Language of document :

Rikors ippreżentat fl-4 ta' Jannar 2010 - Marcuccio vs Il-Kummissjoni

(Kawża F-1/10)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrent: Luigi Marcuccio (Tricase, Lecce) (rappreżentant: G. Cipressa, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Suġġett

Annullament tad-deċiżjonijiet li jiċħdu l-applikazzjonijiet tar-rikorrent għal rimbors ta' 100% ta' ċerti spejjeż mediċi tar-rikorrent.

Talbiet tar-rikorrent

tannulla d-deċiżjonijiet, adottati taħt kwalunkwe forma, li permezz tagħhom iż-żewġ applikazzjonijiet għal rimbors tal-25 ta' Diċembru 2008 ġew miċħuda;

tannulla d-deċiżjoni, adottata taħt kwalunkwe forma, li permezz tagħha l-applikazzjoni tas-27 ta' Diċembru 2008 ġiet miċħuda;

tannulla, sa fejn meħtieġ, id-deċiżjoni, adottata taħt kwalunkwe forma, li tiċħad l-ilment tal-11 ta' Lulju 2009 imressaq mir-rikorrent kontra ż-żewġ deċiżjonijiet li jiċħdu ż-żewġ applikazzjonijiet għal rimbors tal-25 ta' Diċembru 2008, kif ukoll kontra d-deċiżjoni li tiċħad l-applikazzjoni tas-27 ta' Diċembru 2008;

tannulla, sa fejn meħtieġ, in-nota tal-21 ta' Settembru 2009 li waslet għand ir-rikorrent fis-26 ta' Ottubru 2009, f'lingwa li ma hijiex dik Taljana, u fl-24 ta' Diċembru 2009, fil-verżjoni tagħha bit-Taljan;

tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas lir-rikorrent, mingħajr dewmien ulterjuri, bħala rimbors ta' 100% tal-ispejjeż mediċi inkorsi minnu u li tagħhom talab rimbors taħt l-iskema konġunta ta' assigurazzjoni kontra l-mard, is-somma ta' EUR 2 519.08 jew kwalunkwe somma oħra iżgħar li l-Qorti Ġenerali tqis ġusta u ekwa f'dan ir-rigward u, barra minn hekk, tħallas l-interessi fuq is-somma hawn fuq imsemmija, dekorribbli mill-ewwel jum tal-ħames xahar wara l-jum meta d-destinatarju tal-applikazzjoni tas-27 ta' Diċembru 2008 u taż-żewġ applikazzjonijiet għal rimbors tal-25 ta' Diċembru 2008 kien f'pożizzjoni li jieħu konjizzjoni tagħhom, bir-rata ta' 10% fis-sena, b'kapitalizzazzjoni annwali, jew bir-rata, b'kapitalizzazzjoni u b'dies a quo li l-Qorti Ġenerali tqis ġusti u ekwi;

tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas lir-rikorrent, mingħajr dewmien ulterjuri, id-differenza bejn is-somom imħallsa minnu għall-ispejjeż mediċi inkorsi bejn l-1 ta' Diċembru 2000 u t-30 ta' Novembru 2008 inklużivament u li kienu s-suġġett ta' diversi applikazzjonijiet għal rimbors min-naħa tar-rikorrent taħt l-iskema konġunta ta' assigurazzjoni kontra l-mard matul il-perijodu bejn l-1 ta' Diċembru 2000 u t-30 ta' Novembru 2008 u s-somom rimborsati lilu sal-lum, jew sa fejn il-Qorti Ġenerali tqis ġust u ekwu u, barra minn hekk, tħallas l-interessi fuq id-differenza hawn fuq imsemmija, jew sa fejn il-Qorti Ġenerali tqis ġust u ekwu, dekorribbli mill-ewwel jum tal-ħames xahar wara l-jum meta d-destinatarju tal-applikazzjoni tas-27 ta' Diċembru 2008 kien f'pożizzjoni li jieħu konjizzjoni tagħha, bir-rata ta' 10% fis-sena, b'kapitalizzazzjoni annwali, jew bir-rata, b'kapitalizzazzjoni u b'dies a quo li l-Qorti Ġenerali tqis ġusti u ekwi;

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

____________