Language of document : ECLI:EU:C:2019:983

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

PITRUZZELLA

ippreżentati fid-19 ta’ Novembru 2019 (1)

Kawża C653/19 (PPU)

Proċeduri kriminali kontra

DK

fil-preżenza ta’

Spetsializirana prokuratura

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata, il-Bulgarija))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Direttiva (UE) 2016/343 – Preżunzjoni ta’ innoċenza – Oneru tal-prova – Deċiżjoni dwar il-ħtija – Stħarriġ ġudizzjarju taż-żamma f’detenzjoni provviżorja”






1.        Is-sistemi kriminali tal-Istati Membri huma kkaratterizzati, fil-biċċa l-kbira, minn kontradizzjoni li diffiċilment tista’ tingħeleb. Fil-fatt, fl-istess ħin li jseddqu l-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, verament bażi tal-identità kriminali Ewropea, dawn jirrikorru b’mod massiv għad-detenzjoni provviżorja (2). Id-domanda li hija adita biha l-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari hija dik dwar jekk u sa fejn id-Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali (3), waslet, fir-rigward tas-sistema legali tad-detenzjoni provviżorja, sabiex tirrendi l-ispazju ta’ ġustizzja kriminali tal-Unjoni Ewropea inqas inkomplet u żbilanċjat (4).

I.      Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-Direttiva 2016/343

2.        Mill-premessa 16 tad-Direttiva 2016/343 jirriżulta li “[i]l-preżunzjoni tal-innoċenza tkun inkisret jekk dikjarazzjonijiet pubbliċi magħmula mill-awtoritajiet pubbliċi, jew deċiżjonijiet ġudizzjarji ħlief dawk dwar il-ħtija, ikunu rreferew għal persuna suspettata jew akkużata bħala ħatja, sakemm ma ġiex ippruvat li dik il-persuna hija ħatja skont il-liġi. Tali dikjarazzjonijiet u deċiżjonijiet ġudizzjarji ma għandhomx jirreflettu opinjoni li dik il-persuna hija ħatja. […] Din għandha […] tkun mingħajr preġudizzju għal deċiżjonijiet preliminari ta’ natura proċedurali, li jittieħdu minn awtoritajiet ġudizzjarji jew minn awtoritajiet kompetenti oħra u huma bbażati fuq suspetti jew fuq elementi ta’ prova inkriminanti, bħal deċiżjonijiet dwar id-detenzjoni ta’ qabel il-proċess, sakemm dawn id-deċiżjonijiet ma jirreferux għall-persuna suspettata jew akkużata bħala ħatja. Qabel ma tieħu deċiżjoni preliminari ta’ natura proċedurali, l-awtorità kompetenti għandha mnejn ikollha l-ewwel tivverifika li hemm biżżejjed elementi ta’ prova inkriminanti kontra l-persuna suspettata jew akkużata li jiġġustifikaw id-deċiżjoni kkonċernata, u d-deċiżjoni tista’ tinkludi referenza għal dawk l-elementi.”

3.        Il-premessa 22 tad-Direttiva 2016/343 tipprovdi li “[l]-oneru tal-prova għall-istabbiliment tal-ħtija ta’ persuni suspettati u akkużati jaqa’ fuq il-prosekuzzjoni, u kwalunkwe dubju għandu jibbenefika lill-persuna suspettata jew akkużata. Il-preżunzjoni tal-innoċenza tinkiser jekk l-oneru tal-prova jkun trasferit mill-prosekuzzjoni għad-difiża, mingħajr preġudizzju għal kull setgħa ex officio għad-determinazzjoni tal-fatti mill-qorti, għall-indipendenza tal-ġudikatura meta tiġi vvalutata l-ħtija tal-persuna suspettata jew akkużata, u għall-użu ta’ preżunzjonijiet ta’ fatt jew ta’ liġi dwar ir-responsabbiltà kriminali ta’ persuna suspettata jew akkużata. Tali preżunzjonijiet għandhom ikunu limitati, f’limiti raġonevoli, b’kunsiderazzjoni tal-importanza tar-riskji involuti u ż-żamma tad-drittijiet tad-difiża, u l-mezzi użati għandhom ikunu raġonevolment proporzjonati għall-għan leġittimu li jrid jintlaħaq. Tali preżunzjonijiet għandhom ikunu kontestabbli u fi kwalunkwe każ għandhom ikunu użati biss fejn id-drittijiet tad-difiża jkunu rispettati.”

4.        L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli minimi komuni dwar:

a)      ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza fi proċedimenti kriminali;

b)      id-dritt li wieħed ikun preżenti fil-proċess fi proċedimenti kriminali.

5.        L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2016/343 jistabbilixxi li din tal-aħħar “tapplika għal persuni fiżiċi li jkunu persuni suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali. Hija tapplika fl-istadji kollha tal-proċedimenti kriminali, mill-mument meta persuna hija suspettata jew akkużata li wettqet reat kriminali, jew reat kriminali allegat, sa meta d-deċiżjoni dwar id-determinazzjoni finali jekk dik il-persuna wettqitx ir-reat kriminali kkonċernat tkun saret definittiva”

6.        L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2016/343, intitolat “Oneru tal-prova” jipprovdi li:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-oneru tal-prova għad-determinazzjoni tal-ħtija tal-persuni suspettati jew akkużati jaqa’ fuq il-prosekuzzjoni. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe obbligu fuq l-imħallef jew il-qorti kompetenti li jfittxu evidenza kemm inkriminanti kif ukoll li tiskaġuna, u għad-dritt tad-difiża li tippreżenta evidenza skont il-liġi nazzjonali applikabbli.

2.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe dubju dwar il-ħtija jkun għall-benefiċċju tal-persuna suspettata jew akkużata, inkluż fejn il-qorti tivvaluta jekk il-persuna kkonċernata għandhiex tiġi assolta.”

B.      Id-dritt Bulgaru

7.        L-Artikolu 270 tan-Nakazatelen protsesualen kodeks (il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali) huwa fformulat kif ġej:

“1)      Il-kwistjoni tal-bidla tal-miżura koerċittiva tista’ titressaq f’kull ħin matul il-kawża. Talba ġdida relatata mal-miżura koerċittiva tista’ titressaq quddiem il-qorti kompetenti jekk iċ-ċirkustanzi jkunu nbidlu.

2)      Il-qorti għandha tiddeċiedi permezz ta’ digriet f’seduta pubblika.”

II.    Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

8.        DK kien jinsab fil-postijiet fejn seħħew sparaturi li matulhom inqatlet persuna u oħra korriet serjament. Wara l-isparaturi, DK baqa’ fil-post u mar għand il-pulizija. Għal dawn il-fatti, huwa ġie akkużat b’appartenenza għal grupp kriminali organizzat u bi qtil u tqiegħed taħt detenzjoni provviżorja fil-11 ta’ Ġunju 2016. Il-prosekutur pubbliku jsostni li DK huwa responsabbli għall-mewt tal-vittma. DK isostni li huwa aġixxa fi stat ta’ difiża leġittima.

9.        Il-proċedura kriminali kontra DK daħlet fil-fażi ġudizzjarja tagħha fid-9 ta’ Novembru 2017. DK ippreżenta l-ewwel talba għal-libertà provviżorja tiegħu fil-5 ta’ Frar 2018, li ġiet miċħuda. Tressqu mill-inqas sitt talbiet oħra f’dan is-sens minn DK. Kollha ġew miċħuda, kemm mill-qorti tal-ewwel istanza, kif ukoll mill-qorti tat-tieni istanza. Dawn it-talbiet kollha ġew eżaminati fid-dawl tar-rekwiżit legali li jeżistu ċirkustanzi ġodda li jpoġġu indiskussjoni l-legalità tad-detenzjoni.

