Language of document : ECLI:EU:C:2018:836

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fis-17 ta’ Ottubru 2018 (1)

Kawża C-444/17

Préfet des Pyrénées-Orientales

vs

Abdelaziz Arib,

Procureur de la République,

Procureur général près la cour d’appel de Montpellier

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen – Artikolu 32 – Kontrolli fuq il-fruntieri interni – Direttiva 2008/115/KE – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 2(2)(a) – Dħul irregolari ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz – Esklużjoni tal-assimilazzjoni tal-fruntieri interni mal-fruntieri esterni”






 Introduzzjoni

1.        Skont ġurisprudenza li issa hija stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/115/KE (2) jipprekludu, bħala prinċipju, l-impożizzjoni ta’ piena ta’ priġunerija fuq ċittadin ta’ pajjiż terz sempliċement minħabba l-irregolarità tar-residenza tiegħu fi Stat Membru. L-uniċi żewġ eċċezzjonijiet, ta’ natura ġurisprudenzjali, huma s-sitwazzjoni li fiha tkun ġiet applikata proċedura ta’ ritorn stabbilita mid-Direttiva 2008/115 u fejn iċ-ċittadin jibqa’ jirresjedi irregolarment fl-imsemmi territorju ta’ dan l-Istat Membru mingħajr raġuni ġġustifikata għan-nuqqas ta’ ritorn tiegħu (3) u s-sitwazzjoni li fiha tkun ġiet applikata proċedura ta’ ritorn u fejn il-persuna kkonċernata tidħol mill-ġdid fl-imsemmi territorju ta’ dan l-Istat Membru bi ksur ta’ projbizzjoni ta’ dħul (4).

2.        Il-kwistjoni prinċipali li tqum f’dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari tal-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza) hija dwar jekk għandhiex tiġi aċċettata t-tielet eċċezzjoni f’sitwazzjoni fejn ċittadin ta’ pajjiż terz li jirresjedi irregolarment ikun ġie interċettat fil-viċinanzi ta’ fruntiera interna. Għalhekk, dak li għandu jiġi ddeterminat ma huwiex il-legalità ta’ introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni, iżda biss il-konsegwenzi ta’ tali introduzzjoni mill-ġdid.

3.        B’hekk, fil-kuntest ta’ din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba għal darb’oħra tiddikjara ruħha dwar il-kompatibbiltà mad-Direttiva 2008/115 ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tippermetti li tiġi imposta piena ta’ priġunerija fuq ċittadin ta’ pajjiż terz, sempliċement minħabba l-irregolarità tas-sitwazzjoni tiegħu.

4.        L-analiżi tiegħi ser twassalni sabiex nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi fin-negattiv għal din id-domanda. Skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/115, ma hemmx differenza bejn interċezzjoni fil-viċinanza tal-fruntiera Franċiża-Spanjola u interċezzjoni fit-triq ta’ Champs-Élysées. F’dan ir-rigward, huwa importanti li jiġi enfasizzat li l-introduzzjoni mill-ġdid provviżorja ta’ kontrolli fuq il-fruntieri interni skont il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen (5) ma tbiddel xejn minn din il-konstatazzjoni.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen

5.        L-Artikolu 5 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jipprovdi:

“1.      Il-fruntieri esterni jistgħu jinqasmu biss minn punti ta’ qsim tal-fruntiera u waqt il-ħinijiet tal-ftuħ stabbiliti. Il-ħinijiet tal-ftuħ għandhom ikunu indikati b’mod ċar fil-punti ta’ qsim tal-fruntiera li mhumiex miftuħa għal 24 siegħa kuljum.

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw il-lista ta’ punti ta’ qsim tal-fruntiera tagħhom lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 39.

[…]

3.      Mingħajr preġudizzju għall-eċċezzjonijiet previsti fil-paragrafu 2 jew għall-obbligi tagħhom ta’ protezzjoni internazzjonali, l-Istati Membri għandhom jintroduċu penali, skont il-liġi nazzjonali tagħhom, għall-qsim mhux awtorizzat ta’ fruntieri esterni f’postijiet li mhumiex punti ta’ qsim jew f’ħinijiet li mhumiex il-ħinijiet ta’ ftuħ stabbiliti. Dawk il-penali għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.”

6.        L-Artikolu 13(1) ta’ dan il-kodiċi jipprevedi:

“L-għan ewlieni tas-sorveljanza tal-fruntieri għandu jkun biex ma jitħalliex li jsir il-qsim mhux awtorizzat tal-fruntiera, sabiex tiġi miġġielda l-kriminalità transkonfinali u biex jittieħdu miżuri kontra persuni li jkunu qasmu l-fruntiera b’mod illegali. Persuna li tkun qasmet fruntiera illegalment u li m’għandha l-ebda dritt tibqa’ fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat għandha tiġi arrestata u ssir soġġetta għall-proċeduri li jirrispettaw id-Direttiva 2008/115/KE.”

7.        Skont l-Artikolu 14 tal-imsemmi kodiċi:

“1.      Ċittadin ta’ pajjiż terz li ma jissodisfax il-kondizzjonijiet ta’ dħul kollha stabbiliti fl-Artikolu 6(1) u li mhux wieħed mill-kategoriji ta’ persuni msemmija fl-Artikolu 6(5) għandu jiġi mċaħħad milli jidħol fit-territorji tal-Istati Membri. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet speċjali dwar id-dritt tal-asil u l-protezzjoni internazzjonali jew il-ħruġ ta’ viżi għal soġġorn twil.

2.      Id-dħul jista’ jiġi miċħud biss b’deċiżjoni sostanzjata li tagħti r-raġunijiet preċiżi għaċ-ċaħda. Id-deċiżjoni għandha tittieħed minn awtorità li tingħata s-setgħa mil-liġi nazzjonali. Hi għandha tidħol fis-seħħ immedjatament.

Id-deċiżjoni sostanzjata li ssemmi r-raġunijiet preċiżi għaċ-ċaħda tingħata permezz ta’ formola standard, skont fl-Anness V, parti B, miktuba mill-awtorità li ngħatat is-setgħa mil-liġi nazzjonali biex tiċħad id-dħul. Il-formola standard mimlija għandha tingħata liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat, li għandu jirrikonoxxi li jkun irċieva d-deċiżjoni li tiċħad id-dħul permezz ta’ dik il-formola.

3.      Persuni li jkun mċaħħda d-dħul għandu jkollhom id-dritt ta’ appell. L-appelli għandhom isiru skont il-liġi nazzjonali. Indikazzjoni bil-miktub dwar il-punti ta’ kuntatt li jistgħu jipprovdu informazzjoni dwar rappreżentanti kompetenti biex jaġixxu f’isem iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz skont il-liġi nazzjonali għandha wkoll tingħata liċ-ċittadin ta’ pajiż terz.

L-applikazzjoni għal appell m’għandiex ikollha l-effett li tissospendi d-deċiżjoni li tiċħad id-dħul.

Mingħajr preġudizzju għal xi kumpens mogħti skont il-liġi nazzjonali, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat għandu jkun intitolat għal korrezzjoni tat-timbru tad-dħul ikkanċellat, u għal kwalunkwe kanċellazzjoni jew addizzjoni li tkun saret, mill-Istat Membru li jkun ċaħad id-dħul jekk l-appell jikkonkludi li d-deċiżjoni biex jiġi miċħud id-dħul ma kinitx fondata.

