Language of document : ECLI:EU:C:2003:101

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

25 ta’ Frar 2003(*)

“Sigurtà soċjali ─ Trattament fi sptar ta’ pensjonant waqt soġġorn fi Stat Membru ieħor li mhuwiex dak ta’ fejn huwa residenti – Kondizzjonijiet għat-teħid ta’ responsabbiltà – Artikoli 31 u 36 tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 – Artikoli 31 u 93 tar-Regolament (KEE) Nru 574/72”

Fil-kawża C-326/00

li għandha bħala suġġett talba mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, skond l-Artikolu 234 KE, mid-Dioikitiko Protodikeio Thessalonikis (il-Greċja), intiża sabiex tinkiseb, fil-kawża pendenti quddiem din l-aħħar qorti bejn

Idryma Koinonikon Asfaliseon (IKA)

u

Vasileios Ioannidis,

deċiżjoni preliminari fuq l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 31 u 36 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 ta’ l-14 ta’ Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni ta’ l-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, fil-verżjoni tiegħu kif emendata u aġġornata mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2001/83 tat-2 ta’ Ġunju 1983 (ĠU L 230, p. 6), kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3096/95 tat-22 ta’ Diċembru 1995 (ĠU L 335, p. 10), ta’ l-Artikoli 31 u 93 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 574/72, tal-21 ta’ Marzu 1972 li jistipula l-proċedura għall-implementazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71, fil-verżjoni tiegħu kif emendata u aġġornata mir-Regolament Nru 2001/83, kif emendat mir-Regolament Nru 3096/95, ta’ l-Artikoli 56 u 59 tat-Trattat KE (li saru, wara emendi, l-Artikoli 46 KE u 49 KE) u 60 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 50 KE), kif ukoll ta’ l-Artikolu 1 tal-Protokoll Addizzjonali għall-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

komposta minn G. C. Rodríguez Iglesias, President, M. Wathelet, R. Schintgen u C. W. A. Timmermans, Presidenti ta’ Awla, C. Gulmann, D. A. O. Edward, A. La Pergola (Relatur), P. Jann u V. Skouris, F. Macken u N. Colneric, S. von Bahr u J. N. Cunha Rodrigues, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: D. Ruiz Jarabo Colomer,

Reġistratur: H. A. Rühl, Amministratur Prinċipali,

wara li rat l-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati:

–        għal Idryma Koinonikon Asfaliseon (IKA), minn D. G. Anastassopoulos, bħala aġent,

–        għall-Gvern Elleniku, minn S. Spyropoulos u I. Bakopoulos, u I. Galani Marangoudaki, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Belġjan, minn A. Snoecx, bħala aġent,

–        għall-Gvern Spanjol, minn N. Díaz Abad, bħala aġent,

–        għall-Gvern Irlandiż, minn D. J. O’Hagan, bħala aġent, assistit minn A. M. Collins, BL,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn H. Dossi, bħala aġent,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn R. Magrill, bħala aġent, assistita minn S. Moore, barrister,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn H. Michard u M. Panayotopoulos, bħala aġenti,

wara li rat ir-rapport tas-seduta,

wara li semgħet it-trattazzjoni ta’ Idryma Koinonikon Asfaliseon (IKA), irrappreżentat minn D. G. Anastassopoulos, tal-Gvern Elleniku, irrappreżentat minn S. Spyropoulos u I. Bakopoulos, tal-Gvern Spanjol, irrappreżentat minn N. Díaz Abad, tal-Gvern Irlandiż, irrappreżentat minn A. M. Collins, tal-Gvern Olandiż, irrappreżentat minn H. G. Sevenster, bħala aġent, tal-Gvern Finlandiż, irrappreżentat minn T. Pynnä, bħala aġent, tal-Gvern tar-Renju Unit, irrappreżentat minn D. Lloyd Jones, QC, u tal-Kummissjoni, irrappreżentata minn H. Michard u M. Patakia, bħala aġenti, waqt is-seduta ta’ l-10 ta’ Settembru 2002,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-15 ta’ Ottubru 2002,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        B’digriet tal-31 ta’ Jannar 2000, iddepożitat fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Settembru 2000, id-Diikitiko Protodikio Thessalonikis talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni preliminari, skond l-Artikolu 234 KE, fuq ħames domandi preliminari li jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 31 u 36 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4108/71 ta’ l-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni ta’ l-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità kif emendat u aġġornat permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2001/83 tat-2 ta’ Ġunju 1983, (ĠU L 230, p. 6) kif emendat permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3096/95 tat-22 ta’ Diċembru 1995, (ĠU L 335, p. 10, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1408/71”), ta’ l-Artikoli 31 u 93 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 574/72 tal-21 ta’ Marzu 1972, li jiffissaw il-proċedura għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71, kif emendat u aġġornat permezz tar-Regolament Nru 2001/83, kif emendat permezz tar-Regolament Nru 3096/95 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 574/72”, ta’ l-Artikoli 56 u 59 tat-Trattat KE (li saru, wara l-emendi, l-Aritkoli 46 KE u 49 KE) u ta’ l-Artikolu 60 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 50 KE), kif ukoll ta’ l-Aritkolu 1 tal-Protokoll addizzjonali għall-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950.

