KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
SZPUNAR
ippreżentati fit-12 ta’ April 2018 (1)
Kawża C-335/17
Neli Valcheva
vs
Georgios Babanarakis
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema ta’ Kassazzjoni, il-Bulgarija)]
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (KE) Nru 2201/2003 – Kamp ta’ applikazzjoni – Kunċett ta’ ‘dritt ta’ aċċess’ – Applikabbiltà għan-nanniet”
I. Introduzzjoni
1. Hemm nanna li tixtieq teżerċita d-dritt ta’ aċċess għan-neputi tagħha. Kwistjoni li għandha bħala suġġett tali talba taqa’ taħt ir-Regolament (KE) Nru 2201/2003? (2) Din hija, fil-mertu, id-domanda li għamlet il-Qorti Suprema ta’ Kassazzjoni, il-Bulgarija.
2. Din il-kawża toffri għaldaqstant lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tiddeċiedi, għall-ewwel darba, fuq l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 2201/2003 għal talba għad-dritt ta’ aċċess tan-nanniet biex jiġi deċiż jekk il-qorti li għandha ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi fuq il-modi ta’ eżerċizzju ta’ tali dritt għandux ikun iddeterminat abbażi tal-imsemmi regolament jew abbażi tar-regoli ta’ dritt internazzjonali privat tal-Istati Membri. Dan ir-regolament jirrikonoxxi l-ġurisdizzjoni tal-qrati tar-residenza abitwali tal-minuri billi huwa bbażat b’mod partikolari fuq il-kriterju tal-viċinanza. L-analiżi li ssegwi hija intiża għaldaqstant biex tistabbilixxi l-qorti li għandha l-ġurisdizzjoni fil-qasam tad-dritt ta’aċċess mingħajr ma tidħol f’kunsiderazzjonijiet ta’ natura materjali.
3. Qabelxejn, għandu jiġi enfasizzat li din il-kawża ma tistax tiġi analizzata indipendentement minn kwistjoni fundamentali: dik tal-importanza għat-tifel li jkollu relazzjoni personali man-nanniet tiegħu, sakemm dawn il-kuntatti ma jkunux kontra l-interessi tiegħu. Għaldaqstant, huwa mill-aspett tal-prinċipju tas-supremazija tal-aħjar interessi tat-tifel li għandu jiġi interpretat hawnhekk ir-Regolament Nru 2201/2003 fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri.
II. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
1. Il-Karta
4. Skont l-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem: il-“Karta”) intitolat “Ir-rispett għall-ħajja privata u tal-familja”:
“Kull persuna għandha d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tagħha, ta’ darha u tal-kommunikazzjonijiet tagħha”.
5. L-Artikolu 24(2) tal-Karta jindika li “[f]l-azzjonijiet kollha relatati mat-tfal, kemm jekk jittieħdu minn awtoritajiet pubbliċi jew minn istituzzjonijiet privati, l-aħjar interess tat-tfal għandu jkun kunsiderazzjoni primarja”.
2. Ir-Regolament Nru 2201/2003
6. Mill-premessa 2 tar-Regolament Nru 2201/2003 jirriżulta li “[]l-Kunsill Ewropew ta’ Tampere ndorsja [approva] l-prinċipju tar- rikonoxximent reċiproku ta’ deċizjonijiet ġudizzjarji bħala bażi għall-ħolqien ta’ żona ġuridika ġenwina, u identifika[]d-dritt taż- żjara [aċċess] bħala prijorità”.
7. Skont il-premessa 5 ta’ dan ir-regolament, “[s]abiex l-ugwaljanza għal[l-]minuri kollha tkun assigurata, dan ir-Regolament ikopri d-deċizjonijiet kollha dwar ir-responsabbilità ta’ l-ġenituri, inkluzi l-miżuri ta’ protezzjoni għall-minuri, indipendentement minn xi konnessjoni ma’ xi proċedura matrimonjali”.
8. Il-premessa 12 tal-imsemmi regolament tipprovdi li “r-raġunijiet ta’ [ir-regoli dwar] l-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbilità ta’ l-ġenituri stabbiliti fir-Regolament preżenti huma fformati fi ħdan [skont] l-aqwa interessi għall-minuri, u partikolarment dwar il-kriterju ta’ l-qrubija [viċinanza]. Dan ifisser li l-ġurisdizzjoni għandha toqgħod [tkun] l-ewwelnett [tal-qrati t]al-Istat Membru tar-residenza abitwali tal-minuri, ħlief għal ċerti każijiet fejn hemm tibdil fir-residenza ta’ l-minuri jew skond ftehim bejn dawk il-ġenituri li huma d-detenturi tar-responsabilità”.
9. Għal dak li jikkonċerna l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 2201/2003, l-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:
“Dan ir-Regolament għandu japplika, tkun xi tkun in-natura ta’ l-qorti jew tribunal, fi kwistjonijiet ċivili dwar:
а) id-divorzju, is-separazzjoni legali jew l-annullament taż-żwieġ;
b) l-attribuzzjoni, l-ezerċizzju, id-delegazzjoni, ir-restrizzjoni jew it-terminazzjoni tar-responsabbilità ta’ l-ġenituri.
2. Il-kwistjonijiet imsemmija fil-paragrafu1(b) jistgħu, partikolarment, jittrattaw fi:
а) drittijiet ta’ kustodja u drittijiet ta’ aċċess;
[…]”.
10. Fir-rigward tad-definizzjonijiet, l-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament jipprevedi fil-punti 1, 7, 8, 9 u 10 tiegħu:
“1) ll-kelma ‘qorti’ għandha tkopri l-awtoritajiet kollha fl-Istati Membri bil-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet li jaqgħu taħt u li huma nkluzi fil-kompetenza ta’ dan ir-Regolament skond l-Artikolu 1;
[…]
7) il-kliem ‘responsabbilità ta’ l-ġenituri’ għandhom ifissru d-drittijiet u r-responsabbilitajiet kollha dwar il-persuna jew il-proprjetà ta’ l-minuri li huma moghtija lil persuna jew persuna legali b’sentenza, bl-operazzjoni ta’ l-liġi jew b’xi fteħim li għandu effetti legali. Il-kliem se jinkludu d-drittijiet ta’ kustodja u d-drittijiet ta’ l-aċċess;
8) il-kliem ‘min għandu r-responsabilità ta’ l-ġenituri’ se tfisser kwalunkwe persuna li għandha r-responsabilità ta’ l-ġenituri fuq il-minuri;
9) il-kliem ‘drittijiet ta’ kustodja’ għandhom jinkludu drittijiet u responsabbilitajiet dwar il-kura ta’ l-persuna ta’ l-minuri, u partikolarment id-drittijiet li jiddeterminaw il-post ta’ residenza ta’ l-minuri;
10) il-kliem ‘drittijiet ta’ aċċess’ għandhom jinkludu partikolarment id-dritt li tieħu l-minuri f’post ‘l barra minn dak li huwa l-post residenzali proprju, għal perjodu ta’ żmien limitat;”.
11. Għal dik li hija ġurisdizzjoni ġenerali, l-Artikolu 8 tal-imsemmi regolament huwa fformulat kif ġej:
“1. Il-qrati ta’ Stat Membru għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbilità ta’ l-ġenituri dwar minuri li huma abitwalment residenti f’dak l-Istat Membru fiż-żmien li l-qorti tkun ħadet il-pussess.