4.      Il-gwardji tal-fruntieri għandhom jiżguraw li ċittadin ta’ pajjiż terz li ġie miċħud lilu d-dħul ma jidħolx fit-territorju tal-Istat Membru konċernat.

5.      L-Istati Membri għandhom jiġbru statistika dwar in-numru ta’ persuni li jkun iċċaħdilhom id-dħul, ir-raġunijiet għaċ-ċaħda, iċ-ċittadinanza tal-persuni li jkun iċċaħdilhom id-dħul u t-tip ta’ fruntiera (art, ajru jew baħar) li fiha kien miċħud id-dħul u għandhom jippreżentaw din l-istatistika kull sena lill-Kummissjoni (Eurostat) skont ir-Regolament (KE) Nru 862/2007 (6).

6.      Regoli dettaljati li jirregolaw id-dħul miċħud jingħataw fil-parti A tal-Anness V.”

8.        L-Artikolu 23 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, intitolat “Verifiki fit-territorju”, jistabbilixxi:

“L-assenza tal-kontrolli fuq il-fruntieri fil-fruntieri interni m’għandhiex taffettwa:

a)      l-eżerċizzju ta’ setgħat ta’ pulizija mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri taħt il-liġi nazzjonali, safejn l-eżerċizzju ta’ dawn is-setgħat ma jkollux effett ekwivalenti għal verifiki fuq il-fruntiera; dan japplika wkoll f’żoni tal-fruntiera. Fit-tifsira tal-ewwel sentenza, l-eżerċizzju ta’ setgħat ta’ pulizija ma jistax, b’mod partikolari, ikun ikkunsidrat ekwivalenti għall-eżerċizzju ta’ kontrolli fuq il-fruntiera meta l-miżuri ta’ pulizija:

i)      ma jkollhomx bħala objettiv il-kontrolli fuq il-fruntiera;

ii)      ikunu bbażati fuq informazzjoni u esperjenza ġenerali ta’ pulizija dwar theddid possibbli għas-sigurtà pubblika u jkunu mmirati, b’mod partikolari, biex jiġġieldu l-kriminalità transkonfini;

iii)      huma maħsuba u mwettqa b’mod li huwa differenti b’mod ċar minn verifiki sistematiċi fuq persuni fil-fruntieri esterni;

iv)      huma mwettqa abbażi ta’ verifiki saltwarji;

[…]”

9.        L-Artikolu 25 ta’ dan il-kodiċi jipprovdi:

“1.      Fejn, f’żona mingħajr kontrolli fuq il-fruntieri interni jkun hemm theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna fi Stat Membru, dak l-Istat Membru jista’ eċċezzjonalment jerġa’ jintroduċi l-kontrolli fuq il-fruntieri fil-partijiet kollha tal-fruntieri interni tiegħu jew f’partijiet speċifiċi tagħhom għal perijodu limitat ta’ mhux aktar minn 30 jum jew għall-perijodu prevedibbli tat-theddida serja jekk il-perijodu jaqbeż it-30 jum. L-iskop u t-tul ta’ żmien tal-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni m’għandux jaqbeż dak li hu strettament neċessarju b’risposta għat-theddida serja.

2.      Il-kontrolli fuq il-fruntieri interni għandhom jiġu introdotti mill-ġdid biss bħala l-aħħar soluzzjoni, u f’konformità mal-Artikoli 27, 28 u 29. Il-kriterji msemmija, rispettivament, fl-Artikoli 26 u 30, għandhom jiġu kkunsidrati f’kull każ fejn tiġi kkunsidrata deċiżjoni dwar l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni skont l-Artikolu 27, 28 jew 29 rispettivament.

3.      Jekk it-theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna fl-Istat Membru konċernat tippersisti lil hinn mill-perijodu previst fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, dak l-Istat Membru jista’ jestendi l-kontrolli fuq il-fruntieri interni tiegħu, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-kriterji msemmija fl-Artikolu 26 u f’konformità mal-Artikolu 27, għall-istess raġunijiet bħal dawk imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u, filwaqt li jittieħed kont ta’ kwalunkwe element ġdid, għal perijodi li jistgħu jiġġeddu ta’ mhux aktar minn 30 jum.

4.      Il-perijodu totali li matulu jiġu introdotti mill-ġdid il-kontrolli fuq il-fruntieri interni, inkluż kwalunkwe estensjoni skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, m’għandux jaqbeż is-sitt xhur. Fejn hemm ċirkostanzi eċċezzjonali bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 29, dak il-perijodu totali jista’ jiġi estiż għal żmien massimu ta’ sentejn b’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dak l-Artikolu.”

10.      L-Artikolu 32 ta’ dan il-kodiċi jistabbilixxi:

“Fejn jerġgħu jiġu introdotti kontrolli fuq il-fruntiera fil-fruntieri interni, id-dispożizzjonijiet rilevanti fit-Titolu II għandhom japplikaw mutatis mutandis.”

11.      L-Artikoli 5, 13 u 14 tal-imsemmi kodiċi jagħmlu parti mit-Titolu II tiegħu, intitolat “Fruntieri esterni”, filwaqt li l-Artikoli 23, 25 u 32 jagħmlu parti mit-Titolu III tiegħu, intitolat “Fruntieri interni”.

 Id-Direttiva 2008/115

12.      L-għan tad-Direttiva 2008/115 huwa deskritt, fl-Artikolu 1 tagħha, kif ġej:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi standards u proċeduri komuni li għandhom jiġu applikati fl-Istati Membri biex jiġu rritornati ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, skond id-drittijiet fundamentali bħala prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja kif ukoll tal-liġi internazzjonali, inkluż il-protezzjoni tar-refuġjati u l-obbligi dwar id-drittijiet tal-bniedem.”

13.      L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2008/115, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi:

“1.      Din id-Direttiva tapplika għal cittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru.

2.      L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx din id-Direttiva għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li:

a)      huma soġġetti għal ċaħda ta’ dħul, skond l-Artikolu 13 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, jew li jkunu arrestati jew interċettati mill-awtoritajiet kompetenti b’konnessjoni mal-qsim irregolari bl-art, bil-baħar jew bl-ajru tal-fruntiera esterna ta’ Stat Membru u li ma jkunux sussegwentement kisbu awtorizzazzjoni jew dritt biex joqogħdu f’dak l-Istat Membru;

b)      huma soġġetti għal ritorn bħala sanzjoni tal-liġi kriminali jew bħala konsegwenza ta’ sanzjoni tal-liġi kriminali, skond il-liġi nazzjonali jew li huma soġġetti għal proċeduri ta’ estradizzjoni.

