Language of document : ECLI:EU:C:2013:600

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fis-26 ta’ Settembru 2013 (1)

Kawża C‑167/12

C. D.

vs

S. T.

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn Employment Tribunal Newcastle upon Tyne (ir-Renju Unit)]

“Politika soċjali – Direttiva 92/85/KEE – Kamp ta’ applikazzjoni – Maternità surrogata – Leave tal-maternità – Direttiva 2006/54/KE – Ugwaljanza fit-trattament bejn irġiel u nisa – Projbizzjoni ta’ trattament inqas favorevoli għal raġunijiet ta’ tqala”





I –    Introduzzjoni

1.        Mara li ma wellditx tarbija hija nnifisha imma użat omm surrogata għandha dritt għal leave tal-maternità (2)? Din id-domanda tinsab fil-qofol ta’ talba għal deċiżjoni preliminari magħmula minn Employment Tribunal Newcastle upon Tyne (Ir-Renju Unit).

2.        Fil-mediċina riproduttiva l-maternità surrogata tibda bil-fertilizzazzjoni artifiċjali tal-omm surrogata jew bit-tqegħid fiha ta’ embriju. L-omm surrogata mbagħad iġorr fiha u twelled it-tarbija. It-tarbija tista’ tkun ġenetikament relatata jew mal-‘ġenituri mhux bijoloġiċi’, li jassumu r-responsabbiltà għall-kura tat-tarbija wara li titwieled, jew mal-missier u l-omm surrogata, jew miegħu u mara terza.

3.        Fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea l-leġiżlazzjoni dwar il-maternità surrogata tvarja ħafna. (3) F’ħafna Stati Membri hemm projbizzjoni tal-maternità surrogata, imma fir-Renju Unit hija permessa taħt ċerti kundizzjonijiet. Madankollu fir-Renju Unit ma hemm l-ebda regoli speċifiċi dwar leave tal-maternità għal ommijiet mhux bijoloġiċi. (4)

4.        Il-kwistjoni li tikkonċerna dan il-każ hija jekk l-omm bijoloġika tistax tikseb tali dritt mid-dritt tal-UE, b’mod partikolari mid-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-introduzzjoni ta’ mizuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (5).

5.        Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni biex tiddeċidi dwar każ ta’ fertilizzazzjoni artifiċjali, (6) li kien jikkonċerna l-interpretazzjoni tad-Direttiva 92/85. Issa għandha l-opportunità li tiżviluppa ulterjorment il-ġurisprudenza tagħha dwar id-Direttiva 92/85.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-UE

1.      Id-Direttiva 92/85

6.        L-għan ta’ din id-direttiva, skont l-Artikolu 1 tagħha, huwa li tinkoraġġixxi “titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol ta’ ħaddiema tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qegħdin ireddgħu”.

7.        L-Artikolu 2 tad-Direttiva 92/85 jistipula li:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

(a)      ‘ħaddiema tqila’ għandha tfisser ħaddiema tqila li tinforma lil min iħaddimha bil-kundizzjoni tagħha, skond il-liġi u/jew prattika nazzjonali;

(b)      ‘ħaddiema li welldet reċentement’ għandha tfisser ħaddiema li welldet reċentement fis-sens tal-leġislazzjoni u/jew prattika nazzjonali u li tinforma lil min iħaddimha dwar il-kundizzjoni tagħha skond dik il-liġi u/jew prattika;

(ċ)      ‘ħaddiema li qiegħda tredda’’ tfisser ħaddiema li qiegħda tredda’ fis-sens tal-leġislazzjoni u/jew prattika nazzjonali u li tinforma lil min iħaddimha bil-kundizzjoni tagħha skond dik il-liġi u/jew prattika.”

8.        L-Artikolu 8 tad-Direttiva 92/85 jirregola l-leave tal-maternità u jistipula:

“(1)      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi neċessarji biex jiżguraw li l-ħaddiema fis-sens ta’ l-Artikolu 2 huma intitolati għal żmien kontinwu ta’ leave tal-maternità ta’ mill-inqas 14-il ġimgħa, allokati qabel u/jew wara l-ħlas skond il-liġi u/jew prattika nazzjonali.

(2)      Il-leave tal-maternità stipulat fil-paragrafu 1 għandu jinkludi leave tal-maternità obbligatorju ta’ mill-inqas ġimagħtejn qabel u/jew wara l-ħlas skond il-leġislazzjoni u/jew il-prattika nazzjonali.”

9.        L-Artikolu 11 tad-Direttiva 92/85 jistipula li:

“[...]

2.      fil-każ imsemmi fl-Artikolu 8, dan li ġej għandu jiġi żgurat:

[...]

(b)      il-manteniment ta’ ħlas ta’, u/jew intitolament, għal allowance xierqa għal, ħaddiema fis-sens ta’ l-Artikolu 2; [...]”

2.      Id-Direttiva 2006/54

10.      L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Lulju 2006, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol jistipula: (7)

“(1)      Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)       [‘]diskriminazzjoni diretta[’]: fejn persuna waħda tiġi trattata minħabba s-sess b’mod inqas favorevoli minn kif tiġi trattata, ġiet trattata jew kieku tiġi trattata persuna oħra f’sitwazzjoni komparabbli;

(b)      [‘]diskriminazzjoni indiretta[’]: fejn dispożizzjoni, kriterju jew prattika li mad-dehra jkunu newtrali jkunu jpoġġu lil persuni ta’ sess partikolari fi żvantaġġ partikolari meta mqabbla ma’ persuni tas-sess l-ieħor, ħlief jekk dik id-dispożizzjoni, kriterju jew prattika tkun oġġettivament ġustifikata b’għan leġittimu, u l-mezzi biex jintlaħaq dak l-għan huma xierqa u meħtieġa;

(2)      Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, diskriminazzjoni tinkludi:

[...]

(ċ)      kwalunkwe trattament anqas favorevoli ta’ mara li jkollu x’jaqsam ma’ tqala jew leave tal-maternità fis-sens [ta]d-Direttiva 92/85/KEE ...”

11.      L-Artikolu 14(1) tad-Direttiva jistipula:

“M’għandu jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni diretta jew indiretta minħabba s-sess fis-settur pubbliku jew f’dak privat, inklużi l-korpi pubbliċi, b’relazzjoni għal:

[...]

(ċ)      Impjieg u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, inlużi sensji, kif ukoll paga kif previst fl-Artikolu 141 tat-Trattat [issa l-Artikolu 157 TFUE];

[...]”

12.      L-Artikolu 15 tad-Direttiva 2006/54 jirregola “Ir-ritorn mil-leave tal-maternità” u jistipula:

“Mara li qiegħda bil-leave tal-maternità għandu jkollha d-dritt, wara li jintemm il-perjodu tal-leave tal-maternità tagħha, li terġa’ lura għall-impjieg tagħha jew għal kariga ekwivalenti b’termini u b’kondizzjonijiet li m’humiex inqas favorevoli għaliha u li għadha tibbenifika minn kwalunkwe titjib fil-kondizzjonijiet tax-xogħol li għalihom kien ikollha d-dritt matul l-assenza tagħha”.

