Language of document :

Appell ippreżentat fil-15 ta’ Frar 2019 minn Groupe Canal + mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) fit-12 ta’ Diċembru 2018 fil-Kawża T-873/16, Groupe Canal + vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-132/19 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellant: Groupe Canal + (rappreżentanti: P. Wilhelm, P. Gassenbach, O. de Juvigny, avukati)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, ir-Repubblika Franċiża, Union des producteurs de cinéma (UPC), C More Entertainment AB, European Film Agency Directors - EFAD's, Bureau européen des unions de consommateurs (BEUC)

Talbiet

L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali fit-12 ta’ Diċembru 2018 fil-Kawża T-873/16 sa fejn ċaħdet l-appell ta’ Canal + Group intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Lulju 2016 dwar proċedura skont l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ AT.40023 – Aċċess transkonfinali għal televiżjoni bi ħlas) u billi kkundanna lill-appellant għall-ispejjeż;

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Lulju 2016 fil-Każ AT.40023, iċċitata iktar ʼil fuq;

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

Fl-ewwel aggravju tiegħu, GCP isostni li l-Qorti Ġenerali ma setgħetx teskludi l-eżistenza ta’ użu ħażin ta’ poter li għall-Kummissjoni jikkonsisti f’li tikseb, permezz ta’ impenji, it-tmiem tal-operazzjonijiet ta’ imblukkar ġeografiku filwaqt li r-Regolament (UE) Nru 2018/302 1 jipprevedi espressament li l-kontenut awdjoviżiv jista’ jkun suġġett għal restrizzjonijiet ġeografiċi.

Fit-tieni aggravju tiegħu, GCP jiddikjara li l-Qorti Ġenerali wettqet irregolarità proċedurali u kisret il-prinċipju tal-kontradittorju peress li l-ebda wieħed mill-argumenti dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 101(3) TFUE ma ġie diskuss mill-partijiet fil-kawża. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali naqset milli tirrispetta d-drittijiet tad-difiża ta’ GCP.

Fit-tielet aggravju tiegħu, GCP isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fir-rigward tal-ksur tal-obbligu tiegħu ta’ motivazzjoni billi naqset milli twieġeb għall-motiv li l-Kummissjoni naqset milli tikkunsidra l-kuntest ekonomiku u ġuridiku legali Franċiż fih jinsabu l-klawżoli kkontestati. Is-sentenza hija bbażata fuq premessa żbaljata u tinjora l-kuntest ekonomiku u ġuridiku speċifiku tas-settur taċ-ċinema u hija kuntrarja għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li espliċitament iddikjarat li l-klawżoli kkontestati jistgħu jkunu validi perfettament fis-settur taċ-ċinema.

Fir-raba’ aggravju tiegħu, GCP isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003 2 u l-punt 128 tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-aħjar prattiki għat-tmexxija tal-proċedimenti li jikkonċernaw l-Artikoli 101 u 102 TFUE, li jwasslu għal ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ rispett għad-drittijiet ta’ terzi. Fil-fatt, it-tħassib dwar il-kompetizzjoni espress fl-evalwazzjoni preliminari tal-Kummissjoni kien jirrigwarda biss it-territorji tar-Renju Unit u l-Irlanda u s-sitwazzjoni kompetittiva li tikkonċerna lil Franza lanqas ma ġie eżaminata. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat, minn naħa, li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni ma kkostitwixxieetx il-libertà kuntrattwali ta’ GCP u, min-naħa l-oħra, li ma affettwatx il-possibbiltà għal GCP li jmur quddiem il-qorti nazzjonali sabiex din tikkonstata l-kompatibbiltà tal-klawżoli mal-Artikolu 101(1) TFUE, filwaqt li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-qorti nazzjonali ma tistax tinjora d-deċiżjoni meħuda fuq abbażi tal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 1/2003 u l-evalwazzjoni preliminari li takkumpanjaha.

____________

1 Regolament (UE) 2018/302 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Frar 2018 dwar l-indirizzar tal-imblukkar ġeografiku mhux ġustifikat u forom oħrajn ta’ diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità, tal-post tar-residenza jew tal-post tal-istabbiliment tal-klijenti fi ħdan is-suq intern u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2006/2004 u (UE) 2017/2394 u d-Direttiva 2009/22/KE (ĠU L 601, p. 1).

2 Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205)