Language of document : ECLI:EU:F:2011:157

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (L-Ewwel Awla)


28 taʼ Settembru 2011


Kawża F‑65/06


Rosa Maria Pereira Sequeira

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

(Servizz pubbliku — Uffiċjali — Ħatra — Kompetizzjoni interna ppubblikata qabel l-1 taʼ Mejju 2004 — Membru tal-persunal temporanju mniżżel fil-lista taʼ kandidati xierqa qabel l-1 taʼ Mejju 2006 — Klassifikazzjoni fi grad — Artikolu 5(4) u Artikolu 12(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal — Allowance segretarjali — Rikors parzjalment manifestament inammissibbli u parzjalment manifestament infondat)

Suġġett:      Rikors ippreżentat taħt l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu R.M. Pereira Sequeira titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li biha tirreklutaha bħala uffiċjal bi prova b’seħħ mis‑16 ta’ Marzu 2005, peress li din id-deċiżjoni tikklassifikaha fil-kategorija C*, grad 1, skala 2.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Sommarju


1.      Uffiċjali — Reklutaġġ — Ħatra fi grad — Ħatra fi grad tal-grupp taʼ funzjonijiet indikat fl-avviż taʼ kompetizzjoni — Introduzzjoni ta’ struttura ġdida tal-karrieri permezz tar-Regolament Nru 723/2004 — Dispożizzjonijiet tranżitorji taʼ klassifikazzjoni fi grad

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 31(1) ; Anness XIII, Artikoli 2(1) u 12(3) ; (Kondizzjonijiet tal-impjieg taʼ impjegati oħra, Anness, Artikolu 1 ; Regolament tal-Kunsill Nru 723/2004)

2.      Uffiċjali — Reklutaġġ — Ħatra fi grad — Introduzzjoni ta’ struttura ġdida tal-karrieri permezz tar-Regolament Nru 723/2004 — Dispożizzjonijiet tranżitorji taʼ klassifikazzjoni fi grad

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 31(1) ; Anness XIII, Artikoli 5(4), 12(3), u 13(1); Regolament tal-Kunsill Nru 723/2004)

3.      Uffiċjali — Reklutaġġ — Ħatra fi grad u klassifikazzjoni fi skala — Membru tal-persunal temporanju maħtur uffiċjal

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 32; Anness XIII, Artikolu 5(4); Kondizzjonijiet tal-Impjieg taʼ ħaddiema oħra, Artikolu 8)

1.      L-Artikolu 31(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi li l-kandidati magħżula taʼ kompetizzjoni għandhom jinħatru għall-grad tal-grupp tal-funzjoni, indikat fl-avviż tal-kompetizzjoni li jkunu għaddew minnha.

Għandu neċessarjament jiġi dedott minn din id-dispożizzjoni li l-kandidati magħżula f’kompetizzjonijiet ġenerali li jagħtu aċċess għas-servizz pubbliku għandhom jinħatru bħala uffiċjali bi prova fil-grad indikat fl-avviż tal-kompetizzjoni li permezz tiegħu huma ġew irreklutati. Madankollu, id-determinazzjoni tal-livell tal-pożizzjonijiet li għandhom jimtlew u tal-kundizzjonijiet ta’ ħatra tal-kandidati magħżula għal dawn il-pożizzjonijiet, li l-istituzzjoni kienet wettqet fil-kuntest tad‑dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal il-qodma meta fformulat l-avviżi tal-kompetizzjonijiet, ma setgħetx ittawwal l-effetti tagħha lil hinn mill-1 ta’ Mejju 2004, ikkunsidrata mil-leġiżlatur tal-Unjoni għad-dħul fis‑seħħ tal-istruttura l-ġdida tal-karrieri tal-uffiċjali.

Id-dritt tal-kandidati li għaddew minn kompetizzjoni li jingħataw il-grad indikat fl-avviż taʼ kompetizzjoni jistaʼ japplika biss kemm-il darba l-liġi ma tinbidilx, peress li l-legalità taʼ deċiżjoni tiġi evalwata skont punti taʼ ligi fis-seħħ fil‑mument meta din tiġi adottata, u din id-dispożizzjoni ma tistax, għaldaqstant, tobbliga lill-Awtorità tal-Ħatra tieħu deċiżjoni li tkun inkompatibbli mar‑Regolamenti tal-Persunal kif emendati mil-leġiżlatur u, għaldaqstant, illegali.