2        Dawn id-domandi qamu fil-kuntest ta’ kawża bejn V. Ioannidis u Idryma Koinonikon Asfaliseon (Istitut Grieg tas-Sigurtà Soċjali, iktar ’il quddiem “l-IKA”) dwar ir-rifjut ta’ l-IKA li jirrifondi l-ispejjeż relatati mal-kura fl-isptar li V. Ioannidis ngħata waqt soġġorn tiegħu fil-Ġermanja.

 Il-kuntest Ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3        L-Artikolu 31 li jinstab fit-Taqsima 5, intitolata “Pensjonanti u l-membri tal-familja tagħhom”, tal-Kapitolu 1 tat-Titolu III tar-Regolament Nru 1408/71, huwa initolat “Pensjonant u/jew il-membri tal-familja tiegħu li jgħixu fi Stat ieħor għajr l-Istat fejn jirresjiedu” jipprovdi:

“Pensjonant intitolat għall-pensjoni jew pensjonijiet taħt il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru wieħed jew għall-pensjonijiet taħt il-leġislazzjoni ta’ tnejn jew iktar Stati Membri li huwa intitolat għall-benefiċċji taħt il-leġislazzjoni ta’ wieħed minn dawk l-Istati, flimkien mal-membri tal-familija tiegħu li jkunu joqogħdu miegħu fit-territorju ta’ Stat Membru differenti minn dak li fih jabitaw, jirċievu:

a)      benefiċċji [f’oġġetti] ipprovduti mill-istituzzjoni ta’ l-[Istat ta’ soġġorn] skond id-dispożizzjonijiet tal-leġislazzjoni li hija tamministra, bl-ispiża ssir mill-istituzzjoni ta’ l-[Istat ta’] residenza tal-pensjonant

[...]”

4        L-Artikolu 22(1) ta’ dan ir-regolament, li jinsab fit-Taqsima 2, intitolata “Il-ħaddiema u l-membri tal-familja tagħhom”, tal-Kapitolu 1, jipprovdi:

“Persuna impjegata jew li taħdem għal rasha li tissodisfa l-kondizzjonijiet tal-leġislazzjoni ta’ l-Istat kompetenti għall-intitolar tal-benefiċċji, […], u:

a)      li l-kondizzjoni ta’ liema tinħtieġ l-benefiċċji waqt ir-rimanenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor;

jew

b)      […]

jew

c)      li hija awtorizzata mill-istituzzjoni kompetenti biex tmur fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor biex hemmhekk tirċievi l-kura meħtieġa għall-kondizzjoni tagħha

tkun intitolata:

i)      għall-benefiċċji [f’oġġetti] ipprovduti f’isem l-istituzzjoni kompetenti mill-istituzzjoni ta’ l-[Istat ta’ soġġorn] jew residenza skond id-dispożizzjonijiet tal-leġislazzjoni li hija tamministra, bħallikieku kienet assigurata magħha; it-tul tal-perjodu li matulu l-benefiċċji jkunu pprovduti jkun deċiż, però, mil-leġislazzjoni ta’ l-Istat kompetenti

[...]”

5        L-Artikolu 22a tar-Regolament Nru 1408/71, intitolat “Regoli speċjali għal ċerti kategoriji ta’ persuni”, jindika:

“Minkejja l-Artikolu 2 tar-Regolament, l-Artikolu 22(1)(a) u (ċ) jkun japplika għall-persuni li huma ċittadini ta’ Stat Membru u jkunu nxurjati taħt il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru u għall-membri tal-familji tagħhom li jabitaw magħhom.”

6        L-Artikolu 31 (1) u (2) tar-Regolament Nru 574/72 jipprovdi:

“1.      Sabiex jirċievi l-benefiċċji [f’oġġetti] skond l-Artikolu 31 tar-Regolament [1408/71], pensjonant għandu jissottometti lill-istituzzjoni ta’ l-[Istat ta’ soġġorn] dikjarazzjoni awtentikata li tiċċertifika illi huwa intitolat għall-benefiċċji msemmija. Din id-dikjarazzjoni awtentikata, li għandha tiġi maħruġa mill-istituzzjoni ta’ l-[Istat ta’] residenza tal-pensjonant, jekk inhu possibbli qabel ma jħalli t-territorju ta’ l-Istat Membru fejn jirresjedi, għandha tindika partikolarment, fejn xieraq, it-tul massimu taż-żmien li matulu jistgħu jiġu konċessi l-benefiċċji [f’oġġetti], bi qbil mal-leġislazzjoni ta’ dan l-Istat Membru. Jekk il-pensjonant ma jissottomettix id-dikjarazzjoni awtentikata msemmija, l-istituzzjoni ta’ l-[Istat ta’ soġġorn] għandha tiksibha direttament mill-istituzzjoni ta’ l-[Istat ta’] residenza.