B –    Id-dritt nazzjonali

13.      Il-Human Fertilisation and Embryology Act 2008 (L-Att tal-2008 dwar il-Fertilizzazzjoni u l-Embrijoloġija Umana, iktar ’il quddiem il-“HFEA”) jirregola min għandu jitqies bħala ġenituri meta omm surrogata twelled tarbija. Bħala prinċipju, hija l-omm surrogata li inizjalment titqies fil-liġi bħala l-omm tat-tarbija, irrispettivament minn jekk hijiex jew le ġenetikament l-omm tagħha. Skont l-Artikolu 54 tal-HEFA, il-qorti tista’ madankollu, fuq rikors magħmul mill-ġenituri mhux bijoloġiċi, tagħti digriet dwar il-ġenituri li jkun jistipula li tarbija għandha tiġi ttrattata skont il-liġi bħala l-wild tar-rikorrenti. Il-prekundizzjonijiet għal dan huma, fost l-oħrajn, li l-gameti ta’ mill-inqas wieħed mir-rikorrenti intużaw biex iwasslu għall-ħolqien tal-embriju, ir-rikorrenti huma raġel u mara miżżewġin jew f’xi relazzjoni analoga, huma ppreżentaw rikors mhux iktar tard minn sitt xhur wara t-twelid tat-tarbija, u l-omm surrogata taqbel li jingħata d-digriet.

14.      Skont il-Maternity and Parental Leave etc. Regulations 1999 (Ir-Regolamenti tal-1999 dwar il-Leave tal-Maternità u tal-Ġenituri eċċ) il-leave tal-maternità (maternity leave) huwa riżervat għan-nisa b’rabta mat-tqala tagħhom. Fir-rigward tal-adozzjonijiet, il-Paternity and Adoption Leave Regulations 2002 (Ir-Regolamenti tal-2002 dwar il-Leave tal-Paternità u tal-Adozzjoni) jistabbilxxu fost l-oħrajn id-dritt għal-leave tal-adozzjoni (adoption leave) taħt ċerti kundizzjonijiet. Ġenituri li lilhom ġiet trasferita r-responsabbiltà tal-ġenituri għal tarbija mwielda lil omm surrogata skont digriet dwar il-ġenituri jistgħu jingħataw leave bla ħlas taħt ċerti kundizzjonijiet.

15.      Skont l-Equality Act 2010 (l-Att tal-2010 dwar l-Ugwaljanza), għandu jiġi konkluż li mara tkun diskriminata jew tkun ittrattata b’mod sfavorevoli għal raġunijiet ta’ leave tat-tqala jew tal-maternità.

III – Il-fatti tal-kawża u d-domandi preliminari

16.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali (C.D.) hija impjegata fi sptar tal-konvenuta fil-kawża prinċipali. Din hija National Health Service Foundation u għalhekk hija estensjoni tal-Istat.

17.      C.D. riedet taqta’ xewqitha li jkollha tarbija bl-assistenza ta’ omm surrogata. Biex tinħoloq it-tarbija ntuża l-isperma tas-sieħeb tagħha, imma ma ġiet użata ebda bajda minn C.D.

18.      L-omm surrogata welldet it-tarbija fis-26 ta’ Awwissu 2011. C.D. bdiet tagħmilha ta’ omm u tredda’ t-tarbija f’inqas minn siegħa mit-twelid. Hija reddgħet it-tarbija għal total ta’ tlett xhur. Fid-19 ta’ Diċembru 2011 ingħata digriet dwar il-ġenituri fil-forma mitluba skont it-tifsira tal-HEFA fejn C.D. u s-sieħeb tagħha ngħataw responsabbiltà sħiħa u permanenti għat-tarbija.

19.      Anki qabel it-twelid tat-tarbija C.D. kienet ressqet, mingħajr suċċess, talba għal leave bi ħlas għal “maternità surrogata” (8) mingħand il-konvenuta fil-kawża prinċipali skont il-politika tal-leave għall-adozzjoni – fin-nuqqas ta’ regoli speċifiċi okkupazzjonali jew legali. Madankollu wara applikazzjoni oħra f’Ġunju 2011, u għalhekk qabel ma kienet twieldet it-tarbija, l-konvenuta fil-kawża prinċipali irrikonsidrat, u għaldaqstant applikat il-politika dwar il-leave għall-adozzjoni u tat lil C.D. leave bi ħlas.

20.      Bil-kawża tagħha quddiem il-qorti nazzjonali C.D. resqet talbiet dwar diskriminazzjoni illegali bbażata fuq is-sess u/jew it-tqala u l-maternità fir-rigward tar-rifjut oriġinali tat-talba tagħha. Barra minn hekk, hija sostniet li kienet żvantaġġjata għal raġunijiet ta’ tqala u maternità u minħabba li hija kienet ressqet talba għal-leave tal-maternità.

21.      Il-konvenuta fil-kawża prinċipali ssostni li ma kien hemm ebda ksur ta’ liġi peress li C.D. ma hijiex intitolata għal leave bi ħlas, u b’mod partikolari la għal-leave tal-maternità u lanqas għal-leave tal-adozzjoni. Hija ssostni li dawn id-drittijiet huma riżervati għal nisa li jkunu welldu, jew adottaw, tarbija.

22.      L-Employment Tribunal Newcastle upon Tyne iddeċieda li jissospendi l-kawża quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 1(1) u/jew l-Artikolu 2(ċ) u/jew l-Artikolu 8(1) u/jew l-Artikolu 11(2)(b) [tad-]Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE[, tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu, jipprevedu d-dritt għal-leave tal-maternità lil omm mhux bijoloġika li jkollha tarbija permezz ta’ arranġament ma’ omm surrogata?

2)      Id-Direttiva 92/85/KEE [iċċitata iktar ’il fuq] tipprevedi dritt għal leave tal-maternità lil omm mhux bijoloġika li jkollha tarbija fejn din tal-aħħar::

(a)      tista’ tredda[’] wara t-twelid u/jew

(b)      effettivament tredda[’] wara t-twelid?

3)      Jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 14, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 2(l)(a) u/jew (b) u/jew l-Artikolu 2(2)(ċ) tad-Direttiva 2006/54/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Lulju 2006, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (tfassil mill-ġdid)], li persuna li timpjega tirrifjuta li tagħti leave tal-maternità lil omm mhux bijoloġika li jkollha tarbija permezz ta’ arranġament ma omm surrogata?

4)      Fid-dawl tar-relazzjoni ta’ din l-impjegata mal-omm surrogata tat-tarbija, ikun hemm ksur potenzjali tal-Artikolu 14, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 2(l)(a) u/jew (b) u/jew l-Artikolu 2(2)(ċ) tad-Direttiva 2006/54/KE, jekk jiġi miċħud il-leave tal-maternità lil omm mhux bijoloġika li jkollha tarbija permezz ta’ arranġament ma’ omm surrogata?

5)      Ikun hemm ksur potenzjali tal-Artikolu 14, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 2(l)(a) u/jew (b) u/jew l-Artikolu 2(2)(ċ) tad-Direttiva 2006/54/KE jekk, minħabba r-relazzjoni tal-omm mhux bijoloġika mal-omm surrogata tat-tarbija, l-omm mhux bijoloġika li jkollha tarbija permezz ta’ arranġament ma’ omm surrogata tiġi ssuġġettata għal trattament inqas favorevoli?

6)      Jekk ir-risposta għad-domanda 4 hija fl-affermattiv, l-istatus tal-omm mhux bijoloġika huwa biżżejjed sabiex jintitolaha għad-dritt għal-leave tal-maternità abbażi tar-relazzjoni tagħha mal-omm surrogata tat-tarbija?

7)      Jekk ir-risposta għal xi waħda mid-domandi 1, 2, 3 u 4 hija fl-affermattiv:-

7.1)      Id-Direttiva 92/85/KEE, fl-aspetti rilevanti tagħha, għandha effett dirett; u

7.2)      Id-Direttiva 2006/54/KE, fl-aspetti rilevanti tagħha, għandha effett dirett?”