[…]”

14.      Skont l-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”:

“Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni [Direttiva] għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

2)      ‘soġġorn illegali’ tfisser il-preżenza fit-territorju ta’ Stat Membru, ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li ma jissodisfax, jew m’għadux jissodisfa l-kondizzjonijiet ta’ dħul kif stabbiliti fl-Artikolu 5 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jew kondizzjonijiet oħrajn għal dħul, soġġorn jew residenza f’dak l-Istat Membru;

3)      ‘ritorn’ tfisser il-proċess tat-tluq lura ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz - kemm jekk b’konformità volontarja ma’ obbligu ta’ ritorn kif ukoll jekk infurzat - għal:

–        il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jew tagħha, jew

–        pajjiż ta’ transit skond ftehim ta’ riammissjoni Komunitarja jew bilaterali jew arranġamenti oħra, jew

–        pajjiż terz ieħor, li għalih iċ-ċittadin tal-pajjiż terz ikkonċernat volontarjament jiddeċiedi li jirritorna u li fih hu jew hi ser jiġi aċċettat;

4)      ‘deċiżjoni ta’ ritorn’ tfisser deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju, li jgħid jew jiddikjara li s-soġġorn ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz hija illegali u li jimponi jew jiddikjara l-obbligu ta’ ritorn;

5)      ‘tneħħija’ tfisser l-infurzar ta’ l-obbligu ta’ ritorn, jiġifieri t-trasport fiżiku barra mill-Istat Membru;

[…]”

15.      L-Artikolu 4(4) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“Fir-rigward ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva skond l-Artikolu 2 (2)(a) l-Istati Membri għandhom:

a)      jiżguraw li t-trattament tagħhom u l-livell ta’ protezzjoni ma jkunx inqas favorevoli minn dak stabbilit fl-Artikolu 8(4) u (5) (limitazzjonijiet fuq l-użu ta’ miżuri koerżivi), l-Artikolu 9(2)(a) (posponiment tat-tneħħija), l-Artikolu 14(1)(b) u (d) (kura tas-saħħa f’emerġenza u b’kont meħud tal-bżonnijiet ta’ persuni vulnerabbli) u l-Artikoli 16 u 17 (kondizzjonijiet tad-detenzjoni) u

b)      jirrispettaw il-prinċipju ta’ non-refoulement.”

16.      Skont l-Artikolu 6(1) (“Deċiżjoni ta’ ritorn”) ta’ din l-istess direttiva, “[l]-Istati Membri għandhom joħorġu deċiżjoni ta’ ritorn għal ċittadin ta’ pajjiż terz li jissoġġorna illegalment fit-territorju tagħhom, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet imsemmijin fil-paragrafi 2 sa 5.”

17.      Skont l-Artikolu 16 tal-istess direttiva:

“1.      Id-detenzjoni għandha titwettaq bħala regola f’faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni. Meta Stat Membru ma jkunx jista’ jipprovdi akkomodazzjoni f’faċilità speċjalizzata ta’ detenzjoni u jkun obbligat jirrikorri għal akkomodazzjoni f’ħabs, iċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jkunu detenuti għandhom ikunu mifrudin mill-priġunieri ordinarji.

2.      Iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi f’detenzjoni għandhom jitħallew - fuq talba - jistabbilixxu kuntatt fi żmien dovut ma’ rappreżentanti legali, membri tal-familja u awtoritajiet konsulari kompetenti.

3.      Għandha tingħata attenzjoni partikolari lis-sitwazzjoni ta’ persuni vulnerabbli. Għandhom jingħataw kura tas-saħħa f’emerġenza u trattament essenzjali għal mard.

4.      Organizzazzjonijiet u korpi nazzjonali, internazzjonali u non-governattivi rilevanti u kompetenti għandu jkollhom il-possibbiltà li jżuru l-faċilitajiet ta’ detenzjoni, kif imsemmi fil-paragrafu 1 sa fejn huma wżati għad-detenzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi skond dan il-Kapitolu. Żjarat bħal dawn jistgħu jkunu soġġetti għal awtorizzazzjoni.

5.      Ċittadini ta’ pajjiżi terzi miżmumin f’detenzjoni għandhom ikunu sistematikament provduti b’informazzjoni li tispjega r-regoli applikati fil-faċilità u li tindika d-drittijiet u l-obbligi tagħhom. Din l-informazzjoni għandha tinkludi informazzjoni dwar id-dritt tagħhom skond il-liġi nazzjonali li jagħmlu kuntatt ma’ l-organizzazzjonijiet u l-korpi msemmijin fil-paragrafu 4.”

 Id-dritt Franċiż

18.      L-Artikolu L. 621‑2 tal-code de l’entrée et du séjour des étrangers et du droit d’asile (il-Kodiċi dwar id-Dħul u r-Residenza tal-Persuni Barranin u d-Dritt għall-Ażil), fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mil-Liġi Nru 2012‑1560 tal-31 ta’ Diċembru 2012, dwar id-detenzjoni sabiex issir il-verifika tad-dritt ta’ residenza u li temenda r-reat ta’ għajnuna għar-residenza irregolari sabiex teskludi minnu l-azzjonijiet umanitarji u diżinteressati (7) (iktar ’il quddiem iċ-“Ceseda”), jipprovdi:

“Hija punibbli b’piena ta’ priġunerija ta’ sena u b’multa ta’ EUR 3 750 il-persuna barranija li ma tkunx ċittadina ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea:

1°      Jekk tkun daħlet fit-territorju metropolitan mingħajr ma tkun issodisfat il-kundizzjonijiet imsemmija fil-punti a, b jew ċ tal-paragrafu 1 tal-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 562/2006 [(8)] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) [(9)] u mingħajr ma tkun ġiet ammessa fit-territorju skont il-punti a u ċ tal-paragrafu 4 tal-Artikolu 5 ta’ dan l-istess regolament [(10)];l-istess jgħodd meta l-persuna barranija tkun is-suġġett ta’ allert għall-finijiet ta’ nuqqas ta’ ammissjoni b’applikazzjoni ta’ deċiżjoni eżekuttiva meħuda minn Stat ieħor li huwa parti mill-Konvenzjoni ffirmata f’Schengen fid-19 ta’ Ġunju 1990;

2°      Jew jekk, bi provenjenza diretta mit-territorju ta’ Stat li huwa parti minn din il-konvenzjoni, hija tkun daħlet fit-territorju metropolitan mingħajr ma tkun ikkonformat ruħha mar-rekwiżiti tal-Artikoli 19(1) jew (2), 20(1), u 21(1) jew (2) tagħha, bl-eċċezzjoni tal-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt e tal-paragrafu 1 tal-Artikolu 5 tar-Regolament [Nru 562/2006], iċċitat iktar ’il fuq, u fil-punt d meta l-allert għall-finijiet ta’ nuqqas ta’ ammissjoni ma jirriżultax minn deċiżjoni eżekuttiva meħuda minn Stat ieħor li huwa parti mill-Konvenzjoni;

[…]

Għall-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu, il-proċeduri kriminali jistgħu jinbdew biss meta l-fatti jkunu ġew ikkonstatati fiċ-ċirkustanzi previsti fl-Artikolu 53 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali.”

19.      L-Artikolu 53 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali jipprovdi:

“Huwa kklassifikat bħala delitt jew jew reat in flagrante delicto meta persuna tinqabad twettqu, jew meta jkun għadu kemm twettaq. Ikun hemm ukoll delitt jew reat in flagrante delicto meta, f’ħin viċin ħafna għall-azzjoni, il-persuna ssuspettata tkun segwita minn protesta qawwija mill-pubbliku, jew tinsab fil-pussess ta’ oġġetti, jew turi traċċi jew indikazzjonijiet, li jagħtu x’tifhem li hija pparteċipat fid-delitt jew fir-reat.

Wara l-konstatazzjoni ta’ delitt jew reat in flagrante delicto, l-investigazzjoni mmexxija taħt il-kontroll tal-prosekutur tar-Repubblika fil-kundizzjonijiet previsti f’dan il-kapitolu tista’ titwettaq b’mod kontinwu matul perijodu ta’ tmien t’ijiem.

