservazzjonijiet tagħha tirriżulta minn dokumenti tal-fajl li ġew ippreżentati quddiemha, u, min-naħa l‑oħra, li tevalwa dawn il-fatti. Ladarba l-Qorti Ġenerali tkun ikkonstatat jew evalwat il-fatti, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-kompetenza li teżerċita, skont l‑Artikolu 225 KE, stħarriġ fuq l-applikazzjoni tal-liġi għal dawn il-fatti u l‑konsegwenzi ta’ dritt li waslet għalihom il-Qorti Ġenerali (sentenza British Aggregates vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 96 u l-ġurisprudenza ċċitata).

150    Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex kompetenti sabiex tikkonstata l‑fatti u lanqas, bħala prinċipju, sabiex teżamina l-provi li l-Qorti Ġenerali użat insostenn ta’ dawn il-fatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza British Aggregates vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 97 u l-ġurisprudenza ċċitata).

151    Għalhekk, l-ilmenti li jgħidu li l-Qorti Ġenerali kellha, fid-dawl tal-informazzjoni speċifika rċevuta mill-Kummissjoni matul il-proċedura ta’ evalwazzjoni, tikkonkludi li l-Kummissjoni kellha l-obbligu li tipproċedi, għal ċerti setturi jew impriżi, għal evalwazzjoni ta’ każijiet individwali jew li tirreferi għall-awtoritajiet Taljani sabiex tiġbor informazzjoni supplimentari, għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli sa fejn dawn huma diretti kontra evalwazzjonijiet ta’ fatt imwettqa mill-Qorti Ġenerali.

152    Sa fejn Italgas tilmenta li l-Qorti Ġenerali wettqet żnaturament tal-provi, għandu jiġi mfakkar li, b’applikazzjoni tal-Artikolu 225 KE u tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 51 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, u tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 112(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta jiġi allegat żnaturament tal-provi mill-Qorti Ġenerali, rikorrent għandu jindika b’mod preċiż l-elementi li kienu ġew żnaturati minn din il-qorti u għandu juri l-iżbalji fl-analiżi li, fl-evalwazzjoni tiegħu, wasslu lill-Qorti Ġenerali għal dan l-iżnaturament (sentenza tas-17 ta’ Ġunju 2010, Lafarge vs Il-Kummissjoni, C‑413/08 P, Ġabra p. I‑5361, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).

153    Barra minn hekk, tali żnaturament jeżisti meta, mingħajr ma jsir riferiment għal provi ġodda, l-evalwazzjoni tal-provi eżistenti tidher li hija manifestament żbaljata (sentenza Lafarge vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 17).

154    F’dan ir-rigward, Italgas tirreferi għall-ittri tal-awtoritajiet Taljani tat-23 ta’ Jannar u tal-10 ta’ Ġunju 1999, u għal dik tal-belt ta’ Venezja tat-18 ta’ Mejju 1998.

155    Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-ittri tal-awtoritajiet Taljani tat-23 ta’ Jannar 1999 u tal-belt ta’ Venezja tat-18 ta’ Mejju 1998, għandu jiġi rrilevat li Italgas ma ssostnix b’mod suffiċjentement iddettaljat li l-interpretazzjoni tal-ittri msemmija mwettqa mill-Qorti Ġenerali tikkontradixxi l-kontenut ta’ dawn id-dokumenti, sabiex tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika jekk l-evalwazzjoni ta’ dawn l-ittri kinitx tidher manifestament żbaljata (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-10 ta’ Frar 2011, Activision Blizzard Germany vs Il-Kummissjoni, C‑260/09 P, Ġabra p. I‑0000, punt 52).

156    Fil-fatt, min-naħa waħda, Italgas tillimita ruħha sabiex tindika, mingħajr ebda riferiment speċifiku għat-test ta’ dawn l-ittri, li minnhom jirriżulta li l-awturi tagħhom invokaw, “anki jekk f’termini ġenerali”, in-natura lokali ta’ ċerti setturi, u eskludew li l-benefiċċji soċjali mogħtija lil dawn is-setturi jistgħu jkollhom impatt fuq il-kummerċ intra-Komunitarju. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li l‑Qorti Ġenerali adottat pożizzjoni proprju fuq dawn id-dokumenti fil-punti 214 sa 216 kif ukoll 240 u 241 tas-sentenza appellata, mingħajr ma l-affermazzjonijiet ta’ natura ġenerali ta’ Italgas ma huma tali li juru li din l-evalwazzjoni tidher manifestament żbaljata.