IV – Il-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

23.      Fil-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, osservazzjonijiet bil-miktub u orali ġew ippreżentati mhux biss minn C.D. u mill-konvenuta fil-kawża prinċipali, iżda wkoll mill-Gvernijiet tal-Irlanda u tal-Greċja u mill-Kummissjoni Ewropea. Il-Gvernijiet ta’ Spanja, tal-Portugall u tar-Renju Unit ukoll ħadu sehem fil-proċeduri bil-miktub.

V –    Evalwazzjoni legali

A –    Ammissibbiltà

24.      L-ewwel nett tqum il-mistoqsija ta’ jekk it-talba għal deċiżjoni preliminari hijiex ammissibbli peress li C.D. finalment ingħatat il-leave bi ħlas fil-forma mitluba.

25.      Meta ġiet mistoqsija dwar dan il-punt waqt is-seduta, ir-rappreżentant legali ta’ C.D. stqarr li l-leave kien ingħata biss għad-diskrezzjoni tal-persuna li timpjegaha u mhux għax hija kellha dritt għalih. Peress li hija kellha l-ħsieb li jkollha tarbija oħra permezz ta’ omm surrogata, hija kellha interess ġuridiku li tressaq kawża permezz ta’ proċeduri nazzjonali biex tikkjarifika l-pożizzjoni legali għall-futur. La C.D. u lanqas il-qorti tar-rinviju ma daħlu fil-kwistjoni tal-punt sa fejn il-kawża kienet ammissibbli fir-Renju Unit.

26.      Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tistabbilixxi, b’mod konformi mad-dritt nazzjonali tagħha jekk baqax interess ġuridiku jew le fil-kawża prinċipali. Ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeċiedi dwar dan il-punt.

27.      Pjuttost, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ biss tirrifjuta li tiddeċiedi dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha l-ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali peress li l-problema hija ta’ natura ipotetika jew anki peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi magħmula lilha. (9)

28.      F’dan il-każ hemm biżżejjed rilevanza mas-suġġett tal-kawża prinċipali fejn C.D. tinvoka speċifikament id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-UE ċċitati fid-domandi preliminari u l-konvenuta fil-kawża prinċipali tressaq argumenti kuntrarji. Il-kwistjonijiet legali mqajma ma humiex ta’ natura ipotetika u jistgħu jiġu evalwati fid-dawl tal-informazzjoni dettaljata fuq il-punti ta’ fatt u ta’ liġi pprovduti mill-qorti nazzjonali. Għaldaqstant, it-talba għal deċiżjoni preliminari preżenti għandha tiġi ddikjarata ammissibbli.

B –    Evalwazzjoni tad-domandi rrinvjati

29.      Id-domandi preliminari jikkonċernaw (i) id-Direttiva 92/85, u (ii) id-Direttiva 2006/54. Fl-evalwazzjoni tad-Direttiva 92/85 għandu jiġi stabbilit jekk, u jekk fl-affermattiv taħt liema kundizzjonijiet, din tagħti lill-omm mhux bijoloġika dritt għal-leave tal-maternità. Fir-rigward tad-Direttiva 2006/54 jeħtieġ ukoll li jiġi stabbilit jekk in-nuqqas li jingħata leave tal-maternità jikkostitwixxix diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali.

1.      Domandi li jikkonċernaw id-Direttiva 92/85

30.      Bid-domandi 1, 2 u 7.1, il-qorti nazzjonali titlob li jiġi stabbilit jekk dritt ta’ omm mhux bijoloġika għal-leave tal-maternità jistax jiġi derivat mid-Direttiva 92/85. F’dan ir-rigward hija tistaqsi b’mod partikolari jekk il-fatt li l-omm mhux bijoloġika tredda’, jew tista’ tredda’, it-tarbija jaffettwax it-tweġiba għal dawk id-domandi.

31.      Skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 92/85, “ħaddiema fis-sens tal-Artikolu 2” huma intitolati għal leave tal-maternità.

32.      Dik id-direttiva ma fiha ebda regoli dwar maternità surrogata. Ma tispeċifikax li d-direttiva tkopri ommijiet mhux bijoloġiċi, jew li speċifikament teskludihom.

33.      Għaldaqstant, tqum id-domanda, qabelxejn, jekk ommijiet mhux bijoloġiċi jaqgħux b’xi mod taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 92/85.

a)      L-applikabbiltà tad-Direttiva 92/85 għal ommijiet mhux bijoloġiċi

34.      L-Artikolu 2 tad-Direttiva 92/85 għandu jittieħed bħala bażi biex jiġi stabbilit jekk id-direttiva tistax tapplika għal ommijiet mhux bijoloġiċi. Dan l-artikolu jiddefinixxi l-kategorija ta’ persuni li, skont l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 1 tagħha, jista’ jkollhom dritt għal-leave tal-maternità fis-sens tal-Artikolu 8 tagħha. Għaldaqstant, tali intitolament jeżisti għal ħaddiema tqal (Artikolu 2(a)), għall-ħaddiema li welldu reċentement (Artikolu 2(b)), u għall-ħaddiema li qegħdin ireddgħu (Artikolu 2(ċ)).

i)      Il-kliem tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 92/85

35.      Fl-ebda mument l-omm mhux bijoloġika nnifisha ma kienet tqila jew konsegwentement omm li reċentement welldet, u għalhekk skont il-kliem tad-Direttiva 92/85 l-Artikolu 2(a) u (b) b’mod ċar ma japplikax għaliha.

36.      Madankollu, omm mhux bijoloġika li hija impjegata u li qiegħda tredda’ tista’ faċilment tkun koperta taħt it-terminu “ħaddiema li qiegħda tredda” (Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 92/85). Min-naħa l-oħra, il-kliem tad-Direttiva 92/85 ma jkoprix lil omm mhux bijoloġika li ma hijiex qiegħda tredda’.

37.      Madankollu huwa suġġett għall-interpretazzjoni jekk il-loġika u l-iskopijiet wiesgħin tad-Direttiva 92/85, li għandhom jiġu kkunsidrati fl-interpretazzjoni tagħha, (10) jipprekludux l-applikazzjoni tagħha għal ommijiet mhux bijoloġiċi.

ii)    Il-pożizzjoni tal-Artikolu 2(ċ) fl-approċċ regolatorju adottat mid-Direttiva 92/85

38.      Il-konvenuta fil-kawża prinċipali, il-Kummissjoni, ir-Renju Unit u r-Renju ta’ Spanja ma jqisux il-“ħaddiema fis-sens tal-Artikolu 2” tad-Direttiva 92/85 bħala persuni differenti b’identitajiet differenti. Huma jsostnu li dawn għandhom karatteristika li hija komuni, jiġifieri li huma stess welldu, jew se jwelldu, tarbija. Għaldaqstant, huma dejjem l-omm bijoloġika ta’ dik it-tarbija. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tagħmel riferiment fost l-oħrajn għall-Artikolu 8 tad-Direttiva 92/85, li jeskludi ommijiet mhux bijoloġiċi, skont il-Kummissjoni, sempliċement għaliex dik id-dispożizzjoni tieħu bħala bażi leave tal-maternità “qabel u/jew wara l-ħlas” u għalhekk tikkonċerna biss nisa li huma stess welldu tarbija. Anki l-Gvern Irlandiż jagħmel riferiment għall-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85, li jistabbilixxi protezzjoni uniformi kontra t-tkeċċija “matul il-perijodu mill-bidu tat-tqala tagħhom sat-tmiem tal-leave tal-maternità”.