Meta investigazzjonijiet neċessarji sabiex tiġi skoperta l-verità fir-rigward ta’ delitt jew reat punibbli b’piena ikbar jew ugwali għal ħames snin priġunerija ma jkunux jistgħu jiġu ddifferiti, il-prosekutur tar-Repubblika jista’ jiddeċiedi li l-investigazzjoni tiġi estiża, taħt l-istess kundizzjonijiet, għal tul massimu ta’ tmien t’ijiem.”

20.      L-Artikolu 62-2 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali jistabbilixxi:

“L-arrest preventiv huwa miżura restrittiva deċiża minn uffiċjal tal-pulizija, taħt il-kontroll ta’ awtorità ġudizzjarja, li permezz tagħha persuna li fir-rigward tagħha jkun hemm raġuni jew raġunijiet plawżibbli li jiġi ssuspettat li hija wettqet jew ippruvat twettaq delitt jew reat punibbli b’piena ta’ priġunerija tinżamm għad-dispożizzjoni tal-investigaturi.

[…]”

21.      L-Artikolu 78-2 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, fil-verżjoni tiegħu fil-Liġi tat-3 ta’ Ġunju 2016, jipprovdi:

“L-uffiċjali tal-pulizija ġudizzjarja u, fuq l-ordni u taħt ir-responsabbiltà tagħhom, l-aġenti tal-pulizija ġudizzjarja u l-assistenti aġenti tal-pulizija ġudizzjarja msemmija fl-Artikoli 20 u 21‑1 jistgħu jistiednu sabiex tiġġustifika, bi kwalunkwe mezz, mill-identità tagħha, kwalunkwe persuna li fil-konfront tagħha teżisti raġuni jew raġunijiet plawżibbli ta’ suspett li:

–        - wettqet jew ipprovat twettaq ksur;

–        - jew kienet qegħda tipprepara sabiex twettaq delitt jew reat;

–        - jew hija suxxettibbli li tipprovdi informazzjoni utli għall-investigazzjoni f’każ ta’ delitt jew reat;

–        - jew kisret l-obbligi jew il-projbizzjonijiet li hija suġġetta għalihom fil-kuntest ta’ stħarriġ ġudizzjarju, miżura ta’ arrest domiċiljari b’sorveljanza elettronika, piena jew miżura imposta mill-qorti b’applikazzjoni tal-pieni;

–        - jew li kienet is-suġġett ta’ tiftix ordnat minn awtorità ġudizzjarja.

Fuq talbiet bil-miktub tal-prosekutur tar-Repubblika għall-finijiet tar-riċerka u għall-investigazzjoni ta’ ksur speċifikat minnu, l-identità ta’ kull persuna tista’ wkoll tiġi kkontrollata, skont l-istess modalitajiet, fil-postijiet u għal perijodu ta’ żmien determinati minn dan il-membru tal-ġudikatura. Il-fatt li l-kontroll tal-identità jiżvela ksur ieħor minbarra dak imsemmi fit-talbiet tal-prosekutur tar-Repubblika ma jikkostitwixxix kawża ta’ nullità tal-proċeduri inċidentali.

L-identità ta’ kwalunkwe persuna, ikun xi jkun l-aġir tagħha, tista’ tiġi wkoll ikkontrollata, skont il-modalitajiet previsti fl-ewwel paragrafu, sabiex ikun hemm prevenzjoni ta’ ksur kontra l-ordni pubbliku, b’mod partikolari għas-sigurtà tal-persuni jew tal-proprjetà.

F’żona bejn il-fruntiera tal-art ta’ Franza mal-Istati parti mill-Konvenzjoni ffirmata f’Schengen fid-19 ta’ Ġunju 1990 u linja mmarkata 20 kilometru mill-imsemmija fruntiera, kif ukoll fiż-żoni aċċessibbli għall-pubbliku ta’ portijiet, ajruporti u stazzjonijiet tal-ferrovija jew rotot miftuħa għat-traffiku internazzjonali u indikati permezz ta’ digriet, għall-prevenzjoni u għall-kxif ta’ ksur marbut mal-kriminalità transkonfinali, l-identità ta’ kwalunkwe persuna tista’ wkoll tiġi kkontrollata, skont il-modalitajiet previsti fl-ewwel paragrafu, sabiex tiġi vverifikata l-osservanza tal-obbligi li jinżammu, jinġarru u jiġu ppreżentati t-titoli u d-dokumenti previsti mil-liġi. Fejn tali kontroll iseħħ fuq ferrovija b’rotta internazzjonali, dan jista’ jseħħ fuq il-parti tal-vjaġġ bejn il-fruntiera u l-ewwel stazzjon li jkun jinsab lil hinn mil-linja ta’ 20 kilomteru mill-fruntiera. Madankollu, fuq ferroviji b’rotta internazzjonali u li għandhom karatteristiċi partikolari ta’ servizz, il-kontroll jista’ jsir ukoll bejn dan l-istazzjon u stazzjon li jkun jinsab fil-limitu tal-ħamsin kilometru segwenti. Dawn ir-rotot u dawn l-istazzjonijiet huma indikati permezz ta’ digriet ministerjali. Meta jkun hemm sezzjoni ta’ awtostrada li tibda fiż-żona msemmija fl-ewwel sentenza ta’ dan il-paragrafu u l-ewwel pedaġġ tal-awtostrada jinsab lil hinn mil-linja mmarkata ta’ 20 kilometru, il-kontroll jista’ jseħħ sa dan l-ewwel pedaġġ, fiż-żoni ta’ parkeġġ jew fis-sit tal-pedaġġ jew iż-żoni ta’ parkeġġ ħdejh. Il-pedaġġi li jaqgħu taħt din id-dispożizzjoni huma indikati permezz ta’ digriet. Il-fatt li l-kontroll ta’ identità juri ksur differenti minn dak tan-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi msemmija iktar ’il fuq ma jikkostitwixxix kawża ta’ nullità tal-proċeduri inċidentali. Għall-applikazzjoni ta’ dan il-paragrafu, il-kontroll li jinżammu, jinġarru u jiġu ppreżentati t-titoli u d-dokumenti previsti mil-liġi jista’ jiġi eżerċitat biss għal tul li ma jeċċedix sitt sigħat konsekuttivi fl-istess post u ma jistax jikkonsisti f’kontroll sistematiku tal-persuni preżenti jew li jiċċaqilqu fiż-żoni jew postijiet imsemmija fl-istess paragrafu.

[…]”

 Il-fatti, il-proċedura prinċipali u d-domandi preliminari

22.      Wara li daħal fit-territorju Franċiż f’data mhux magħrufa, Abdelaziz Arib, ċittadin Marokkin, telaq minn Franza wara miżura ta’ tneħħija li kienet innotifikata lilu fl-10 ta’ Awwissu 2013.

23.      Fil-15 ta’ Ġunju 2016, A. Arib ġie kkontrollat f’Boulou (il-Pyrénées-Orientales, Franza), fiż-żona bejn il-fruntiera tal-art ma’ Spanja u linja ta’ għoxrin kilometru mill-imsemmija fruntiera, b’applikazzjoni tal-Artikolu 78-2(9) tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, waqt li kien abbord kowċ ġejja mill-Marokk. Huwa ma pprovax li kellu fil-pussess tiegħu viża jew dokument ieħor li jawtorizzah jirresjedi fit-territorju Franċiż.

