Language of document :

Rikors ippreżentat fil-25 ta' Frar 2010 - Marcuccio vs Il-Kummissjoni

(Kawża F-14/10)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrent: Luigi Marcuccio (Tricase, Lecce) (rappreżentant: G. Cipressa, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Suġġet u deskrizzjoni tal-kawża

Il-konstatazzjoni tat-tul eċċessiv tal-proċeduri ta' rikonoxximent ta' diżabbiltà parzjali u l-kundanna tal-konvenuta sabiex tħallas id-danni kkawżati lir-rikorrent.

Talbiet tar-rikorrent

jannulla d-deċiżjoni ta' ċaħda, min-naħa tal-Kummissjoni, tat-talba tat-30 ta' Jannar 2009;

jannulla l-att ta' ċaħda tal-ilment tal-20 ta' Lulju 2009 kontra d-deċiżjoni ta' ċaħda tat-talba tat-30 ta' Jannar 2009;

sa fejn meħtieġ, jannulla n-nota prot. ADMIN.B.2/MB/ls D(09)29562, tas-6 ta' Novembru 2009, li waslet għand ir-rikorrent fis-16 ta' Diċembru 2009;

sa fejn meħtieġ, jikkonstata li l-proċeduri sabiex ir-rikorrent jikseb il-garanziji tal-liġi skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej fir-rigward ta' inċident li huwa ġarrab fit-12 ta' Settembru 2003, damu iktar minn ħames snin;

sa fejn meħtieġ, jiddikjara li t-tul tal-proċeduri inkwistjoni kien iktar minn dak raġonevoli;

jikkundanna lill-Kummissjoni tħallas kumpens għad-danni materjali u morali, imġarrba inġustament mir-rikorrent fir-rigward tat-tul mhux raġonevoli tal-proċeduri inkwistjoni, billi tagħtih is-somma ta' EUR 10 000, jew dik is-somma ikbar jew iżgħar li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jidhirlu ġust u ekwu;

jikkundanna lill-Kummissjoni sabiex tagħti lir-rikorrent, mill-jum li jiġi dak eżatt wara dak il-jum li fih it-talba tat-30 ta' Jannar 2009 waslet għand il-Kummissjoni u sal-ħlas effettiv tas-somma ta' EUR 10 000 (għaxart elef), bl-interessi fuq din l-aħħar somma, bir-rata ta' 10% kull sena u kapitalizzat kull sena;

jikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

____________