39.      L-istruttura u l-iskema ġenerali tad-Direttiva 92/85 fil-fatt jissuġġerixxu li bħala bażi għall-applikazzjoni tagħha għandu jittieħed kunċett bijoloġiku monistiku tal-maternità. Il-fatt li ħaddiema tqal u ħaddiema li jreddgħu jistgħu jkunu persuni differenti seta’ ma kienx ikkunsidrat speċifikament mil-leġiżlatur. Madankollu f’dan ir-rigward, id-Direttiva 92/85 trid titqies fil-kuntest storiku tagħha. Fil-bidu tad-disgħinijiet il-prattika tal-maternità surrogata ma kinitx daqstant mifruxa kif inhija llum. Għalhekk ma hijiex sorpriża li l-istruttura normattiva tad-Direttiva 92/85 hija bbażata fuq approċċ li jieħu l-maternità bijoloġika bħala n-norma.

–       Konklużjoni interim

40.      Bħala konklużjoni interim jista’ jingħad li huma biss l-ommijiet mhux bijoloġiċi li jreddgħu li huma koperti bl-Artikolu 2 tad-Direttiva 92/85 u li l-fenomenu tal-maternità surrogata jidher li huwa aljen għall-iskema ta’ din id-direttiva.

41.      Madankollu, dan ma jfissirx li omm mhux bijoloġika għandha tiġi mċaħħda kompletament mill-protezzjoni mogħtija bid-Direttiva 92/85 anki jekk dan il-każ speċjali ma kienx speċifikament ikkunsidrat mil-leġiżlatur. Il-bażi essenzjali trid tkun, pjuttost, l-għanijiet tad-Direttiva 92/85 u għandu jkun ikkunsidrat jekk huwiex neċessarju li ommijiet mhux bijoloġiċi jkunu inklużi fil-kamp tal-protezzjoni mogħtija bid-Direttiva 92/85.

iii) Inklużjoni tal-ommijiet mhux bijoloġiċi fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 92/85 abbażi tal-għanijiet imfittxa mid-Direttiva 92/85

42.      Kif il-Gvernijiet tar-Repubblika tal-Irlanda, tal-Portugall u ta’ Spanja jsostnu ġustament fost l-oħrajn b’riferiment għall-Artikolu 1 tad-Direttiva 92/85, id-direttiva sservi biex tipproteġi s-saħħa tal-ħaddiema msemmija fl-Artikolu 2 minħabba l-“vulnerabbiltà” partikolari tagħhom. (11) Il-ħaddiema kkonċernati jistgħu jkunu esposti għal perikli speċifiċi fuq ix-xogħol minħabba l-istat fiżiku tagħhom bħala nisa li qegħdin jistennew li jwelldu jew bħala ommijiet zgħażagħ. Id-Direttiva 92/85 tabilħaqq ma teħtieġx li jkun hemm periklu attwali (12), imma pjuttost b’mod ġenerali u astratt tipproteġi l-kategorija ta’ persuni msemmija fl-Artikolu 2 tagħha, fejn meħtieġ, mir-riskju ta’ espożizzjoni għal aġenti perikolużi (13) u b’mod ġenerali kontra kundizzjonijiet tax-xogħol li huma ta’ ħsara għas-saħħa tagħhom bħal, pereżempju, xogħol bil-lejl. (14) Barra minn hekk, fir-rigward ta’ protezzjoni partikolari kontra t-tkeċċija, il-premessa ħmistax tistipula li huwa meħtieġ li jiġu evitati effetti li jagħmlu ħsara “għall-istat fiżiku u mentali ta’ ħaddiema tqal, ħaddiema li welldu reċent[e]ment jew li qegħdin ireddgħu”.

43.      Mhux il-perikli potenzjali kollha elenkati fid-Direttiva 92/85 jaffettwaw l-ommijiet mhux bijoloġiċi. Peress li ommijiet mhux bijoloġiċi ma humiex tqal, fil-każ tagħhom l-ebda tqala ma titqiegħed fir-riskju minħabba kundizzjonijiet tax-xogħol partikolari. Wara t-twelid tat-tarbija dawn ma humiex suġġetti għall-istess riskji ta’ saħħa bħal nisa li welldu reċentement u ma għandhom ebda bżonn li jirkupraw fiżikament mill-effetti tal-ħlas.

44.      Madankollu, is-sitwazzjoni ta’ ommijiet mhux bijoloġiċi li jreddgħu hija komparabbli għal kollox ma’ dik ta’ ommijiet bijoloġiċi li jreddgħu. Fiż-żewġ każijiet hemm riskji għas-saħħa, pereżempju fil-każ ta’ espożizzjoni okkupazzjonali għal kimiċi jew minħabba ċerti kundizzjonijiet tax-xogħol. Fiż-żewġ każijiet hemm ukoll ċertu rbit għal dak li huwa ħin minħabba t-trobbija tat-tfal.

45.      Barra minn hekk, kif ġie deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja, id-Direttiva 92/85, u b’mod partikolari l-leave tal-maternità li tipprovdi għalih, ma huwiex maħsub biss biex jipproteġi l-ħaddiema. Il-leave tal-maternità huwa maħsub ukoll biex jipproteġi r-relazzjoni speċjali bejn il-mara u t-tarbija tagħha matul il-perijodu ta’ wara t-tqala u t-twelid, pożizzjoni li hija konsistenti wkoll mal-Artikolu 24(3) u mal-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Fl-istadju inizjali din ir-relazzjoni ma għandhiex issofri minħabba l-fatt li l-omm fl-istess ħin issewgi impjieg. (15)

46.      L-għan ta’ din il-protezzjoni bbażata fuq ir-relazzjoni bejn l-omm u t-tarbija jissuġġerixxi wkoll li d-Direttiva 92/85 għandha tapplika b’mod ġenerali għall-ommijiet mhux bijoloġiċi irrispettivament minn jekk ireddgħux it-tarbija tagħhom jew le. (16) Madankollu, f’kull każ, l-imsemmi għan huwa b’mod partikolari jekk mhux saħansitra iktar rilevanti għall-ommijiet mhux bijoloġiċi li jreddgħu, bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, milli għall-ommijiet bijoloġiċi li jreddgħu. Bl-istess mod bħall-omm li tkun welldet hija stess lit-tarbija, omm mhux bijoloġika għandha taħt il-kura tagħha tarbija li hija responsabbli għall-aħjar interessi tagħha. Madankollu, preċiżament għax hija nnifisha ma kinitx tqila, hija trid taffaċċja l-isfida li trid tibni relazzjoni ma’ dik it-tarbija, tintegraha fil-familja, u tadatta ruħha għar-rwol tagħha bħala omm. Din “ir-relazzjoni speċjali bejn il-mara u t-tarbija tagħha matul il-perijodu ta’ wara t-tqala u t-twelid tat-tarbija” jistħoqqilha protezzjoni fil-każ tal-omm mhux bijoloġika bl-istess mod bħal fil-każ tal-omm bijoloġika.