2.      Il-paragrafi 6, 7 u 9 ta’ l-Artikolu 17 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni għandhom japplikaw b’analoġija. F’dan il-każ, l-istituzzjoni ta’ l-[Istat ta’] residenza tal-pensjonant għandha tiġi meqjusa bħala l-istituzzjoni kompetenti”

7        L-Artikolu 17 (6), (7) u (9) tar-Regolament Nru 574/72 jipprovdi:

“6.      Fil-każ ta’ dħul fl-isptar, l-istituzzjoni ta’ l-[Istat ta’] residenza għandha tgħarraf lill-istituzzjoni kompetenti, fi żmien tlett ijiem wara d-data li fiha tkun saret taf bid-dħul fl-isptar, bid-data tad-dħul fl-isptar, it-tul probabbli tad-dewmien fl-isptar u d-data tal-ħruġ mill-isptar. Madankollu, in-notifika ma għandhiex tkun meħtieġa meta n-nefqa fuq il-benefiċċji [f’oġġetti] tiġi mħallsa lura bħala somma waħda f’daqqa lill-istituzzjoni ta’ l-[Istat ta’] residenza

7.      L-istituzzjoni [ta’ l-Istat ta’] residenza għandha tgħarraf minn qabel lill-istituzzjoni kompetenti b’kull deċiżjoni li għandha x’taqsam mal-benefiċċji [f’oġġetti] inklużi fil-lista riferita fl-Artikolu 24(2) tar-Regolament. L-istituzzjoni kompetenti għandha tingħata ħmistax-il jum mid-data li fiha jintbagħat dan it-tagħrif sabiex tqajjem kull oġġezzjoni u tiddikjara r-raġunijiet li fuqhom ikunu msejsa dawn l-oġġezzjonijiet; jekk mat-temma ta’ dan il-perjodu ta’ żmien, ma tiġi mqajma l-ebda oġġezzjoni, l-istituzzjoni ta’ l-[Istat ta’] residenza għandha tikkonċedi l-benefiċċji [f’oġġetti]. Meta dawn il-benefiċċji għandhom jiġu konċessi minħabba każ ta’ urġenza estrema, l-istituzzjoni ta’ l-[Istat ta’] residenza għandha mill-ewwel tgħarraf lill-istituzzjoni kompetenti b’dan. Madankollu, in-notifika ta’ l-oġġezzjoni tagħha, fejn tiddikjara r-raġunijiet li fuqhom issejjes din l-oġġezzjoni, ma għandhiex tkun meħtieġa meta n-nefqa fuq il-benefiċċji [f’oġġetti] trid tiġi mħallsa lura f’somma waħda lill-istituzzjoni ta’ l-[Istat ta’] residenza

[...]

9.      Żewġ Stati Membri jew iktar jew l-awtoritajiet kompetenti ta’ dawn l-Istati Membri jistgħu, wara li jirċievu l-Opinjoni tal-Kummissjoni Amministrattiva, jaqblu bejniethom dwar disposizzjonijiet oħra ta’ l-implimentazzjoni.”

8        Kif jirriżulta mid-Deċiżjoni 94/604/KE Nru 153 tal-Kummissjoni Amministrattiva tal-Komunitajiet Ewropej dwar is-sigurtà soċjali tal-ħaddiema immigranti, tas-7 ta’ Ottubru 1993, dwar mudelli ta’ formoli meħtieġa għall-applikazzjoni tar-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 u (KEE) Nru 574/72 (E 001, E 103–E 127) (ĠU 1994, L 244, p. 22), il-formola E 111 tikkostitwixxi d-dikjarazzjoni awtentikata msemmija fl-Artikolu 31(1) tar-Regolament Nru 574/72. Skond l-imsemmija deċiżjoni, din l-istess formola għandha wkoll tintuża fil-każ imsemmi fl-Artikolu 22(1)(a)(i) tar-Regolament Nru 1408/71, filwaqt li fil-każ imsemmi fl-Artikolu 22(1)(ċ)(i) ta’ l-istess regolament hija meħtieġa l-formola E 112.

9        L-Artikolu 36, li jinsab fit-Taqsima 7, intitolata “[ħ]las lura (rimborż) bejn l-istituzzjonijiet”, tal-Kapitolu 1 tat-titolu III tar-Regolament Nru 1408/71, jipprovdi

“1.      Il-benefiċċji [f’oġġetti] ipprovduti skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kapitolu mill-istituzzjoni ta’ Stat Membru wieħed f’isem l-istituzzjoni ta’ Stat Membru ieħor tkun mogħtija kollha kemm hi lura.