2. Il-Paragrafu 1 għandu jkun bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikoli 9, 10 u 12”.
B. Id-dritt Bulgaru
12. Għal dak li jikkonċerna d-dritt ta’ aċċess tal-membri tal-familja, l-Artikolu 128 tas-Semeen kodets (il-Kodiċi tal-Familja) jipprovdi:
“1. In-nannu u n-nanna jistgħu jippreżentaw talba quddiem ir-Rayonen sad (il-Qorti Distrettwali, il-Bulgarija) tad-domiċilju attwali tat-tfal, biex tagħti provvedimenti li jikkonċernaw id-dritt ta’ aċċess tagħhom, meta dan ikun fl-interess tat-tfal. It-tifel għandu l-istess dritt.
(2) Il-qorti għandha tapplika konsegwentement l-Artikolu 59(8) u (9).
(3) Jekk il-ġenitur li lilu l-qorti tkun tat id-dritt ta’ aċċess ikun temporanjament inkapaċi li jeżerċitah minħabba assenza jew mard, dan id-dritt jista’ jiġi eżerċitat min-nanna u n-nannu tat-tifel”.
13. Iż-Zakon za litsata i semeystvoto (il-Liġi dwar il-persuni u l-familja) (DV Nru 182, tad-9 ta’ Awwissu 1949, fil-verżjoni emendata li ġiet ippubblikata fid-DV Nru 120, tad-29 ta’ Diċembru 2002) tipprevedi, fl-Artikolu 4 tagħha:
“Il-persuni ta’ iktar minn 14-il sena u ta’ inqas minn 18-il sena huma adoloxxenti minuri.
Dawn jistgħu jwettqu atti ġuridiċi bil-kunsens tal-ġenituri tagħhom jew tat-tuturi tagħhom, iżda jistgħu jwettqu huma stess tranżazzjonijiet żgħar biex jissodisfaw il-bżonnijiet tagħhom stess u jiddisponu minn dak li huma akkwistaw bix-xogħol tagħhom”.
III. Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali, id-domanda preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
14. Neli Valcheva hija omm Mariana Koleva u n-nanna ta’ Christos Babanarakis, li twieled fit-8 ta’ April 2002 miż-żwieġ ta’ M. Koleva ma’ Georgios Babanarakis. Dan iż-żwieġ ġie maħlul minn qorti Griega li fdat il-kustodja ta’ Christos Babanarakis lil missieru. Il-qorti Griega stabbilixxiet il-modalitajiet għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċess bejn l-omm u t-tifel, li jinkludu kuntatti permezz tal-internet u bit-telefon, kif ukoll laqgħat personali, fil-Greċja, għal ftit sigħat, darba fix-xahar.
15. Wara li sostniet li kien impossibbli għaliha li żżomm kuntatt ta’ kwalità man-neputi tagħha u li hija kienet talbet is-sapport tal-awtoritajiet Griegi mingħajr suċċess, N. Valcheva talbet lir-Rayonen sad (il-Qorti Distrettwali), abbażi tal-Artikolu 128 tal-Kodiċi tal-Familja, biex tistabbilixxi l-modalitajiet għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċess bejnha u n-neputi minuri tagħha. Hija talbet biex tkun awtorizzata tarah regolarment tmiem-il ġimgħa wieħed fix-xahar, kif ukoll iżżommu għandha ġimagħtejn jew tlieta matul il-vaganzi tiegħu, darbtejn fis-sena.
16. Ir-Rayonen sad (il-Qorti Distrettwali) ikkonkludiet li ma kellhiex ġurisdizzjoni biex teżamina t-talba ta’ N. Valcheva. L-Okrazhen sad de Burgas (il-Qorti Reġjonali ta’ Burgas, il-Bulgarija), ikkonfermat fl-appell ir-riżultat tad-deċiżjoni tal-ewwel istanza billi bbażat ruħha fuq ir-Regolament Nru 2201/2003. Hija ddeċidiet li dan ir-regolament kien japplika għal kawżi li jikkonċernaw id-dritt ta’ aċċess għall-minuri minn ċirku familjari estiż li jinkludi lin-nanniet u li, skont l-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament, il-ġurisdizzjoni tkun tal-qrati tal-Istat Membru li fih it-tifel kellu r-residenza abitwali fil-mument li huma jkunu ġew aditi, jiġifieri l-qrati Griegi.
17. N. Valcheva ppreżentat appell ta’ kassazzjoni quddiem il-Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema ta’ Kassazzjoni). Din il-qorti tindika li ttendi li taqbel mal-pożizzjoni tal-qorti tal-appell, iżda żżid li huwa essenzjali għaliha li tkun taf jekk ir-Regolament Nru 2201/2003 japplikax għad-dritt ta’ aċċess tan-nanniet sabiex tistabbilixxi l-qorti li għandha ġursdizzjoni.
18. Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema ta’ Kassazzjoni) iddeċidiet, permezz ta’ sentenza tad-29 ta’ Mejju 2017, li waslet fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Ġunju 2017, li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
“Il-kunċett ta’ ‘drittijiet ta’ aċċess’ li jintuża fl-Artikolu 1(2)(a) u fil-punt 10 tal-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2201/2003 […] għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jikkonċernax biss l-aċċess bejn il-ġenituri u l-minuri iżda wkoll l-aċċess għal qraba oħra għajr il-ġenituri, b’mod partikolari għan-nanniet?”
19. It-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet innotifikata lill-partijiet interessati fis-6 ta’ Lulju 2017. Notifika oħra ta’ din it-talba ntbagħtet lill-konvenuta fil-kawża prinċipali fil-15 ta’ Settembru 2017. Il-partijiet ikkonċernati qablu, dwar il-preżentata tal-osservazzjonijiet bil-miktub, fuq terminu li jiskadi fit-18 ta’ Settembru u fl-4 ta’ Diċembru 2017. Il-qorti tar-rinviju u dawn il-partijiet ġew infurmati, waqt din in-notifika, bid-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti prijorità lil din it-talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 53(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.
20. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mir-Repubblika Ċeka u mill-Kummissjoni Ewropea. Peress li ħadd mill-partijiet ikkonċernati ma talabha, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tiddeċiedi mingħajr ma żżomm seduta għas-sottomissjonijiet orali.
IV. Analiżi
21. Fis-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, N. Valcheva, ta’ nazzjonalità Bulgara, hija n-nanna materna ta’ tifel minuri li twieled fit-8 ta’ April 2002 (3). Wara l-ħall taż-żwieġ tal-ġenituri tiegħu, il-minuri rrisjeda abitwalment fil-Greċja ma’ missieru, ta’ nazzjonalità Griega. In-nanna tiegħu tixtieq tikseb id-dritt għall-aċċess fir-rigward tan-neputi tagħha.
22. Madankollu, inkwantu, skont l-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, il-kustodja tat-tifel hija tal-missier, filwaqt li l-omm għandha biss dritt ta’ aċċess, tqum il-kwistjoni dwar jekk in-nanniet li jixtiequ jkollhom relazzjoni personali man-neputi jistgħux jipprevalixxu mir-regoli dwar il-ġurisdizzjoni fir-Regolament Nru 2201/2003 biex jitolbu d-dritt ta’ aċċess.
A. Kunsiderazzjonijiet ġenerali
23. Jidhirli utli, qabel ma nibda l-eżami tal-domanda preliminari, li jsiru ċertu numru ta’ kunsiderazzjonijiet ġenerali li jippermettu li jiġi ddefinit il-kuntest li fih jidħol ir-Regolament Nru 2201/2003. Dawn il-kunsiderazzjonijiet jikkonċernaw l-effett tal-integrazzjoni Ewropea fuq il-kompetenzi tal-Unjoni fil-qasam tad-dritt internazzjonali privat, il-kuntest soċjoekonomiku ta’ dan ir-regolament u s-supremazija tal-aħjar interess tal-minuri.