47.      Għalhekk, l-argument tal-Kummissjoni, ibbażat essenzjalment fuq kunsiderazzjonijiet li jikkonċernaw l-iskema tal-liġi, li fil-kuntest tad-Direttiva 92/85 il-maternità ma tistax tiġi kkunsidrata b’mod separat mit-tqala, ma huwiex konvinċenti. Il-mediċina riproduttiva fil-frattemp issuperat l-iskema li saret mil-leġiżlatura, imma mingħajr ma b’daqshekk inħolqot sitwazzjoni fejn l-intenzjoni leġiżlattiva ma għandha l-ebda rilevanza għall-ommijiet mhux bijoloġiċi. Kif kien il-każ bl-impjieg ta’ nisa li jreddgħu lit-tfal ta’ ħaddieħor (wet nurse) fiż-żminijiet passati, fil-każ ta’ maternità surrogata r-rwol tal-omm jinqasam bejn żewġ nisa li għandhom jiġu ggarantiti l-protezzjoni mogħtija bid-Direttiva 92/85 fiż-żminijiet rilevanti għalihom. L-omm surrogata li ġġorr fiha t-tarbija imma li ma tieħux ħsiebha wara t-twelid teħtieġ il-protezzjoni biss bħala ħaddiema tqila jew bħala mara li welldet reċentement. Fil-każ tal-omm mhux bijoloġika, li ma kinitx tqila hija stess imma li qiegħda trabbi tarbija u, possibbilment, qiegħda treddagħha, hemm bżonn tal-protezzjoni wara t-twelid tat-tarbija.

48.      Għaldaqstant, minħabba l-possibbiltajiet li nħolqu bl-avvanzi fil-mediċina, l-għanijiet imfittxa mid-Direttiva 92/85 jfissru li l-kategorija ta’ persuni msemmija fl-Artikolu 2 tad-direttiva għandha tiġi nterpretata b’mod funzjonali pjuttost milli f’termini bijoloġiċi monistiċi. Omm mhux bijoloġika li tibda tieħu ħsieb tarbija bħal omm bijoloġika minflok l-omm bijoloġika tagħha immedjatament wara li titwieled, kif ippjanat, skont ftehim konkluż minn qabel mal-omm surrogata, tieħu post l-omm bijoloġika wara li titwieled it-tarbija, u minn dak il-mument ’il quddiem hija jrid ikollha l-istess drittijiet li altrimenti jingħataw lill-omm surrogata.

49.      F’dan ir-rigward, il-pożizzjoni hija differenti mill-adozzjoni, fejn bħala regola, ma hemm l-ebda relazzjoni bejn l-omm mhux bijoloġika u t-tarbija qabel it-twelid tagħha, li tinħoloq abbażi ta’ ftehim konkluż bejn żewġ nisa rigward il-futur speċifiku tat-tarbija.

50.      Is-sentenza Mayr (17) ma tipprekludix dan l-approċċ. Is-sentenza Mayr kienet tikkonċerna l-kwistjoni taż-żmien minn meta ħaddiema għandha titqies li hija tqila skont it-tifsira tad-Direttiva 92/85 fil-każ ta’ fertilizzazzjoni artifiċjali. Fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel nett ma eskludietx li d-Direttiva 92/85 hija applikabbli wkoll fejn jintużaw miżuri ta’ riproduzzjoni medikament assistita u, it-tieni nett, ħadet bħala bażi għall-applikabbiltà tad-direttiva ż-żmien meta t-tqala tiġi kkonstatata li tibda fil-każ tar-riproduzzjoni naturali. (18)

51.      Jekk din l-idea tiġi applikata fil-każ ta’ maternità surrogata u d-drittijiet mogħtija lill-omm mhux bijoloġika bid-Direttiva 92/85, isegwi li l-omm mhux bijoloġika tista’ tinvoka l-protezzjoni mogħtija bid-Direttiva 92/85 biss, imma fi kwalunkwe każ, meta hija tkun ħadet it-tarbija taħt il-kura tagħha u għalhekk tkun assumiet ir-rwol ta’ omm, għaliex minn dak il-mument ’il quddiem hija tkun f’sitwazzjoni komparabbli ma’ dik tal-omm bijoloġika.

52.      Min-naħa l-oħra, jekk l-ommijiet mhux bijoloġiċi kellhom jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 92/85, fl-aħħar mill-aħħar ikun għad-detriment tat-tfal li jitwieldu lill-omm surrogata u dan imur kontra l-idea bażika espressa fl-Artikolu 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem tal-Unjoni Ewropea, li jistipula li fl-azzjonijiet kollha relatati mat-tfal, kemm jekk jittieħdu minn awtoritajiet pubbliċi jew minn istituzzjonijiet privati, l-aħjar interess tat-tfal għandu jkun kunsiderazzjoni primarja.

–       Konklużjoni interim

53.      Bħala konklużjoni interim oħra jista’ jintqal li fi kwalunkwe każ omm mhux bijoloġika li tredda’ hija f’sitwazzjoni ekwivalenti għal dik ta’ omm bijoloġika li tredda’ fir-rigward tal-għanijiet imfittxa mid-Direttiva 92/85. Barra minn hekk, kemm l-ommijiet mhux bijoloġiċi u l-ommijiet bijoloġiċi jistgħu jiġu inklużi taħt it-terminu “ħaddiema li jreddgħu”.

54.      Madankollu, id-Direttiva 92/85 tista’ tkun ukoll applikabbli għal ommijiet mhux bijoloġiċi li ma jreddgħux.

iv)    L-Artikolu 2 tad-Direttiva 92/85 huwa applikabbli għal ommijiet mhux bijoloġiċi li ma jreddgħux?

55.      Issa huwa neċessarju li jiġi stabbilit jekk l-għan tal-protezzjoni segwita bid-Direttiva 92/85 jeħtieġx li l-Artikolu 2 tagħha jiġi applikat ukoll għal ommijiet mhux bijoloġiċi li jagħmluha ta’ omm għal tarbija wara li titwieled, anki fejn ma jreddgħuhiex fl-istess ħin.

56.      Għall-iskopijiet tal-kawża prinċipali, il-premessa hija li l-omm fil-fatt reddgħat it-tarbija tagħha. Madankollu, bid-Domanda 2 il-qorti nazzjonali tistaqsi espressament dwar ir-rilevanza tat-treddiegħ għad-dritt għal-leave tal-maternità u għalhekk trid tiġi investigata. L-ewwel nett hija ġurisprudenza stabbilita li hija l-qorti nazzjonali li quddiemha tkun inġiebet it-tilwima, u li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti, li għandha tistabbilixxi fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, ir-rilevanza tad-domandi li hija tippreżenta lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, peress li d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tiddeċiedi. (19)

57.      Dan japplika iktar u iktar peress li l-kawża prinċipali hija bbażata fuq tilwima dwar jekk hemmx “dritt legali ġenerali għal-leave bi ħlas għall-maternità surrogata” ekwivalenti għal-leave għall-adozzjoni, li jista’ ma jkunx dipendenti fuq il-kwistjoni tat-treddiegħ. Għaldaqstant, fil-każ preżenti l-kwistjoni li tikkonċerna r-rilevanza tat-treddiegħ ma hijiex ipotetika u trid tiġi mwieġba.

58.      L-idea li t-terminu “ħaddiema li tredda’” huwa miftuħ għal interpretazzjoni li tkopri mhux biss omm mhux bijoloġika li tredda’ imma anki b’mod ġenerali kull mara li tieħu ħsieb tarbija tidher mal-ewwel daqqa t’għajn dubjuża.