10.      Il-qorti tar-rinviju tirrimarka li l-Uffiċċju tal-Prosekutur ma kellux għalfejn iressaq l-iċken talba għaż-żamma taħt arrest provviżorju. Id-detenzjoni msemmija tkompli sakemm id-difiża ma tkunx f’pożizzjoni li tipproduċi l-prova ta’ bidla fiċ-ċirkustanzi fis-sens tal-Artikolu 270 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali Bulgaru. Il-qorti tar-rinviju tista’ tordna l-ħelsien mill-arrest biss meta d-difiża tkun f’pożizzjoni li tipprova b’mod konvinċenti li kien hemm bidla fiċ-ċirkustanzi. Skont il-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 270 ta’ dan il-kodiċi jaqleb l-oneru tal-prova tal-akkuża fuq id-difiża u jistabbilixxi preżunzjoni ta’ legalità taż-żamma taħt detenzjoni li hija d-difiża li għandha tirribattiha. Din tiddubita li tali approċċ jikkonforma mal-premessa 22 u mal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2016/343. Il-qorti tar-rinviju tirreferi wkoll għas-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”), tas-27 ta’ Awwissu 2019, Magnitskiy et vs Ir-Russja (5), li abbażi tagħha l-Qorti EDB iddeċidiet li l-preżunzjoni favur il-ħelsien tinqaleb meta d-dritt nazzjonali jippermetti li d-detenzjoni provviżorja tibqa’ fis-seħħ jekk ma jkunx hemm ċirkustanzi ġodda u li dan ikun ifisser li l-oneru tal-prova jitqiegħed fuq id-difiża. Id-dritt nazzjonali għalhekk jista’ wkoll imur kontra l-Artikolu 5(3) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”).

11.      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tirrileva li d-dritt nazzjonali la jipprevedi l-iffissar ta’ tul massimu tad-detenzjoni provviżorja u lanqas ebda kontroll perjodiku ex officio.

12.      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata, il-Bulgarija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u, permezz ta’ deċiżjoni li waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Settembru 2019, ikkonfermata fis-27 ta’ Settembru 2019, li tagħmel lil din tal-aħħar id-domanda preliminari li ġejja:

“Liġi nazzjonali li tipprevedi li, fil-fażi ġudizzjarja tal-proċedura kriminali, bidla fiċ-ċirkustanzi hija kundizzjoni meħtieġa sabiex tintlaqa’ t-talba tad-difiża għall-annullament taż-żamma taħt arrest tal-akkużat, hija konformi mal-Artikolu 6 u mal-premessa 22 tad-Direttiva 2016/343 u mal-Artikoli 6 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea?”

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

13.      Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tressqet fl-4 ta’ Settembru 2019. Minħabba d-dubji li kellha fuq l-istat tal-proċedura pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Qorti tal-Ġustizzja ressqet lil din tal-aħħar talba għal informazzjoni, li ngħatat risposta għaliha fit-13 ta’ Settembru 2019. Fil-25 ta’ Settembru 2019, il-qorti tar-rinviju informat lill-Qorti tal-Ġustizzja li d-deċiżjoni ta’ ħelsien ta’ DK kienet ġiet annullata mill-qorti tat-tieni istanza. Fis-27 ta’ Settembru 2019, il-qorti tar-rinviju organizzat seduta straordinarja li matulha DK ressaq talba ġdida għal ħelsien. Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Qorti tal-Ġustizzja, permezz ta’ deċiżjoni tal-1 ta’ Ottubru 2019, iddeċidiet li tissuġġetta r-rinviju għal deċiżjoni preliminari għall-proċedura b’urġenza abbażi tal-Artikolu 107(1) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha.

14.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn DK u mill-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni biss instemgħet waqt is-seduta li nżammet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Novembru 2019.

IV.    Analiżi

A.      Riflessjonijiet preliminari

15.      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, dwar il-kompatibbiltà mal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2016/343 u, jekk ikun il-każ, mal-Karta, ta’ leġiżlazzjoni kriminali nazzjonali li tgħid li deċiżjoni ta’ detenzjoni provviżorja ma tistax titwarrab, matul il-fażi ġudizzjarja tal-proċedura kriminali, ħlief fil-preżenza ta’ “ċirkustanzi ġodda”. Madankollu, il-qari tad-domanda preliminari għandu jiġi arrikkit b’motivi oħra tad-deċiżjoni tar-rinviju li minnha jirriżulta ftit iktar preċiżament li l-imsemmija domanda saret b’rabta ma’ dik tal-oneru tal-prova. Fi kliem ieħor, leġiżlazzjoni li teżiġi mill-persuna akkużata, jekk din tkun trid li tintemm id-detenzjoni provviżorja tagħha, li tagħti prova tal-eżistenza ta’ ċirkustanzi ġodda, hija kompatibbli mal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2016/343?

16.      Is-sempliċità tad-domanda indirizzata lill-Qorti tal-Ġustizzja ma tirriflettix tajjeb il-kwistjonijiet fundamentali tal-qasam kriminali Ewropew li din tqajjem.

17.      Fil-fatt, din il-kwistjoni tqum f’kuntest partikolari. Il-qorti tar-rinviju tiddeskrivi f’termini pjuttost inkwetanti l-istat tad-dritt nazzjonali applikabbli fil-qasam tad-detenzjoni provviżorja. B’mod partikolari, id-detenzjoni provviżorja ma hijiex limitata fiż-żmien ladarba l-proċedura kriminali tidħol fil-fażi ġudizzjarja tagħha. Ċertament, l-Artikolu 270 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali Bulgaru jipprevedi li l-persuna akkużata tista’ titlob it-tneħħija tad-detenzjoni provviżorja tagħha f’kull mument, iżda jidher li l-ħelsien effettiv jew il-bidla tal-miżura koerċittiva hija, fil-prattika, partikolarment diffiċli biex tinkiseb (6).

18.      Għalhekk, ma nistax ma nesprimix it-tħassib tiegħi fil-konfront ta’ tali sitwazzjoni. Dan it-tħassib huwa ta’ żewġ tipi: qabel kollox, fuq livell micro, fir-rigward tas-sitwazzjoni personali ta’ DK; sussegwentement, fuq livell macro, fir-rigward ta’ dak li tgħid din il-kawża fuq ir-realtà tal-ispazju kriminali Ewropew.

19.      Fl-ewwel lok, DK hija persuna akkużata: issa, persuna akkużata hija persuna li ma tistax titqies bħala ħatja u li hija saħansitra potenzjalment innoċenti. Nistgħu nħossuna komdi bl-idea li d-detenzjoni tiegħu hija illimitata fiż-żmien? Ma jkunx hemm abbuż tal-lingwa jekk nibqgħu nitkellmu dwar detenzjoni provviżorja? B’hekk, għalkemm ċertament ma għandix kompetenza li nikkummenta fuq l-għażla li għamlu l-Istati Membri li jagħżlu sistemi li jirrikorru b’mod massiv għad-detenzjoni provviżorja (7), jidhirli li kull analiżi relatata ma’ din it-tematika għandha tinkludi fiha l-ħsieb li dawn huma potenzjalment persuni mhux ħatja, li qedin jistennew, f’kundizzjonijiet ġeneralment pjuttost miżerabbli, li jiġi stabbilit l-eżitu kriminali tagħhom.

20.      Fit-tieni lok, it-tħassib tiegħi huwa ġġustifikat mill-istat, kważi ineżistenti, tal-armonizzazzjoni Ewropea f’dan il-qasam, kif beħsiebi nuri ftit iktar ’il quddiem. Din il-kawża tobbligana nikkonstataw il-limiti tad-dritt tal-Unjoni. Fuq kwistjoni daqstant fundamentali bħal din dwar it-tul tad-detenzjoni provviżorja u tal-kundizzjonijiet li fihom deċiżjoni ta’ detenzjoni provviżorja tista’ tiġi kkontestata quddiem il-qorti, ma jista’ jkun xejn ħlief diżappuntanti li jiġi kkonstatat li d-dritt tal-Unjoni huwa ta’ effettività dgħajfa. Dan ma jistax jiġi skużat minħabba n-nuqqas ta’ kompetenza tal-Unjoni li taġixxi f’dan il-qasam.

21.      Ċertament, fil-qasam kriminali, dak li ma huwiex iggarantit mill-Unjoni jista’ jiġi ggarantit mill-Qorti EDB. Għalhekk din il-kawża tista’ titqies bħala okkażjoni għall-Qorti tal-Ġustizzja sabiex teżerċita r-rwol tagħha ta’ kontrollur tal-kompetenzi (8). Huwa ċar li dak li ma huwiex irregolat mid-dritt tal-Unjoni ma jinsabx neċessarjament barra mid-dritt innifsu. Ser nerġa’ niġi għal dan iktar tard, iżda l-Qorti EDB żviluppat prinċipji importanti li jinkwadraw il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati kontraenti tal-KEDB f’dak li jirrigwarda d-deċiżjonijiet ta’ detenzjoni provviżorja. Iżda għal kemm żmien għandu DK jibqa’ taħt detenzjoni provviżorja qabel ma jikseb sentenza tal-qorti ta’ Strasbourg? Jista’ jiksibha waħdu, meta l-avukati tiegħu, forsi għal raġunijiet ekonomiċi, ma pparteċipawx fis-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

22.      Lil hinn mill-kwistjoni tar-relazzjoni tal-ordinamenti ġuridiċi, hemm urġenza sabiex il-leġiżlatur tal-Unjoni jindirizza bis-serjetà l-kwistjoni ta’ armonizzazzjoni, anki minima, tad-detenzjoni provviżorja għaliex, eventwalment, huwa l-ispazju kriminali Ewropew li huwa mhedded. Fil-fatt, ma jistax ikun hemm kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali ħlief jekk il-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri tissaħħaħ u din l-aspettattiva ma tkunx tista’ tiġi stabbilita serenament jekk jiġu applikati standards daqshekk kontrastanti mill-Istati Membri, b’mod partikolari fil-qasam tad-detenzjoni provviżorja li, infakkar, tikkostitwixxi eċċezzjoni, li għandha tibqa’ kemm jista’ jkun limitata, bħala bażi fundamentali taċ-ċiviltà ġuridika tagħna, li huwa d-dritt għal-libertà.