1. L-integrazzjoni Ewropea u d-dritt internazzjonali privat
24. Kważi 20 sena għaddew mill-pubblikazzjoni tar-rapport spjegattiv li jikkonċerna l-Konvenzjoni ta Brussell tat-28 ta’ Mejju 1998 (4). Dan ir-rapport kien jenfasizza, ġustament, in-neċessità li jiġu ttrattati l-problemi li jqumu fid-dritt tal-familja mill-perspettiva tal-integrazzjoni Ewropea. Fil-fatt, fis-snin 90, il-kwistjoni tal-“komunitarizzazzjoni” tad-dritt privat kellha post tajjeb fil-programmi akkademiċi, fil-proġetti ta’ riċerka u fil-konferenzi universitarji (5). Il-korsijiet offruti fl-Académie de droit international de La Haye (6) kienu ffukati b’mod partikolari fuq ir-riżultati ta’ dawn id-dibattiti u ta’ din ir-riflessjoni li tikkonċerna l-effett tar-regoli “komunitarji” fuq id-dritt internazzjonali privat u l-konsegwenzi tal-integrazzjoni Ewropea fuq l-iżvilupp tal-istess.
25. Minn dan jirriżulta, b’mod partikolari, li l-evoluzzjoni tal-Unjoni u tal-għanijiet tagħha kellha effett reali fuq il-kompetenzi tagħha stess fil-qasam tad-dritt internazzjonali privat. Fil-fatt, ir-rwol tad-dritt internazzjonali privat Ewropew, li kien limitat ħafna għall-ewwel fid-dawl tal-għan inizjali tal-ħolqien ta’ suq komuni, ibbenefika mill-introduzzjoni tat-tieni għan, jiġifieri ċ-ċittadinanza Ewropea, li ppermettiet lill-Unjoni li taqbeż il-limiti ta’ sempliċi integrazzjoni ekonomika biex torjenta ruħha lejn l-Ewropea taċ-ċittadini (7). Iktar minn hekk, wara t-Trattat ta’ Amsterdam, it-tielet għan ikkontribwixxa għall-avvanz tal-proġett Ewropew: il-kunsiderazzjoni ta’ żona ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja li tiggarantixxi l-moviment liberu tal-persuni filwaqt li tinkwadra l-mobbiltà dejjem tikber taċ-ċittadini u billi tagħti kontenut lil din iċ-ċittadinanza Ewropea (8), b’mod partikolari, mad-dritt ta’ aċċess għall-ġustizzja (9). Fir-rigward ta’ dan id-dritt, kruċjali għall-implementazzjoni ta’ drittijiet proċedurali u fundamentali oħra, jidhirli evidentement essenzjali, sabiex il-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea jkollu ċerta realtà għaċ-ċittadini tal-Unjoni, li jkunu jistgħu jintlaħqu “riżultati rapidi u tanġibbli” fl-oqsma bħalma huma r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet (10).
26. Dan huwa l-kuntest li fih jidħlu, b’mod ġenerali, ir-regoli tad-dritt internazzjonali privat Ewropew u, b’mod iktar partikolari, ir-regoli li jikkonċernaw il-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri tar-Regolament Nru 2201/2003.
2. L-evoluzzjoni tas-soċjetà u r-Regolament Nru 2201/2003
27. Nixtieq insemmi wkoll ir-riperkussjonijiet tat-trasformazzjonijiet li messew lis-soċjetà dawn l-aħħar deċenni fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri. Dan ser jippermetti li jiġi ddefinit aħjar il-kuntest tar-Regolament Nru 2201/2003 għall-iskopijiet tal-analizi tad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju
28. Fir-rigward, fl-ewwel lok, tat-trasformazzjonijiet tas-soċjetà fi ħdan l-Unjoni (u, b’mod ġenerali tas-soċjetà tal-Punent), għandu jiġi osservat, min-naħa, li t-tibdil ekonomiku marbut mal-mondjalizzazzjoni pprovoka tibdil profond fir-relazzjonijiet tax-xogħol, bil-konsegwenza, b’mod partikolari, tal-fenomenu tas-separazzjoni bejn il-lok tar-residenza abitwali u l-lok tax-xogħol. Li wieħed jirrisjedi fi Stat Membru u jaħdem fi Stat Membru ieħor sar normali għal parti miċ-ċittadini tal-Unjoni. Is-sitwazzjoni hija madankollu iktar kumplessa fil-każ ta’ ċittadini li jirrisjedu fi Stat Membru u li huma kkollokati f’pajjiż terz għal kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor. Dan it-tibdil jaffettwa wkoll b’mod sinjifikattiv il-ħajja familjari taċ-ċittadini tal-Unjoni.
29. Min-naħa l-oħra, fuq livell soċjokulturali, hemm trasformazzjonijiet daqstant profondi li jaffettwaw il-modi ta’ ħajja taċ-ċittadini. Il-fenomenu tal-familji li l-membri tagħhom (ġenituri u tfal) għandhom nazzjonalità doppja jew nazzjonalitajiet differenti (ħaġa li hija marbuta mill-qrib mal-moviment liberu tal-persuni, u, b’mod iktar ġenerali, għall-mondjalizzazzjoni), id-diversità tat-tipi ta’ unjoni u ta’ ħajja komuni, barra miż-żwieġ, b’mod partikolari l-patt ċivili ta’ solidarjetà (Pacs), il-forom ġodda ta’ strutturi familjari, b’mod partikolari l-familji b’ġenitur wieħed, familja rikostitwita jew omoparentali, u l-forom ġodda ta’ parentalità fir-rigward tal-ulied imwielda minn unjoni preċedenti, imwielda minn prokreazzjoni medikament assistita jew adottati, huma biss ftit eżempji. Id-diversifikazzjoni tal-istrutturi familjari hija għaldaqstant realtà tas-soċjetà kontemporanja. Ċerti minn dawn il-fenomeni ma humiex verament ġodda, imma, b’effett mis-snin 60, it-trasformazzjonijiet intensifikaw ruħhom u żviluppaw b’mod esponenzjali. Dawn it-tibdiliet ekonomiċi u soċjokulturali li l-effett multiplu tagħhom fuq il-ħajja taċ-ċittadini jinħass b’ritmu kostanti jimplikaw f’ċerti każijiet li jerġgħu jiġu kkunsidrati l-pedamenti li fuqhom huma bbażati s-sistemi legali u l-kontenut tar-regoli tagħhom u jinneċessitaw aġġustament tad-dritt, u b’mod partikolari tad-dritt tal-Unjoni (inkluż id-dritt internazzjonali privat Ewropew).