59.      Jekk xejn, il-kliem tad-dispożizzjoni, li speċifikament jieħu t-treddiegħ tat-tarbija bħala bażi, jitkellem kontriha. Il-persuna li timpjega għandu jiġi nfurmat sabiex ikun jista’ jadatta l-kundizzjonijiet tax-xogħol għal bżonnijiet partikolari tal-ħaddiema li tredda’. L-obbligu li jinformaw ma huwiex rilevanti għan-nisa li ma jreddgħux lit-tarbija tagħhom.

60.      Madankollu, l-Artikolu 2 tad-Direttiva 92/85 mhux biss jagħti protezzjoni lill-ommijiet waqt ix-xogħol, imma joħloq ukoll dritt għal-leave tal-maternità konformi mal-Artikolu 8 tiegħu. Fir-rigward tal-kwistjoni dwar min jappartjeni għall-kategorija tal-persuni intitolati, ma għandux jiġi kkunsidrat biss il-kliem tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 92/85 iżda wkoll l-għan tal-protezzjoni mfittex bil-leave tal-maternità. Kif intqal iktar ’il fuq, dak l-għan jinkludi l-iżvilupp bla xkiel tar-relazzjoni bejn l-omm u t-tarbija fil-perijodu ta’ wara t-twelid. Il-fatt li skont l-Artikolu 24(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali kull tarbija għandha d-dritt li jkollha, regolarment, relazzjoni personali u kuntatt dirett maż-żewġ ġenituri japplika b’mod partikolari għal tarbija u r-relazzjoni tagħha mal-omm li tieħu ħsiebha u huwa wieħed mir-raġunijiet essenzjali għalfejn id-Direttiva 92/85 tagħti l-leave tal-maternità.

61.      Meta mqabbla ma’ dan, il-kwistjoni tal-metodu speċifiku ta’ kif tiġi mitmugħa t-tarbija hija ta’ sinifikat inferjuri. Il-fatt li t-tarbija tiġix mredda’ jew mitmugħa bil-flixkun jiddependi fuq ċirkustanzi li l-omm tista’ tinfluwenza biss parzjalment u ma għandux ikun deċiżiv fir-rigward ta’ jekk l-omm li tieħu ħsieb it-tarbija wara li titwieled tingħatax jew le l-leave tal-maternità.

62.      Fil-każ tal-omm bijoloġika li għandha dritt għal leave tal-maternità skont l-Artikolu 2(a) u (b) tad-Direttiva 92/85 dak id-dritt għal-leave tal-maternità wara t-twelid ma jieqafx jekk hija tiddeċiedi li titma’ bil-flixkun. L-istess għandu japplika għall-ommijiet mhux bijoloġiċi b’mod partikolari peress li huma jistgħu jibbenefikaw mil-leave tal-maternità biss wara t-twelid minħabba l-qsim funzjonali tal-kompiti mal-omm surrogata. Ma jkunx ingħata qies suffiċjenti tal-għan, stabbilit bħala dritt fundamentali, li jiġi żgurat l-iżvilupp bla xkiel tar-relazzjoni bejn l-omm u t-tarbija, jekk il-fattur deċiżiv biex jiġi stabbilit jekk omm mhux bijoloġika għandhiex tingħata leave tal-maternità, kellu jkun il-mod li bih tiġi mitmugħa t-tarbija.

63.      Għaldaqstant, fir-rigward ta’ ommijiet mhux bijoloġiċi, abbażi ta’ raġunament teleoloġiku fid-dawl tad-dritt primarju, l-Artikolu 2 tad-Direttiva 92/85, sa fejn huwa kkonċernat l-għoti tal-leave tal-maternità, għandu jinftiehem li jista’ jinkludi ħaddiema li attwalment ma jreddgħux lit-tarbija tagħhom. Fejn Stat Membru jirrikonoxxi l-maternità surrogata u għalhekk il-qsim funzjonali tar-rwol ta’ omm bejn żewġ nisa, dan għandu għaldaqstant jagħti lill-omm surrogata d-drittijiet rilevanti tal-leave tal-maternità.

64.      Jekk jiġi adottat dan l-approċċ ibbażat fuq l-aċċettazzjoni tal-maternità surrogata fl-Istat Membru kkonċernat, tista’ tqum ukoll il-kwistjoni – għalkemm din ma hijiex deċiżiva f’din il-kawża – dwar jekk id-Direttiva 92/85 tistax tapplika għal ommijiet surrogati f’każ biss li d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali tal-Istat Membru inkwistjoni jaċċettaw ukoll il-kunċett tal-maternità surrogata.

65.      Fil-kawża preżenti ma hjiex meħtieġa iktar diskussjoni dwar il-kwistjoni peress li skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-leġiżlazzjoni nazzjonali l-ftehim dwar il-maternità surrogata kien validu u r-responsabbiltà tal-ġenituri għat-tarbija kienet ġiet trasferita lill-omm mhux bijoloġika skont digriet dwar il-ġenituri.

66.      Bl-istess mod, minħabba ċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, ma hemm l-ebda ħtieġa li tiġi kkunsidrata, pereżempju, l-evalwazzjoni ta’ sitwazzjonijiet trans-konfinali fejn il-liġi tal-pajjiż tal-oriġini tal-omm mhux bijoloġika taċċetta l-kunċett tal-maternità surrogata imma l-liġi fis-seħħ fil-pajjiż tal-impjieg tagħha ma tagħmilx dan.

67.      Għall-inqas meta l-Istat Membru li fih id-drittijiet skont id-Direttiva 92/85 qegħdin jiġu asseriti jirrikonoxxi r-relazzjoni legali tal-omm mhux bijoloġika mat-tarbija fil-każ speċifiku, dik id-direttiva għandha tiġi applikata għall-omm mhux bijoloġika li tieħu post l-omm surrogata immedjatament wara t-twelid.

v)      Konklużjoni interim dwar (a)

68.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, fir-rigward tal-għoti tal-leave tal-maternità, omm mhux bijoloġika trid titqies bħala “ħaddiem fis-sens tal-[Artikolu 2 tad-Direttiva 92/85]” u għalhekk id-Direttiva 92/85 hija applikabbli għaliha jekk hija tieħu t-tarbija taħt il-kura tagħha wara li titwieled.

b)      Id-dritt għal-leave tal-maternità skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 92/85

69.      Għaldaqstant, bħala ħaddiema fis-sens tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 92/85, omm mhux bijoloġika għandha d-dritt għal-leave tal-maternità skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 92/85.

70.      Għalkemm id-Direttiva 92/85 titlaq mill-bażi ta’ leave tal-maternità kontinwu li għalih hija intitolata persuna waħda, dan il-prinċipju għandu jiġi kwalifikat fil-każ ta’ maternità surrogata sabiex jingħata qies tas-sitwazzjoni partikolari tan-nisa konċernati, peress li t-tnejn li huma għandhom dritt skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 92/85, u parzjalment fl-istess żmien.

71.      Qabel it-twelid hija biss l-omm surrogata li jista’ jkollha dritt għal-leave tal-maternità bħala ħaddiema tqila (Artikolu 2(a) tad-Direttiva 92/85). Wara t-twelid id-dritt jestendi għall-omm surrogata, bħala mara li welldet reċentement (Artikolu 2(b) tad-Direttiva 92/85) u għall-omm mhux bijoloġika meta tieħu t-tarbija taħt il-kura tagħha wara li titwieled.