2.      L-għoti lura li għalih hemm riferenza fil-paragrafu 1 jkun deċiż u magħmul skond il-proċedura pprovduta għaliha mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni li għalih hemm riferenza fl-Artikolu 98, jew fuq il-produzzjoni ta’ prova tan-nefqa attwali nkella abażi tal-pagamenti f’somma waħda.

Fil-każ ta’ l-aħħar, il-pagamenti f’somma waħda jkunu tali li jassiguraw li r-rifużjoni [tkun] qrib kemm jista’ jkun tan-nefqa attwali.

3.      Tnejn jew iktar Stati Membri, jew awtoritajiet kompetenti ta’ dawk l-Istati, jistgħu jipprovdu għall-metodi oħra ta’ [rimborż] jew jistgħu [jirrinunzjaw għal kull rimborż] bejn l-istituzzjonijiet taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom”

10      Skond l-Artikolu 93 tar-Regolament Nru 574/72:

“1.      L-ammont[i] attwali tal-benefiċċji [f’oġġetti] provduti [abbażi] ta’ l-Artikolu […] 31 tar-Regolament [Nru 1408/71], għandhom jitħallsu lura mill-istituzzjoni kompetenti lill-istituzzjoni li tkun provdiet il-benefiċċji msemmija kif juru l-kontijiet ta’ din l-istituzzjoni.

2.      Fil-każijiet riferiti fl-Artikoli […] 31 tar-Regolament [Nru 1408/71], u għall-għanijiet tal-paragrafu 1, l-istituzzjoni ta’ l-[Istat ta’] residenza tal-pensjonant għandha titqies bħala l-istituzzjoni kompetenti.

3.      Jekk l-ammont attwali tal-benefiċċji riferit fil-paragrafu 1 ma jkunx jidher fil-kontijiet ta’ l-istituzzjoni li tkun provdiethom, u ma jintlaħaq l-ebda ftehim skond il-paragrafu 6, l-ammont li għandu jiġi mħallas lura għandu jiġi stabbilit fuq il-bażi ta’ ħlas f’somma waħda f’daqqa kalkolata mir-riferenzi kollha xierqa u miksub mill-fatti magħrufa disponibbli. Il-Kummissjoni Amministrattiva għandha tistima l-bażijiet li għandhom jiġu użati għall-kalkolu tal-ħlasijiet f’somma waħda f’daqqa u għandha tiddeċiedi l-ammont li joħroġ minnhom.

[...]

6.      Żewġ Stati Membri jew iktar jew l-awtoritajiet kompetenti ta’ dawn l-Istati Membri jistgħu, wara li jirċievu l-Opinjoni tal-Kummissjoni Amministrattiva, jiftiehmu bejniethom dwar metodi oħra sabiex jistmaw l-ammonti li għandhom jitħallsu lura, partikolarment fuq il-bażi ta’ somom waħdiet f’daqqa.”

11      L-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 574/72 jipprovdi:

“1.      Jekk mhux possibbli matul permanenza fi Stat Membru ieħor differenti mill-Istat kompetenti ta’ persuna impjegata jew li taħdem għal rasha biex twettaq il-formalitajiet ipprovdut għalihom fl-Artikoli […] 31 tar-Regolament implimentattiv, l-ispejjeż tagħha, mal-applikazzjoni tagħha, jkunu rifondati mill-istituzżzjoni kompetenti skond ir-rati ta’ rifużjoni amministrati mill-istituzzjoni ta’ l-[Istat ta’ soġġorn].

2.      L-istituzzjoni [ta’ l-Istat ta’ soġġorn] trid tissuplixxiha, fuq talba ta’ l-istituzzjoni kompetenti, bl-informazzjoni meħtieġa dwar tali rati.

Jekk l-istituzzjoni ta’ l-[Istat ta’ soġġorn] u l-istituzzjoni kompetenti huma marbuta bi ftehim li jipprovdi jew l-ebda rifużjoni, jew li rifużjoni ta’ somma f’daqqa ta’ benefiċċji pprovdut, insegwitu ta’ l-Artikol[u] […] 31 tar-Regolament, isir, l-istituzzjoni ta’ l-[Istat ta’ soġġorn], barra minn dan, tkun mitluba li tittrasferixxi lill-istituzzjoni kompetenti l-ammont li jrid ikun rifondat lill-persuna kkonċernata insegwitu tad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1.

3.      Fejn ikunu involuti spejjeż maġġuri, l-istituzzjoni kompetenti tista’ tħallas somma bil-qies bil-quddiem lill-persuna kkonċernata hekk kif dik il-persuna tissottometti lill-imsemmija istituzzjoni t-talba għar-rifużjoni.