157    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-ittra tal-awtoritajiet Taljani tal-10 ta’ Ġunju 1999, li Italgas tirreferi għaliha b’mod iktar preċiż, billi tirriproduċi kelma b’kelma l-parti tal-ittra msemmija li hija ssostni li kienet is-suġġett ta’ żnaturament mill-Qorti Ġenerali, għandu jiġi rrilevat li din ikkonstatat, fir-rigward ta’ din l-ittra, fil-punt 214 tas-sentenza appellata, li “l-gvern Taljan […], ingħaqad mat-talba għal deroga abbażi tal-Artikolu 86(2) KE favur l-impriżi muniċipali […]”.

158    Issa, Italgas ma tikkontestax din il-konstatazzjoni mwettqa mill-Qorti Ġenerali, iżda tqiegħed indiskussjoni l-konklużjoni, ibbażata, fil-punti 243 u 244 tas-sentenza appellata, fuq l-osservazzjonijiet u d-dokumenti kollha kkomunikati lill-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva, li tgħid li l-Kummissjoni ma kinitx marbuta li tiġbor l-informazzjoni supplimentari mingħand l-awtoritajiet nazzjonali sabiex tivverifika jekk il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE dwar l-impatt fuq il-kummerċ intra-Komunitarju u dwar l-impatt fuq il-kompetizzjoni kinux sodisfatti, fid-diversi setturi ta’ attività kkonċernati li fihom joperaw l-impriżi rikorrenti, fin-nuqqas ta’ informazzjoni preċiża fir-rigward tagħhom.

159    F’dawn il-kundizzjonijiet, jidher li l-Qorti Ġenerali ma żnaturatx il-provi, iżda li, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 174 tal-konklużjonijiet tagħha, Italgas tipprova fir-realtà tikseb evalwazzjoni ġdida tagħhom, liema ħaġa ma tidħolx fil-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

160    Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ dritt meta kkonstatat li l-Kummissjoni, fin-nuqqas ta’ informazzjoni speċifika fir-rigward tal-impriżi rikorrenti u tas-setturi li dawn joperaw fihom, ma kinitx marbuta, abbażi tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, li tidderoga l-approċċ tagħha bbażat fuq evalwazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni skont il‑karatteristiċi ġenerali tagħha u li tipproċedi għal evalwazzjoni tas-sitwazzjoni individwali tagħhom. Fin-nuqqas ta’ tali informazzjoni speċifika, lanqas ma hemm lok li jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni kinitx obbligata li tidderoga minn dan l-approċċ abbażi tal-obbligu tagħha li tipproċedi għal eżami diliġenti u imparzjali.

161    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, it-tieni parti tal-ewwel aggravju u t-tieni aggravju tal-Comitato, it-tieni parti tal-ewwel aggravju ta’ Hotel Cipriani, it-tieni, it-tielet u r‑raba’ aggravji ta’ Italgas kif ukoll it-tieni parti tal-ewwel aggravju u t-tieni aggravju ta’ Coopservice għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq l-Artikolu 87(3)(ċ) u (d) KE kif ukoll l-obbligu ta’ motivazzjoni

 Motivi tas-sentenza appellata

162    Il-Qorti Ġenerali ċaħdet, fil-punti 280 sa 314 tas-sentenza appellata, l-aggravji ppreżentati insostenn tar-rikorsi għall-annullament ibbażati fuq applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni. Filwaqt li aċċettat li l-Kummissjoni tista’ tidderoga, f’każijiet partikolari, għall-komunikazzjonijiet u għal-linji gwida tagħha, ġie b’mod partikolari kkonstatat li, f’dan il-każ, hija ma kinitx marbuta li tipproċedi b’dan il-mod. Id-deċiżjoni kkontestata hija mmotivata biżżejjed. F’kull każ, in-natura tat-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, jiġifieri dik ta’ għajnuna għall-funzjonament, tipprekludi li dawn ikunu jistgħu jiġu aċċettati fil-kuntest ta’ tali deroga.

