Language of document :

Rikors ippreżentat fit-12 ta’ Lulju 2019 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Awstrija

(Kawża C-537/19)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: L. Haasbeek, M. Noll-Ehlers, P. Ondrůšek, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika tal-Awstrija

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tikkonstata li r-Repubblika tal-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 2, 28 u 35(2) tad-Direttiva 2004/18/KE 1 sa fejn Stadt Wien-Wiener Wohnen tat direttament il-kuntratt tal-25 ta’ Frar 2012 għall-bini amministrattiv f’Guglstrasse 2-4 fi Vjenna mingħajr ma wettqet proċedura ta’ sejħa għal offerti u mingħajr ma ġie ppubblikat avviż dwar dan;

tikkundanna lir-Repubblika tal-Awstrija għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Il-Kummissjoni tqis li l-belt ta’ Vjenna, bħala awtorità kontraenti, ikkonkludiet kuntratt ta’ kiri fit-tul ma’ kuntrattur privat fl-2012 fir-rigward ta’ bini amministrattiv qabel ma dan l-istess bini nbena. B’dan il-mod hija kellha influwenza deċiżiva fuq l-ippjanar tax-xogħol ta’ kostruzzjoni, li mar lil hinn mir-rekwiżiti normalment mistennija minn kerrej fir-rigward ta’ proprjetà ġdida.

Dan huwa kuntratt pubbliku għal xogħlijiet, hekk kif jirriżulta b’mod ċar mill-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kiri minn awtoritajiet kontraenti ta’ xogħlijiet li għadhom ma tlestewx. Fl-assenza ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti, l-għoti tal-kuntratt jikser l-Artikoli 2, 28 u 35(2) tad-Direttiva 2004/18. Dan il-ksur ikompli sakemm il-kuntratt ta’ kiri, li ma jistax jiġi xolt qabel l-2040, jibqa’ fis-seħħ.

____________

1     Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132).