4.      Minkejja l-paragrafi 1, 2 u 3, l-istituzzjoni kompetenti tista’ twettaq ir-rimborsament ta’ l-ispejjeż magħmula skond ir-rati li tamministra basta li jkun possibbli li twettaq rifużjoni skond dawn ir-rati, li l-ispejjeż li jridu jkunu rifondati ma jeċċedux il-livell determinat mill-Kummissjoni Amministrattiva u li l-persuna impjegata jew li taħdem għal rasha jew il-pensjonant jaqbel għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Fi kwalunkwe każ, l-ammont ta’ radd lura ma jeċċedix l-ammont ta’ l-ispejjeż attwalment magħmula.

5.      Jekk il-leġislazzjoni ta’ l-Istat ta’ residenza ma [t]ipprovdix għar-rati ta’ radd lura, l-istituzzjoni kompetenti tista’ twettaq ir-radd lura taħt il-kondizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 4 mingħajr ma jkun neċessarju l-ftehim tal-persuna kkonċernata.”

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

12      Id-Digriet Nru 33651/E. 1089 tal-Ministru tax-Xogħol, tat-2 ta’ Ġunju 1956, li jirregola l-kura fl-isptarijiet ta’ l-IKA (FEK B’ 126/3.7.1956), jinkludi l-Artikolu 3a li minnu b’mod partikolari jirriżulta li, jekk mhuwiex possibbli li d-djanjożi tal-marda jew il-kura li għandha tingħata lill-persuna assigurata mill-IKA jsiru fil-Greċja, kemm minħabba nuqqas ta’ tobba li għandhom l-ispeċjalizzazzjoni meħtieġa, jew minħabba nuqqas ta’ mezzi xjentifiċi xierqa, l-IKA għandu b’mod partikolari jieħu r-responsabbiltà għall-ispejjeż kollha tad-djanjożi u tal-kura li l-persuna assigurata tkun ħallset barra mill-pajjiż. It-teħid tar-responsabbiltà għall-kura fl-isptarijiet mogħtija barra mill-pajjiż huwa suġġett għal sistema ta’ awtorizzazzjoni preliminari, u dan jippermetti lill-IKA li jivverifika li l-kondizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq ikunu sodisfatti.

13      Bħala eċċezzjoni l-Artikolu 3a(4)(g) tar-Regolament ta’ l-IKA madankollu jipprovdi:

“F’każijiet eċċezzjonali ħafna, id-direttur ta’ l-uffiċċju reġjonali kompetenti jista’, wara li jitlob il-parir tal-Kummissjoni tas-Saħħa kompetenti, jawtorizza kura fi sptar li tkun diġà seħħet f’pajjiż barrani, sakemm ma kienx possibbli li tinkiseb l-awtorizzazzjoni preliminari, kemm jekk minħabba li l-marda feġġet għal għarrieda matul soġġorn temporanju tal-persuna assigurata f’pajjiż barrani u kif ukoll għaliex riskju reali għal ħajtu kien jimponi t-trasferiment urġenti tiegħu barra mill-pajjiż. F’dawn il-każijiet, il-Kummissjoni tas-Saħħa tat-Tieni Grad tagħti l-parir tagħha billi tibbaża ruħha fuq l-informazzjoni disponibbli kemm dwar l-eventwali kura fl-isptarijiet jew trattamenti mogħtija fil-Greċja u kif ukoll kura fl-isptarijiet jew trattamenti mogħtija barra mill-pajjiż.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14      V. Ioannidid jirrisjedi l-Greċja fejn huwa intitolat għal pensjoni tax-xjuħija mħallsa mill-IKA. Waqt soġġorn fil-Ġermanja, huwa kellu jiddaħħal l-isptar fil-klinika ta’ l-Universita teknika ta’ Munich għall-perijodu ta’ bejn is-26 ta’ Novembru u t-2 ta’ Diċembru 1996 fejn huwa kien suġġett għal kateter bl-introduzzjoni ta’ sonda kardiaka. Miċ-ċertifikati mediċi maħruġa f’din iċ-ċirkustanza jirriżulta li dan id-dħul fl-isptar seħħ b’urġenza, minħabba uġiegħ ripetut fit-toraċi konness ma anġina pectoris.

15      Fis-6 ta’ Diċembru 1996 V. Ioannidis ressaq, quddiem il-fond ta’ l-assigurazzjoni kontra l-mard ta’ l-impriża Karstadt, stabbilit f’Essen (il-Ġermanja) (iktar ’il quddiem il-“fond Ġermaniż ta’ l-assigurazzjoni kontra l-mard”), bħala l-istituzzjoni ta’ l-Istat ta’ soġġorn, talba sabiex din ta’ l-aħħar tieħu r-responsabbiltà, f’isem l-IKA, għall-ispejjeż konnessi mal-imsemmija kura mogħtija fl-isptar.