23.      Madankollu, irrispettivament mit-tħassib u mid-dispjaċiri tiegħi dwar l-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, ma nistax ma nikkonstatax li, wara analiżi rigorożament ġuridika, is-sitwazzjoni ta’ DK ma ssibx soluzzjoni fid-Direttiva 2016/343.

B.      Fuq id-domanda preliminari

24.      L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2016/343 jimponi fuq l-Istati Membri li jipprovdu li l-oneru tal-prova jistrieħ fuq l-akkuża meta d-difiża titlob li l-arrest provviżorju jintemm meta dan jissokta minkejja li l-proċeduri kriminali jidħlu fil-fażi ġudizzjarja tagħhom? Sabiex nirrispondi għal din id-domanda, ser nipprova nuri, fl-ewwel lok, li d-Direttiva 2016/343 ma tistabbilixxi ebda regola dwar il-kundizzjonijiet li fihom deċiżjoni ta’ żamma taħt detenzjoni provviżorja tista’ tiġi kkontestata. Din il-konklużjoni intermedja ser tkun, fit-tieni lok, ikkonfrontata mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-Direttiva 2016/343 u d-deċiżjonijiet ta’ detenzjoni provviżorja. Finalment, ser nikkonkludi l-analiżi billi nfakkar ir-rekwiżiti tal-Qorti EDB.

1.      Interpretazzjoni litterali, sistemika, storika u teleoloġika tad-Direttiva 2016/343

25.      Qabel kollox, nirrileva li r-rabta bejn is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali u l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2016/343 ma tantx tidher li hija ovvja.

26.      Ċertament, id-Direttiva 2016/343 tistabbilixxi li din tapplika “għal persuni fiżiċi li jkunu persuni suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali” (9). Huwa aċċettat li DK jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni personali tad-Direttiva 2016/343.

27.      Barra minn hekk, din id-direttiva tapplika “fl-istadji kollha tal-proċedimenti kriminali”, jiġifieri, mill-mument li persuna tkun issuspettata li wettqet reat kriminali sakemm id-deċiżjoni finali intiża biex tiddetermina jekk din il-persuna wettqitx ir-reat kriminali kkonċernat tkun saret finali (10). Il-perijodu li matulu l-persuna akkużata titqiegħed taħt detenzjoni provviżorja huwa kompletament konformi ma’ din il-proċedura, b’mod li s-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali taqa’, bħala prinċipju, fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2016/343 (11). Madankollu, huwa ċar li kull artikolu ta’ din id-direttiva mhux neċessarjament japplika għall-istadji kollha tal-proċeduri kriminali (12).

28.      Madankollu l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2016/343 huwa intiż biex jirregola l-kwistjoni tal-oneru tal-prova fi proċeduri intiżi biex jikkontestaw it-tkomplija tad-detenzjoni provviżorja? Ma iniex konvint.

29.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li dan l-artikolu jagħmel parti minn kapitolu iktar wiesa’ ddedikat għall-preżunzjoni tal-innoċenza. B’hekk, id-Direttiva 2016/343 tobbliga lill-Istati Membri jiżguraw li l-persuni ssuspettati u dawk akkużati jkunu preżunti innoċenti sakemm jiġi pprovat li huma ħatja skont il-liġi (13). B’mod partikolari, id-dikjarazzjonijiet pubbliċi mill-awtoritajiet pubbliċi u d-deċiżjonijiet ġudizzjarji ma għandhomx jippreżentaw persuna ssuspettata jew persuna akkużata bħala ħatja sakemm il-ħtija tal-persuna ssuspettata jew ta’ din il-persuna akkużata ma tkunx ġiet stabbilita legalment (14). Madankollu dan jgħodd “mingħajr preġudizzju għall-atti tal-prosekuzzjoni li jkollhom l-għan li jippruvaw il-ħtija tal-persuna ssuspettata jew akkużata, u għad-deċiżjonijiet preliminari ta’ natura proċedurali, li jittieħdu mill-awtoritajiet ġudizzjarji jew awtoritajiet kompetenti oħra u li huma bbażati fuq suspett jew evidenza inkriminanti” (15). Dwar kif il-preżunzjoni tal-innoċenza għandha tiġi ppreżervata permezz ta’ dikjarazzjonijiet pubbliċi u d-deċiżjonijiet preliminari ta’ natura proċedurali, it-test tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2016/343 jista’ jiġi ċċarat b’mod utli bil-qari tal-premessa 16 ta’ din id-direttiva, li minnha jirriżulta li ma jistax jiġi lmentat li att ta’ akkuża jippreżenta lill-persuna kkonċernata bħala potenzjalment ħatja. L-osservanza tal-preżunzjoni tal-innoċenza tidher “wkoll tkun mingħajr preġudizzju għal deċiżjonijiet preliminari ta’ natura proċedurali, […], bħal deċiżjonijiet dwar id-detenzjoni ta’ qabel il-proċess, sakemm dawn id-deċiżjonijiet ma jirreferux għall-persuna suspettata jew akkużata bħala ħatja. Qabel ma tieħu deċiżjoni preliminari ta’ natura proċedurali, l-awtorità kompetenti għandha mnejn ikollha l-ewwel tivverifika li hemm biżżejjed elementi ta’ prova inkriminanti kontra l-persuna suspettata jew akkużata li jiġġustifikaw id-deċiżjoni kkonċernata, u d-deċiżjoni tista’ tinkludi referenza għal dawk l-elementi” (16). Għalkemm hawnhekk isir riferiment għad-deċiżjonijiet dwar id-detenzjoni provviżorja, dan huwa esklużivament fir-rigward tal-kwistjoni tad-dikjarazzjonijiet mill-awtoritajiet pubbliċi u ġudizzjarji li d-direttiva b’hekk tipprojbixxi li l-persuna ssuspettata jew akkużata tiġi ppreżentat bħala ħatja.

30.      Fir-rigward tal-oneru tal-prova fil-veru sens tal-kelma, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2016/343 – li jirrigwarda preċiżament id-domanda preliminari – jimponi fuq l-Istati Membri li jiżguraw li l-akkuża ssostni l-oneru tal-prova intiż li jistabbilixxi l-ħtija tal-persuni ssuspettati jew akkużati. Dan għandu jkun “mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe obbligu fuq l-imħallef jew il-qorti kompetenti li jfittxu evidenza kemm inkriminanti kif ukoll li tiskaġuna, u għad-dritt tad-difiża li tippreżenta evidenza skont il-liġi nazzjonali applikabbli” (17). Id-dubju għandu jmur favur il-persuna ssuspettata jew il-persuna akkużata “inkluż fejn il-qorti tivvaluta jekk il-persuna kkonċernata għandhiex tiġi assolta” (18). Il-premessa 22 tad-Direttiva 2016/343 hija intiża biex tikkjarifika l-intenzjoni tal-leġiżlatur. Minn din jirriżulta li l-għan huwa l-oneru tal-prova sabiex tkun stabbilita l-ħtija ta’ persuni ssuspettati u akkużati u li dan l-oneru għandu jkun fuq il-prosekuzzjoni. Il-leġiżlatur tal-Unjoni jidher li ammetta l-possibbiltà li wieħed jirrikorri għal preżunzjonijiet ta’ fatt jew ta’ dritt li jirrigwardaw ir-responsabbiltà kriminali tal-persuna ssuspettata jew tal-persuna akkużata mingħajr ma dawn jippreġudikaw il-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza bil-kundizzjoni li dawn “għandhom ikunu limitati, f’limiti raġonevoli, b’kunsiderazzjoni tal-importanza tar-riskji involuti u ż-żamma tad-drittijiet tad-difiża, u l-mezzi użati għandhom ikunu raġonevolment proporzjonati għall-għan leġittimu li jrid jintlaħaq. Tali preżunzjonijiet għandhom ikunu kontestabbli u fi kwalunkwe każ għandhom ikunu użati biss fejn id-drittijiet tad-difiża jkunu rispettati” (19).