163    Fil-punti 322 sa 329 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-motivi li jgħidu li l-Kummissjoni ċaħdet b’mod żbaljat li tapplika l-eċċezzjoni dwar il‑politika kulturali stabbilita fl-Artikolu 87(3)(d) KE. F’dan ir-rigward, hija bbażat ruħha, b’mod partikolari, fuq il-fatt li l-metodi ta’ applikazzjoni tat-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali inkwistjoni ma jiżgurawx it-twettiq ta’ għanijiet ta’ politika kulturali, u barra minn hekk, din ikkunsidrat li l‑Kummissjoni ma kisritx il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni meta applikat l‑eċċezzjoni msemmija għall-Consorzio Venezja Nuova u mhux għar-rikorrenti.

 L-argumenti tal-partijiet

164    Fl-ewwel lok, il-Comitato u Hotel Cipriani, rispettivament permezz tat-tielet u t‑tieni aggravji tagħhom, kif ukoll Coopservice, permezz tat-tielet aggravju tagħha, isostnu li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat l‑Artikolu 87(3)(ċ) KE. Il-Qorti Ġenerali ma għamlitx stħarriġ effettiv tal-eżerċizzju tal-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha l-Kummissjoni. Din limitat ruħha sabiex teżamina l-eżistenza eventwali ta’ motivi “speċifiċi” jew “ġodda” li jistgħu jiġġustifikaw l-għoti tal-benefiċċji inkwistjoni, mingħajr ma effettivament eżaminat jekk il-Kummissjoni kinitx obbligata li tipproċedi għal applikazzjoni ad hoc tad-dispożizzjoni msemmija. Issa, l-għan għall-għoti ta’ dawn il-benefiċċji jaqbel bis-sħiħ mal-għanijiet tal-iskema Komunitarja għall-għajnuna reġjonali. Skont ir-Repubblika Taljana, il-Qorti Ġenerali kellha tannulla d-deċiżjoni kkontestata minħabba ksur tal-Artikolu 253 KE. Kien ikun possibbli li tingħata d‑deroga stabbilita fl-Artikolu 87(3)(ċ) KE mingħajr ma kienet tkun neċessarja emenda tal-linji gwida fformulati f’dan ir-rigward mill-Kummissjoni.

165    Fit-tieni lok, il-Comitato u Hotel Cipriani, rispettivament bir-raba’ u bit-tielet aggravji tagħhom, kif ukoll Coopservice, bir-raba’ aggravju tagħha, isostnu li l‑Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 87(3)(d) KE. L-operaturi ekonomiċi kollha fiċ-ċentru storiku ta’ Venezja huma esposti għal spejjeż supplimentari imposti minħabba l-għan ta’ salvagwardja tal-patrimonju ta’ din il-belt. It-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali inkwistjoni jnaqqas l-ispejjeż tax-xogħol tal-idejn, u b’hekk jiffaċilita x-xogħlijiet neċessarji sabiex jiġi salvagwardat dan il‑patrimonju. Barra minn hekk, il-motivazzjoni tas-sentenza appellata hija kontradittorja, peress li l-Qorti Ġenerali aċċettat l-applikazzjoni ta’ din id‑dispożizzjoni f’dak li jirrigwarda lill-Consorzio Venezia Nuova, li ġiet ikkunsidrata b’mod żbaljat bħala impriża muniċipali.

166    Skont il-Kummissjoni, dawn il-motivi għandhom jiġu miċħuda.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

167    Il-motivi bbażati fuq l-interpretazzjoni żbaljata mill-Qorti Ġenerali tal-Artikolu 87(3)(ċ) u (d) KE, esposta fil-punti 280 sa 314 u 322 sa 329 tas-sentenza appellata, għandhom jiġu miċħuda.

