Language of document : ECLI:EU:F:2015:32

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tieni Awla)

23 ta’ April 2015

Kawża F‑54/14

François Vainker

vs

Il‑Parlament Ewropew

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Mili tal-pożizzjoni ta’ konsulent legali mal-Parlament — Ċaħda ta’ kandidatura — Rikors għal annullament — Tmiem definittiv tal-funzjonijiet fid-data tal-preżentata tar-rikors — Nuqqas ta’ interess ġuridiku — Rikors għad-danni — Talba għal kumpens mhux ippreċiżat — Inammissibbiltà manifesta”

Suġġett:      Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu F. Vainker jitlob, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament Ewropew, tad-9 ta’ Settembru 2013, li taħtar lil X fil-pożizzjoni ta’ konsulent legali mal-Parlament u, min-naħa l-oħra, l-iffissar ta’ kumpens għad-danni kkawżati min-nuqqasijiet amministrattivi kkonstatati.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud bħala manifestament inammissibbli. F. Vainker għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat ibati l-ispejjeż sostnuti mill-Parlament Ewropew.

Sommarju

1.      Rikorsi tal-uffiċjali — Interess ġuridiku — Evalwazzjoni fil-mument tal-preżentata tar-rikors — Deċiżjoni ta’ ħatra — Rikors għal annullament ippreżentat minn uffiċjal irtirat qabel il-preżentata tar-rikors — Inammissibbiltà — Rikors għad-danni — Ammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

2.      Proċedura ġudizzjarja — Rikors promotur — Rekwiżiti proċedurali — Identifikazzjoni tas-suġġett tat-tilwima — Espożizzjoni ċara u preċiża tal-motivi invokati — Talba intiża għall-kumpens għad-danni kkawżati minn istituzzjoni

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 35(1)(d) u (e))

1.      Sabiex uffiċjal jew ex uffiċjal ikun jista’ jippreżenta rikors, skont l-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, intiż għall-annullament ta’ deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra li tipproċedi għal ħatra, huwa neċessarju li dan ikollu interess personali fl-annullament tal-att ikkontestat u dan l-interess jippreżumi li t-talba tkun tista’, bl-eżitu tagħha, tipprovdilu vantaġġ. Bħala kundizzjoni għall-ammissibbiltà, l-interess ġuridiku tar-rikorrent għandu jiġi evalwat fil-mument tal-preżentata tar-rikors.

Fil-fatt, ex uffiċjal, li, fil-mument tal-preżentata tar-rikors tiegħu, ikun irtira u li għaldaqstant ma għadux jifforma parti mis-servizz pubbliku tal-Unjoni Ewropea, ma jkunx jista’ iktar, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni ta’ ħatra mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, japplika għall-pożizzjoni kontenzjuża, sa fejn huwa ma jkunx iktar jissodisfa waħda mill-kundizzjonijiet għall-eliġibbiltà previsti fl-avviż ta’ pożizzjoni vakanti, jiġifieri dik li jkun uffiċjal. Għaldaqstant, peress li ma jkunx jista’ japplika iktar għall-pożizzjoni kontenzjuża meta huwa jippreżenta r-rikors tiegħu, l-ex uffiċjal ma għandu ebda interess personali li d-deċiżjoni ta’ ħatra tkun annullata, peress li tali annullament ma jistax jipprovdilu vantaġġ.

Il-fatt li l-ex uffiċjal ikun irtira fuq talba tiegħu stess, qabel ma jkun laħaq l-età li fiha huwa kien jirtira awtomatikament, ma jikkontestax din il-konklużjoni. Fil-fatt, mill-Artikolu 47(f) tar-Regolamenti tal-Persunal moqri flimkien mal-Artikolu 52(b) tal-istess regolamenti jirriżulta li l-irtirar antiċipat, mogħti sussegwentement għal talba mressqa għal dan il-għan mill-persuna kkonċernata, iwassal għat-tmiem definittiv tal-funzjonijiet. Il-konsegwenzi ta’ tali rtirar huma għaldaqstant l-istess bħal dawk ta’ riżenja.