31.      B’hekk, għalkemm l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2016/343 jirreferi espliċitament għad-deċiżjonijiet preliminari ta’ natura proċedurali, bħad-deċiżjonijiet ta’ detenzjoni provviżorja (20), għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva ma jinkludix tali riferiment. L-istess jgħodd għall-premessa 22 tad-direttiva msemmija. Dan huwa spjegat, fil-fehma tiegħi, mill-fatt li l-leġiżlatur tal-Unjoni qiegħed hawnhekk fi stadju ieħor tal-proċeduri kriminali, li huwa dak fejn tiġi stabbilita l-ħtija (21). Issa, l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2016/343, f’dak li jikkonċerna d-deċiżjonijiet ta’ arrest provviżorju, għandu bħala għan uniku li jiżgura li dawn tal-aħħar ma jippreżentawx lill-persuni akkużati bħala li huma ħatja. Peress li d-deċiżjoni ta’ detenzjoni provviżorja ma hijiex deċiżjoni li tiddeċiedi dwar il-ħtija tal-imsemmija persuni, kif tipprovdi wkoll espliċitament id-direttiva (22), tali deċiżjoni ma taqax, fil-fehma tiegħi, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2016/343.

32.      Tali interpretazzjoni ma jidhirlix li hija mdgħajfa mill-formulazzjoni tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2016/343 li jipprovdi li kull dubju għandu jibbenefika lill-persuna akkużata. Fil-fatt, peress li d-detenzjoni provviżorja hija deċiża qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar il-ħtija tagħha – jiġifieri fi żmien fil-proċeduri kriminali fejn ma tista’ tiġi stabbilita ebda ċertezza dwar il-ħtija u għalhekk neċessarjament għadu milqut minn dubju –, jekk jitqies li l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2016/343 japplika wkoll għad-deċiżjonijiet ta’ detenzjoni provviżorja, l-ipoteżijiet ta’ detenzjoni provviżorja jisfumaw fix-xejn, kif irrimarkata ġustament il-Kummissjoni (23).

33.      Interpretazzjoni limitata tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2016/343 fis-sens li ma hijiex intiża sabiex tirregola l-kwistjoni tat-tqassim tal-oneru tal-prova għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ detenzjoni provviżorja jidhirli li hija kkorroborata wkoll permezz ta’ analiżi storika ta’ din id-direttiva. Il-punt 16 tal-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta ta’ direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess tiegħu fil-kuntest tal-proċeduri kriminali (24) jindika li, għall-Kummissjoni, peress li inizjattivi oħra kienu diġà meħuda mill-Unjoni fil-qasam tad-detenzjoni provviżorja, “din ma [kinitx] is-suġġett ta’ din id-direttiva”. Il-portata sa din il-ġurnata dejjem limitata ta’ dawn l-impriżi leġiżlattivi l-oħra (25) ma tistax tiġġustifika interpretazzjoni tad-Direttiva 2016/343 li tmur lil hinn minn dak li hija tawtorizza. F’dan ir-rigward, ninnota wkoll li l-proposta tal-Parlament Ewropew li jiġi inkluż riferiment espliċitu għad-detenzjoni provviżorja biss fil-test tal-Artikolu 4 ma ġietx aċċettata (26).

34.      Kif fakkart iktar ’il fuq, l-għan tad-Direttiva 2016/343 huwa li jissaħħu ċerti aspetti tal-preżunzjoni ta’ innoċenza sabiex tissaħħaħ il-fiduċja reċiproka tal-Istati Membri fis-sistemi ta’ ġustizzja kriminali rispettivi tagħhom u r-rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi u ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji oħra (27). Għaldaqstant, id-Direttiva 2016/343 stabbilixxiet regoli minimi, b’mod konformi mal-bażi legali tagħha (28), li jikkonċernaw biss ċerti aspetti tal-preżunzjoni ta’ innoċenza fil-kuntest tal-proċeduri kriminali (29).

35.      Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sa issa, b’mod partikolari insistiet fuq din l-armonizzazzjoni minima sabiex tillimita l-portata tad-Direttiva 2016/343 fir-rigward tas-sistemi nazzjonali ta’ detenzjoni provviżorja.

2.      Id-Direttiva 2016/343 u d-deċiżjonijiet ta’ detenzjoni provviżorja fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja

36.      Fl-ewwel sentenza tagħha Milev (30), il-Qorti tal-Ġustizzja kienet mistiedna tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà mal-Artikoli 3 u 6 tad-Direttiva 2016/343 ta’ opinjoni mogħtija mill-qorti suprema Bulgara li tagħti lill-qrati nazzjonali kompetenti sabiex jiddeċiedu dwar rikors kontra deċiżjoni ta’ detenzjoni provviżorja l-fakultà li jiddeċiedu jekk, matul il-fażi kontenzjuża tal-proċedura kriminali, iż-żamma ta’ persuna akkużata f’detenzjoni provviżorja kellhiex tiġi suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju li jirrigwarda wkoll il-kwistjoni jekk kienx għad hemm suspett raġonevoli li jippermetti li jiġi preżunt li din kienet wettqet il-ksur li bih ġiet akkużata. Peress li d-domanda kienet saret fil-waqt li d-Direttiva 2016/343 kienet daħlet fis-seħħ iżda t-terminu ta’ traspożizzjoni tagħha kien għadu ma skadiex, il-Qorti tal-Ġustizzja sempliċement fakkret l-obbligi li jorbtu lill-Istati Membri matul dan il-perijodu partikolari (31) qabel ma kkonstatat li, peress li l-opinjoni inkwistjoni tħalli l-libertà lill-qrati kkonċernati li japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-KEDB kif interpretati mill-Qorti EDB, jew id-dritt proċedurali kriminali nazzjonali, l-imsemmija opinjoni ma kinitx ta’ natura li tikkomprometti b’mod serju, wara l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni, l-għanijiet tad-Direttiva 2016/343. F’dik il-kawża, ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja b’hekk kienet ikkonċentrat fuq id-domanda li tirrigwarda l-obbligu li ma jiġix kompromess b’mod serju r-riżultat tad-Direttiva 2016/343 matul il-perijodu ta’ traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva, u l-kwistjoni – sottointiża iżda differenti (32) – dwar il-kompatibbiltà tal-opinjoni tal-qorti suprema u, b’mod iktar wiesa’, tal-leġiżlazzjoni Bulgara mad-Direttiva 2016/343, ma kinitx ġiet eżaminata.

37.      Fit-tieni sentenza tagħha Milev (33), il-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet tiddetermina jekk l-Artikoli 3, 4 u 10 tad-Direttiva 2016/343 moqrija fid-dawl tal-premessi 16 u 48 tad-direttiva msemmija kif ukoll tal-Artikoli 47 u 48 tal-Karta, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, meta qorti nazzjonali tivverifika jekk jeżistix suspett raġonevoli, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, li jitqies li persuna wettqet reat, li għalih hija suġġetta ż-żamma f’detenzjoni ta’ din il-persuna, din il-qorti tista’ tillimita ruħha li tikkonstata li, prima facie, din il-persuna setgħet wettqet ksur jew jekk l-imsemmija qorti għandhiex tfittex jekk teżistix probabbiltà qawwija li l-imsemmija persuna tkun wettqet l-imsemmi ksur. Il-qorti tar-rinviju talbet ukoll lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża jekk id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni invokati jawtorizzawx lil qorti nazzjonali, li tiddeċiedi dwar talba għal modifika ta’ miżura ta’ detenzjoni provviżorja, li timmotiva d-deċiżjoni tagħha mingħajr ma tqabbel il-provi kontra u favur jew jekk din il-qorti għandhiex twettaq eżami iktar iddettaljat ta’ dawn l-elementi u tipprovdi risposta ċara għall-argumenti ppreżentati mill-persuna f’detenzjoni (34).