24.      Taħt suspett li huwa daħal irregolarment fit-territorju Franċiż, reat previst mill-Artikolu L. 621‑2 taċ-Ceseda, huwa tqiegħed taħt arrest preventiv.

25.      Fis-16 ta’ Ġunju 2016, il-Prefett tal-Pyrénées-Orientales ħa deċiżjoni fir-rigward ta’ A. Arib fejn obbligah jitlaq mit-territorju Franċiż u ordna t-tqegħid tiegħu taħt kustodja preventiva.

26.      B’digriet tal-21 ta’ Ġunju 2016, l-Imħallef tal-Libertajiet u tad-Detenzjoni tat-Tribunal de grande instance de Perpignan (il-Qorti Reġjonali ta’ Perpignan) iddikjara n-nullità tat-tqegħid taħt arrest preventiv ta’ A. Arib u ta’ kull proċedura sussegwenti, inkluża l-kustodja preventiva, għar-raġuni li l-imsemmi arrest preventiv ma setax jiġi implimentat. Fil-fatt, A. Arib, barrani f’sitwazzjoni irregolari, kien għadu kemm qasam fruntiera interna bejn Franza u Spanja, li kellu jwassal, skont dan l-imħallef, għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2008/115 li ma kinitx tippermetti li tiġi ddikjarata piena ta’ priġunerija f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni f’dan il-każ.

27.      Il-Prefett tal-Pyrénées-Orientales appella.

28.      B’digriet tat-22 ta’ Ġunju 2016, l-Ewwel President tal-Cour d’appel de Montpellier (il-Qorti tal-Appell ta’ Montpellier, Franza) ikkonferma d-deċiżjoni tal-ewwel istanza tal-Imħallef tal-Libertajiet u tad-Detenzjoni tat-Tribunal de grande instance de Perpignan (il-Qorti Reġjonali ta’ Perpignan).

29.      Il-Prefett tal-Pyrénées-Orientales ippreżenta appell ta’ kassazzjoni kontra dan id-digriet quddiem il-qorti tar-rinviju. Insostenn tal-appell tiegħu huwa invoka ksur tal-Artikoli 2, 14, 25, 27 u 32 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen kif ukoll tal-Artikolu 2(2)(a) u tal-Artikoli 8 u 15 tad-Direttiva 2008/115. B’mod partikolari, huwa jsostni li f’każ ta’ theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna, Stat Membru jista’ b’mod eċċezzjonali jintroduċi mill-ġdid il-kontroll fuq il-fruntieri interni tiegħu, u b’hekk jipparalizza parzjalment l-applikazzjoni tad-Direttiva 2008/115, u li, f’din iċ-ċirkustanza, peress li l-miżuri ta’ protezzjoni tad-Direttiva 2008/115 ma jkunux applikabbli, persuna li tkun daħlet irregolarment fi Franza tista’ tiġi kkontrollata skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 78‑2(9) tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, u peress li tkun f’sitwazzjoni irregolari, hija tista’ tingħata piena ta’ ħabs u titqiegħed taħt arrest preventiv.

30.      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-kontroll introdott mill-ġdid fuq fruntiera interna ta’ Stat Membru huwiex assimilabbli għall-kontroll fuq fruntiera esterna meta jsir qsim minn ċittadin ta’ pajjiż terz, li ma għandux dritt ta’ dħul, u jekk il-kontroll jitwettaq in flagrante. Għalhekk hija tistaqsi jekk Stat Membru li stabbilixxa mill-ġdid il-kontroll fuq il-fruntieri interni jistax jinvoka l-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2008/115 sabiex jevita l-applikazzjoni ta’ din id-direttiva għall-imsemmi ċittadin ta’ pajjiż terz. F’każ ta’ risposta affermattiva, terġa’ tqum il-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2008/115 għandux jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix il-priġunerija ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, fiċ-ċirkustanzi fattwali ta’ dan il-każ.

31.      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.      L-Artikolu 32 [tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen], li jipprevedi li, meta l-kontrolli fuq il-fruntiera jiġu introdotti mill-ġdid fil-fruntieri interni, id-dispożizzjonijiet rilevanti fit-Titolu II (fil-fruntiera esterna tagħhom) għandhom japplikaw mutatis mutandis, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kontrolli introdotti mill-ġdid fil-fruntiera interna ta’ Stat Membru huma komparabbli mal-kontroll imwettaq fil-fruntiera esterna, meta jsir qsim minn ċittadin ta’ pajjiż terz, mingħajr id-dritt tad-dħul?

2.      Fl-istess ċirkustanzi għall-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontroll fil-fruntiera interna, dan [il-kodiċi] u d-Direttiva [2008/115], jistgħu jiġu applikati għas-sitwazzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, li jaqsam fruntiera fejn il-kontroll ġie introdott mill-ġdid, il-fakultà prevista fl-Artikolu 2(2)(a) tad-[D]irettiva [2008/115], li jiftaħ għall-Istati Membri l-possibbiltà li jkomplu japplikaw il-proċeduri nazzjonali ta’ ritorn issemplifikati fil-fruntieri tagħhom?

3.      F’każ ta’ risposta affermattiva għal din l-aħħar domanda, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(2)(a) u tal-Artikolu 4(4) tad-[D]irettiva [2008/115] jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħalma huwa l-Artikolu L. 621-2 ta[ċ-Ceseda], li tistabilixxi piena ta’ priġunerija għall-illegalità tad-dħul fit-territorju nazzjonali ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li għalih il-proċedura ta’ ritorn stabbilita minn din id-direttiva ma tkunx waslet fi tmiemha?”

32.      Il-Prefett tal-Pyrénées-Orientales, il-Gvern Franċiż u dak Ġermaniż kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet. Il-Gvern Franċiż u dak Ġermaniż kif ukoll il-Kummissjoni nstemgħu fis-seduta li saret fit-12 ta’ Ġunju 2018.

 Analiżi

33.      Minkejja li din il-kawża tikkostitwixxi sadattant it-tielet kawża li tirrigwarda, fil-kuntest tat-tilwima fil-kawża prinċipali, il-konformità tal-Artikolu 621 taċ-Ceseda mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/115 (11), il-partikolarità tagħha tinsab fl-interazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva ma’ dawk tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen.

 Fuq l-ewwel u t-tieni domandi

34.      Permezz tal-ewwel u t-tieni domandi, li għandhom jiġu indirizzati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment, jekk mill-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2008/115 u mill-Artikolu 32 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jirriżultax li l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx id-Direttiva 2008/115 għas-sitwazzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz imwaqqaf jew interċettat waqt il-qsim irregolari ta’ fruntiera interna li għaliha l-kontrolli ġew introdotti mill-ġdid b’applikazzjoni tal-Artikolu 25 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen (12).

35.      Għalhekk il-kwistjoni li tqum hija dwar jekk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/115 japplikawx b’mod obbligatorju f’sitwazzjoni fejn Stat Membru introduċa mill-ġdid b’mod temporanju kontrolli fuq il-fruntieri interni skont l-Artikolu 25 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen.

