Language of document : ECLI:EU:F:2009:86

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(L-Ewwel Awla)

7 ta’ Lulju 2009

Kawża F-54/08

Marjorie Danielle Bernard

vs

L-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol)

“Servizz pubbliku – Persunal tal-Europol – Tmiem definittiv tal-funzjonijiet – Nuqqas ta’ tiġdid ta’ kuntratt – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura – Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni”

Suġġett: Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 40(3) tal-Konvenzjoni stabbilita abbażi tal-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea dwar l-istabbiliment ta’ Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Konvenzjoni tal-Europol) u tal-Artikolu 93(1) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Europol, li permezz tiegħu M.D.Bernard titlob fl-ewwel lok, l-annullament tad-deċiżjoni tad-direttur tal-Europol, tal‑31 ta’ Lulju 2007, li tirrifjuta li ġġeddidilha l-kuntratt tagħha lil hinn mill‑31 ta’ Mejju 2008 u tad-deċiżjoni tad-direttur tal-Europol, tad‑29 ta’ Frar 2008, li tiċħad l-ilment preċedenti tagħha kontra d‑deċiżjoni tal‑31 ta’ Lulju 2007 imsemmija iktar ’il fuq, sussegwentement, il-komunikazzjoni tar-rapport fi tmiem il‑perijodu ta’ prova tal‑25 ta’ Frar 2004 u, fl-aħħar nett, il-kundanna tal-Europol għall-ispejjeż.

Deċiżjoni: Ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni fuq it-talba għall‑komunikazzjoni tar-rapport fi tmiem il-perijodu ta’ prova tal‑25 ta’ Frar 2004. Id-deċiżjoni tal‑31 ta’ Lulju 2007 li permezz tagħha d-direttur tal-Europol irrifjuta li jġedded il-kuntratt tar‑rikorrenti lil hinn mill‑31 ta’ Mejju 2008 hija annullata. L-Europol huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Sommarju

Uffiċjali – Membri tal-persunal temporanju – Reklutaġġ – Tiġdid ta’ kuntratt għal żmien determinat – Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni – Uffiċjali tal-Europol

(Regolamenti tal-Persunal tal-Europol, Artikolu 6)

L-amministrazzjoni tgawdi, fil-prinċipju, minn setgħa diskrezzjonali wiegħsa fil‑qasam tat-tiġdid tal-kuntratti ta’ membru tal-persunal temporanju konkluż għal perijodu determinat, u l-istħarriġ tal-qorti Komunitarja għandu jkun limitat għall‑verifika tan-nuqqas ta’ żball manifest u ta’ abbuż ta’ poter.

Madankollu, sa minn meta l-amministrazzjoni elaborat sistema speċifika, permezz ta’ direttiva interna, maħsuba sabiex tiżgura t-transparenza tal-proċess ta’ tiġdid ta’ kuntratti, l-adozzjoni ta’ tali sistema tista’ titqies li hija awtolimitazzjoni tas‑setgħa ta’ evalwazzjoni tal-istituzzjoni u topera trasformazzjoni tas-sistema inizjali ta’ membri tal-persunal bil-kuntratt, ikkaratterizzata mill-prekarjetà ta’ kuntratti għal perijodu limitat, f’sistema li tistabbilixxi l-prinċipju ta’ tiġdid taħt ċertu kundizzjonijiet. Fil-fatt, deċiżjoni ta’ istituzzjoni Komunitarja, ikkomunikata lill‑persunal kollu u li tippreċiża l-kriterji u l-proċedura applikabbli fil-qasam tat-tiġdid jew ta’ nuqqas ta’ tiġdid ta’ kuntratt, tikkostitwixxi direttiva interna li għandha, bħala tali, titqies li hija regola ta’ kondotta li l‑amministrazzjoni timponi fuqha nnifisha u li minnha hija ma tistax titbiegħed mingħajr ma tippreċiża r-raġunijiet li jkunu wassluha sabiex tagħmel hekk, u fin-nuqqas tikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

Peress li l-Europol implementa wkoll, permezz ta’ direttiva interna, sistema speċifika li tistabbilixxi l-prinċipju ta’ tiġdid ta’ kuntratt taħt ċerti kundizzjonijiet, fosthom il-prestazzjonijiet professjonali ta’ membri tal-persunal li, evalwati abbażi ta’ rapport annwali ta’ evalwazzjoni, għandhom ikunu mill-inqas sodisfaċenti, deċiżjoni li tirrifjuta t-tiġdid ta’ kuntratt minħabba li l-prestazzjonijiet professjonali tal-membru tal-persunal ikunu insuffiċjenti, meta dan tal-aħħar ikun kiseb marki globalment sodisfaċenti fir-rapport ta’ evalwazzjoni, tkun ivviżżjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni.

(ara l-punti 46 sa 48, 50, 51 u 53)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 1 ta’ Marzu 2005, Mausolf vs Europol, T‑258/03, RecFP p. I‑A‑45 u II‑189, punti 23, 25, 26, 47 sa 49