38.      Wara li fakkret il-kliem tal-Artikoli 2, 3, 4 u 10 tad-Direttiva 2016/343, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li “kif jirriżulta mill-Artikolu 1 u mill-premessa 9 tagħha, l-għan tad-Direttiva 2016/343 huwa li tistabbilixxi regoli minimi komuni applikabbli għall-proċeduri kriminali dwar ċerti aspetti tal-preżunzjoni ta’ innoċenza” (35). Dawn ir-regoli minimi jservu l-iskop li jsaħħu l-fiduċja tal-Istati Membri fis-sistema tal-ġustizzja kriminali tal-Istati Membri l-oħra u b’hekk jiffaċilitaw ir-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet tal-ġustizzja (36). Minħabba dan il-karattru minimu, li kien partikolarment enfasizzat f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-Direttiva 2016/343 “ma tistax tiġi interpretata bħala strument komplet u eżawrjenti li għandu l-għan li jiffissa l-kundizzjonijiet kollha għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ arrest provviżorju” (37). Il-Qorti tal-Ġustizzja mbagħad ddeċidiet li l-Artikoli 3 u 4(1) tad-Direttiva 2016/343 “ma jipprekludux l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet preliminari ta’ natura proċedurali, bħal deċiżjoni ta’ żamma ta’ miżura ta’ arrest provviżorju meħuda minn awtorità ġudizzjarja, li jkunu bbażati fuq suspetti jew provi kontra, sakemm dawn id-deċiżjonijiet ma jippreżentawx lill-persuna arrestata bħala ħatja” (38). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “sa fejn […] il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf il-kundizzjonijiet li fihom deċiżjoni ta’ arrest provviżorju tista’ tiġi adottata u tistaqsi ruħha, b’mod partikolari, dwar il-livell ta’ konvinzjoni li din għandu jkollha fir-rigward tal-awtur tar-reat, il-metodi ta’ eżami tal-provi differenti u l-firxa tal-motivazzjoni li din hija marbuta li tipprovdi bħala risposta għall-argumenti ppreżentati quddiemha, tali kwistjonijiet ma humiex irregolati minn din id-direttiva, iżda jaqgħu taħt id-dritt nazzjonali” (39). Fi kliem ieħor iktar ċar, id-Direttiva 2016/343 “ma tirregolax il-kundizzjonijiet li taħthom jistgħu jiġu adottati d-deċiżjonijiet ta’ arrest provviżorju” (40).

39.      Iktar reċenti minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tat digriet abbażi tal-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha (41). Essenzjalment, il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet mistoqsija dwar jekk l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2016/343 moqri mal-premessa 16 ta’ din l-istess direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-preżunzjoni ta’ innoċenza jeħtiġux li, meta l-qorti teżamina r-raġunijiet plawżibbli li jippermettu li jiġi ssuspettat li l-persuna akkużata tkun wettqet il-ksur allegat, sabiex tiddeċiedi dwar il-legalità ta’ deċiżjoni ta’ detenzjoni provviżorja, din il-qorti għandhiex tiżen il-provi inkriminanti u skaġunanti mressqa quddiemha u għandhiex timmotiva d-deċiżjoni tagħha mhux biss billi taċċerta l-elementi kkunsidrati iżda wkoll billi tiddeċiedi dwar l-oġġezzjonijiet tad-difiża tal-persuna kkonċernata (42). Wara li rrilevat li l-kawża kienet tidher li tidħol “fil-kuntest l-iktar wiesa’ [(43)] tal-kunċett ta’ ‘raġunijiet plawżibbli li jiġi preżunt’, fis-sens tal-Artikolu 5(1)(ċ) tal-KEDB” (44), il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li qagħdet fuq it-test tad-dispożizzjonijiet tad-direttiva utli għar-riżoluzzjoni tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari, riedet issaħħaħ id-dimostrazzjoni tagħha billi tirreferi wkoll għall-Artikolu 6 ta’ din id-Direttiva sabiex tiddeduċi li, “jekk, wara eżami tal-provi inkriminanti kif ukoll skaġunanti, qorti nazzjonali tasal għall-konklużjoni li jeżistu raġunijiet plawżibbli li jippermettu li jiġi ssuspettat li persuna wettqet l-atti li hija akkużata bihom u tieħu deċiżjoni preliminari f’dan is-sens, dan ma jistax ikun ekwivalenti għall-preżentazzjoni tal-persuna ssuspettata jew akkużata bħala ħatja ta’ dawn il-fatt, fis-sens tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2016/343” (45). Fl-istess ħin, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret fil-preċedent Milev dwar in-natura minima tal-għan ta’ armonizzazzjoni mfittex mid-Direttiva 2016/343, li ma tistax tiġi interpretata bħala “strument komplet u eżawrjenti” li għandu l-għan li “jistabbilixxi l-kundizzjonijiet kollha għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ detenzjoni provviżorja, kemm jekk ikun każ tal-modalitajiet ta’ eżami tad-diversi provi jew tal-portata tal-motivazzjoni ta’ tali deċiżjoni” (46). Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk iddeċidiet li “l-Artikoli 4 u 6 tad-Direttiva 2016/343 […] ma jipprekludux li, meta qorti kompetenti teżamina r-raġunijiet plawżibbli li jippermettu li jiġi ssuspettat li l-persuna ssuspettata jew il-persuna akkużata wettqet ir-reat inkwistjoni, sabiex tiddeċiedi dwar il-legalità ta’ deċiżjoni ta’ detenzjoni provviżorja, din il-qorti tibbilanċja l-provi inkriminanti u skaġunanti prodotti quddiemha u timmotiva d-deċiżjoni tagħha mhux biss billi turi l-provi milqugħa, iżda wkoll billi tiddeċiedi dwar l-oġġezzjonijiet tal-avukat tal-persuna kkonċernata, sakemm din id-deċiżjoni ma tippreżentax lill-persuna detenuta bħala ħatja” (47). Issa, huwa possibbli li wieħed jifhem id-dikjarazzjoni li jgħid li l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2016/343 “ma jipprekludix” li, fil-linja ta’ dak li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet preċedentement, dan sempliċiment ma japplikax (48). Huwa biss b’dan il-mod li l-interpretazzjoni tad-dispożittiv tad-digriet tagħmel sens (49).

3.      Id-deċiżjonijiet ta’ detenzjoni provviżorja fil-ġurisprudenza tal-Qorti EDB

40.      Id-Direttiva 2016/343 tikkostitwixxi implimentazzjoni tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt għal smigħ xieraq stabbiliti fl-Artikoli 47 u 48 tal-Karta li din tirreferi għalihom espliċitament (50). Il-preżunzjoni tal-innoċenza hija intiża sabiex tiggarantixxi lil kull persuna li ma tkunx indikata jew ittrattata bħala ħatja ta’ reat qabel ma tkun ġiet stabbilita l-ħtija tagħha minn qorti (51). Id-Direttiva 2016/343 fiha wkoll klawżola ta’ nonregressjoni skont liema xejn “f’din id-Direttiva ma għandu jinftiehem li jillimita jew jidderoga minn xi drittijiet u salvagwardji proċedurali li huma żgurati taħt il-Karta, il-KEDB, […] jew tal-liġi ta’ kwalunkwe Stat Membru li tipprovdi livell ogħla ta’ protezzjoni” (52).

41.      L-Artikoli 47 u 48 tal-Karta jistabbilixxu rispettivament id-dritt għal rimedju effettiv u d-dritt ta’ aċċess għal qorti imparzjali kif ukoll, kif għadni kif għedt, il-preżunzjoni ta’ innoċenza u d-drittijiet tad-difiża. Jirriżulta b’mod partikolari mill-ispjegazzjoni tal-Artikolu 48 li dan tal-aħħar huwa l-istess bħall-Artikolu 6(2) u (3) tal-KEDB, u, skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, għandu l-istess tifsira u l-istess portata bħad-dritt iggarantit mill-KEDB.

42.      Issa, il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB imsemmija mill-qorti tar-rinviju ma tiddeċidix fuq il-kompatibbiltà tas-sitwazzjoni inkwistjoni mal-Artikolu 6 tal-KEDB iżda mal-Artikolu 5(3) ta’ din tal-aħħar (53).

43.      Fis-sentenza tagħha Magnitskiy et vs Ir-Russja (54), il-Qorti EDB fakkret il-prinċipji llum affermati li hija kienet stabbilixxiet preċedentement sabiex tevalwa jekk iż-żamma taħt detenzjoni provviżorja kinitx skont il-Konvenzjoni.