Il-miżura tranżitorja li tinsab fl-Artikolu 2(1) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal‑Persunal kellha bħala suġġett il-konverżjoni, fl-1 ta’ Mejju 2004, il-gradi li fihom kienu tal-post l-uffiċjali u l-membri tal-persunal fit-30 ta’ April 2004, bil‑għan li tiġi applikata lilhom l-istruttura tal-karrieri ġdida msemmija biex tidħol fis-seħħ b’mod sħiħ fl-1 ta’ Mejju 2006. Din id-dispożizzjoni, moqrija flimkien mal-Artikolu 1 tal-Anness tas-sistema applikabbli għall-membri l-oħrajn tal‑persunal, tkopri biss lil dawk li, fl-1 ta’ Mejju 2004, kienu ġew diġà kklassifikati f’wieħed mill-gradi indikati fil-kolonna intitolata “grad preċedenti”, sa fejn il-leġiżlatur kellu l-interess li jżomm is-sitwazzjoni miksuba mill-persunal qabel din id-data.

It-tneħħija, mill-1 taʼ Mejju 2004, tal-gradi taʼ klassifikazzjoni fil-karrieri indikati f’ dawn l-avviżi tal-kompetizzjonijiet, li tirriżulta mill-introduzzjoni tas-sistema l-ġdida tal-karrieri, wasslet lil-leġiżlatur jadotta d-dispożizzjonijiet tranżitorji tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal u, bʼmod partikolari, l-Artikolu 12(3), sabiex tiġi ddeterminata l-klassifikazzjoni fi grad taʼ kandidati magħżula wara l-1 ta’ Mejju 2004, inklużi fil-listi taʼ kandidati xierqa qabel l-1 taʼ Mejju 2006 iżda rreklutati bejn l-1 ta’ Mejju 2004 u l-1 ta’ Mejju 2006.

Huwa veru li t-tabella tal-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal‑Persunal, li tittrasponi l-gradi indikati fl-avviżi taʼ kompetizzjoni fi gradi intermedji taʼ reklutaġġ, titbiegħed mit-tabella tal-Artikolu 2(1) taʼ dan l-anness, li fiha l-gradi l-qodma tal-uffiċjali fil-pożizzjoni qabel l-1 taʼ Mejju 2004 huma meqluba fi gradi ġodda intermedji.

Madankollu, huwa possibbli għal-leġiżlatur li jadotta għall-futur, fl-interess tas‑servizz, emendi għad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal, anki jekk id-dispożizzjonijiet emendati jkunu inqas favorevoli mid-dispożizzjonijiet il‑qodma.

(ara l-punti 36 sa 40 u 43 sa 45)


Referenza:

Il-Qorti tal-PrimʼIstanza: 30 taʼ Settembru 1998, Ryan vs Il-Qorti tal-Awdituri, T‑121/97, punt 98 ; 11 taʼ Lulju 2007, Centeno Mediavilla et vs Il‑Kummissjoni, T‑58/05, punti 100, 109, 110 u 113


2.      L-Artikolu 5(4) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal isemmi l‑membri tal-persunal temporanji inklużi fil-“lista tal-kandidati tajbin għat‑trasferimenti minn kategorija għal oħra” kif ukoll dawk “[inklużi f]il‑lista tal-kandidati li għaddew minn kompetizzjoni interna”. Anki jekk kompetizzjoni ta’ “mogħdija fil-kategorija” hija wkoll, min-natura tagħha, kompetizzjoni interna, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata b’mod li tingħatalha effett utli, billi jiġi evitat, sa fejn huwa possibbli, kull interpretazzjoni li tista’ twassal għall-konklużjoni li din id-dispożizzjoni hija superfluwa. Jidher li l-leġiżlatur ried ifisser, b’“kompetizzjoni interna”, il-kompetizzjonijiet magħrufa bħala tal-ħatra bħala uffiċjal permanenti, li fih l-għan huwa li jippermetti, fl-osservanza tad-dispożizzjonijiet kollha tar-Regolamenti tal-Persunal li jirregolaw l-aċċess għas-servizz pubbliku Ewropew, ir-reklutaġġ, bħala uffiċjali, ta’ membri tal-persunal li diġà jkollhom ċerta esperjenza tal‑istituzzjoni u li jkunu taw prova tal-eliġibbiltà tagħhom li jokkupaw il-pożizzjoni li għandha timtela. Din l-interpretazzjoni hija kkoroborata mill-Artikolu 5(2) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, li jistabbilixxi li biss l-uffiċjali inklużi “[f]il-lista tal-kandidati tajbin għat-trasferimenti minn kategorija għal oħra”, mingħajr ma jsemmi uffiċjali “[inklużi f]il-lista tal-kandidati li għaddew minn kompetizzjoni interna”. Tali riferiment ma kienx ikollu biżżejjed ġustifikazzjoni peress li huwa preċiżament ma għandux mandat biex membri tal-persunal li huma diġà uffiċjali jsiru permanenti.

