Language of document : ECLI:EU:F:2008:170

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tielet Awla)

11 ta’ Diċembru 2008

Kawża F-58/07

Pascal Collotte

vs

Il‑Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Promozzjoni – Proċedura ta’ promozzjoni tal-2006 – Kapaċità li wieħed jaħdem bi tliet lingwi”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu P. Collotte jitlob l-annullamet tad-deċiżjoni li ismu ma jiġix inkluż fil-lista ta’ uffiċjali promossi għall-grad A*12 skont il-proċedura ta’ promozzjoni 2006, kif ippubblikata fl-Informations administratives Nru 55‑2006, tas-17 ta’ Novembru 2006, u l-kundanna tal-Kummissjoni sabiex tħallsu, bħala ħlas għad-danni morali u materjali kif ukoll għall-attakk fuq il-karriera tiegħu, somma ta’ EUR 25 000, taħt riżerva ta’ żieda u/jew tnaqqis matul il-proċeduri.

Deċiżjoni: Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tinkludix l-isem tar-rikorrent fil-lista tal-uffiċjali promossi għall-grad A*12 fil-proċedura ta’ promozzjoni tal-2006 hija annullata. Il-kumplament tat-talbiet tar-rikors huma miċħuda. Il-Kummussjoni hija kkundannata għall-ispejjeż tagħha u għall-ispejjeż tar-rikorrent. Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, intervenjent insostenn tal-Kummissjoni għandu jbati l‑ispejjeż tiegħu.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Rikors – Termini – Ilmenti suċċessivi

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90(2) u 91(3))

2.      Uffiċjali – Promozzjoni – Kundizzjonijiet – Dimostrazzjoni tal-kapaċità li wieħed jaħdem bi tliet lingwi

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45(2); Anness III, Artikolu 7, u Anness XIII, Artikolu 11)

3.      Uffiċjali – Rikors – Ġurisdizzjoni sħiħa

(Artikolu 233 KE; Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 45(2) u 91(1))

1.      Fl-ipoteżi ta’ lmenti suċċessivi mressqa fit-terminu sabiex jiġi ppreżentat ilment, it-terminu għar-risposta għall-ilment jista’ jibda jiddekorri biss sa min-notifika, lill-amministrazzjoni, tal-ewwel ilment, sabiex iċaħħad lill-Awtorità tal-Ħatra mit-terminu ta’ erba’ xhur li normalment għandha skont ir-Regolament tal-Persunal sabiex tiddeċiedi espliċitament dwar l-argument il-ġdid li l-uffiċjal ikun ippreżentalha fl-aħħar nett, jekk ikun il-każ ftit qabel ma jiskadi t-terminu għall-ilment. Bl-istess mod, meta l-Awtorità tal-Ħatra tirrispondi b’deċiżjonijiet suċċessivi għall-ilmenti suċċessivi, l-uffiċjal ma jibbenefikax b’mod integrali mit-terminu ta’ tliet xhur li jagħtih ir-Regolament tal-Persunal, sa min-notifika tar-risposta għall-ilment, sabiex jiddeċiedi, fid-dawl ta’ din ir-risposta, jekk jippreżentax jew le rikors, jekk it-terminu għar-rikors kellu jibda jiddekorri sa min-notifika tar-risposta għall-ewwel ilment, meta r-rikorrent kien għad ma għandux ir-risposta tal-imsemmija awtorità fl-oġġezzjonijiet kollha tiegħu, b’mod partikolari dawn ippreżentati għall-ewwel darba fl-aħħar ilment.

Konsegwentement, fl-ipoteżi ta’ ilmenti suċċessivi, għandha tiġi kkonstatata, għall-kalkolu tat-terminu għar-rikors, id-data ta’ meta kienet ingħatat id-deċiżjoni li permezz tagħha l-amministrazzjoni ddeċidiet il-pożizzjoni tagħha dwar l‑argumenti kollha ppreżentati mir-rikorrent fit-terminu għall-ilment. Jekk ir‑rikorrent ressaq, fit-terminu għall-ilment, it-tieni lment li għandu l-istess portata bħall-ewwel ilment, b’mod partikolari peress li ma fihx la talba ġdida, ilment ġdid, jew lanqas prova ġdida, id-deċiżjoni li tiċħad dan it-tieni lment għandha tiġi kkunsidrata bħala att purament konfermattiv taċ-ċaħda tal-ewwel ilment, b’mod li huwa mill-imsemmija ċaħda li għandu jibda jiddekorri t-terminu. Min-naħa l-oħra, fl-ipoteżi fejn it-tieni lment ikun fih elementi ġodda meta mqabbel mal-ewwel ilment, id-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-tieni lment għandha tiġi kkunsidrata bħala deċiżjoni ġdida, adottata, wara eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ewwel ilment, fid-dawl tat-tieni lment.