44.      Fil-fatt, għalkemm id-detenzjoni provviżorja tista’ tkun ammissibbli għar-raġunijiet stabbiliti fl-Artikolu 5(1)(c) tal-KEDB, it-tielet paragrafu tal-imsemmi artikolu jistabbilixxi “ċertu numru ta’ garanziji proċedurali” u jipprovdi b’mod partikolari “li t-tul tad-detenzjoni provviżorja għandu jkun raġonevoli: għalhekk ma hijiex illimitata” (55). Il-persistenza ta’ suspett raġonevoli li l-persuna arrestata tiġi ssuspettata li wettqet ksur hija kundizzjoni sine qua non tar-regolarità taż-żamma taħt detenzjoni (56) iżda, wara “ċertu żmien”, dan ma jkunx biżżejjed. Il-Qorti EDB għalhekk għandha tistabbilixxi, l-ewwel nett, jekk il-motivi l-oħra adottati mill-awtoritajiet ġudizzjarji għadhomx jilleġittimizzaw iċ-ċaħda tal-libertà u, it-tieni nett, meta dawn il-motivi jkunu rilevanti u suffiċjenti, jekk l-awtoritajiet nazzjonali kinux diliġenti biżżejjed fit-tkomplija tal-proċedura (57). L-awtoritajiet għandhom juru b’mod konvinċenti li kull perijodu ta’ detenzjoni, anki jekk qasir, kien iġġustifikat (58). Meta jiddeċiedu jekk persuna għandhiex tinħeles jew tinżamm, huma għandhom ifittxu jekk hemmx mezzi oħra sabiex tiġi żgurata d-dehra tagħha (59). Il-Qorti EDB iddeċidiet li tali ġustifikazzjoni teżisti f’każ ta’ riskju ta’ ħarba, ta’ pressjoni fuq ix-xhieda, ta’ tbagħbis fil-provi, ta’ kollużjoni, ta’ reċidività ta’ diżordni pubbliku jew fil-każ ta’ neċessità li tiġi protetta l-persuna suġġetta għall-miżura li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà (60). Hija ddeċidiet ukoll li “il-preżunzjoni hija dejjem favur il-ħelsien […] Sal-kundanna tagħha, il-persuna akkużata għandha titqies innoċenti u [l-Artikolu 5(3) tal-KEDB] essenzjalment għandu l-għan li jimponi l-libertà provviżorja hekk kif iż-żamma taħt detenzjoni tieqaf milli tkun raġonevoli […] Il-leġittimità taż-żamma f’detenzjoni ta’ akkużat għandha tiġi evalwata f’kull każ skont il-każ partikolari. It-tkomplija tal-inkarċerazzjoni hija ġġustifikata f’kawża partikolari biss jekk indizji konkreti juru rekwiżit reali ta’ interess pubbliku li jipprevali, minkejja l-preżunzjoni ta’ innoċenza, fuq ir-regola tal-osservanza tal-libertà tal-individwu” (61). Sabiex isir dan, l-awtoritajiet ġudizzjarji għandhom “filwaqt li jieħdu debitament inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, jeżaminaw iċ-ċirkustanzi kollha li jistgħu juru jew jeskludu l-eżistenza tal-imsemmi rekwiżit ta’ interess pubbliku li jiġġustifika deroga mir-regola stabbilita fl-Artikolu 5 [tal-KEDB]. Huwa essenzjalment fid-dawl tal-motivi li jidhru fl-imsemmija deċiżjonijiet u fuq il-bażi ta’ fatti stabbiliti sew indikati mill-persuna kkonċernata fil-motivi tagħha li l-Qorti għandha tiddetermina jekk kienx hemm ksur tal-Artikolu 5(3) [tal-KEDB]” (62).

45.      Fis-sentenza Magnitskiy et vs Ir-Russja (63), il-Qorti EDB ħadet inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li l-awtoritajiet nazzjonali kienu qalbu l-preżunzjoni favur il-ħelsien billi stabbilixxew li, fin-nuqqas ta’ ċirkustanzi ġodda, id-detenzjoni provviżorja kellha tinżamm. Din fakkret li l-Artikolu 5 tal-KEDB jistabbilixxi n-natura eċċezzjonali tal-ksur tad-dritt għal-libertà, li huwa ammissibbli biss f’każijiet limitati u strettament iddefiniti (64). Għaldaqstant, mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB jirriżulta li l-ispostament tal-oneru tal-prova mill-akkuża għad-difiża ċertament jagħti lok għall-kritika min-naħa ta’ din tal-aħħar, iżda madankollu ma jikkostitwixxix raġuni awtonoma, suffiċjenti u awtomatika sabiex jiġi konkluż li jkun hemm ksur tal-Artikolu 5(3) tal-KEDB peress li tali ksur huwa dejjem ikkonstatat wara analiżi in concreto taċ-ċirkustanzi kollha ta’ kull każ partikolari (65).

46.      L-affermazzjoni dwar il-kwistjoni tal-prova fil-ġurisprudenza tal-Qorti EDB issir ferm iktar preċiża meta tiġi eżaminata sitwazzjoni fid-dawl tal-Artikolu 6(2) tal-KEDB (66), peress li l-Qorti EDB iddeċidiet li, fil-qasam kriminali, il-problema ta’ amministrazzjoni tal-provi għandha titqies fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni (67).

47.      Għall-kuntrarju, mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB dwar l-Artikolu 5(3) tal-KEDB jirriżulta li l-imsemmija qorti għandha tara, lil hinn mid-definizzjoni a priori tal-oneru tal-prova fil-qasam tal-proċeduri intiżi li jikkontestaw id-deċiżjonijiet ta’ detenzjoni provviżorja, jekk l-argumenti kollha favur u kontra l-eżistenza ta’ interess pubbliku li jistgħu jiġġustifikaw ksur tar-regola stabbilita fl-Artikolu 5 tal-KEDB – jiġifieri l-libertà – kinux ġew eżaminati mill-awtorità inkarigata mill-kontroll ta’ tali deċiżjonijiet, eżami li għandu jiġi rifless fid-deċiżjoni tal-imsemmija awtorità (68). Il-Qorti EDB lanqas ma eskludiet li jsir riferiment għal preżunzjoni f’dak li jirrigwarda s-sodisfazzjon tal-kundizzjonijiet legali taż-żamma taħt detenzjoni provviżorja bil-kundizzjoni, madankollu, li l-eżistenza ta’ fatti konkreti li jipprevalu fuq ir-regola tal-Artikolu 5 tal-KEDB tintwera b’mod konvinċenti mill-awtoritajiet sabiex ikunu jistgħu jikkostitwixxu raġunijiet biżżejjed biex tiġi leġittimata l-kontinwazzjoni taċ-ċaħda tal-libertà (69).

4.      Konklużjoni tal-analiżi

48.      Għalhekk, minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li d-Direttiva 2016/343 ma kellhiex l-intenzjoni timplimenta d-dritt għal-libertà, kif stabbilit fl-Artikolu 6 tal-Karta u fl-Artikolu 5 tal-KEDB, iżda biss li tarmonizza ċerti aspetti tal-preżunzjoni ta’ innoċenza (70). Għaldaqstant, l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2016/343 jikkonċerna l-kwistjoni tal-oneru tal-prova sabiex tiġi stabbilita l-ħtija tal-persuna akkużata. Peress li l-kwistjoni tad-determinazzjoni tal-oneru tal-prova sabiex tiġi kkontestata deċiżjoni ta’ żamma taħt detenzjoni provviżorja hija kwistjoni differenti, din ma hijiex irregolata mill-Artikolu 6 tad-Direttiva 2016/343.

V.      Konklużjoni

49.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari magħmula mill-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata, il-Bulgarija) kif ġej:

L-Artikolu 6 tad-Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali ma jirregolax il-kwistjoni tal-oneru tal-prova f’dak li jirrigwarda d-deċiżjonijiet taż-żamma taħt detenzjoni provviżorja.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Ara, għal studju komparattiv, A.M. van Kalmthout, M.M. Knapen u C. Morgenstern (edituri), Pre-trial Detention in the European Union, Wolf Legal Publishers 2009, p. 994.


3      ĠU 2016 L 65, p. 1.


4      Biex tintuża l-espressjoni użata mill-Parlament Ewropew fil-punt 5 tar-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta’ Frar 2014 li fiha rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew [P7_TA(2014)0174].


5      CE:ECHR:2019:0827JUD003263109.


6      Madankollu, kif osservat il-Kummissjoni waqt is-seduta, it-test waħdu tal-Artikolu 270 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali Bulgaru ma jiddefinixxi la r-rwoli rispettivi tad-difiża u tal-akkuża, la l-livell ta’ prova meħtieġ u lanqas iċ-ċirkustanzi li jistgħu jitqiesu bħala “ġodda” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, li, fil-fehma tiegħi, jista’ jħalli ċertu marġni ta’ diskrezzjoni lill-qorti nazzjonali meta din tasal biex tapplika din id-dispożizzjoni, sakemm elementi oħra tad-dritt nazzjonali li ma ġewx ippreżentati f’din il-kawża ma jipprekludux li jsir dan.