168    F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, il-Qorti Ġenerali eżaminat b’mod dettaljat, fil-punti 307 sa 309 tas-sentenza appellata, l‑eżerċizzju tal-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha l-Kummissjoni fil-kuntest ta’ applikazzjoni ad hoc ta’ din id-dispożizzjoni. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali eżaminat l-eżistenza ta’ eventwali żbalji ta’ evalwazzjoni u kkonkludiet ġustament li l-Kummissjoni setgħet tibbaża ruħha b’mod leġittimu, sabiex timmotiva r-rifjut tal-applikazzjoni tad-deroga stabbilita fid-dispożizzjoni msemmija, fuq il-fatt li f’dan il-każ il-kwistjoni kienet tirrigwarda l-għajnuna għall-funzjonament tal-impriżi. Fil-fatt, kif irrilevat b’mod rilevanti l-Qorti Ġenerali fil-punt 286 ta’ din is-sentenza, tali għajnuna, li bħala prinċipju toħloq distorsjoni tal-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni, ma tistax tiġi awtorizzata, b’mod konformi għall-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fuq il-metodu għall-applikazzjoni tal-Artikolu [87](3)(a) u (ċ) [KE] għall-għajnuna reġjonali, tat-12 ta’ Awwissu 1988 (ĠU C 212, p. 2), u għal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat b’għan reġjonali, ippubblikati fl-1998 (ĠU C 74, p. 9), jekk mhux b’mod eċċezzjonali. Issa, kif indikat il-Qorti Ġenerali fil-punt 309 tas-sentenza msemmija, ir-rikorrenti ma pprovawx l-eżistenza taċ-ċirkustanzi partikolari li jippermettu li jitqies li, minkejja n-natura ta’ għajnuna għall-funzjonament tal-għajnuna inkwistjoni, l-għoti tagħha kellu jiġi aċċettat b’applikazzjoni tad-deroga msemmija.

169    Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat ġustament, fil-punti 310 u 311 tas-sentenza appellata, li d-deċiżjoni kkontestata hija motivata biżżejjed. Fil-fatt, hekk kif din irrilevat, meta, fil-punti 73 u 74 tal-motivi ta’ din id-deċiżjoni, il‑Kummissjoni indikat ir-raġunijiet li jipprekludu emenda tal-komunikazzjonijiet u tal-linji gwida eżistenti, din ibbażat ruħha fuq ir-raġunijiet li għalihom, f’dan il‑każ, ma kinitx tkun iġġustifikata applikazzjoni tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE.

170    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 87(3)(d) KE, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ġustament l-ilmenti mressqa kontra d-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, min-naħa waħda, il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li tgħid li l‑Kummissjoni setgħat tinjora l-applikazzjoni tad-dispożizzjoni msemmija minħabba n-nuqqas ta’ rabta stretta biżżejjed bejn it-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u l-preżervazzjoni tal-patrimonju kulturali ma tikkontjeni ebda żball ta’ liġi.

171    Min-naħa l-oħra, il-motivi tas-sentenza appellata ma humiex kontradittorji. Fil-fatt, hekk kif irrilevat ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punt 327 ta’ din is-sentenza, is-sitwazzjoni tal-Consorzio Venezia Nuova ma kinitx paragunabbli ma’ dik tar-rikorrenti, peress li din l-entità għandha preċiżament bħala għan soċjali t-twettiq ta’ interventi deċiżi mill-Istat sabiex tiġi żgurata s-salvagwardja tal-patrimonju storiku, artistiku u arkitettoniku ta’ Venezja. Il-kwistjoni jekk il-Qorti Ġenerali kkwalifikatx korrettement jew le lil Consorzio Venezia Nuova bħala impriża muniċipali hija għalhekk irrilevanti.

 Fuq l-Artikolu 87(2)(b) u 3(b) KE

 Motivi tas-sentenza appellata

172    Il-Qorti Ġenerali, fil-punti 337 sa 342 tas-sentenza appellata, ċaħdet il-motivi diretti kontra d-deċiżjoni kkontestata bbażati fuq ksur tal-Artikolu 87(2)(b) u 3(b) KE u tal-Artikolu 253 KE. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l‑Kummissjoni ma kinitx eċċediet il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha u li d‑deċiżjoni kkontestata hija mmotivata biżżejjed.

