Language of document : ECLI:EU:C:2015:802

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

10 ta’ Diċembru 2015 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (KE) Nru 864/2007 – Artikolu 4(1) – Kunċetti ta’ ‘pajjiż fejn iseħħ id-dannu’, ta’ ‘dannu’ u ta’ ‘konsegwenzi indiretti tal-fatt dannuż’ – Danni mġarrba personalment minn membru tal-familja ta’ persuna li mietet wara inċident tat-traffiku – Liġi applikabbli”

Fil-Kawża C‑350/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale di Trieste (tribunal ta’ Trieste, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑10 ta’ Lulju 2014, li waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fil‑21 ta’ Lulju 2014, fil-proċedura

Florin Lazar,

vs

Allianz SpA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tat-tielet Awla, li qed jaġixxi bħala President tar-raba’ Awla, J. Malenovský, M. Safjan (Relatur), A. Prechal u K. Jürimäe, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal L. Lazar u G. Chiturlas, minn M. Bonito, avvocato,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn G. Eberhard, bħala aġent,

–        għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u A. Fonseca Santos, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Cappelletti u M. Wilderspin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑10 ta’ Settembru 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑11 ta’ Lulju 2007, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (ĠU L 199, p. 40, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Ruma II”).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn F. Lazar, residenti fir-Rumanija, u l-kumpannija tal-assigurazzjoni Taljana Allianz SpA fir-rigward tal-kumpens għad-danni patrimonjali u mhux patrimonjali li huwa ġarrab minħabba l-mewt tat-tifla tiegħu f’inċident tat-traffiku li seħħ fl-Italja.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Ir-Regolament Ruma II

3        Skont il-premessa 7 tar-Regolament Ruma II:

“Il-kamp sostantiv u d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom ikunu konsistenti mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat‑22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u infurzar ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42, iktar ’il quddiem ir-‘Regolament  I”) u l-istrumenti relattivi għal-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali.”

4        Il-premessi 16, u 17 ta’ dan ir-regolament huma redatti kif ġej:

“(16) Regoli uniformi għandhom itejbu l-prevedibbiltà tad-deċiżjonijiet tal-qrati u jiżguraw bilanċ raġonevoli bejn l-interessi tal-persuna allegatament responsabbli u dawk tal-persuna li ġarrbet id-dannu. Konnessjoni mal-pajjiż fejn seħħ id-dannu dirett (lex loci damni) toħloq bilanċ ġust bejn l-interessi tal-persuna miżmuma responsabbli u tal-persuna li ġġarrab id-dannu, u tirrifletti wkoll l-approċċ modern tar-responsabbiltà ċivili u l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ responsabbiltà oġġettiva.

(17)      Il-liġi applikabbli għandha tiġi determinata abbażi ta’ fejn iseħħ id-dannu, irrispettivament mill-pajjiż jew pajjiżi fejn jistgħu jseħħu l-konsegwenzi indiretti. Għaldaqstant, f’każijiet ta’ korriment personali jew ta’ dannu lill-proprjetà, il-pajjiż fejn seħħ id-dannu għandu jkun il-pajjiż fejn kien sostnut il-korriment jew fejn sar dannu lill-proprjetà rispettivament.”

5        L-Artikolu 2(1) tal-imsemmi regolament, bit-titolu “Obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali” jipprovdi, fis-subparagrafu 1 tiegħu:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, dannu għandu jkopri kwalunkwe konsegwenza li tirriżulta minn delitt/kważi-delitt ċivili, arrikkiment inġust [indebitu], negotiorum gestio jew culpa in contrahendo.”