Sabiex ikun applikabbli l-Artikolu 5(4) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, għandu jkun hemm trasferiment minn “kategorija qadima” għal “kategorija ġdida”, mat-tmiem ta’ kompetizzjoni li jew twassal għall-istabbiliment ta’ “lista tal-kandidati tajbin għat-trasferimenti minn kategorija għal oħra”, jew ta’ kompetizzjoni interna li twassal għal pożizzjoni permanenti, li jkollhom bħala effett li jwassal għal trasferiment f’kategorija tali. B’hekk il-leġiżlatur evita, fil-kuntest tat-tħaddim tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tiegħu fil-qasam kemm tad-dispożizjonijiet tranżitorji u kif ukoll tal-kriterji ta’ klassifikazzjoni, ir-regola ġenerali fil-qasam tal-klassifikazzjoni tal-uffiċjali ġodda rreklutati, stabbilita fl-Artikolu 31(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, kif ikkomplementata mill-Artikolu 12(3), jew l-Artikolu 13(1) tal-Anness XIII tal-imsemmija Regolamenti tal-Persunal, fir-rigward ta’ kandidati magħżula inklużi fil-lista taʼ kandidati xierqa qabel l-1 taʼ Mejju 2006 u rreklutati, rispettivament, bejn l-1 ta’ Mejju 2004 u t-30 ta’ April 2006, u wara l-1 ta’ Mejju 2006, billi rriżerva l-benefiċċju ta’ klassifikazzjoni fi grad ieħor minn dak indikat fl-avviż tal-kompetizzjoni għall-membri tal-persunal irreklutati bħala uffiċjali bi prova li diġà kellhom esperjenza tal-istituzzjoni u li jkunu taw prova, fi tmiem il-kompetizzjoni msemmija iktar ’il fuq, tal-eliġibbiltà tagħhom li jokkupaw pożizzjonijiet f’kategorija superjuri.

(ara l-punti 65, 66, 71 u 72)


Referenza:

Il-Qorti tal-PrimʼIstanza: 6 taʼ Marzu 1997, de Kerros u Kohn-Bergé vs Il-Kummissjoni, T‑40/96 u T‑55/96, punti 45 u 46; 12 taʼ Novembru 1998, Carrasco Benítez vs Il-Kummissjoni, T‑294/97, punt 51

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 12 taʼ Mejju 2010, Peláez Jimeno vs Il-Parlament, F‑13/09, punti 40, 41, 46 u 47


3.      Id-dritt tal-Unjoni ma jistabbilixxi espressament la prinċipju ta’ unità tal-karriera u lanqas prinċipju ta’ karriera. A fortiori, il-vokazzjoni għall-karriera għal membru tal-persunal temporanju li jkun sar uffiċjal ma huwiex irrikonoxxut b’mod ġenerali mid-dritt tal-Unjoni. It-tielet paragrafu tal-Artikolu 32 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi biss li membru tal-persunal temporanju jżomm l-anzjanità fl-iskala miksuba f’dik il-kapaċità jekk jinħatar uffiċjal.

L-Artikolu 32 tar-Regolamenti tal-Persunal u l-Artikolu 8 tas-sistema applikabbli lill-membri tal-persunal l-oħra, fil-verżjoni tagħhom fis-seħħ sat-30 ta’ April 2004, juru, għall-membri tal-persunal temporanji, il-possibbiltà li jkomplu l-karriera tagħhom bħala uffiċjali, skont ir-Regolamenti tal-Persunal u, f’dan il-każ, l-anzjanità fl-iskala miksuba bħala membru tal-persunal temporanju tiġi ppreżervata jekk il-membru tal-persunal inkwistjoni jinħatar uffiċjal fl-istess grad immedjatament wara t-tmiem ta’ dan il-perijodu.

Madankollu jibqa’ l-fatt li, minn naħa, id-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ‘il fuq sempliċement jiggarantixxu l-anzjanità fl-iskala lill-membru tal-persunal temporanju maħtur uffiċjal fl-istess grad u, min-naħa l-oħra, li l-kontinwità tal-karriera tiġi żgurata skont il-proċeduri stabbiliti mir-Regolamenti tal-Persunal. Fl‑aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat li, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 5(4) tal‑Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, li, fir-rigward ta’ dispożizzjoni tranżitorja, din għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv, id-dispożizzjonijiet l‑oħra tar-Regolamenti tal-Persunal ma jirrikonoxxux lill-membri tal-persunal temporanji l-possibbiltà li jinħatru uffiċjali fil-grad li kellhom jekk il-grad li kellhom ikun superjuri għal dak li jkun ġie ppubblikat fil‑kompetizzjoni li jkunu għaddew minnha.

(ara l-punti 83, 90 u 91)


Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 5 taʼ Marzu 2008, Toronjo Benitez vs Il-Kummissjoni, F‑33/07, punt 87