30. Fit-tieni lok, fir-rigward b’mod iktar preċiż tar-riperkussjonijiet tal-evoluzzjoni tas-soċjetà fuq ir-Regolament Nru 2201/2003, għandu jiġi kkonstatat li, għal dak li jikkonċerna l-kwistjonijiet li jirrigwardaw it-tfal, il-portata ta’ dan ir-regolament ġiet konsiderevolment estiża meta mqabbla mal-Konvenzjoni ta’ Brussell tal-1998 (11) u mar-Regolament Nru 1347/2000 (12). Fil-fatt, filwaqt li r-Regolament Nru 1347/2000 kien jirrigwarda biss il-proċeduri ċivili li jirrigwardaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri fir-rigward tal-ulied komuni tal-konjuġi fl-okkażjoni ta’ proċeduri li jirrigwardaw il-ħall (divorzju jew annullament) tar-rabta matrimonjali jew għas-separazzjoni legali (13), ir-Regolament Nru 2201/2003 jestendi llum, indipendentement min-natura tal-qorti, għall-“kwistjonijiet kollha” li jirrigwardaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri. Fil-fatt, bil-għan li jiggarantixxi l-ugwaljanza tat-“tfal kollha” mingħajr distinzjoni, dan tal-aħħar japplika għas-sitwazzjoni tat-tfal minn relazzjoni preċedenti u tat-tfal imnissla u mwielda barra miż-żwieġ, kemm jekk ir-responsabbiltà tal-ġenituri tiġi eżerċitata mill-ġenituri jew minn terz, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-familji rikomposti.
31. Madankollu, minkejja l-isforzi tal-leġiżlatur tal-Unjoni biex jaġġusta l-leġiżlazzjoni fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri għall-evoluzzjonijiet tas-soċjetà, dawn isegwu ritmu pjuttost iktar mgħaġġel mill-proċess ta’ aġġustament leġiżlattiv u huwa evidenti li jibqa’ ċerti “żoni vagi”, li għalihom il-leġiżlazzjoni ma tagħtix risposta espliċita. Il-kawża prinċipali tikkostitwixxi eżempju ta’ dawn iż-żoni vagi maħluqa minħabba l-evoluzzjonijiet tas-soċjetà fir-rigward b’mod partikolari tar-relazzjonijiet personali tat-tifel flimkien ma’ persuni oħra li magħhom huwa marbut b’rabtiet “familjari” ta’ dritt jew ta’ fatt (bħalma huwa l-ex konjuġi ta’ wieħed mill-ġenituri, l-aħwa tat-tifel, in-nanniet jew is-sieħeb/sieħba li għandu r-responsabbiltà ta’ ġenitur). Dawn iż-żoni vagi jistgħu jqajmu inċertezzi, spiss paradossali, fir-rigward tal-eżistenza ta’ dritt ta’ aċċess tal-persuni li ma humiex il-ġenituri, f’dan il-każ in-nanniet.
32. Fir-rigward b’mod preċiż tan-nanniet, din l-inċertezza ma toħloqx konfużjoni jekk wieħed iqis li, fil-prinċipju u salv l-aqwa interess tat-tifel, ir-relazzjoni personali bejn in-nanniet u n-neputijiet tagħhom tibqa’, b’mod partikolari f’soċjetà f’evoluzzjoni kostanti, sors essenzjali ta’ stabbiltà għat-tfal u fattur importanti ta’ rabta interġenerazzjonali li tikkontribwixxi bla ebda dubju għall-bini tal-identità proprja tagħhom?
3. Il-prinċipju tas-supremazija tal-aħjar interess tal-minuri
33. Jien ma nistax nagħlaq din il-parti ddedikata għall-kunsiderazzjonijiet ġenerali mingħajr ma nsemmi l-prinċipju l-iktar importanti tar-Regolament Nru 2201/2003: is-supremazija tal-aħjar interess tat-tifel.
34. Dan il-prinċipju huwa wieħed mill-prinċipji li jimmarka l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (14). F’dan ir-rigward, mhux biss l-Istati Membri kollha rratifikaw il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet tat-tfal (15) imma l-Qorti tal-Ġustizzja, barra minn hekk, diġà kellha l-okkażjoni li tfakkar li din il-konvenzjoni torbot lil kull wieħed mill-Istati Membri u li dan it-test jinsab fost in-numru ta’ strumenti internazzjonali li jirrigwardaw il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem li hija tieħu inkunsiderazzjoni fl-applikazzjoni tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (16). Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 3(3) TUE jipprovdi li l-“Unjoni għandha tistabbilixxi suq intern” imbagħad tistipula li l-Unjoni “tippromwovi l-ġustizzja […] is-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet u l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal” (17).
35. Fir-rigward tar-Regolament Nru 2201/2003, dan huwa bbażat fuq il-prinċipju tas-supremazija tal-aħjar interess tat-tifel u r-rispett tad-drittijiet tiegħu. Fil-fatt, il-premessa 33 tiegħu tipprovdi li dan ir-regolament jfittex b’mod partikolari li jiżgura r-rispett tad-drittijiet fundamentali tat-tifel kif stabbiliti fl-Artikolu 24 tal-Karta. Dan l-artikolu jirrikonoxxi t-tfal bħala detenturi ta’ drittijiet, indipendenti u awtonomi, u jrendi l-aħjar interess tat-tfal kunsiderazzjoni primarja għall-awtoritajiet pubbliċi u għall-istituzzjonijiet privati (18). F’dan ir-rigward, għandu jissemma wkoll l-Artikolu 7 tal-Karta dwar ir-rispett tal-ħajja privata u familjari.
36. Għal dak li jikkonċerna, b’mod iktar preċiż, ir-regoli dwar il-ġurisdizzjoni stabbiliti mir-Regolament Nru 2201/2003 fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri, dawn huma stabbiliti skont l-imsemmi prinċipju u, b’mod partikolari, skont il-kriterju tal-viċinanza. Għaldaqstant, huma l-qrati tal-post tar-residenza abitwali tat-tfal li huma fl-aħjar pożizzjoni li jirregolaw kull kwistjoni li tikkonċerna r-responsabbiltà tal-ġenituri u, konsegwentement, id-dritt għall-aċċess (19). Barra minn hekk, fl-interess tat-tfal, ir-Regolament 2201/2003 jippermetti, permezz ta’ eċċezzjoni u taħt ċerti kundizzjonijiet, li l-qorti li għandha l-ġurisdizzjoni tittrasferixxi l-każ għal qorti ta’ Stat Membru ieħor jekk din il-qorti hija f’pożizzjoni aħjar biex tisma’ l-każ (20).
37. Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat is-supremazija tal-interess tal-minuri bħala l-priżma li minnha għandhom jinqraw id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni (21). Fil-ġurisprudenza tagħha, hija tirreferi għall-interess tat-tfal li jsegwu l-ħajja familjari tagħhom, protett ukoll mid-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja familjari ggarantit mill-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali (22).
38. Konsegwentement, ma hemmx dubju li l-prinċipju tas-supremazija tal-interess tat-tfal għandu jiggwida kull interpretazzjoni teleoloġika tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2201/2003 li jikkonċernaw, kif inhu dan il-każ, talba għad-dritt għall-aċċess tan-nanniet. Jien ser nittratta dan iktar tard.
B. Id-domanda preliminari
39. Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-kunċett ta’ “dritt ta’ aċċess” imsemmi fl-Artikolu 1(2)(a) u fil-punt 10 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2201/2003 għandux jiġi interpretat fis-sens li jestendi għad-dritt ta’ aċċess tan-nanniet li jikkonċerna lin-neputijiet tagħhom.
40. Issa, għalkemm il-kunċett ta’ “dritt ta’ aċċess” jissemma espliċitament fl-Artikolu 1(2)(a) u fil-punt 10 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2201/2003, dawn id-dispożizzjonijiet ma jippreċiżawx espressament jekk dan id-dritt ikoprix jew le d-dritt ta’ aċċess ta’ persuni oħrajn, barra mill-ġenituri.
41. Għaldaqstant, għall-iskopijiet tal-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat mhux biss il-formulazzjoni imma wkoll il-kuntest tagħhom u l-għanijiet imfittxija mir-Regolament Nru 2201/2003.