6        Taħt il-Kapitolu II tar-Regolament Ruma II, dwar delitti u kważi‑delitti ċivili, hemm l-Artikolu 4 intitolat “Regola Ġenerali”. Dan l-artikolu huwa fformulat kif ġej:

“1.      Sakemm ma jkunx previst mod ieħor f’dan ir-Regolament, il-liġi applikabbli għal obbligazzjoni mhux kuntrattwali li tirriżulta minn delitt jew kważi-delitt ċivili għandha tkun il-liġi tal-pajjiż fejn iseħħ id-dannu irrispettivament mill-pajjiż fejn seħħ l-avveniment li wassal għad-dannu u irrispettivament mill-pajjiż jew pajjiżi fejn iseħħu l-konsegwenzi indiretti ta’ dak l-avveniment.

2.      Madankollu, fejn kemm l-persuna allegatament responsabbli kif ukoll il-persuna li ssofri d-dannu ikollhom ir-residenza abitwali tagħhom fl-istess pajjiż fil-mument meta jseħħ id-dannu, il-liġi applikabbli għandha tkun il-liġi ta’ dak il-pajjiż.

3.      Fejn ikun jidher ċar miċ-ċirkustanzi kollha tal-każ li d-delitt jew kważi‑delitt ċivili huwa manifestament konness aktar mill-qrib ma’ pajjiż divers minn dak indikat fil-paragrafi 1 jew 2, għandha tapplika l-liġi ta’ dak il-pajjiż l-ieħor. Konnessjoni manifestament aktar mill-qrib ma’ pajjiż ieħor tista’ tkun ibbażata b’mod partikolari fuq relazzjoni pre-eżistenti bejn il-partijiet, bħal kuntratt, li tkun konnessa mill-qrib mad-delitt jew kważi-delitt ċivili in kwistjoni.”

7        Skont l-Artikolu 15(ċ) u (f) rispettivament, tar-Regolament Ruma II, il-liġi applikabbli għal obbligu mhux kuntrattwali tirregola “l-eżistenza, in-natura u l-istima tad-danni jew ir-rimedju mitlub” kif ukoll “il-persuni intitolati għal kumpens għal dannu subit personalment”.

 Ir-Regolamenti Brussell I u (UE) Nru 1215/2012

8        Il-Kapitolu II tar-Regolament Brussell I, li jesponi r-regoli relatati mad-determinazzjoni tal-qorti kompetenti, jinkludi Sezzjoni 2 dwar il-“[ġ]urisdizzjoni speċjali”. Taħt din is-sezzjoni hemm l-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, li jipprovdi, fil-punt 3 tiegħu:

“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’, fi Stat Membru ieħor, tkun imfittxijja:

[…]

3)      f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kwasi delitt, fil-qrati tal-post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq jew jista’ jitwettaq.”

9        Dan ir-regolament ġie ssostitwit, b’effett mill‑10 ta’ Jannar 2015, bir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑20 ta’ Diċembru 2012, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (riformulazzjoni) (ĠU L 351 p. 21), li jinkludi punt 2 tal-Artikolu 7, bi kliem identiku għal dak tal-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Brussell I.

 Id-dritt Taljan

10      Kif spjegat il-qorti tar-rinviju, il-Corte suprema di cassazione (qorti ta’ kassazzjoni) interpretat l-Artikoli 2043 u 2059 tal-Kodiċi Ċivili Taljan fis-sens li l-membri tal-familja tad-decuius għandhom id-dritt, jure proprio, għall-kumpens tad-danni patrimonjali u mhux patrimonjali tagħhom. Fir-rigward tad-danni mhux patrimonjali, jistgħu jiġu rrikonoxxuti d-danni li ġejjin: id-dannu għas-saħħa (dannu kkonstatat b’mod mediku), id-dannu morali (sofferenza interna) u d-dannu għall-ħajja ta’ relazzjonijiet (bidla sinjifikattiva fil-ħajja ta’ kuljum).

