Language of document :

Appell ippreżentat fit-23 ta’ Lulju 2019 minn Recylex SA, Fonderie et Manufacture de Métaux, Harz-Metall GmbH mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fit-23 ta’ Mejju 2019 fil-Kawża T-222/17, Recylex et vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-563/19 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Recylex SA, Fonderie et Manufacture de Métaux, Harz-Metall GmbH (rappreżentanti: M. Wellinger, avocat, S. Reinart u K. Bongs, Rechtsanwälte)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tat-23 ta’ Mejju 2019, Recylex et vs Il-Kummissjoni (T-222/17, EU:T:2019:356) sa fejn tikkonferma l-multa li ġiet imposta fuqhom mid-deċiżjoni kontenzjuża 1 u tikkundannahom għall-ispejjeż;

tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn timponi fuqhom multa ta’ EUR 26 739 000;

tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuqhom għal EUR 5 877 732 abbażi tat-tliet motivi invokati; jew għall-inqas għal EUR 17 679 141 abbażi tal-ewwel motiv biss, għal EUR 13 305 478 abbażi tat-tieni motiv biss; għal EUR 19 099 565 abbażi tat-tielet motiv biss, għal EUR 8 228 824 abbażi tal-ewwel u tat-tieni motiv; għal EUR 12 627 958 abbażi tal-ewwel u tat-tielet motiv jew għal EUR 9 503 913 abbażi tat-tieni u tat-tielet motiv;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż, inklużi dawk sostnuti fl-ewwel istanza.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti jinvokaw tliet motivi:

is-sentenza appellata hija vvizzjata bi żball ta’ liġi, l-ewwel nett, għar-raġuni li l-motivazzjoni tagħha hija inkoerenti u mhux ċara għal dak li jirrigwarda l-kriterju legali applikabbli għall-għoti tal-immunità parzjali u, it-tieni nett, toħloq żnaturament manifest tal-provi u injorat ir-regoli dwar l-oneru tal-prova fl-applikazzjoni tal-kriterju legali;

is-sentenza appellata hija vvizzjata bi żball ta’ liġi għaliex il-Qorti Ġenerali tinterpreta u tapplika ħażin ir-regoli dwar l-immunità parzjali previsti fit-tielet paragrafu tal-Punt 26 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006;

is-sentenza appellata hija vvizzjata bi żball ta’ liġi għal dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tat-Taqsima III tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006 sa fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-impriża li hija t-tieni waħda li pproduċiet provi ta’ valur miżjud sinjifikattiv ma tistax tieħu post l-ewwel impriża li pproduċiet tali provi iżda li ma ssodisfatx il-kundizzjonijiet sabiex tibbenefika minn tnaqqis tal-multa tagħha.

____________

1     Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea C(2017) 900 final tat-8 ta’ Frar 2017 dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE (Każ AT.40018 – Riċiklaġġ ta’ batteriji ta’ vetturi bil-mutur).