42. Għandu jiġi rrilevat mill-ewwel li, għal dak li jikkonċerna l-kunċett ta’ responsabbiltà tal-ġenituri u l-għan tar-Regolament Nru 2201/2003, il-gvern Ċek u l-Kummissjoni ddefendew fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, filwaqt li bbażaw b’mod partikolari fuq il-formulazzjoni ta’ dan ir-regolament, il-fehma li l-imsemmi regolament japplika għad-dritt ta’ aċċess tan-nanniet. Il-qorti tar-rinviju tidher li taqbel ma’ din il-fehma fid-deċiżjoni ta’ rinviju tagħha (23).
1. Il-kliem u l-istruttura tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2201/2003
43. Fir-rigward tar-responsabbiltà tal-ġenituri, l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2201/2003 jippreċiża li dan japplika, indipendentement min-natura tal-qorti, fi kwistjonijiet dwar “l-attribuzzjoni, l-ezerċizzju, id-delegazzjoni, ir-restrizzjoni jew it-terminazzjoni tar-responsabbilità ta’ l-ġenituri”. Biex ikun jista’ jiġi stabbilit b’mod adegwat il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 2201/2003 (24), kien importanti għal-leġiżlatur tal-Unjoni li jippreċiża l-kunċett tar-responsabbiltà tal-ġenituri. Dan il-kunċett ma kienx fil-fatt iddefinit la mill-Konvenzjoni ta’ Brussell tal-1998 (25) u lanqas mir-Regolament Nru 1347/2000. Il-leġiżlatur għażel, għaldaqstant, definizzjoni uniformi tal-kunċett ta’ responsabbiltà tal-ġenituri (26). Dan il-kunċett huwa ddefinit fil-punt 7 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2201/2003 bħala “d-drittijiet u r-responsabbilitajiet kollha dwar il-persuna jew il-proprjetà ta’ l-minuri li huma moghtija lil persuna jew persuna legali b’sentenza, bl-operazzjoni ta’ l-liġi jew b’xi fteħim li għandu effetti legali”. Konsegwentement, kemm il-persuni fiżiċi kif ukoll dawk ġuridiċi jistgħu jkollhom ir-responsabbiltà ta’ ġenituri (27). Iktar minn hekk, il-kunċett ta’ responsabbiltà tal-ġenituri jinkludi “b’mod partikolari” id-dritt għall-kustodja u d-dritt ta’ aċċess, ħaġa li tfisser li din tista’ tinqasam f’dawn iż-żewġ elementi (28). Minħabba dan il-fatt, fis-sens tar-Regolament Nru 2201/2003, kemm min għandu d-dritt ta’ kustodja kif ukoll min għandu d-dritt ta’ aċċess indikati mid-dritt nazzjonali jistgħu jkunu kklassifikati bħala li huma detenturi tar-responsabbiltà tal-ġenituri li tinkludi b’mod partikolari dawn iż-żewġ drittijiet (29).
44. Fir-rigward tad-dritt ta’ aċċess, skont il-punt 10 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2201/2003, dan huwa ddefinit bħala “partikolarment id-dritt li tieħu l-minuri f’post ‘l barra minn dak li huwa l-post residenzali proprju, għal perjodu ta’ żmien limitat”. Din id-definizzjoni tindika biss parti waħda mill-kontenut tad-dritt ta’ aċċess, mingħajr ma tagħmel riferiment għall-persuni li jistgħu jkollhom dan id-dritt (30).
45. Il-punt 8 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2201/2003 jiddefinixxi min-naħa tiegħu min għandu r-responsabbiltà tal-ġenituri bħala “kwalunkwe persuna li għandha r-responsabilità ta’ l-ġenituri fuq il-minuri” (31).
46. Jirriżulta fil-fehma tiegħi minn qari tal-punti 7, 8 u 10 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2201/2003 li l-leġiżlatur tal-Unjoni uża volontarjament definizzjonijiet wiesgħa sabiex ikopri pluralità ta’ każijiet. Din l-intenzjoni toħroġ mill-użu ta’ formulazzjonijiet ġenerali bħalma hija “d-drittijiet u r-responsabbilitajiet kollha” jew “kwalunkwe persuna” kif ukoll mill-avverbju “partikolarment”. B’mod partikolari, l-użu ta’ dan l-avverbju fid-definizzjoni tal-kunċett ta’ dritt ta’ aċċess tal-punt 10 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2201/2003 jixhed, fil-fehma tiegħi, ir-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jagħżel definizzjoni estiża ta’ dan id-dritt.
47. Konsegwentement, għalkemm il-kunċett ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, fid-dawl tal-punti 7 u 8 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2201/2003, ikopri kull persuna fiżika jew ġuridika li għandha d-dritt ta’ aċċess – fejn dan tal-aħħar huwa wkoll iddefinit b’mod wiesa’ fil-punt 10 tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament – jidhirli li huwa ċar li kemm ir-responsabbiltà tal-ġenituri (bħala kunċett globali) kif ukoll id-dritt ta’ aċċess (bħala element minn dan il-kunċett globali) jistgħu jappartjenu lil kull persuna fiżika jew ġuridika għall-iskopijiet ta’ dan ir-regolament (32).
48. Ċertament, jirriżulta mid-definizzjoni tal-kunċett tar-responsabbiltà tal-ġenituri li tinsab fil-punt 7 tal-imsemmi artikolu li d-dritt ta’ aċċess huwa biss element wieħed mir-responsabbiltà tal-ġenituri (33). B’mod partikolari, f’sitwazzjoni bħalma hija dik tal-kawża prinċipali fejn ir-responsabbiltà tal-ġenituri hija, skont id-dritt nazzjonali, eżerċitata b’mod konġunt mill-ġenituri, huwa biss ġenitur wieħed (f’dan il-każ, il-missier) li għandu l-kustodja tat-tifel filwaqt li l-ġenitur l-ieħor (f’dan il-każ, l-omm) għandha normalment id-dritt ta’ aċċess. F’dan il-kuntest, jekk terza persuna titlob dritt ta’ aċċess, il-kwistjoni li tqum hija dik dwar jekk, għall-iskopijiet tad-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni, ir-Regolament Nru 2201/2003 ikoprix ukoll dritt ta’ aċċess separat minn dak li jkun ingħata mid-dritt nazzjonali lil wieħed mill-ġenituri (f’dan il-każ, l-omm) u jekk, konsegwentement, l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt jistax ukoll jintalab minn terza persuna, bħalma huma n-nanniet.
49. Biex tingħata risposta lil din id-domanda, għandu jitfakkar li jirriżulta mill-kliem u mill-istruttura tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2201/2003 li r-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni kienet li jkopri l-ikbar numru ta’ modalitajiet li jippermettu lit-tifel li jżomm relazzjonijiet personali mhux biss mal-ġenituri tiegħu imma wkoll ma’ membri oħra tal-familja jew qraba (34). Fil-fehma tiegħi, ma hemm xejn fid-definizzjonijiet eżaminati u lanqas fil-kuntest tagħhom li jipprekludi fil-prinċipju li nanna tkun tista’ tipprevalixxi ruħha mir-regoli ta’ ġurisdizzjoni tar-regolament biex titlob dritt ta’ aċċess.
50. Għandu jiġi vverifikat jekk din l-interpretazzjoni hija kkorroborata wkoll mill-għan tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2201/2003.