 L-argumenti tal-partijiet

173    Coopservice issostni, permezz tal-ħames aggravju tagħha, li l-Qorti Ġenerali kisret id-dispożizzjonijiet imsemmija. Fil-fatt, il-benefiċċji mogħtija jiffurmaw parti minn numru ta’ miżuri intiżi sabiex jissalvagwardjaw lil Venezja, proġett importanti ta’ interess Ewropew. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali injorat il‑fenomenu tal-“acqua alta”, li għandu jitqies bħala kalamità naturali jew bħala avveniment straordinarju fis-sens tal-Artikolu 87(2)(b) KE.

174    Il-Kummissjoni ma adottatx pożizzjoni f’dan ir-rigward.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

175    L-ilmenti fformulati minn Coopservice fil-kuntest ta’ dan il-motiv għandhom jiġu miċħuda. F’dak li jirrigwarda l-Artikolu 87(2)(b) KE, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet ġustament li d-deroga stabbilita f’din id-dispożizzjoni ma tapplikax għal dan il‑każ peress li t-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali inkwistjoni huwa proporzjonali għas-salarji u ma huwiex intiż bħala rimedju għal danni kkawżati minn katastrofi naturali jew minn avvenimenti oħra ta’ natura straordinarja, kif teħtieġ id-dispożizzjoni msemmija. Fil-fatt, b’mod konformi mal-ġurisprudenza, jistgħu jiġu kkumpensati biss, abbażi ta’ din id-deroga, l-iżvantaġġi kkawżati direttament minn kalamitajiet naturali jew minn avvenimenti straordinarji oħra (sentenzi tal-11 ta’ Novembru 2004, Spanja vs Il-Kummissjoni, C‑73/03, punt 37, kif ukoll tat-23 ta’ Frar 2006, Atzeni et, C‑346/03 u C‑529/03, Ġabra p. I‑1875, punt 79).

176    Fir-rigward tal-Artikolu 87(3)(b) KE, il-Qorti Ġenerali eżaminat l-eżerċizzju tal-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha l-Kummissjoni u kkonkludiet ġustament li din ma kinitx eċċediet il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha meta qieset li d-deroga intiża sabiex tippromwovi t-twettiq ta’ proġett importanti ta’ interess komuni Ewropew ma kellhiex tiġi applikata f’dan il-każ, minħabba li kienu biss operaturi stabbiliti f’Venezja li setgħu jibbenefikaw mill-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni.

177    Finalment, kuntrarjament għal dak li ssostni Coopservice, il-Qorti Ġenerali eżaminat debitament l-argument ibbażat fuq is-sitwazzjoni partikolari ta’ Venezja, b’tali mod li s-sentenza appellata ma hijiex ivvizzjata minn żball ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward.

 Fuq l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 659/1999

 Motivi tas-sentenza appellata

178    Fil-punti 385 sa 399 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li d‑deċiżjoni kkontestata ma tiksirx l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 659/1999 meta tipprovdi, fl-Artikolu 5 tagħha, għall-irkupru tal-għajnuna ddikjarata illegali. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali tosserva li, abbażi tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 659/1999 u tal-ġurisprudenza ferm stabbilita f’dan ir-rigward, meta l-Kummissjoni tikkonstata li għajnuna tkun inkompatibbli mas-suq komuni, hija marbuta li tordna l-irkupru tagħha. F’dan il-każ, ebda prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju ma jipprekludi l-ordni ta’ rkupru.

 L-argumenti tal-partijiet

179    Il-Comitato u Hotel Cipriani, rispettivament permezz tas-sitt u r-raba’ aggravji tagħhom, kif ukoll Coopservice, permezz tas-sitt aggravju tagħha, jilmentaw li l‑Qorti Ġenerali injorat il-fatt li d-dikjarazzjoni, min-naħa tal-Kummissjoni, li għajnuna hija inkompatibbli mas-suq komuni ma twassalx b’mod awtomatiku għall-irkupru tagħha. Fil-fatt, il-Kummissjoni tiddisponi minn marġni ta’ diskrezzjoni li fil-kuntest tiegħu hija għandha tevalwa, billi tmur lil hinn mill-kunsiderazzjonijiet ġuridiċi, numru ta’ elementi bħall-aspettattiva fir-regolarità tal-għajnuna, in-natura tal-għajnuna, il-partikolarità tal-postijiet, is-sitwazzjoni speċifika tal-benefiċjarji u l-impatt finanzjarju.