11      Din il-qorti indikat ukoll li, skont l-Artikolu 283(1) tal-Kodiċi tal-Assigurazzjonijiet Privati, meta l-vettura li tkun ikkawżat id-dannu ma tkunx identifikata, il-Fond ta’ garanzija għall-vittmi tat-triq (Fondo di garanzia per le vittime della strada) jikkumpensa d-danni kkawżati minn inċident tat-traffiku permezz ta’ impriżi ta’ assigurazzjoni speċifiċi.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li F. Lazar, ċittadin Rumen, talab kumpens għad-danni patrimonjali u mhux patrimonjali mġarrba minħabba l-mewt tat-tifla tiegħu, ċittadina Rumena residenti fl-Italja, f’inċident tat-traffiku f’dan l-Istat Membru, ikkawżat minn vettura mhux identifikata.

13      Il-kumpannija tal-assigurazzjoni Allianz SpA tħarrket bħala kumpannija indikata mill-Fond ta’ garanzija għall-vittmi tat-triq.

14      L-omm u n-nanna tal-vittma, it-tnejn li huma ċittadini Rumeni residenti fl-Italja, intervjenew ukoll fit-tilwima u talbu l-kumpens għad-danni patrimonjali u mhux patrimonjali li huma ġarrbu minħabba l-mewt ta’ din tal-aħħar.

15      Skont il-qorti tar-rinviju, ġaladarba l-persuni li ressqu t-talba jixtiequ jiksbu kumpens għad-danni li ġarrbu personalment minħabba l-mewt ta’ membru tal-familja tagħhom, għandu jiġi kkonstatat jekk dan jikkostitwixxix dannu fis-sens tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Ruma II, jew konsegwenza indiretta tad-delitt jew kważi-delitt ċivili, fis-sens tal-istess dispożizzjoni.

16      Mir-risposta għal din id-domanda jiddependi d-dritt materjali applikabbli mill-qorti tar-rinviju sabiex hija tkun tista’ tiddeċiedi dwar l-eżistenza u n-natura kumpensatorja tad-danni invokati quddiemha invokati mill-persuna li ressqet it-talba residenti fir-Rumanija. Din il-qorti tesponi f’dan ir-rigward ir-raġunijiet li jistgħu jwasslu għall-applikazzjoni, għat-tilwima pendenti quddiemha, kemm tad-dritt Taljan kif ukoll tad-dritt Rumen.

17      B’hekk, skont id-dritt Taljan, id-dannu li jirriżulta mill-mewt ta’ membru tal-familja huwa mġarrab direttament mill-membru tal-familja, b’mod partikolari, fil-forma ta’ preġudizzju għad-drittijiet tal-personalità tiegħu. Konsegwentement, fit-tilwima fil-kawża prinċipali, il-persuna li tressaq it-talba ssostni dannu li, abbażi ta’ dan id-dritt nazzjonali, għandu jitqies li huwa partikolari għaliha u li tirrappreżenta l-konsegwenza materjali tal-mewt tal-membru tal-familja tagħha. F’ordinamenti ġuridiċi oħra Ewropej, min-naħa l-oħra, dan it-tip ta’ dannu ma huwiex rikonoxxut bl-istess mod.

18      Għandu jingħad ukoll li, minkejja li, skont id-dritt Taljan dan huwa dannu dirett, imġarrab minn aventi dritt minħabba l-mewt ta’ membru tal-familja tiegħu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, fir-rigward tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-Regolament Brussell I, id-dritt għall-kumpens ta’ dan id-dannu jistax jikkostitwixxi, fis-sens tar-Regolament Ruma II, waħda mill-“konsegwenzi indiretti” tad-delitt jew kważi-delitt ċivili, jiġifieri l-inċident tat-traffiku.

19      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale di Trieste (tribunal ta’ Trieste), iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“Kif għandu jiġi interpretat l-Artikolu 4(1) tar-Regolament [Ruma II] fil-parti li tipprovdi li: ‘il-liġi applikabbli għal obbligazzjoni mhux kuntrattwali li tirriżulta minn delitt jew kważi-delitt ċivili għandha tkun il-liġi tal-pajjiż fejn iseħħ id-dannu’? B’mod partikolari

1)      Kif għandu jiġi interpretat il-kunċett ta’ ‘pajjiż fejn iseħħ id-dannu’ fis-sens tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament [Ruma II] fil-każ tat-talba għal kumpens għad-danni patrimonjali u mhux patrimonjali invokati mill-qraba ta’ persuna, li tilfet ħajjitha f’inċident tat-traffiku li seħħ fl-Istat tal-forum, meta dawn il-qraba jirresjedu f’pajjiż ieħor tal-Unjoni u ġarrbu l-imsemmija danni hemmhekk?