Għalkemm l-ex uffiċjal ma għandux iktar interess leġittimu li d-deċiżjoni ta’ ħatra tkun annullata, huwa madankollu għandu interess jitlob li tingħata deċiżjoni fir-rigward ta’ din il-ħatra fil-kuntest ta’ talba intiża għall-kumpens għad-dannu, kemm materjali kif ukoll morali, li huwa jqis li sostna minħabba diversi nuqqasijiet imwettaq mill-amministrazzjoni tiegħu.

(ara l-punti 17 sa 19, 22 u 25)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenza Del Plato vs Il‑Kummissjoni, 126/87, EU:C:1989:115, punti 18 sa 20

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: sentenzi Marcato vs Il‑Kummissjoni, T‑82/89, EU:T:1990:77, punt 54; Moritz vs Il‑Kummissjoni, T‑20/89, EU:T:1990:80, punt 15; Latham vs Il‑Kummissjoni, T‑82/91, EU:T:1994:14, punti 24 sa 26; Moat vs Il‑Kummissjoni, T‑41/95, EU:T:1996:87, punt 26; Contargyris vs Il‑Kunsill, T‑6/96, EU:T:1997:76, punt 32, u Combescot vs Il‑Kummissjoni, T‑250/04, EU:T:2007:262, punt 28

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: sentenza Il‑Kummissjoni vs Q, T‑80/09 P, EU:T:2011:347, punt 156, u l-ġurisprudenza ċċitata, u digriet Attey et vs Il‑Kunsill, T‑118/11, T‑123/11 u T‑124/11, EU:T:2012:270, punt 28

2.      Skont l-Artikolu 35(1)(d) u (e) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, ir-rikors għandu, inter alia, jindika s-suġġett tal-kawża u jinkludi espożizzjoni tal-motivi invokati. Sabiex jissodisfa dawn ir-rekwiżiti, rikors intiż għall-kumpens għad-danni kkawżati minn istituzzjoni tal-Unjoni għandu jinkludi l-elementi li jippermettu li jiġi identifikat l-aġir li r-rikorrent jallega fil-konfront tal-istituzzjoni, ir-raġunijiet li għalihom huwa jqis li hemm rabta kawżali eżistenti bejn l-aġir u d-dannu li huwa jallega li ġie subit minnu, kif ukoll in-natura u l-portata ta’ dan id-dannu. Min-naħa l-oħra, talba intiża għall-ksib ta’ kumpens li ma huwiex speċifikat hija nieqsa mill-preċiżazzjoni meħtieġa u konsegwentement, għandha titqies li hija inammissibbli.

Ir-rekwiżiti tal-Artikolu 35(1)(d) u (e) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma humiex issodisfatti fil-każ ta’ rikors li fih ir-rikorrent ma jallegax li sofra danni, bħal dannu morali jew it-telf ta’ dħul, ma jippreċiżax jekk il-kumpens mitlub huwiex intiż għall-kumpens għal dannu morali jew għal dannu materjali jew għat-tnejn li huma, ma jikkwantifikax l-ammont tad-danni li huwa sofra u lanqas ma jindika b’biżżejjed preċiżjoni l-elementi ta’ fatt li jippermettu li tiġi evalwata n-natura u l-portata tagħhom.

(ara l-punti 26 u 27)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenza Zuckerfabrik Schöppenstedt vs Il‑Kunsill, 5/71, EU:C:1971:116, punt 9

Il-Qorti tal-Prim Istanza: digrieti Osorio vs Il‑Kummissjoni, T‑505/93, EU:T:1994:76, punt 33, u Moat vs Il‑Kummissjoni, T‑112/94, EU:T:1995:31, punt 32

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza N vs Il‑Kummissjoni, F‑95/05, EU:F:2007:226, punt 86