180    Il-Kummissjoni tosserva li l-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet ġustament li l-irkupru tal-għajnuna ddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni hija l-konsegwenza loġika tal-konstatazzjoni tal-illegalità tagħha, u li ebda prinċipju ġenerali ma kien jipprekludi, f’dan il-każ, ordni ta’ rkupru.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

181    Dawn l-aggravji għandhom jiġu miċħuda bħala infondati. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet, b’konformità sħiħa mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, riprodotta fil-punt 387 tas-sentenza appellata, li l-ordni ta’ rkupru ta’ għajnuna illegali huwa l-konsegwenza loġika tal-konstatazzjoni tal-illegalità tagħha.

182    Barra minn hekk, fl-evalwazzjoni tar-raġunijiet imressqa mir-rikorrenti, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat ġustament li, f’dan il-każ, ma kienx hemm lok għall-Kummissjoni li tirrinunzja milli tordna l-irkupru tal-għajnuna ddikjarata illegali. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punti 391 sa 394 tas-sentenza appellata, li r‑rikorrenti ma pprovawx l-eżistenza ta’ ċirkustanzi partikolari li jippermettu li jitqies li, minkejja n-natura ta’ għajnuna għall-funzjonament tal-għajnuna inkwistjoni, il-Kummissjoni kellha żżomm lura mill-tordna l-irkupru tagħha.

183    Finalment, għandu jiġi mfakkar ukoll li l-ordni ta’ rkupru msemmi fid-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jirrigwarda l-għajnuna mill-Istat iddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni minn din id-deċiżjoni, liema ħaġa timplika li preliminarjament għandu jiġi stabbilit mill-awtoritajiet nazzjonali , fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 113 sa 121 ta’ din is-sentenza, li l-benefiċċji mogħtija jikkostitwixxu, fost il-benefiċjarji, għajnuna mill-Istat.

184    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq, għandhom jiġu miċħuda l-appelli prinċipali kif ukoll l-appell inċidentali ta’ Coopservice.

 Fuq l-ispejjeż

185    L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 122 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jipprovdi li, meta l-appell ikun infondat, hija għandha tiddeċiedi dwar l‑ispejjeż. Skont l-Artikolu 69(2) ta’ dawn ir-regoli, li sar applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 118 tal-istess regoli, kull parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Skont it-tieni subparagrafu tal-imsemmi Artikolu 69(2), il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha. Madankollu, l‑ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3 tal-istess Artikolu 69 jipprovdi li jekk il‑partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom, il‑Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.

186    F’dan il-każ, peress li l-Comitato, Hotel Cipriani, Italgas u Coopservice, kull waħda minnhom f’dak li jirrigwarda lilha, tilfu, dawn għandhom jiġu kkundannati f’partijiet indaqs għall-ispejjeż relatati mal-appelli prinċipali u mal-appell inċidentali ta’ Coopservice.

187    Peress li l-Kummissjoni tilfet f’dak li jirrigwarda l-appell inċidentali, din għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż relatati miegħu.

188    Finalment, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 69(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-Repubblika Taljana għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-appelli tal-Comitato “Venezia vuole vivere”, ta’ Hotel Cipriani Srl u ta’ Società Italiana per il gas SpA (Italgas) kif ukoll l-appell inċidentali ta’ Coopservice – Servizi di fiducia Soc. coop. rl huma miċħuda.

2)      L-appell inċidentali tal-Kummissjoni Ewropea huwa miċħud.

3)      Il-Comitato “Venezia vuole vivere”, Hotel Cipriani Srl, Società Italiana per il gas SpA (Italgas) u Coopservice – Servizi di fiducia Soc. coop. rl huma kkundannati f’partijiet indaqs għall-ispejjeż relatati mal-appelli prinċipali u mal-appell inċidentali ta’ din tal-aħħar.

4)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż relatati mal-appell inċidentali tagħha.

5)      Ir-Repubblika Taljana għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Firem


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.