16      Għaldaqstant, il-fond Ġermaniż ta’ l-assigurazzjoni kontra l-mard bagħat formola E 107 lill-IKA sabiex jikseb mingħand dan ta’ l-aħħar, bħala l-istituzzjoni kompetenti, il-ħruġ ta’ formola E 112 jew, fin-nuqqas ta’ dan, il-konferma li tali formola ma tistax tinħareġ.

17      Filwaqt li kienu ġew informati li, fil-15 ta’ Novembru 1996, l-uffiċċju lokali kompetenti ta’ l-IKA kien ħareġ favur V. Ioannidis formola E111 li kienet valida għall-perijodu ta’ bejn is-16 ta’ Novembru u l-31 ta’ Diċembru 1996, id-dipartimenti ta’ l-IKA talbu l-parir tal-Kummissjoni tas-Saħħa tat-Tieni Grad (iktar ’il quddiem il-“KSTG”) dwar il-possibbiltà li l-kura fl-isptar mogħtija lill-persuna kkonċernata tiġi awtorizzata a posteriori.

18      Il-KSTG tagħat parir negattiv minħabba li l-marda li minnha kien isofri V. Ioannidis ma kinitx feġġet suffiċjentement għal għarrieda matul is-soġġorn tiegħu fil-Ġermanja b’mod li tiġġustifika dħul immedjat fl-isptar u minħabba li din il-marda setgħet tiġi ttrattata b’mod xieraq fil-Greċja. Il-KSTG indikat, b’mod partikolari, li l-marda ta’ V. Ioannidis kienet ta’ natura kronika, kif ikkonfermat minn diversi eżamijiet imwettqa f’Ġunju 1996, li d-deterjorazzjoni ta’ l-istat tas-saħħa tiegħu ma seħħx għal għarrieda peress li mill-anġjografija tal-koronarji li huwa kien suġġett għaliha fil-Greċja fil-11 ta’ Novembru 1996 kienu rriżultaw l-istess riżultati bħal dawk li rriżultaw mill-anġjografija tal-koronarji li saritlu fiċ-ċirkustanza tad-dħul tiegħu fl-isptar Ġermaniż u, fl-aħħar nett, li l-imsemmi dħul fl-isptar kien ġie ppjanat.

19      Għaldaqstant, peress li qieset li l-kondizzjonijiet ipprovduti fl-Artikolu 13a(4)(g) tar-Regolament ta’ l-IKA ma kinux sodisfatti, l-IKA ddeċida, fit-18 ta’ April 1997, li ma jawtorizzax a posteriori l-kura mogħtija lil V. Ioannidis. Barra minn dan, l-IKA bagħat lura l-formola E 107 lill-fond Ġermaniż ta’ l-assigurazzjoni kontra l-mard u indika li, fil-każ in kwistjoni, huwa ma kienx f’pożizzjoni li joħroġ formola E 112.

20      V. Ioannidis ikkontesta dan ir-rifjut ta’ awtorizzazzjoni quddiem il-Kummissjoni Amministrattiva kompetenti ta’ l-IKA. Huwa b’mod partikolari enfasizza li l-iskop tas-soġġorn tiegħu fil-Ġermanja kien li jżur lill-ibnu, li jirrisjedi f’dan il-pajjiż flimkien ma ommu.

21      Peress li kkunsidrat li l-marda ta’ V. Ioannidis kienet tabilħaqq feġġet għal għarrieda matul l-imsemmi soġġorn u li d-dħul tiegħu fl-isptar kien neċessarju sabiex jiġi evitat riskju reali għal-ħajtu, fl-14 ta’ Lulju 1997 l-imsemmija kummissjoni ddeċidiet li kien hemm lok, skond l-Artikolu 3a(4)(g) tar-Regolament ta’ l-IKA, li l-kura kkontestata tiġi awtorizzata a posteriori u, konsegwentement, li kien l-IKA li kellu jbati l-ispejjeż.

22      L-IKA ppreżenta rikors għal annullament kontra din id-deċiżjoni quddiem id-Dioikitiko Protodikeio Thessalonikis fejn ikkontesta li fil-każ in kwistjoni l-kondizzjonijiet ipprovduti fl-imsemmija dispożizzjoni ma kinux sodisfatti.