36.      Skont l-Artikolu 2(2)(a), it-tieni sitwazzjoni (13), tad-Direttiva 2008/115, l-Istat Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx din id-direttiva għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li twaqqfu jew ġew interċettati mill-awtoritajiet kompetenti b’konnessjoni mal-qsim irregolari bl-art, bil-baħar jew bl-ajru tal-fruntiera esterna ta’ Stat Membru u li ma jkunux kisbu sussegwentement l-awtorizzazzjoni jew id-dritt ta’ residenza fl-imsemmi Stat Membru.

 Il-qsim ta’ fruntiera

37.      A. Arib twaqqaf waqt kontroll f’Boulou (il-Pyrénées-Orientales), jiġifieri inqas minn għoxrin kilometru mill-fruntiera Franċiża-Spanjola (14). Peress li, fiżikament, dan il-kontroll seħħ ġewwa t-territorju Franċiż, għandu jiġi mistoqsi jekk A. Arib twaqqafx b’konnessjoni mal-qsim ta’ fruntiera.

38.      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-espressjoni “b’konnessjoni mal-qsim irregolari” ta’ fruntiera (esterna) jimplika rabta diretta fiż-żmien u fl-ispazju ma’ dan il-qsim tal-fruntiera u tippreżupponi li għalhekk tirrigwarda ċittadini ta’ pajjiżi terzi li twaqqfu jew ġew interċettati mill-awtoritajiet kompetenti fil-mument stess tal-qsim irregolari tal-fruntiera (esterna) jew wara dan il-qsim viċin din il-fruntiera (15).

39.      Fl-opinjoni tiegħi, f’din il-kawża, teżisti effettivament rabta diretta fiż-żmien u fl-ispazju mal-qsim tal-fruntiera Franċiża-Spanjola (16).

40.      Għalhekk il-kwistjoni li tqum hija dwar jekk, f’dan il-każ, aħniex fil-preżenza ta’ fruntiera esterna anki għall-finijiet tad-Direttiva 2008/115, u b’mod iktar preċiż tal-Artikolu 2(2)(a) tagħha.

 Fuq l-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2008/115: fruntiera esterna?

41.      Id-Direttiva 2008/115 ma tinkludix hija nnifisha definizzjoni tal-kliem “fruntiera interna” jew “fruntiera esterna”. Madankollu, sa fejn il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen huwa msemmi fiha diversi drabi, jidhirli li huwa ċar li d-definizzjoni mogħtija minn dan il-kodiċi hija applikabbli (17).

42.      B’dan il-mod, skont il-punt 1 tal-Artikolu 2 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, għall-finijiet ta’ dan il-kodiċi, “fruntieri interni” tfisser il-fruntieri tal-art komuni (18) tal-Istati Membri [taħt (a)], l-ajruporti tal-Istati Membri għal titjiriet interni [taħt (b)] u l-portijiet tal-baħar, tax-xmajjar u tal-lagi tal-Istati Membri għal kollegamenti regolari interni bil-ferry. Fir-rigward tal-“fruntieri esterni”, dawn huma ddefiniti bħala l-fruntieri tal-art tal-Istati Membri (19) u l-fruntieri marittimi, kif ukoll l-ajruporti tagħhom, il-portijiet tax-xmajjar, tal-baħar u tal-lagi, sakemm ma humiex fruntieri interni.

43.      Għandu jiġi ppreċiżat li l-kliem “Stati Membri” jinkludi biss l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea li jagħmlu parti mill-acquis ta’ Schengen kif ukoll l-Istati terzi li huma parti minnu (20).

44.      Il-fruntiera Franċiża-Spanjola inkwistjoni tikkostitwixxi effettivament fruntiera interna fid-dawl ta’ dawn id-definizzjonijiet.

45.      Abbażi tal-formulazzjoni tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2008/115, l-analiżi għandha tieqaf hemm. Ir-Repubblika Franċiża ma tistax tiddeċiedi li ma tapplikax id-Direttiva 2008/115 għal A. Arib.

46.      Dan jirriżulta wkoll b’mod ċar mill-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2008/115 mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Affum (21). Fil-fatt, f’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li ż-żewġ sitwazzjonijiet previsti fl-Artikolu 2(2)(a) ta’ din id-direttiva jirrigwardaw biss il-qsim ta’ fruntiera esterna ta’ Stat Membru, kif iddefinit fl-Artikolu 2(2) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, u għalhekk ma jirrigwardawx il-qsim ta’ fruntiera komuni ta’ Stati Membri li jagħmlu parti miż-żona Schengen. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-imsemmija dispożizzjoni ma tistax għalhekk tippermetti lill-Istati Membri jeskludu liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’residenza irregolari mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/115 minħabba d-dħul irregolari tagħhom minn fruntiera interna (22).

 Fuq l-introduzzjoni mill-ġdid ta’ kontrolli fuq il-fruntieri interni

47.      Għandhom jiġu ddeterminati l-konsegwenzi eventwali tal-introduzzjoni mill-ġdid ta’ kontrolli fuq il-fruntieri interni fuq l-applikabbiltà tad-Direttiva 2008/115.

48.      F’dan ir-rigward, skont ir-Repubblika Franċiża u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, mill-Artikolu 32 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jirriżulta li l-fruntiera Franċiża-Spanjola għandha, f’dan il-każ, tiġi kkunsidrata bħala fruntiera esterna.

49.      Ma nistax naqbel ma’ din il-pożizzjoni.

50.      Minkejja li skont l-Artikolu 32 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, meta l-kontroll fuq il-fruntieri interni jiġi introdott mill-ġdid, id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Titolu II tal-imsemmi kodiċi (fruntieri esterni) għandhom japplikaw mutatis mutandis, dan ma jfissirx fil-fatt li l-espressjoni “fruntieri esterni” tissostitwixxi b’mod sħiħ l-espressjoni “fruntieri interni” (għall-finijiet tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jew ta’ strumenti oħra ġuridiċi bħad-Direttiva 2008/[1]15).

51.      It-Titolu III tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jirregola l-fruntieri interni. Ir-regola ġenerali, li tikkostitwixxi r-raġuni u d-dispożizzjoni ewlenija ta’ dan il-kodiċi, hija fformulata, fit-Titolu III, fl-Artikolu 22: il-fruntieri interni jistgħu jinqasmu minn kull punt mingħajr ma jsiru verifiki fuq il-fruntiera fuq persuni (23). Minbarra l-assenza ta’ kontrolli fuq il-fruntieri interni, it-Titolu III tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen (Kapitolu I – Artikoli 22 sa 24) jirrigwarda l-introduzzjoni mill-ġdid temporanja ta’ kontroll fuq il-fruntieri interni (Kapitolu II – Artikoli 25 sa 35).

52.      Huwa f’dan ir-rigward li l-Artikolu 32 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jistipula li meta l-kontroll fuq il-fruntieri interni jiġi introdott mill-ġdid, id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Titolu II japplikaw mutatis mutandis. Din id-dispożizzjoni tirreferi għalhekk b’mod ċar għad-dispożizzjonijiet l-oħra tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen. Id-Direttiva 2008/115 ma tissemma mkien fl-imsemmija dispożizzjoni.

53.      Il-formulazzjoni tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2008/115 hija ċara: din id-dispożizzjoni titkellem definittivament dwar fruntiera esterna.