72.      Il-kwistjoni għalhekk hija jekk, u jekk iva sa liema punt, il-leave tal-maternità għal total ta’ 14-il ġimgħa għandu jiġi maqsum bejn in-nisa konċernati. Peress li ma hemm ebda regoli speċifiċi dwar il-maternità surrogata, l-għanijiet imfittxa mid-Direttiva 92/85 essenzjalment għandhom jittieħdu bħala bażi u r-rekwiżiti tal-iskema stipulati fid-Direttiva 92/85 għandhom ikunu sodisfatti sa fejn huwa possibbli fir-rigward tal-maternità surrogata.

73.      L-ewwel nett, għandu jiġi osservat li skont l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 92/85 fi kwalunkwe każ għandu jingħata leave tal-maternità obbligatorju għal mill-inqas ġimgħatejn. Peress li kemm l-omm surrogata u l-omm mhux bijoloġika t-tnejn li huma huma “ħaddiema fis-sens tal-[Artikolu 2 tad-Direttiva 92/85]”, dan il-leave jrid jingħata liż-żewġ nisa b’mod sħiħ mingħajr ma jkun possibbli li jitnaqqas xi leave li jkun ittieħed mill-oħra.

74.      It-tieni nett, għandu jiġi osservat li l-kunċett tal-maternità surrogata, traspost fl-iskema tad-Direttiva 92/85, ma jistax iwassal għall-irduppjar tal-intitolament tal-leave totali. Pjuttost, id-diviżjoni tar-rwoli magħżula min-nisa konċernati trid tiġi riflessa fil-leave tal-maternità. Għaldaqstant, il-leave li jkun diġà ttieħed mill-omm surrogata jrid jitnaqqas minn dak tal-omm mhux bijoloġika, u viċeversa.

75.      Ma huwiex possibbli li jiġi stabbilit fid-dettal mill-għanijiet u mill-iskema tad-Direttiva 92/85 il-punt sa fejn kull waħda min-nisa jkollha dritt għal-leave, b’mod partikolari jekk il-leave tal-maternità għandux jinqasam bejniethom b’mod ugwali, u liema proċedura għandha tiġi segwita fejn ma jkunx possibbli li jintlaħaq ftehim bejniethom, imma mill-għanijiet u mill-iskema tad-Direttiva 92/85 jistgħu jiġu inferiti parametri li għandhom jitqiesu f’dak ir-rigward. Id-diviżjoni tal-leave tal-maternità fi kwalunkwe każ għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-interessi protetti b’dik id-direttiva. Qabel it-twelid, il-protezzjoni tal-mara tqila u, wara t-twelid, il-protezzjoni tal-mara li welldet reċentement u l-aħjar interessi tat-tarbija huma l-kriterji prinċipali. Kull diviżjoni tal-leave tal-maternità li tkun miftiehma – li b’mod partikolari ma tistax tkun ta’ ħsara għall-aħjar interessi tat-tarbija – għandha tieħu inkunsiderazzjoni dawn l-interessi legalment protetti. Peress li l-Artikolu 8 tad-Direttiva 92/85 b’mod ġenerali jagħmel riferiment għal-leġiżlazzjoni nazzjonali fir-rigward tar-regoli dettaljati li jirregolaw il-leave tal-maternità, huwa raġonevoli li jiġi segwit l-approċċ tagħha f’aspetti oħra. Tista’ tkun konċepibbli wkoll l-applikazzjoni b’analoġija tar-regoli dwar kredituri in solidum.

c)      Konklużjoni dwar id-Domandi 1 u 2

76.      Għaldaqstant, ir-risposta għad-Domandi 1 u 2 għandha tkun li f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali omm mhux bijoloġika li jkollha tarbija permezz ta’ ftehim dwar maternità surrogata għandha dritt għal-leave tal-maternità skont l-Artikoli 2 u 8 tad-Direttiva 92/85 wara t-twelid tat-tarbija fi kwalunkwe każ fejn hija tieħu t-tarbija taħt il-kura tagħha wara t-twelid, il-maternità surrogata hija permessa fl-Istat Membru konċernat u r-rekwiżiti nazzjonali huma sodisfatti, anki meta l-omm mhux bijoloġika ma treddgħax it-tarbija wara t-twelid; il-leave għandu jammonta għal mill-inqas ġimgħatejn u kull leave tal-maternità ieħor li jittieħed mill-omm surrogata għandu jitnaqqas.

d)      Id-Domanda 7.1

77.      Bid-Domanda 7.1 il-qorti nazzjonali qiegħda tfittex li taċċerta fost l-oħrajn jekk id-Direttiva 92/85 għandiex “effett dirett”. F’dan ir-rigward jeżistu ċerti dubji dwar il-leave tal-maternità għaliex il-kontenut preċiż tad-dritt u d-diviżjoni tiegħu bejn l-omm surrogata u l-omm mhux bijoloġika ma jistgħux jiġu dedotti bi preċiżjoni suffiċjenti mid-Direttiva 92/85. Madankollu, jista’ jiġi dedott minn dik id-direttiva li l-omm mhux bijoloġika għandha tingħata mill-inqas ġimgħatejn leave tal-maternità bħala standard minimu. Jekk l-omm surrogata u l-omm mhux bijoloġika jaqblu b’mod validu dwar id-diviżjoni tal-minimu tal-għaxar ġimgħat rimanenti u jingħata qies tal-interessi legalment protetti inkwistjoni, id-dritt għal-leave rimanenti jista’ wkoll jiġi stabbilit bi preċiżjoni suffiċjenti.

78.      Wara d-Direttiva 92/85 issa huwa neċessarju li tiġi eżaminata d-Direttiva 2006/54.

2.      Domandi li jikkonċernaw id-Direttiva 2006/54

79.      Id-Domandi 3, 4, 5, 6 u 7.2 jikkonċernaw l-ugwaljanza fit-trattament bejn in-nisa u l-irġiel skont id-Direttiva 2006/54. Il-qorti nazzjonali talbet li jiġi verifikat (i) jekk id-Direttiva 2006/54 teskludix lil persuna li timpjega milli tirrifjuta li tagħti lil omm mhux bijoloġika l-leave tal-maternità u (ii) jekk jistax jiġi konkluż li l-omm mhux bijoloġika saret diskriminazzjoni kontriha minħabba l-assoċjazzjoni tagħha mal-omm surrogata.

80.      Il-Kummissjoni u r-Renju Unit huma korretti fil-fehma tagħhom li d-Direttiva 2006/54 ma hijiex rilevanti għall-kwistjonijiet imqajma fil-kawża prinċipali. Il-kawża preżenti ma tikkonċernax “l-implimentazzjoni tal-prinċipju tal-opportunitajiet indaqs u t-trattament ugwali fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol” fis-sens tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2006/54. Jien issa se neżamina dawn l-aspetti fid-dettall.

a)      Id-Domandi 3 u 4

81.      Il-kundizzjonijiet li taħthom għandu jingħata l-leave tal-maternità – li fuqhom essenzjalment huma bbażati d-Domandi 3 u 4 – huma stipulati fid-Direttiva 92/85 li jien diġà kkunsidrajt. L-Artikolu 15 tad-Direttiva 2006/54 jikkonċerna biss il-kwistjoni tar-ritorn mil-leave tal-maternità u għalhekk jippresupponi li saru regoli x’imkien ieħor dwar il-kundizzjonijiet rilevanti.

82.      Għalhekk, id-Direttiva 2006/54 ma għandhiex tiġi invokata f’dan ir-rigward.

b)      Id-Domanda 5

83.      Bid-Domanda 5 il-qorti nazzjonali essenzjalment tistaqsi jekk għandux jiġi konkluż li kien hemm ksur tal-Artikolu 14, flimkien mal-Artikolu 2, tad-Direttiva 2006/54, jiġifieri diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess minħabba l-assoċjazzjoni tal-omm mhux bijoloġika mal-omm surrogata, jekk l-omm mhux bijoloġika tingħata “trattament inqas favorevoli”.