23      Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li din il-qorti ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel is-segwenti domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Id-dispożizzjoni ta’ l-Artikolu 3a(4)(g) tar-Regolament dwar il-kura fl-isptarijiet ta’ l-IKA (Istitut Grieg ta’ l-assigurazzjoni soċjali), fil-verżjoni tiegħu li kienet fis-seħħ meta l-konvenut iddaħħal l-isptar, safejn din timponi, bħala kondizzjoni addizzjonali għar-rimborż min-naħa ta’ l-Istitut ta’ l-ispejjeż ta’ dħul fl-isptar li diġà seħħ, b’mod ġenerali fi sptarijiet li jnsabu barra mill-pajjiż, il-ħruġ, f’każijiet eċċezzjonali ħafna – jiġifieri dawk il-każijiet fejn tfeġġ għal għarrieda marda speċifika li jkun isofri minnha l-pensjonant li jirċevi pensjoni mingħand l-Istitut u fejn dan ta’ l-ewwel ikun qiegħed jitlob ir-rimborż ta’ l-ispejjeż inkorsi matul is-soġġorn provviżorju tiegħu barra mill-pajjiż jew matul it-trasferiment urġenti tiegħu sabiex jiġi evitat riskju reali għal ħajtu – ta’ awtorizzazzjoni speċjali tad-Direttur ta’ l-uffiċċju reġjonali kompetenti ta’ l-Istitut, wara li jkun talab il-parir tal-Kummissjoni tas-Saħħa tat-Tieni Grad, hija konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 31 u 36 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1408/71, ta’ l-14 ta’ Ġunju 1971, u mal-Artikoli 31 u 39 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 574/72, tal-21 ta’ Marzu 1972, safejn, anke jekk jiġi ammess li bħala prinċipju dawn id-dispożizzjonijiet jagħtu lill-Istati Membri setgħa diskrezzjonali li tippermettilhom – fir-rigward, fost l-oħrajn, ta’ l-għoti ta’ benefiċċji tas-saħħa f’oġġetti f’każijiet ta’ soġġorn provviżorju fit-territorju ta’ Stat Membru li mhuwiex dak fejn jirrisjedi l-pensjonant, fejn għandu jiġi kkunsidrat li dawn il-benefiċċji jinkludu l-kura mogħtija fl-isptarijiet – li jadottaw dispożizzjonijiet li bħala kondizzjoni addizzjonali għar-rimborż ta’ l-ispejjeż inerenti għal dawn il-benefiċċji jimponu l-ħruġ ta’ awtorizzazzjoni, anke jekk din tinħareġ a posterjori, madankollu, bl-ebda mod ma jista’ jiġi kkunsidrat li huwa ċar u inkonfutabbli li, barra minn dan, l-imsemmija dispożizzjonijiet Komunitarji jawtorizzaw ukoll lill-Istati Membri li jadottaw dispożizzjonijiet li jeżiġu li sabiex tinħareġ tali awtorizzazzjoni għandhom ikunu assolutament sodisfatti kondizzjonijiet bħal dawk ipprovduti fl-imsemmija dispożizzjoni tar-Regolament ta’ l-Istitut, fi kliem ieħor li għandu jkun hemm ċirkustanzi li jimplikaw il-ħtieġa immedjata ta’ kura fl-isptar?

2)      Jekk il-provvista ta’ servizzi ta’ kura fl-isptarijiet tikkostitwixxi provvista ta’ servizzi fis-sens ta’ l-Artikolu 60 tat-Trattat KE, għandu jiġi kkunsidrat li l-imsemmija dispożizzjoni tar-Regolament ta’ l-Istatut hija kompatibbli, abbażi tal-punti esposti iktar ’il fuq, mal-Artikoli 59 u 60 tat-Trattat KE, u dan anke jekk jiġi deċiż li din ma tmurx kontra d-dispożizzjonijiet ta’ l-imsemmija regolamenti tal-Kunsill tal-Komunitajiet Ewropej?

3)      Fil-każ li t-tieni domanda tingħata risposta negattiva, ir-regola stabbilita permezz tad-dispożizzjoni tar-Regolament ta’ l-Istitut tista’ tiġi kkunsidrata bħala ġustifikata minħabba raġunijiet ta’ saħħa pubblika, f’dan il-każ il-ħtieġa li jiġi ggarantit servizz ta’ kura fl-isptarijiet li jkun ibbilanċjat u aċċessibbli għall-persuni kollha li jirrisjedu fit-territorju Grieg u, minħabba f’hekk, tiġi kkunsidrata bħala li taqa’ taħt l-eċċezzjoni pprovduta fl-Artikolu 56 tat-Trattat KE?

4)      Jekk jiġi deċiż li d-dritt għall-għoti ta’ benefiċċji tas-saħħa f’oġġetti u l-korollarju tiegħu, jiġifieri d-dritt għar-rimborż ta’ l-ispejjeż korrispondenti, jikkostitwixxu “possedimenti” fis-sens ta’ l-Artikolu 1 tal-protokoll addizzjonali tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmat f’Pariġi fl-20 ta’ Marzu 1952, id-dispożizzjoni in kwistjoni tar-Regolament ta’ l-Istatut, anke jekk tiġi kkunsidrata, abbażi tal-punti esposti iktar ’il fuq, bħala li ma tmurx kontra d-dispożizzjonijiet ta’ l-imsemmija regolamenti Komunitarji u tat-Trattat KE, jew inkella, minkejja li tmur kontra dawn id-dispożizzjonijiet Komunitarji, din id-dispożizzjoni nazzjonali hija ġustifikata minħabba r-raġunijiet esposti iktar ’il fuq, għandha tiġi kkunsidrata bħala konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 1 tal-protokoll addizzjonali?

