Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Amtsgericht Nürnberg (il-Ġermanja) fid-9 ta’ Novembru 2018 – Geld-für-Flug GmbH vs Ryanair DAC

(Kawża C-701/18)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Amtsgericht Nürnberg

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Geld-für-Flug GmbH

Konvenuta: Ryanair DAC

Domanda preliminari

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur 1 għandu jiġi interpetat fis-sens li klawżola li tinsab fil-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ ta’ trasportatur tal-ajru kummerċjali, li ma ġietx innegozjata individwalment u li tipprovdi li kuntratt konkluż b’mod elettroniku ma’ konsumatur li għandu jiġi ttrasportat hija suġġetta għad-dritt tal-Istat Membru tas-sede tat-trasportatur tal-ajru li ma huwiex l-istess bħad-dritt tal-Istat Membru tar-residenza abitwali tal-konsumatur li għandu jiġi ttrasportat, hija inġusta sa fejn hija tqarraq bil-konsumatur billi ma tinformahx li l-għażla ta’ liġi oħra konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) 2 hija possibbli biss f’ċerti limiti u li ma huwiex possibbli li tintgħażel kwalunkwe liġi nazzjonali, iżda biss dawk previsti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Ruma I?

____________

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288.

2     ĠU 2008, L 177, p 6 (rettifika fil-ĠU 2009, L 309, p. 87).