2. L-interpretazzjoni teleoloġika tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2201/2003
51. L-interpretazzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni l-għan tar-Regolament Nru 2201/2003 tikkonferma, hija wkoll, l-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament għad-dritt ta’ aċċess tan-nanniet.
52. Infakkar, qabelxejn, li wieħed mill-għanijiet tar-Regolament Nru 2201/2003 huwa dak li jiffavorixxi r-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji. Dan joħroġ mill-premessa 2 ta’ dan ir-regolament li tenfasizza li dan ir-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji huwa “bażi għall-ħolqien ta’ żona ġuridika ġenwina” (35). Għal din ir-raġuni, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet mogħtija fi Stat Membru “għandu jiġi bbażat fuq il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka u l-bażi għal nuqqas ta’ rikonoxximent għandu jinżamm għall-minimu neċessarju” kif tipprovdi l-premessa 21 tar-Regolament Nru 2201/2003. Iktar minn hekk, jirriżulta mill-premessa 2 ta’ dan ir-regolament li d-dritt ta’ aċċess huwa prijorità għal-leġiżlatur tal-Unjoni.
53. Fir-rigward, imbagħad, li tiggarantixxi l-ugwaljanza għall-minuri kollha, il-premessa 5 tar-Regolament Nru 2201/2003 tipprovdi li dan ir-regolament ikopri d-deċiżjonijiet kollha fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri, inklużi l-miżuri ta’ protezzjoni għall-minuri, indipendentement minn xi konnessjoni ma’ xi proċedura matrimonjali (36). F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-eżami tal-punti 7, 8 u 10 tal-Artikolu 2, ir-Regolament Nru 2201/2003 jadotta kunċett estiż ta’ min għandu r-responsabbiltà tal-ġenituri li jinkludi mhux biss kull persuna fiżika li teżerċita r-responsabbiltà tal-ġenituri fir-rigward ta’ tfal imma wkoll it-terzi persuni jew il-persuni ġuridiċi, bħalma huma l-awtoritajiet għall-protezzjoni tat-tfal.
54. Fl-aħħar nett, infakkar li kif jirriżulta mill-punti 35 sa 37 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ir-regoli li joħorġu mir-Regolament Nru 2201/2003 fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri, u b’mod partikolari r-regoli ta’ ġurisdizzjoni, għandhom jinftehmu – u konsegwentement għandhom jiġu interpretati – skont mhux l-interess tal-applikant imma l-aħjar interess tat-tfal, u b’mod partikolari skont il-kriterju tal-viċinanza (37). Għaldaqstant, l-interpretazzjoni teleoloġika tar-Regolament Nru 2201/2003 għandha ssir fid-dawl tas-supremazija tal-aħjar interess tat-tfal, bħala l-prinċipju prinċipali stabbilit kemm mill-premessi kif ukoll mid-dispożizzjonijiet tagħha (38).
55. Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, x’konklużjonijiet nistgħu naslu għalihom mill-eżami tal-għanijiet tar-Regolament Nru 2201/2003?
56. Ir-risposta jidhirli li issa evidenti. Ċertament, ma jeżistux dispożizzjonijiet partikolari li japplikaw għas-sitwazzjoni, bħalma hija dik tal-kawża prinċipali, ta’ nanna li titlob id-dritt ta’ aċċess fir-rigward tan-neputi tagħha. Fil-fehma tiegħi ma hemmx lakuna legali. Fil-fatt, jirriżulta ċar mill-għanijiet tar-Regolament Nru 2201/2003 li xejn ma jiġġustifika li d-dritt ta’ aċċess ikun eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament meta l-applikant għad-dritt ta’ aċċess ikun persuna li ma hijiex il-ġenituri, li għandha rabtiet familjari fid-dritt jew fil-fatt mat-tifel, kif inhu l-każ hawnhekk. Barra minn hekk, l-għoti ta’ dritt ta’ aċċess lil persuna li ma hijiex waħda mill-ġenituri jista’ jidħol fuq id-drittijiet u dmirijiet ta’ dawn tal-aħħar (f’dan il-każ, għal dak li jikkonċerna d-dritt ta’ kustodja tal-missier u d-dritt ta’ aċċess tal-omm). Għaldaqstant, biex jiġu evitati miżuri kunflittwali u fl-aħjar interess tat-tifel jeħtieġ li l-istess qorti, dik tar-residenza abitwali tal-minuri, tiddeċiedi fuq id-drittijiet ta’ aċċess (39).
57. Abbażi ta’ dawn l-ideat, jien naqbel mal-argument tal-Kummissjoni li, jekk it-talbiet għad-dritt ta’ aċċess ta’ persuni li ma humiex ġenituri għandhom jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 2201/2003, il-kompetenza ġudizzjarja għal dawn it-talbiet tiġi ddeterminata b’regoli nazzjonali mhux armonizzati. Ir-riskju ta’ espożizzjoni tat-tifel għal tilwima quddiem qorti li magħha ma għandux rabta mill-qrib u r-riskju ta’ proċeduri paralleli kif ukoll ta’ deċiżjonijiet inkonċiljabbli jiżdiedu, ħaġa li tmur kontra l-għan tar-Regolament Nru 2201/2003, li huwa intiż li jistabbilixxi regoli ta’ ġurisdizzjoni uniformi li josservaw il-prinċipju ta’ viċinanza fil-proċeduri ġudizzjarji.
58. Jirriżulta għaldaqstant mill-punti 43 sa 57 ta’ dawn il-konklużjonijiet li l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2201/2003 fis-sens li dan ir-regolament jirrigwarda t-talba għal dritt ta’ aċċess minn-nannu/nanna, ma tmurx kontra l-għan imfittex mil-leġiżlatur tal-Unjoni fil-kuntest ta’ dan ir-regolament.
59. Kif ser nispjega iktar ’il quddiem, din l-interpretazzjoni hija kkonfortata mill-istorja tar-Regolament Nru 2201/2003.
3. Il-qari storiku tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2201/2003
60. Qabel ma nipproponi risposta għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, jidhirli xieraq li jiġi eżaminat mhux biss il-kuntest storiku tar-Regolament Nru 2201/2003 imma wkoll il-leġiżlazzjoni preċedenti għal dan ir-regolament.
a) Ix-xogħol preparatorju tar-Regolament Nru 2201/2003
61. Fir-rigward, fl-ewwel lok, tax-xogħol preparatorju, għandu jitfakkar, kif jirriżulta mill-punti 30 u 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1347/2000, it-test li ppreċeda r-Regolament Nru 2201/2003, kien limitat, fir-rigward tar-responsabbiltà tal-ġenituri, għall-kwistjonijiet li jikkonċernaw lill-ġenituri biss. Din il-limitazzjoni kienet tapplika wkoll għall-proċeduri li jirrigwardaw id-dritt ta’ aċċess (dritt ta’ aċċess ta’ wieħed mill-ġenituri).
62. Fis-sena 2000, fid-dawl tan-numru kbir ta’ kunflitti familjari li jikkonċernaw l-impossibbiltà ta’ wieħed mill-ġenituri li jeżegwixxi d-dritt ta’ aċċess fi Stat Membru ieħor, ir-Repubblika Franċiża kienet ippreżentat inizjattiva bil-għan li jiġi adottat regolament tal-Kunsill dwar l-eżekuzzjoni reċiproka tad-deċiżjonijiet li jikkonċernaw id-dritt ta’ aċċess tat-tfal (40). Meta eżamina din l-inizjattiva, il-Kunsill tal-Unjoni kien ikkonkluda li din setgħet tiġi segwita biss b’mod parallel max-xogħol dwar l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1347/2000. Dan kien jiżgura l-ugwaljanza fit-trattament tat-tfal kollha, biex jieħu inkunsiderazzjoni r-realtajiet soċjali bħalma hija d-diversifikazzjoni tal-istrutturi familjari (41).