2)      Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament [Ruma II], id-danni patrimonjali u mhux patrimonjali mġarrba, fil-pajjiż ta’ residenza tagħhom, mill-qraba ta’ persuna li tilfet ħajjitha f’inċident tat-traffiku fl-Istat tal-forum, għandhom jiġu kkwalifikati bħala ‘dannu’ fis-sens tal-ewwel parti tal-Artikolu 4(1) jew ta’ ‘konsegwenzi indiretti’ fis-sens tat-tieni parti tal-istess artikolu?”

 Fuq id-domandi preliminari

20      Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tixtieq, essenzjalment, issir taf jekk l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Ruma II għandux jiġi interpretat, għal-finijiet tad-determinazzjoni tal-liġi applikabbli għal obbligu mhux kuntrattwali li jirriżulta minn inċident tat-traffiku, fis-sens li d-danni marbuta mal-mewt ta’ persuna f’inċident bħal dan li jkun seħħ fl-Istat Membru fejn tressqet il-kawża u mġarrba mill-qraba tagħha li jirrisjedu fi Stat Membru ieħor, għandhom jiġu kkwalifikati bħala “dann[i]” jew bħala “konsegwenzi indiretti” ta’ dan l-inċident, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

21      Preliminarjament, għandu jitfakkar, fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Ruma II, li kemm mir-rekwiżiti tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll minn dawk tal-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li l-kliem ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tagħmel ebda riferiment espliċitu għal-liġi tal-Istati Membri bl-iskop li jiġu stabbiliti t-tifsira u l-portata tagħha normalment għandhom jingħataw interpretazzjoni awtonoma u uniformi fl-Unjoni Ewropea kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kásler u Káslerné Rábai, C‑26/13, EU:C:2014:282, punt 37). Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, f’dan ir-rigward ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni biss it-termini ta’ din id-dispożizzjoni, iżda wkoll il-kuntest tiegħu u l-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (sentenza Lanigan, C‑237/15 PPU, EU:C:2015:474, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, skont l-Artikolu 2 tar-Regolament Ruma II id-“dannu għandu jkopri kwalunkwe konsegwenza li tirriżulta minn delitt/kważi-delitt ċivili”.

23      Issa, għall-finijiet tal-identifikazzjoni tal-liġi applikabbli għal obbligu mhux kuntrattwali li jirriżulta minn delitt jew kważi delitt ċivili, l-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament iqis li din għandha tkun il-liġi tal-pajjiż fejn id-“dannu” iseħħ, indipendentement mill-pajjiż fejn il-fatt li jiġġenera d-dannu jipproduċi ruħu u minn dak jew dawk il-pajjiżi li fihom iseħħu l-“konsegwenzi indiretti”. Id-dannu li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-post fejn dan id-dannu seħħ, huwa d-dannu dirett, hekk kif jirriżulta mill-premessa 16 tal-imsemmi regolament.

24      F’każijiet ta’ korriment personali kkawżat lil persuna jew danni kkawżati lil proprjetà, il-leġiżlatur tal-Unjoni ppreċiża, fil-premessa 17 tar-Regolament Ruma II, li l-pajjiż tal-post fejn iseħħ id-dannu dirett huwa dak tal-post fejn iġġarrab il-korriment jew fejn ġew iddanneġġati l-beni.