7      U dan iktar u iktar meta nirrikonoxxi mingħajr sforz li din l-għażla hija evidentement iddettata minn kunsiderazzjonijiet marbuta mal-protezzjoni tas-sigurtà u tas-sigurezza pubblika.


8      Jekk tippermettuli nissellef dan mid-dekan Vedel.


9      Artikolu 2 tad-Direttiva 2016/343.


10      Ara l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2016/343.


11      Ara, b’analoġija, is-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2018, Milev (C‑310/18 PPU, EU:C:2018:732, punt 40).


12      Ara, pereżempju, l-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 2016/343 li jistabbilixxu rispettivament id-dritt li persuna tkun preżenti waqt il-proċess tagħha u d-dritt għal proċess mill-ġdid.


13      Ara l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2016/343.


14      Ara l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2016/343.


15      Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2016/343. Korsiv miżjud minni.


16      Il-premessa 16 tad-Direttiva 2016/343. Jiena żidt il-korsiv.


17      Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2016/343.


18      Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2016/343.


19      Premessa 22 tad-Direttiva 2016/343. In-natura ferm artikolata tat-test ta’ din il-premessa tikkuntrasta mal-formulazzjoni iktar konċiża tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2016/343, li ma fiha ebda riferiment għall-preżunzjonijiet previsti fil-preambolu.


20      Kif tgħallimna l-premessa 16 tad-Direttiva 2016/343.


21      Il-formulazzjoni tal-premessi 36 u 37 tidher li tikkonferma li, f’moħħ il-leġiżlatur, “deċiżjoni dwar il-ħtija jew l-innoċenza ta’ persuna suspettata jew akkużata” hija, bħala prinċipju, dik mogħtija fit-tmiem tal-proċess.


22      B’hekk, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2016/343 naturalment jidher li huwa kjarament distint minn dak tal-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva. L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2016/343 japplika għad-dikjarazzjonijiet pubbliċi tal-awtoritajiet pubbliċi kif ukoll għad-deċiżjonijiet ġudizzjarji minbarra dawk li jiddeċiedu l-ħtija iżda li jinkludu deċiżjonijiet preliminari ta’ natura proċedurali, fosthom id-deċiżjonijiet ta’ detenzjoni provviżorja. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 6 tad-direttiva imsemmija japplika biss għad-deċiżjonijiet li jiddeċiedu, fil-fehma tiegħi, fuq il-mertu dwar il-ħtija. Għal eżempju ieħor ta’ din id-distinzjoni, ara s-sentenza tal-5 ta’ Settembru 2019, AH et (Preżunzjoni ta’ innoċenza) (C‑377/18, EU:C:2019:670, punti 34 u 35).


23      Għaldaqstant, dawn huma essenzjalment każijiet ta’ delitt flagranti jew ta’ ammissjonijiet inkonfutabbli, sakemm jeżistu tali ammissjonijiet. Issa, il-KEDB tagħmel biss l-eżistenza ta’ “suspett raġonevoli li persuna tkun wettqet reat” – u mhux ta’ ċertezzi – waħda mill-kundizzjonijiet tal-implimentazzjoni tal-eċċezzjoni għad-dritt għal-libertà u għas-sigurtà: ara l-Artikolu 5(1)(ċ) tal-KEDB.


24      COM(2013) 821 final.


25      Għalhekk, u sa fejn naf jien, il-Green Paper tal-14 ta’ Ġunju 2011 “It-tisħiħ tal-fiduċja reċiproka fiż-żona ġudizzjarja Ewropea – Green Paper dwar l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-ġustizzja kriminali fil-qasam tad-detenzjoni” (COM(2011) 327 final) ma ngħatat l-ebda eżitu konkret. Il-Kummissjoni tirreferi wkoll, fil-punt 16 tal-espożizzjoni tal-motivi tal-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali [COM(2013) 821 finali], għad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/829/ĠAI tas-23 ta’ Ottubru 2009 dwar l-applikazzjoni bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku għal deċiżjonijiet dwar miżuri ta’ superviżjoni bħala alternattiva għal detenzjoni proviżorja (ĠU 2009, L 294, p. 20). L-għan ta’ din id-deċiżjoni qafas huwa, kif jantiċipa t-titolu tagħha, li jiffavorixxi r-rikonoxximent reċiproku tal-miżuri alternattivi għad-detenzjoni provviżorja: għalhekk ma hijiex intiża li tirregola l-arrest provviżorju nnifsu. Din tirrikonoxxi, barra minn hekk, li d-dritt li wieħed jibbenefika matul proċeduri kriminali minn miżura mhux ta’ detenzjoni bħala alternattiva għad-detenzjoni hija “materja regolata mil-liġi u l-proċeduri tal-Istat fejn qed iseħħu l-proċedimenti kriminali” (Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2009/829).


26      Ara l-emenda 41 tar-rapport dwar il-proposta ta’ direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali (doc. A8-0133/2015).


27      Ara l-premessi 2 u 4 tad-Direttiva 2016/343.


28      Jiġifieri l-Artikolu 82 TFUE, li t-tieni paragrafu tiegħu jipprevedi l-adozzjoni ta’ regoli minimi meta dan ikun meħtieġ “sabiex jiġi faċilitat ir-rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi u d-deċiżjonijiet ġudizzjarji, kif ukoll il-koperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali ta’ natura transkonfinali”. Dawn ir-regoli minimi għandhom, barra minn hekk, jieħdu inkunsiderazzjoni d-differenzi bejn it-tradizzjonijiet u s-sistemi legali tal-Istati Membri u huma mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li jinżamm jew li jiġi stabbilit livell ogħla ta’ protezzjoni.


29      Ara l-premessi 4 u 9 u l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2016/343.


30      Sentenza tas-27 ta’ Ottubru 2016 (C‑439/16 PPU, EU:C:2016:818).


31      Aras-sentenza tas-27 ta’ Ottubru 2016, Milev (C‑439/16 PPU, EU:C:2016:818 punti 29 sa 32).


32      Skont it-termini użati fil-punt 35 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża Milev (C‑439/16 PPU, EU:C:2016:760).


33      Sentenza tad-19 ta’ Settembru 2018 (C‑310/18 PPU, EU:C:2018:732).


34      Ara s-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2018, Milev (C‑310/18 PPU, EU:C:2018:732, punt 38).


35      Sentenza tad-19 ta’ Settembru 2018, Milev (C‑310/18 PPU, EU:C:2018:732, punt 45).


36      Sentenza tad-19 ta’ Settembru 2018, Milev (C‑310/18 PPU, EU:C:2018:732, punt 46).


37      Sentenza tad-19 ta’ Settembru 2018, Milev (C‑310/18 PPU, EU:C:2018:732, punt 47).


38      Sentenza tad-19 ta’ Settembru 2018, Milev (C‑310/18 PPU, EU:C:2018:732, punt 49).


39      Sentenza tad-19 ta’ Settembru 2018, Milev (C‑310/18 PPU, EU:C:2018:732, punt 48). Korsiv miżjud minni.


40      Sentenza tad-19 ta’ Settembru 2018, Milev (C‑310/18 PPU, EU:C:2018:732, punt 49).


41      Digriet tat-12 ta’ Frar 2019, RH (C‑8/19 PPU, EU:C:2019:110).


42      Digriet tat-12 ta’ Frar 2019, RH (C‑8/19 PPU, EU:C:2019:110, punt 49).


43      Fir-rigward tas-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2018, Milev (C‑310/18 PPU, EU:C:2018:732).


44      Digriet tat-12 ta’ Frar 2019, RH (C‑8/19 PPU, EU:C:2019:110, punt 52).


45      Digriet tat-12 ta’ Frar 2019, RH (C‑8/19 PPU, EU:C:2019:110, punt 57).


46      Digriet tat-12 ta’ Frar 2019, RH (C‑8/19 PPU, EU:C:2019:110, punt 59).


47      Digriet tat-12 ta’ Frar 2019, RH (C‑8/19 PPU, EU:C:2019:110, punt 60). Korsiv miżjud minni.


48      Il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja tat dan id-digriet fuq il-bażi tal-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha u li hija kienet fakkret fis-sentenza tagħha Milev (19 ta’ Settembru 2018 (C‑310/18 PPU, EU:C:2018:732)), li qajmet kwistjoni simili, fit-test tal-imsemmi digriet, jiffavorixxi tali interpretazzjoni.