84.      Din id-domanda tidher li tikkonċerna ‘żvantaġġi’ mhux speċifikati li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ssostni li sofriet. Jidher li dawn l-iżvantaġġi kienu essenzjalment jikkonsistu fil-fatt li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali għall-bidu ġiet rifjutata l-leave tal-maternità għar-raġuni li kienet l-omm surrogata u mhux hija li kienet tqila. F’dan ir-rigward id-Direttiva 92/85 hija rilevanti. (20)

85.      Madankollu, fi kwalunkwe każ ma huwiex possibbli li jiġi stabbilit li kien hemm “trattament inqas favorevoli” [tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali] relatat mat-tqala jew il-leave tal-maternità fis-sens tad-Direttiva 92/85” għall-iskopijiet tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2006/54.

86.      L-ewwel nett, trattament mhux favorevoli tal-omm mhux bijoloġika relatat mat-tqala huwa eskluż għaliex ma kinitx ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali nnifisha imma l-omm surrogata li kienet tqila. L-attriċi fil-kawża prinċipali ma tistax tinvoka t-tqala tal-omm surrogata sabiex tiġi ttrattata bħala mara tqila li taħdem. It-tieni nett, jista’ jiġi konkluż li kien hemm trattament mhux favorevoli relatat mal-leave tal-maternità biss jekk ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienet fil-fatt ġiet mogħtija leave tal-maternità u dan kien ta’ detriment għall-iżvilupp tal-karriera futura tagħha. Din is-sitwazzjoni hija regolata bl-Artikolu 15 tad-Direttiva 2006/54 fir-rigward tar-ritorn mil-leave tal-maternità. Madankollu, il-kwistjoni ta’ jekk il-leave tal-maternità għandux jingħata jew le ma hijiex koperta bid-Direttiva 2006/54.

87.      Barra minn hekk, ma hemm ebda evidenza ta’ xi diskriminazzjoni diretta jew indiretta fis-sens tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2006/54. Fi kwalunkwe każ ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma kienet suġġetta għall-ebda żvantaġġ meta mqabbla mal-kollegi tagħha rġiel minħabba s-sess tagħha, imma l-iktar l-iktar għaliex hija wettqet ix-xewqa tagħha li jkollha tarbija bl-assistenza ta’ omm surrogata. Madankollu, f’dak il-każ kwalunkwe żvantaġġ ikun konċepibbli biss meta mqabbel ma’ nisa oħra li ma jkunux irrikorrew għal omm surrogata u fi kwalunkwe każ dan ma jkunx jikkonċerna l-opportunitajiet indaqs u l-ugwaljanza fit-trattament bejn l-irġiel u n-nisa li ġew indirizzati fid-Direttiva 2006/54.

88.      Għaldaqstant għandu jiġi konkluż li ma kien hemm ebda ksur tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2006/54.

c)      Konklużjoni dwar id-Domandi 3, 4, 5, 6 u 7.2

89.      Id-domandi 3, 4 u 5 għandhom jingħataw risposta fin-negattiv. Peress li d-Domanda 6 saret biss għall-eventwalità li d-Domanda 4 tiġi mwieġba fl-affermattiv, ma hemm ebda ħtieġa li din tiġi eżaminata. Bl-istess mod ma hemm ebda ħtieġa li tiġi mwieġba d-Domanda 7.2.

VI – Konklużjoni

90.      Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi magħmula:

F’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, omm mhux bijoloġika li jkollha tarbija permezz ta’ arranġament ta’ maternità surrogata għandha dritt li tirċievi leave tal-maternità skont l-Artikoli 2 u 8 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-introduzzjoni ta’ mizuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu, wara t-twelid tat-tarbija u fi kwalunkwe każ meta hija tieħu t-tarbija taħt il-kura tagħha wara t-twelid, il-maternità surrogata hija permessa fl-Istat Membru kkonċernat u r-rekwiżiti nazzjonali huma sodisfatti, anki fejn l-omm mhux bijoloġika ma treddgħax lit-tarbija wara t-twelid; il-leave għandu jammonta għal mill-inqas ġimgħatejn u kull leave tal-maternità ieħor li jittieħed mill-omm surrogata jrid jitnaqqas.

Ma jista’ jiġi identifikat ebda ksur tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Lulju 2006, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali.


1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2 – Nota tal-qiegħ il-paġna li ma hijiex rilevanti għall-verżjoni bl-Ingliż.


3 – Ħarsa ġenerali dwar dan is-suġġett tingħata minn database dwar ir-regoli legali dwar il-mediċina riproduttiva fil-pajjiżi tal-Ewropa li tinżamm mill-Max-Planck-Institut für ausländisches und internationales u wieħed jista’ jaraha fuq http://www.mpicc.de/meddb eingesehen werden kann.


4 – “L-omm mhux bioloġika” huwa t-terminu użat mill-qorti nazzjonali. It-terminu “l-omm kummissjonanti” xi kultant huwa ppreferut.


5 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 110


6 – Sentenza tas-26 ta’ Frar 2008, Mayr, C‑506/06, Ġabra p. I‑1017).


7 – ĠU L 204, p. 23.


8 – It-talba għal deċiżjoni preliminari tagħmel riferiment għal “talba formali għal-leave għal maternità surrogata”.


9 – Sentenzi tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra, C‑379/98, Ġabra p. I‑2099, punt 39, tat-23 ta’ April 2009, Rüffler, C‑544/07, Ġabra p. I‑3389, punt 37, tad-19 ta’ Novembru 2009, Filipiak, C‑314/08, Ġabra p. I‑11049, punt 41, tas-7 ta’ Lulju 2011, Agafiței et, C‑310/10, Ġabra p. I‑5989, punt 26, u tal-15 ta’ Jannar 2013, Križan et, C‑416/10, punt 54).


10 – Sentenza Mayr (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 38).


11 – Kif stipulat fl-erbatax-il premessa tad-Direttiva 92/85.


12 – Sentenza tal-20 ta’ Settembru 2007, Kiiski, C‑116/06, Ġabra p. I‑7643, punt 30).


13 – Kif stipulat fl-għaxar u fit-tnax-il premessa tad-Direttiva 92/85 u fl-Artikolu 6 tagħha.


14 – Kif stipulat fit-tnax u t-tlettax-il premessa tad-Direttiva 92/85 u fl-Artikolu 7 tagħha.


15 – Ara s-sentenzi tas-27 ta’ Ottubru 1998, Boyle et, C-411/96, Ġabra p. I‑6401, punt 41; tal-11 ta’ Jannar 2000, Kreil, C‑285/98, Ġabra p. I‑69, punt 30; tad-29 ta’ Novembru 2001, Griesmar, C‑366/99, Ġabra p. I‑9383, punt 43; tat-18 ta’ Marzu 2004, Merino Gómez, C‑342/01, Ġabra p. I-2605, punt 32; tal-14 ta’ April 2005, Il‑Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, C‑519/03, Ġabra p. I‑3067, punt 32; u sentenza Kiiski (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 46.


16 – F’dan ir-rigward ara (iv) iktar ’il quddiem.


17 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6.


18 – Is-sentenza Mayr (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punti 38 et seq).


19 – F’dan ir-rigward ara l-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9.


20 – Ara l-punt 81 iktar ’il fuq.