Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-18 ta’ Marzu 2014 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Employment Tribunal, Newcastle upon Tyne - Ir-Renju Unit) – C. D. vs S. T.

(Kawża C-167/12) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 92/85/KEE – Miżuri intiżi li jinkoraġġixxu t-titjib tas-saħħa u tas-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema tqal, ħaddiema li jkunu welldu reċentement, jew ħaddiema li jkunu qegħdin ireddgħu – Artikolu 8 – Omm prospettiva li kellha tarbija permezz ta’ ftehim ma’ omm surrogata – Rifjut li jingħatalha leave tal-maternità – Direttiva 2006/54/KE – Ugwaljanza fit-trattament bejn ħaddiema rġiel u ħaddiema nisa – Artikolu 14 – Trattament inqas favorevoli ta’ omm prospettiva fir-rigward tal-għoti ta’ leave tal-maternità)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Qorti tar-rinviju

Employment Tribunal, Newcastle upon Tyne

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: C. D.

Konvenuta: S. T.

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari - Employment Tribunal Newcastle upon tyne - Interpretazzjoni tal-Artikoli 1(1), 2(ċ), 8(1) u 11(2)(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-introduzzjoni ta’ mizuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (l-għaxar Direttiva partikolari fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 110) - Interpretazzjoni tal-Artikoli 14 u 2(1)(a), (b) u (ċ) tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Lulju 2006, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (ĠU L 204, p. 23) - Projbizzjoni ta’ kull trattament inqas favorevoli ta’ mara relatat mat-tqala jew mal-leave tal-maternità fis-sens tad-Direttiva 92/85/KEE - Kamp ta’ applikazzjoni - Omm mhux bijoloġika li jkollha tarbija permezz ta’ arranġament ma’ omm surrogata - Dritt għal leave tal-maternità

Dispożittiv

Id-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (l-għaxar Direttiva partikolari fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE), għandha tiġi interpretata fis-sens li l-Istati Membri ma humiex obbligati jawtorizzaw leave tal-maternità skont l-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva lil ħaddiema, fil-kwalità tagħha ta’ omm prospettiva li kellha tarbija permezz ta’ ftehim ma’ omm surrogata, inkluż meta hija tista’ tredda’ din it-tarbija wara t-twelid jew meta tkun qiegħda effettivament tredda’ tali tarbija.

L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Lulju 2006, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol, moqri flimkien mal-Artikolu 2(1)(a) u (b) u l-Artikolu 2(2)(ċ) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jikkostitwixxix diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, il-fatt li persuna li timpjega tirrifjuta li tawtorizza leave tal-maternità lil omm prospettiva li kellha tarbija permezz ta’ ftehim ma’ omm surrogata.

____________

1  ĠU C 194, 30.06.2012.