63. Fis-sena 2001, waqt fażi ta’ żvilupp tal-proposta tal-Kummissjoni li tikkonċerna regolament li jirrigwarda r-responsabbiltà tal-ġenituri, din l-istituzzjoni ppubblikat dokument ta’ xogħol li minnu kien jirriżulta, evidentement, li hija kienet intenzjonata tadotta tifsira tad-dritt ta’ aċċess ħafna iktar wiesgħa minn dik tar-Regolament Nru 1347/2000 (42). F’dan id-dokument ta’ xogħol, il-Kummissjoni indikat li “[f]ilwaqt li r-regolament [Nru 1347/2000] iħalli f’idejn id-dritt nazzjonali biex jirregola din il-kwistjoni, ġie propost li t-test ġdid imur iktar ’il bogħod għal dak li jikkonċerna l-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċess, billi jeżiġi pereżempju li kull ex membru tal-familja tat-tifel, kif inhu l-ex sieħeb/sieħba ta’ wieħed mill-ġenituri, ikollu dritt ta’ aċċess jew dritt li jitlob li jgawdi minn dan id-dritt” (43). Il-Kummissjoni ssostni wkoll fl-imsemmi dokument li ċerti Stati Membri jistgħu jistabbilixxu rekwiżiti sostantivi li jirrigwardaw l-għażla tal-benefiċjarji tad-dritt ta’ aċċess bħala kundizzjonijiet li l-osservanza tagħhom tikkundizzjona r-rikonoxximent tad-deċiżjoni fl-Istati Membri l-oħra. Barra minn hekk, hija rrilevat fl-istess dokument li l-inklużjoni ta’ tali rekwiżiti joħloq periklu reali li wieħed itendi lejn ir-reviżjoni fil-mertu tad-deċiżjonijiet mill-Istat Membru mitlub, għad-detriment tal-għan stess tar-rikonoxximent reċiproku. Il-Kummissjoni kienet għaldaqstant waslet għall-konklużjoni li l-estensjoni tal-mekkaniżmu ta’ strument legali ġdid għad-deċiżjonijiet kollha fuq ir-responsabbiltà tal-ġenituri “ikun x’ikun il-kontenut tagħhom, il-minuri kkonċernati jew il-persuni li jistgħu jeżerċitaw id-dritt ta’ kustodja jew id-dritt ta’ aċċess”, tippermetti li jkun issodisfatt aħjar il-mandat tal-Kunsill dwar dan l-istrument ġdid u li tiġi implementata l-ewwel fażi tal-programm ta’ miżuri fuq ir-rikonoxximent reċiproku li l-għan tiegħu kien li jitneħħa l-exequatur (44).
64. Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni tenfasizza li d-dokument ta’ xogħol jagħmel riferiment ukoll għall-abbozz ta’ Konvenzjoni Ewropea fuq ir-relazzjonijiet personali li jikkonċernaw lit-tfal (45). Hija tippreċiża li dan l-abbozz jirrikonoxxi d-dritt għat-tfal li jżommu relazzjonijiet personali mhux biss mal-ġenituri tagħhom imma wkoll ma’ persuni oħra li għandhom rabtiet ta’ familja magħhom, kif inhu l-każ tan-nanniet (46).
65. Fil-fehma tiegħi, jirriżulta ċar mill-punti 61 sa 63 ta’ dawn il-konklużjonijiet li x-xogħol preparatorju li jirrigwarda r-Regolament Nru 2201/2003 jikkonferma r-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1347/2000, li kien limitat għall-kwistjonijiet li jirrigwardaw il-ġenituri. Din ir-rieda hija kkorroborata mill-fatt li dawn ix-xogħlijiet kienu jikkontemplaw b’mod ċar id-deċiżjonijiet kollha li jirrigwardaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri u, konsegwentement, id-dritt ta’ aċċess, indipendentement mill-persuni li jistgħu jeżerċitawh u mingħajr ma jkunu esklużi n-nanniet.
b) Il-Konvenzjoni tal-Ajatal-1996
66. Għandu jiġi nnutat li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2201/2003 li jikkonċernaw il-ġurisdizzjoni fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri għandhom ħafna mill-mudell tal-Konvenzjoni tal-Aja tad-19 ta’ Ottubru 1996 (47). Ir-Regolament Nru 2201/2003 huwa ispirat mill-prinċipji ta’ ġurisdizzjoni waħda (48), jiġifieri dik tal-awtoritajiet tal-Istat tar-residenza abitwali tat-tifel, stabbilita b’dik il-konvenzjoni (49).
67. L-Artikolu 3 tal-Konvenzjon tal-Aja tal-1996 jiddefinixxi l-miżuri li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. Dawn il-miżuri jinkludu b’mod partikolari dawk li jirrigwardaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri u dawk li jirrigwardaw id-dritt ta’ aċċess (50). Ir-Regolament Nru 2201/2003, fil-punt 7 tal-Artikolu 2 tiegħu, jirriproduċi essenzjalment id-definizzjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri li toħroġ mill-Konvenzjoni tal-Aja tal-1996 imma din id-definizzjoni (51), b’kuntrast mad-definizzjoni tal-kunċett ta’ responsabbiltà tal-ġenituri tar-Regolament Nru 2201/2003, ma ssemmix espressament id-dritt ta’ aċċess. Dan is-silenzju jippermetti fil-prinċipju li jiġi kkunsidrat, fil-kuntest ta’ din il-konvenzjoni, li min għandu d-dritt ta’ aċċess ma huwiex bilfors min għandu r-responsabbiltà tal-ġenituri (52).
68. Id-definizzjoni tad-dritt ta’ aċċess li tinsab fil-punt 10 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2201/2003 ġiet ifformulata, min-naħa tagħha, b’mod identiku għal dik li tinsab fil-Konvenzjoni tal-Aja tal-1996 (53). Madankollu, ir-rapport Lagarde ma jgħid xejn fuq il-kwistjoni dwar jekk it-talbiet għad-dritt ta’ aċċess imressqa minn persuni li ma humiex il-ġenituri, b’mod partikolari n-nanniet, jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1996.
69. L-istruzzjonijiet ulterjuri adottati mill-Istati Membri tal-konferenza tal-Aja tad-dritt internazzjonali privat jindikaw madankollu li l-importanza, għat-tfal, li jżommu relazzjonijiet personali ma’ persuni oħra li magħhom għandhom rabtiet ta’ familja hija rrikonoxxuta ħafna u jippreċiżaw li “[l]a l-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 u lanqas il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1996 ma jillimitaw id-drittijiet ta’ aċċess għal dawk eżistenti bejn ġenituri u ulied” (54).
70. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, u b’mod partikolari tas-supremazija tal-aħjar interess tal-minuri bħala prinċipju li jiggwida kull interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2201/2003 fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri, jien konvint li dan ir-regolament japplika wkoll għal talba għad-dritt ta’ aċċess tan-nanniet.
4. Strumenti internazzjonali oħra li jikkonċernaw ir-relazzjonijiet personali mat-tfal
71. L-interpretazzjoni wiesgħa tad-dritt ta’ aċċess ma hijiex biss tar-Regolament Nru 2201/2003. Fil-fatt, strumenti internazzjonali oħra li jikkonċernaw ir-relazzjonijiet personali ma’ tfal jadottaw kunċett wiesa’ tad-dritt ta’ aċċess.