54.      Jidhirli li din il-formulazzjoni hija kkorroborata mill-għan u l-iskop ta’ din id-dispożizzjoni. L-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2008/115 hija wkoll suġġetta għall-għan ġenerali ta’ din id-direttiva li jikkonsisti, skont l-Artikolu 1 tagħha, fl-istabbiliment ta’ standards u proċeduri komuni li għandhom japplikaw fl-Istati Membri biex jiġu rritornati ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’residenza irregolari (24). Għalhekk, jekk l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx id-Direttiva 2008/115, dan jistgħu jagħmluh sabiex jirritornaw b’mod (jerġa’) iktar effiċjenti ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

55.      Jekk l-Istati Membri jeżerċitaw din il-fakultà (25), prevista fl-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2008/115, li ma japplikawx din id-direttiva għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’residenza irregolari fit-territorju ta’ Stat Membru, dan huwa għaliex huwa ħafna iktar faċli li ċittadin ta’ pajjiż terz jiġi rritornat minn fruntiera esterna.

56.      Fil-fatt, kif tirrileva l-qorti tar-rinviju, u kif diġà kkonstatat (26) il-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2008/115 jippermetti lill-Istati Membri jkomplu japplikaw għall-fruntieri esterni tagħhom proċeduri ta’ ritorn nazzjonali ssemplifikati, mingħajr ma jkollhom isegwu l-istadji kollha ta’ proċeduri previsti mill-imsemmija direttiva, sabiex ikunu jistgħu jneħħu malajr iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi interċettati waqt il-qsim ta’ dawn il-fruntieri.

57.      Madankollu, is-sitwazzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li diġà jinsab fiż-żona Schengen hija distinta b’mod ċar mis-sitwazzjoni prevista mill-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2008/115.

58.      Barra minn hekk, l-Istati Membri ma jipproteġux l-istess interessi ġuridiċi fuq il-fruntieri esterni u fuq il-fruntieri interni.

59.      Stat Membru li, skont il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, huwa responsabbli mill-kontroll tal-fruntieri esterni ta’ din iż-żona jaġixxi fl-interess tal-Istati Membri kollha fiż-żona Schengen. Min-naħa l-oħra, Stat Membru li jiddeċiedi li jintroduċi mill-ġdid il-kontrolli fuq il-fruntieri interni jagħmel dan fl-interess proprju tiegħu.

60.      Konsegwentement, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel u t-tieni domandi li l-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2008/115 u l-Artikolu 32 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-awtoritajiet ta’ Stat Membru ma jistgħux jiddeċiedu li ma japplikawx id-Direttiva 2008/115 għas-sitwazzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz imwaqqaf jew interċettat waqt il-qsim irregolari ta’ fruntiera interna li għaliha ġew introdotti mill-ġdid il-kontrolli b’applikazzjoni tal-Artikolu 25 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen.

 Fuq it-tielet domanda

61.      Permezz tat-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, fil-każ ta’ risposta affermattiva għat-tieni domanda, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(2)(a) u tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2008/115 jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali bħall-Artikolu L. 621-2 taċ-Ceseda, li tissanzjona b’piena ta’ priġunerija l-irregolarità tad-dħul fit-territorju nazzjonali ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li għalih il-proċedura ta’ ritorn stabbilita minn din id-direttiva tkun għadha ma ġietx ikkompletata.

62.      Fid-dawl tar-risposta tiegħi għall-ewwel u t-tieni domandi, din id-domanda hija ipotetika. Huwa għalhekk li ser neżaminaha biss għall-każ li fih il-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx miegħi dwar ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel żewġ domandi tal-qorti tar-rinviju.

63.      Qabelxejn għandu jitfakkar li, bħala prinċipju, f’każ bħal dak ifformulat f’din id-domanda, skont l-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2008/115, din id-direttiva ma tapplikax għal ċittadin ta’ pajjiż terz. Minkejja dan, skont l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2008/115, l-Istati Membri għandhom madankollu jiżguraw li t-trattament u l-livell ta’ protezzjoni mogħtija liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi ma jkunx inqas favorevoli minn dawk previsti, b’mod partikolari, fl-Artikoli 16 u 17 (kundizzjonijiet ta’ detenzjoni) (27).

64.      Kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Affum, l-għan tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2008/115, kif jirriżulta mill-proċess għall-adozzjoni ta’ din id-direttiva, jikkonsisti fil-fatt li l-Istati Membri jitħallew ikomplu japplikaw għall-fruntieri esterni tagħhom proċeduri ta’ ritorn nazzjonali ssemplifikati, mingħajr ma jkollhom isegwu l-istadji kollha ta’ proċeduri previsti mill-imsemmija direttiva, sabiex ikunu jistgħu jneħħu malajr kemm jista’ jkun iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi interċettati waqt il-qsim ta’ dawn il-fruntieri (28). Barra minn hekk, dan jispjega r-raġuni tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2008/115 li, skont il-Qorti tal-Ġustizzja “jirregola […] b’mod iddettaljat l-eżerċizzju mill-Istati Membri tas-setgħa prevista fl-Artikolu 2(2)(a)” (29) u li “huwa intiż, f’dan il-kuntest, sabiex jiżgura li dawn il-proċeduri nazzjonali ssemplifikati josservaw il-garanziji minimi previsti mid-Direttiva 2008/115” (30).

65.      Fl-opinjoni tiegħi, minn din l-analiżi jirriżulta li f’għajnejn il-leġiżlatur tal-Unjoni, l-eżerċizzju minn Stat Membru tas-setgħa prevista mill-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2008/115 jippreżupponi loġikament li dan l-Istat Membru japplika proċedura nazzjonali ta’ ritorn ssemplifikata.

66.      Għalhekk hemm tentazzjoni li l-ġurisprudenza li toħroġ mis-sentenza Affum tiġi trasposta għal sitwazzjoni prevista mill-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2008/115 u li jiġi kkunsidrat li huwa impossibbli li tiġi imposta priġunerija fuq ċittadin ta’ pajjiż terz.

67.      Madankollu, jiena ma naħsibx li tali interpretazzjoni tista’ tirnexxi, għaliex hija tmur lil ’hinn mill-formulazzjoni tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2008/115, billi żżid kundizzjoni supplimentari. Fil-fatt, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar iċ-ċaħda tal-libertà ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz b’residenza irregolari (31), iggwidata prinċipalment minn kunsiderazzjonijiet dwar l-effett utli tad-Direttiva 2008/115 (32), b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) (33) u l-Artikolu 8(1) (34), tirreferi preċiżament għall-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. Madankollu, ladarba Stat Membru japplika l-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2008/115, is-sitwazzjoni taċ-ċittadin ma tibqax irregolata minn din id-direttiva u wieħed ma jistax jirrikorri iktar għal kunsiderazzjonijiet dwar l-effettività tagħha.

68.      Konsegwentement, anki jekk wieħed jista’ jiddubita b’mod leġittimu li arrest preventiv jista’ jikkontribwixxi għal tneħħija iktar rapida tal-persuna kkonċernata, din il-kwistjoni ma tqumx, sakemm ma jinfetaħx il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/115.

69.      Huwa għalhekk li jiena nirrispondi għat-tielet domanda (ipotetika) li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(2)(a) u tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2008/115 ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali bħall-Artikolu L. 621-2 taċ-Ceseda li tissanzjona b’piena ta’ priġunerija l-irregolarità tad-dħul fit-territorju nazzjonali ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li għalih il-proċedura ta’ ritorn stabbilita minn din id-direttiva tkun għadha ma ġietx ikkompletata.