25      Għalhekk, meta jkun possibbli li jiġi identifikat it-twettiq ta’ dannu dirett, li normalment huwa l-każ meta jseħħ inċident tat-traffiku, il-post ta’ dan id-dannu dirett ikun il-punt ta’ rabta rilevanti għad-determinazzjoni tal-liġi applikabbli, indipendentement mill-konsegwenzi indiretti ta’ dan l-inċident. F’dan il-każ, l-imsemmi dannu huwa kkostitwit b’korriment li kkaġuna l-mewt ta’ bint F. Lazar, fejn dan l-istess dannu, skont il-qorti tar-rinviju, seħħ fl-Italja. Id-danni mġarrba mill-qraba tagħha għandhom, min-naħa tagħhom, jitqiesu bħala konsegwenzi indiretti tal-inċident inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fis-sens tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Ruma II.

26      Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata permezz tal-Artikolu 15(f) tal-imsemmi regolament, li jħalli lil-liġi applikabbli l-kompitu li tiddetermina liema huma l-persuni li jistgħu jinvokaw id-danni fil-konfront tagħhom, fejn l-imsemmi punt ikopri l-ipoteżi, inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ta’ danni mġarrba minn qraba tal-vittma.

27      Fil-fatt, hekk kif spjegat il-Kummissjoni fir-rigward tal-Artikolu 11(g) tal-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-liġi li tgħodd għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (RUMA II) COM(2003) 427 finali, li sar l-Artikolu 15(f) tar-Regolament Ruma II, il-liġi magħżula tiddetermina wkoll il-persuni aventi dritt għall-kumpens tad-dannu li huma ġarrbu personalment. Dan il-kunċett jirrigwarda b’mod partikolari l-kwistjoni dwar jekk persuna minbarra l-“vittma diretta” tistax tikseb kumpens għad-dannu kkawżat lilha “indirettament”, b’konsegwenza tad-dannu mġarrab mill-persuna leża. Dan id-dannu jista’ jkun morali, pereżempju n-niket ikkawżat mill-mewt ta’ qarib, jew finanzjarju, ikkawżat pereżempju lill-ulied jew lill-konjuġi tad-decuius.

28      Fir-rigward ta’ dawn l-elementi, qabel kollox jeħtieġ li tiġi ddeterminata l-liġi applikabbli għal fatt legali biex sussegwentement ikunu jistgħu jiġu ddeterminati, abbażi ta’ dan, liema huma l-persuni li ġarrbu dannu li jagħti dritt għal kumpens.

29      B’hekk, l-applikazzjoni tal-liġi tal-post fejn seħħ id-dannu dirett jagħmel parti mill-għan, imsemmi fil-premessa 16 tar-Regolament Ruma II, intiż sabiex tiġi żgurata prevedibbiltà tal-liġi applikabbli, filwaqt li jiġi evitat ir-riskju li l-imsemmi delitt jew kważi‑delitt ċivili jkun jista’ jinqasam f’numru ta’ partijiet suġġetti għal liġi differenti skont il-postijiet fejn persuni minbarra l-vittma diretta jġarrbu danni.

30      Mill-argumenti kollha preċedenti jirriżulta li r-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Ruma II għandu jiġi interpretat, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-liġi applikabbli għal obbligu mhux kuntrattwali li jirriżulta minn inċident tat-traffiku, fis-sens li d-danni marbuta mal-mewt ta’ persuna f’inċident bħal dan li jkun seħħ fl-Istat Membru fejn tressqet il-kawża u mġarrba mill-qraba tagħha li jirrisjedu fi Stat Membru ieħor, għandhom jiġu kkwalifikati bħala “konsegwenzi indiretti”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

 Fuq l-ispejjeż

31      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑11 Xta’ Lulju 2007, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali, għandu jiġi interpretat, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-liġi applikabbli għal obbligu mhux kuntrattwali li jirriżulta minn inċident tat-traffiku, fis-sens li d-danni marbuta mal-mewt ta’ persuna f’inċident bħal dan li jkun seħħ fl-Istat Membru fejn tressqet il-kawża u mġarrba mill-qraba tagħha li jirrisjedu fi Stat Membru ieħor, għandhom jiġu kkwalifikati bħala “konsegwenzi indiretti”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

Firem


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.