72. F’dan ir-rigward, ninnota, fl-ewwel lok, li l-konvenzjoni fuq ir-relazzjonijiet personali li jikkonċernaw lill-minuri tipprovdi, fl-Artikolu 5(1) li “[b]’riżerva għall-aqwa interess tal-minuri, ir-relazzjonijiet personali jistgħu jinħolqu bejn il-minuri u persuni li ma humiex il-ġenituri li miegħu għandhom rabtiet ta’ fmailja” (55). Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 2(d) ta’ din il-konvenzjoni jiddefinixxi r-“rabtiet ta’ familja” bħala “r-relazzjonijiet mill-qrib bħalma huma dawk eżistenti bejn minuri u n-nanniet tiegħu jew ħutu subien u bniet li jirriżultaw mid-dritt jew minn relazzjoni ta’ familja de facto”.
73. F’dan ir-rigward, ir-rapport spjegattiv tal-imsemmija konvenzjoni jippreċiża, l-ewwel nett, li d-determinazzjoni tal-persuni, barra mill-ġenituri, li magħhom it-tifel jista’ jżomm relazzjonijiet personali, sakemm dan ma jkunx kontra l-aħjar interess tiegħu, huwa ta’ “importanza kbira” (56). Huwa jenfasizza, sussegwentement, li f’ċerti Stati Membri, il-leġiżlazzjonijiet kellhom tendenza li jwessgħu ċ-ċirku ta’ persuni li jingħatalhom jew li jistgħu jitolbu relazzjonijiet personali ma’ tfal. Huwa jfakkar li, filwaqt li “dawn il-liġijiet jagħtu lin-nanniet id-dritt li jżommu relazzjonijiet personali mal-minuri, hemm oħrajn li jagħtuhom biss id-dritt li jitolbu li jkollhom dawn ir-relazzjonijiet personali” (57). Fl-aħħar nett, dan ir-rapport jikkonstata li l-ġurisprudenza dwar il-KEDB irrikonoxxiet li l-protezzjoni tal-Artikolu 8 tal-KEDB testendi għaż-żamma ta’ relazzjonijiet personali bejn in-nanniet u n-neputijiet tagħhom (58).
74. Għandu għaldaqstant jitfakkar, fit-tieni lok, li l-Artikolu 8 tal-KEDB jirrikonoxxi li “[k]ulħadd għandu d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata tiegħu u tal-familja tiegħu”. Kif ġie indikat fil-punt preċedenti, il-Qorti EDB iddeċidiet li “r-rabtiet bejn in-nanniet u n-neputijiet jaqgħu taħt ir-rabtiet familjari fis-sens tal-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni” (59). B’mod partikolari, f’kawża li tikkonċerna s-sospensjoni tar-responsabbiltà parentali tal-ġenituri, din il-qorti ddeċidiet li “ma huwiex ikkontestat li l-kwistjonijiet li jirrigwardaw ir-relazzjonijiet bejn in-[nanna] u n-neputijiet tagħha huma koperti mill-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni”. Dik il-qorti fakkret ukoll li “l-ħajja tal-familja fis-sens tal-Artikolu 8 tinkludi talinqas ir-relazzjonijiet bejn qraba, li jistgħu ikollhom rwol konsiderevoli, pereżempju bejn nanniet u neputijiet. Ir-rispett tal-ħajja tal-familja hekk estiża jimplika, għall-Istat, l-obbligu li jaġixxi b’mod li jippermetti l-iżvilupp normali ta’ dawn ir-relazzjonijiet” (60).
75. Fil-fehma tiegħi, jirriżulta ċar mill-punti 43 sa 74 ta’ dawn il-konklużjonijiet li l-analiżi testwali, teleoloġika, sistematika u storika tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2201/2003 tikkorrobora l-idea li r-regola tal-ġurisdizzjoni fl-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament tapplika wkoll għal talba għall-eżerċizzju ta’ dritt ta’ aċċess ta’ persuni li ma humiex il-ġenituri, b’mod partikolari ta’ membri oħra tal-familja fid-dritt u fil-fatt.
76. Għaldaqstant, nikkunsidra li għandha tingħata risposta għad-domanda preliminari li l-kunċett ta’ “dritt ta’ aċċess” imsemmi fl-Artikolu 1(2)(a) u fil-punt 10 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2201/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li jestendi għad-dritt ta’ aċċess tan-nanniet fil-konfront tan-neputijiet tagħhom.
C. Bħala epilogu
77. Kif għadni kif esponejt fil-punti preċedenti, jirriżulta mhux biss mill-kliem, mill-għanijiet u mill-istruttura imma wkoll mill-ġenesi tar-Regolament Nru 2201/2003 li dan ir-regolament jestendi għal talba li tikkonċerna d-dritt ta’ aċċess tan-nanniet.
78. Jirriżulta wkoll mill-analiżi tiegħi li r-Regolament Nru 2201/2003 ma jeskludix mill-kunċett ta’ dritt ta’ aċċess persuni oħra li ma humiex il-ġenituri iżda li għandhom rabtiet ta’ familja fid-dritt jew fil-fatt mat-tfal (b’mod partikolari, aħwa bniet jew subien jew ex konjuġi jew ex sieħeb/sieħba ta’ ġenitur). Fil-fatt, fid-dawl tat-tibdil kostanti fis-soċjetà tagħna u tal-eżistenza ta’ forom ġodda ta’ strutturi familjari, il-possibbiltajiet, fir-rigward ta’ persuni kkonċernati mill-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċess fis-sens tar-Regolament Nru 2201/2003, jistgħu jkunu numerużi (61). Il-każ tal-ex sieħeb/sieħba tal-ġenitur li għandu r-responsabbiltà paternali u, għaldaqstant, tal-ġenituri ta’ dan l-ex sieħeb/sieħba – ikkunsidrati mit-tifel bħala nanniet – jew ukoll il-każ ta’ zija jew ziju inkarigat, fl-assenza temporanja ta’ wieħed jew iż-żewġ ġenituri, li jieħdu ħsieb tat-tifel, huma biss ftit eżempji li għalihom il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ eventwalment tkun iffaċċjata bihom fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-imsemmi regolament (62).
79. Huwa minnu li r-Regolament Nru 2201/2003 jikkonċerna biss ir-regoli dwar il-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet fil-qasam, b’mod partikolari, tar-responsabbiltà tal-ġenituri. Konswegwentement, f’dan l-istadju tal-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni, il-kwistjoni dwar liema persuni ser jingħatalhom – jew ma jingħatalhomx – dritt ta’ aċċess taqa’ taħt id-dritt nazzjonali. Din hija r-raġuni għaliex huwa iktar importanti li jkun hemm regola dwar il-ġurisdizzjoni waħda u uniformi, jiġifieri dik tal-awtoritajiet tal-Istat Membru tar-residenza abitwali tat-tifel, sabiex jiġi żgurat ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet mogħtija fid-diversi Stati Membri.
V. Konklużjoni
80. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi magħmula mill-Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, il-Bulgarija):
Il-kunċett ta’ “dritt ta’ aċċess”, ikkontemplat fl-Artikolu 1(2)(a) u fil-punt 10 tal-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, tas-27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 għandu jiġi interpretat fis-sens li jestendi għad-dritt ta’ aċċess tan-nanniet fil-konfront tan-neputijiet tagħhom.