49      Mal-ewwel daqqa ta’ għajn, tista’ tidher ħaġa kurjuża li l-interpretazzjoni pprovduta mill-Artikolu 4 tad-Direttiva 2016/343 – li tirreferi biss għal deċiżjonijiet ġudizzjarji minbarra dawk li jiddeċiedu dwar il-ħtija – tiġi kkumplimentata b’riferiment għall-Artikolu 6 ta’ din l-istess direttiva li tkopri deċiżjonijiet immirati biex tistabbilixxi l-ħtija ta’ persuni ssuspettati jew akkużati.


50      Ara l-ewwel premessa tad-Direttiva 2016/343.


51      Ara s-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Rubach (C‑344/08, EU:C:2009:482, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).


52      Artikolu 13 tad-Direttiva 2016/343.


53      Li jgħid: “[k]ull min ikun arrestat jew detenut skont id-disposizzjonijiet tal-paragrafu (1)(ċ) ta’ dan l-Artikolu għandu jinġieb minnufih quddiem imħallef jew funzjonarju ieħor awtorizzat b’liġi biex jeżerċita setgħa ġudizzjarja u jkollu dritt għal proċeduri fi żmien raġonevoli jew għal ħelsien waqt pendenza tal-proċeduri. Il-ħelsien jista’ jkun taħt kundizzjoni ta’ garanziji biex jidher għall-proċeduri”. L-Artikolu 5 tal-KEDB jikkorrispondi mal-Artikolu 6 tal-Karta (ara l-ispjegazzjonijiet fl-Artikolu 6 tal-Karta. Għal evalwazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ kwistjonijiet dwar id-detenzjoni mill-angolu tal-Artikolu 6 tal-Karta, ara s-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, Lanigan (C‑237/15 PPU, EU:C:2015:474, punt 54 et seq)).


54      Qorti EDB, 27 ta’ Awwissu 2019 (CE:ECHR:2019:0827JUD003263109).


55      Qorti EDB, 5 ta’ Lulju 2016, Buzadji vs Ir-Repubblika tal-Moldova (CE:ECHR:2016:0705JUD002375507, punt 86). Madankollu, il-Qorti EDB ma ddefinixxietx it-tul massimu ta’ żmien fiss għad-detenzjoni provviżorja: ara r-rapport ifformulat minn Pedro Agramunt għall-Kummissjoni tal-kwistjonijiet legali u tad-drittijiet tal-bniedem tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa bit-titolu “L’abus de la détention provisoire dans les États parties à la [CEDH] [L-abbuż tad-detenzjoni provviżorja fl-Istati kontraenti tal-[KEDB]” (doc. 13863 tas-7 ta’ Settembru 2015, punt 22). Ara wkoll il-Qorti EDB, tat-3 ta’ Ottubru 2006, McKay vs Ir-Renju Unit (CE:ECHR:2006:1003JUD000054303, punt 45) li fiha l-Qorti EDB tiġġustifika n-nuqqas ta’ limitu fiss għaż-żmien massimu tad-detenzjoni provviżorja, minħabba l-importanza mogħtija, waqt l-istħarriġ tagħha, għall-partikolaritajiet ta’ kull każ.


56      Ara, b’mod partikolari, Qorti EDB, 17 ta’ Marzu 2016, Rasul Jafarov vs Azerbaïdjan (CE:ECHR:2016:0317JUD006998114, punt 119 u l-ġurisprudenza ċċitata).


57      Ara Qorti EDB, 5 ta’ Lulju 2016, Buzadji vs Ir-Repubblika tal-Moldova (CE:ECHR:2016:0705JUD002375507, punt 87).


58      Ara Qorti EDB, 5 ta’ Lulju 2016, Buzadji vs Ir-Repubblika tal-Moldova (CE:ECHR:2016:0705JUD002375507, punt 87).


59      Ara Qorti EDB, 5 ta’ Lulju 2016, Buzadji vs Ir-Repubblika tal-Moldova (CE:ECHR:2016:0705JUD002375507, punt 87).


60      Ara Qorti EDB, 5 ta’ Lulju 2016, Buzadji vs Ir-Repubblika tal-Moldova (CE:ECHR:2016:0705JUD002375507, punt 88).


61      Qorti EDB, 5 ta’ Lulju 2016, Buzadji vs Ir-Repubblika tal-Moldova (CE:ECHR:2016:0705JUD002375507, punti 89 u 90).


62      Qorti EDB, 5 ta’ Lulju 2016, Buzadji vs Ir-Repubblika tal-Moldova (CE:ECHR:2016:0705JUD002375507, punt 91).


63      Qorti EDB, 27 ta’ Awwissu 2019 (CE:ECHR:2019:0827JUD003263109).


64      Qorti EDB, 27 ta’ Awwissu 2019, Magnitskiy et vs Ir-Russja (CE:ECHR:2019:0827JUD003263109, punt 222).


65      Ara, b’mod partikolari, Qorti EDB, 24 ta’ Marzu 2016, Zherebin vs Ir-Russja (CE:ECHR:2016:0324JUD005144509, punti 51, 60 u 62).


66      Għalhekk, il-Qorti EDB ma għamlet l-ebda kompromess meta affermat li “l-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza jinkiser meta l-oneru tal-prova jiġi ttrasferit mill-akkuża għad-difiża” (Qorti EDB, 31 ta’ Marzu 2009, Natunen vs Il-Finlandja, (CE:ECHR:2009:0331JUD002102204, punt 53)], u dan jikkuntrasta mal-idea li tali trasferiment ma jġibx waħdu ksur tal-Artikolu 5(3) tal-KEDB.


67      Ara l-Qorti EDB, tas-6 ta’ Diċembru 1988, Barberà, Messegué u Jabardo vs Spanja (CE:ECHR:1988:1206JUD001059083, punt 76).


68      Ara s-sentenzi tal-Qorti EDB, tas-26 ta’ Lulju 2001, Ilijkov vs Il-Bulgarija (CE:ECHR:2001:0726JUD003397796 punt 86 u 87) u tad-19 ta’ Marzu 2014, Pastukhov u Yelagin vs Ir-Russja (CE:ECHR:2013:1219JUD005529907, punt 40). Fis-sentenza tagħha tal-10 ta’ Marzu 2009, Bykov vs Ir-Russja (CE:ECHR:2009:0310JUD000437802, punt 64 u 65), il-Qorti EDB, wara li fakkret il-pożizzjoni tagħha bħala prinċipju fir-rigward tal-inverżjoni tal-oneru tal-prova sabiex jiġi stabbilit ir-rekwiżit ta’ ħelsien, ikkonkludiet li kien hemm ksur tal-Artikolu 5(3) tal-KEDB minħabba l-fatt li għaxar talbiet għall-għoti tal-libertà kienu ġew miċħuda għall-istess persuna ssuspettata u peress li kull waħda mill-għaxar deċiżjonijiet ta’ ċaħda kienet limitata sabiex telenka l-motivi legali għaż-żamma taħt detenzjoni mingħajr ma ġew sostnuti b’raġunijiet rilevanti u suffiċjenti u mingħajr ma ttieħed inkunsiderazzjoni l-iżvilupp tas-sitwazzjoni (ara l-punti 64 u 65 tal-imsemmija sentenza).


69      Ara, għal preżunzjoni meqjusa kompatibbli mal-Artikolu 5(3) tal-KEDB, is-sentenza tal-Qorti EDB, tal-24 ta’ Awwissu 1998, Contrada vs L-Italja (CE:ECHR:1998:0824JUD002714395, punt 58); ara, għal każ kuntrarju, is-sentenza tal-Qorti EDB, tas-26 ta’ Lulju 2001, Ilijkov vs Il-Bulgarija (CE:ECHR:2001:0726JUD003397796 punt 84 et seq). F’din l-aħħar sentenza, il-Qorti EDB tinsisti fuq in-natura lakunarja tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni (ara b’mod partikolari, il-punt 86 tas-sentenza ċċitata iktar ’il fuq).


70      Is-sunt tal-evalwazzjoni tal-impatt jinsisti fuq il-fatt li l-għan ġenerali tad-Direttiva 2016/343 huwa li jiġi ggarantit id-dritt għal smigħ xieraq u li ma jistax ikun hemm smigħ xieraq jekk tiġi ppreġudikata l-preżunzjoni ta’ innoċenza (ara l-punt 1 tas-sunt tal-evalwazzjoni tal-impatt li jakkumpanja d-dokument “Proposta ta’ miżuri dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess tiegħu fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali”, doc. SWD(2013) 479 final tas-27 ta’ Novembru 2013). Għalhekk, il-kwistjoni tad-dritt għal-libertà kienet estranja għad-Direttiva 2016/343.