 Konklużjoni

70.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni (Franza) kif ġej:

L-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment u l-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) Nru 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-awtoritajiet ta’ Stat Membru ma jistgħux jiddeċiedu li ma japplikawx id-Direttiva 2008/115 għas-sitwazzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz imwaqqaf jew interċettat waqt il-qsim irregolari ta’ fruntiera interna li għaliha ġew introdotti mill-ġdid il-kontrolli b’applikazzjoni tal-Artikolu 25 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU 2008, L 348, p. 98).


3      Ara s-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2011, Achughbabian (C‑329/11, EU:C:2011:807, punt 50 u t-tieni inċiż tad-dispożittiv.


4      Ara s-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2015, Celaj (C‑290/14, EU:C:2015:640, punt 28 u d-dispożittiv).


5      Regolament (UE) Nru 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU 2016, L 77, p. 1).


6      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2007 dwar l-istatistika Komunitarja dwar il-migrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 311/76 dwar il-kumpilazzjoni ta’ statistika dwar ħaddiema barranin (ĠU 2007, L 199, p. 23).


7      JORF tal-1 ta’ Jannar 2013, p. 48.


8      Li jikkorrispondi għall-Artikolu 6(1)(a) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen.


9      ĠU 2006, L 105, p. 1.


10      Li jikkorrispondi għall-Artikolu 6(5)(a) u (ċ) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen.


11      Ara s-sentenzi tas-6 ta’ Diċembru 2011, Achughbabian (C‑329/11, EU:C:2011:807), u tas-7 ta’ Ġunju 2016, Affum (C‑47/15, EU:C:2016:408).


12      Fil-fatt, l-ewwel domanda, minnha nnifisha, donnha tmur lil hinn mit-tilwima fil-kawża prinċipali, peress li tirrigwarda numru ta’ sitwazzjonijiet ipotetiċi.


13      L-ewwel sitwazzjoni, li tirrigwarda ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma s-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ dħul skont l-Artikolu 13 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, ma tapplikax f’dan il-każ, fl-assenza ta’ tali deċiżjoni.


14      Abbażi tal-ex Artikolu 78‑2(4) tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, li sar l-Artikolu 78‑2(9) tal-imsemmi kodiċi.


15      Ara s-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2016, Affum (C‑47/15, EU:C:2016:408, punt 72), kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi f’dik il-kawża (C‑47/15, EU:C:2016:68, punt 71).


16      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen l-antik (Regolament Nru 562/2006), iddeċidiet li l-kontrolli ta’ identità mwettqa abbażi tal-Artikolu 78-2(4) tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali (li sar l-Artikolu 78-2(9) tal-istess kodiċi) seta’ jkollhom effett ekwivalenti għal dak ta’ verifiki fuq il-fruntieri (ara s-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2010, Melki u Abdeli (C‑188/10 u C‑189/10, EU:C:2010:363, punti 71 sa 75)). Madankollu, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà interpretat il-kliem “b’konnessjoni mal-qsim irregolari” ta’ fruntiera fil-kuntest tad-Direttiva 2008/115, ma għadux neċessarju li jsir riferiment għal din il-ġurisprudenza fil-kuntest tal-Artikolu 23 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen (l-ex Artikolu 21 tar-Regolament Nru 562/2006).


17      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Affum (C‑47/15, EU:C:2016:68, punt 42).


18      Inkluż tax-xmajjar u l-lagi.


19      Inkluż il-fruntieri tax-xmajjar u l-lagi.


20      Ara l-premessi 37 sa 44 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen.


21      Sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2016 (C‑47/15, EU:C:2016:408).


22      Ara s-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2016, Affum (C‑47/15, EU:C:2016:408, punt 69).


23      “[T]kun xi tkun iċ-ċittadinanza tagħhom”, kif ma tonqosx milli tippreċiża din l-istess dispożizzjoni b’loġika implakabbli. Fil-fatt, il-qsim tal-fruntieri mingħajr ebda kontroll huwa possibbli biss jekk jirrigwarda lil kulħadd. It-tneħħija ta’ kontrolli fuq il-fruntieri interni li trid tistabbilixxi din id-dispożizzjoni testendi neċessarjament għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi minħabba n-natura tal-assenza ta’ kontrolli. Ara, f’dan ir-rigward, M. Hoppe, fi C. O. Lenz, K.-D. Borchardt (Ed.), EU-Verträge Kommentar, Bundeanzeiger Verlag, Köln, Sitt Edizzjoni, 2013, Artikolu 77(5) TFUE, u Müller-Graff, P.-Chr., fi M. Pechstein, C. Nowak, U. Häde (Ed), Frankfurter Kommentar zu EUV, GRC und AEUV, Band II, Mohr Siebeck, Tübingen, 2017, Artikolu 77(1) TFUE.


24      Skont id-drittijiet fundamentali kif ukoll id-dritt internazzjonali, inklużi l-obbligi fil-qasam tal-protezzjoni tar-refuġjati u tad-drittijiet tal-bniedem.


25      Il-Qorti tal-Ġustizzja titkellem dwar “eċċezzjoni” (ara s-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2016, Affum (C-47/15, EU:C:2016:408, punt 73)), li fl-opinjoni tiegħi timplika li d-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tingħata interpretazzjoni stretta.. Ara, f’dan is-sens, ukoll, Peers, S., EU Justice and Home Affairs Law (Volume I: EU Justice and Home Affairs Law), ir-raba’ edizzjoni, OUP, Oxford, 2016, p. 504.


26      Ara s-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2016, Affum (C‑47/15, EU:C:2016:408, punt 74).


27      Kif ukoll dawk fl-Artikolu 8(4) u (5) (limitazzjonijiet fuq l-użu ta’ miżuri koerċittivi), fl-Artikolu 9(2)(a) (posponiment tat-tneħħija) u fl-Artikolu 14(1)(b) u (d) (kura tas-saħħa f’emerġenza u b’teħid inkunsiderazzjoni tal-bżonnijiet ta’ persuni vulnerabbli).


28      Ara s-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2016, Affum (C-47/15, EU:C:2016:408, punt 74).


29      Ara s-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2016, Affum (C-47/15, EU:C:2016:408, punt 74).


30      Ibidem.


31      Għal ħarsa ġenerali tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Affum (C-47/15, EU:C:2016:68, punti 48 sa 56).


32      Ara b’mod partikolari, is-sentenza Achughbabian (C‑329/11, EU:C:2011:807, punt 33). Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Celaj (C‑290/14, EU:C:2015:285, punt 60). Ara, ukoll, Bartolini, S., Bombois, Th., “Immigration Detention before the CJEU: The Interrelationship between the Returns Directive and the Recast Reception Conditions Directive and their Impact on the Rights of Third Country Nationals”, European Human Rights Law Review, 2016, p. 518 sa 529 u, b’mod partikolari, p. 523.


33      Li jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jieħdu deċiżjoni ta’ ritorn għal kull ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi illegalment fit-territorju tagħhom, bla ħsara għal ċerti eċċezzjonijiet.


34      Li jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jinfurzaw id-deċiżjoni ta’ ritorn (jekk ma jkun ingħata l-ebda perijodu għal tluq volontarju skont l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/115 jew jekk l-obbligu ta’ ritorn ma jkunx ġie osservat f’dan il-perijodu għat-tluq volontarju mogħti skont l-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva).