Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Rejonowy Szczecin – Prawobrzeże i Zachód w Szczecinie (il-Polonja) fil-31 ta’ Jannar 2019 – Profi Credit Polska vs QJ

(Kawża C-84/19)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Qorti tar-rinviju

Sąd Rejonowy Szczecin – Prawobrzeże i Zachód w Szczecinie

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Profi Credit Polska S.A.

Konvenut: QJ

Domandi preliminari

L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur 1 għandu jiġi interpretat fis-sens li jeskludi l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva fil-qasam tal-evalwazzjoni tan-natura inġusta tad-diversi klawżoli relatati mal-ispejjeż tal-kreditu minbarra l-interessi, meta dispożizzjonijiet leġiżlattivi fis-seħħ fi Stat Membru jistabbilixxu limitu massimu għal dawn l-ispejjeż, billi huwa previst li l-ispejjeż tal-kreditu minbarra l-interessi li jirriżultaw minn kuntratt ta’ kreditu għall-konsumtur ma humiex dovuti, għall-parti li taqbeż l-ispejjeż massimi tal-kreditu minbarra l-interessi, ikkalkolati bil-mod previst mil-liġi, jew għall-ammont totali tal-kreditu?

L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li klawżola kuntrattwali li tirrigwarda l-ispejjeż minbarra l-interessi, li huma sostnuti u mħallsa minn min jissellef b’mod parallel mas-self, flimkien mal-interessi, u marbuta mal-konklużjoni tal-kuntratt u mal-għoti tas-self innifsu (fil-forma ta’ ħlas, ta’ kummissjoni jew ta’ natura oħra), ma hijiex suġġetta għall-evalwazzjoni msemmija f’din id-dispożizzjoni, fil-kuntest tan-natura inġusta tagħha, jekk din l-istess klawżola hija fformulata b’mod ċar u komprensibbli?

L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/12 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-klawżoli kuntrattwali li jistabbilixxu diversi tipi ta’ spejjeż marbuta mal-għoti tas-self ma humiex ifformulati “f’lingwaġġ sempliċi u ċar” jekk ma jippreċiżawx liema huma konkretament is-servizzi li għalihom l-imsemmija spejjeż huma imposti u jekk dawn ma jippermettux lill-konsumatur jiddetermina d-differenzi bejn dawn l-ispejjeż?

____________

1     (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).