(ara l-punti 31 u 32)

Referenza: It-Tribunal tal-Prim’Istanza 8 ta Novembru 2000, Ghignone et vs Il‑Kunsill, T‑44/97, ĠabraSP p. I‑A‑223 u II‑1023, punt 41; 11 ta’ Diċembru 2007, Sack vs Il‑Kummissjoni, T‑66/05, Ġabra p. I‑0000, punt 41, li hija suġġetta għal appell pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, C‑380/08 P

2.      L-Artikolu 45(2) tar-Regolament tal-Persunal, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mir-Regolament Nru 73/2004, li jemenda r-Regolament tal-Persunal kif ukoll is‑sistema applikabbli għall-membri l-oħra tal-persunal, li tipprovdi l-obbligu, għall-uffiċjal, li juri, qabel l-ewwel promozzjoni tiegħu, il-kapaċità tiegħu li jaħdem bi tliet lingwi, hija applikabbli biss sa mid-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet komuni ta’ eżekuzzjoni, adottati bi qbil komuni mill-istituzzjonijiet.

Fil-fatt, peress li l-leġiżlatur, fi kwalunkwe każ, skont l-Artikolu 11 tal-Anness XIII tar-Regolament tal-Persunal, eskluda l-applikazzjoni tiegħu għall-promozzjonijiet li daħlu fis-seħħ qabel l-1 ta’ Mejju 2006, l-Artikolu 45(2), ma jistax jiġi applikat qabel id-dħul fis-seħħ tal-imsemmija dispożizzjonijiet komuni ta’ eżekuzzjoni fil-kundizzjonijiet meħtieġa mil-leġiżlatur, jiġifieri l-garanzija ta’ applikazzjoni uniformi fid-diversi istituzzjonijiet u r-rabta ta’ dan l-obbligu regolamentari għall-possibbiltà, għall-uffiċjali, li jaċċedu għat-tagħlim tat-tielet lingwa. B’hekk, istituzzjoni ma tistax tapplika dan l-artikolu tar-Regolament tal-Persunal skont regoli stabbiliti minnha biss.

(ara l-punti 50 sa 54)


3.      Huwa minnu li l-imħallef Komunitarju tas-servizz pubbliku jista’ jeżerċita, f’ċerti każijiet, skont l-Artikolu 91(1) tar-Regolament tal-Persunal, setgħa ta’ ġurisdizzjoni sħiħa li tippermettilu li jagħti lill-kawżi natura pekunjarja li għandu jsolvi kompletament, billi jiddeċiedi dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-uffiċjal. Madankollu, peress li r-rikorrent kiseb l-annullament tad-deċiżjoni ta’ rifjut li jiġi promoss, minħabba l-fatt li l-kundizzjoni addizzjonali meħtieġa sabiex jiġi promoss, jiġifieri li jkun jista’ jaħdem bi tliet lingwi, ma setgħetx legalment tiġi imposta fuqu, ma jistax jikseb quddiem il-qorti d-danni minħabba l-allegat dewmien fil-karriera li rriżulta minn dan, anki jekk jiġġustifika l-anzjanità u numru ta’ punti superjuri għan-numru meħtieġ sabiex jiġi promoss. Fil-fatt, ma jistax jiġi eskluż li kunsiderazzjonijiet oħrajn jistgħu jipprekludu l-promozzjoni tar-rikorrent b’effett retroattiv, pereżempju l-fatt li n-numru ta’ uffiċjali li setgħu jiġu promossi u li laħqu l-limitu ta’ promozzjoni kien ikbar mill-promozzjonijiet possibbli skont il-baġit. Għalhekk, dawn huma l-miżuri ta’ eżekuzzjoni li l‑amministrazzjoni għandha tadotta, skont l-Artikolu 233 KE, sabiex tikkonforma mal-awtorità tar-res judicata, li għandhom jagħtu lir-rikorrent id-drittijiet tiegħu, jekk ikun hemm bżonn, permezz tar-rikostituzzjoni tal-karriera tiegħu b’effett retroattiv.

(ara l-punti 67 sa 70)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 18 ta’ Diċembru 2007, Weißenfels vs Il‑Parlament, C‑135/06 P, Ġabra. p. I‑12041, punti 64 sa 68; It-Tribunal tal-Prim’Istanza 15 ta’ Marzu 2007, Katalagarianakis vs Il‑Kummissjoni, T‑402/03, Ġabra p. I‑0000, punti 105 u 106