5)      Fil-każ li r-raba’ domanda tingħata risposta negattiva, ir-regola stabbilita permezz ta’ l-imsemmija dispożizzjoni tar-Regolament ta’ l-Istitut tista’ tiġi kkunsidrata bħala ġustifikata minħabba raġunijiet ta’ interess pubbliku marbutin mal-protezzjoni tal-bilanċ finanzjarju tas-sistema tas-sigurtà soċjali u, minħabba f’hekk, tiġi kkunsidrata bħala li taqa’ taħt l-eċċezzjonijiet ipprovduti fit-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 1 tal-protokoll addizzjonali?”

 Fuq l-ewwel domanda

24      Permezz ta’ l-ewwel domanda tagħha l-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 31 u 36 tar-Regolament Nru 1408/71 u l-Artikoli 31 u 39 tar-Regolament Nru 574/72 jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta r-rimborż, min-naħa ta’ l-istituzzjoni ta’ l-Istat ta’ residenza tal-pensjonant, ta’ spejjeż ta’ kura fl-isptar li dan il-pensjonant ikun ingħata matul soġġorn fi Stat Membru ieħor, għal ksib ta’ awtorizzazzjoni a posteriori li tinħareġ biss safejn ma kienx possibbli li tinkiseb l-awtorizzazzjoni preliminari normalment rikjesta mill-imsemmija leġiżlazzjoni nazzjonali, u dan minħabba li l-marda in kwistjoni feġġet għal għarrieda matul l-imsemmi soġġorn u konsegwentement kient tirrikjedi li l-kura meħtieġa tingħata immedjatament.

 Fuq ir-rilevanza tad-domanda

25      Kemm l-IKA kif ukoll diversi mill-Gvernijiet li ressqu osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja esponew dubji dwar jekk l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1408/71 huwix applikabbli f’ċirkustanzi bħall dawk tal-kawża prinċipali. L-IKA u l-Gvern Grieg sostnew, b’mod partikolari, li V. Ioannidis mar il-Ġermanja speċifikatament bl-intenzjoni li hemmhekk jirċevi l-kura li ngħatatlu, u għaldaqstant, fl-opinjoni tagħhom, il-fatti għandhom jiġu eżaminati fid-dawl ta’ l-Artikolu 22(1)(c) tar-Regolament Nru 1408/71 u mhux fid-dawl ta’ l-Artikolu 31 ta’ dan l-istess regolament.

26      F’dan ir-rigwarda, għalkemm huwa ċertament minnu li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Artikolu 22(1)(c) tar-Regolament Nru 1408/71 jirregola d-dritt għal benefiċċji f’oġġetti tal-pensjonanti, residenti fi Stat Membru, li jitolbu lill-istituzzjoni kompetenti sabiex tawtorizzahom imorru fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor sabiex hemmekk jirċevu l-kura rikjesta mill-istat ta’ saħħa tagħhom, u li jirriżulta li l-Artikolu 31 ta’ dan l-istess regolament jirregola d-dritt għal benefiċċji f’oġġetti li dawn il-pensjonanti għandhom meta l-imsemmija benefiċċji jsiru neċessarji matul soġġorn fi Stat Membru li mhuwiex dak fejn huma jirrisjedu (ara s-sentenza tal-31 ta’ Mejju 1979, Pierik, 182/78, Ġabra p. 1977, punti 6 u 8).

27      Madankollu, għandu jiġi mfakkar li, fil-kuntest ta’ proċedura skond l-Artikolu 234 KE, li huwa bbażat fuq separazzjoni netta tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, kull evalwazzjoni tal-fatti tal-kawża taqa’ taħt il-kompetenza tal-qorti nazzjonali (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta’ Novembru 1979, Denkavit Futtermittel, 36/79, Ġabra p. 3439, punt 12, u tas-16 ta’ Lulju 1998, Dumon u Froment, C-235/95, Ġabra p. I-4531, punt 25). Hija wkoll il-qorti nazzjonali, li quddiema tkun tressqet il-kawża u li trid tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġuridika li ser tittieħed, li għandha b’mod esklużiv tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, sakemm id-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, obbligata li tagħti deċiżjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-15 ta’ Diċembru 1995, Bosman, C-415/93, Ġabra p. I-4921, punt 59).

28      Minn dan isegwi li hija biss il-qorti tar-rinviju li għandha tistabbilixxi jekk, fil-fatt, il-kura li V. Ioannidis ingħata fil-Ġermanja kinitx ippjanata u jekk is-soġġorn tiegħu kienx ippjanat għal finijiet mediċi, u jekk dan ikun il-każ, kif imfakkar fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, ikun biss applikabbli l-Artikolu 22(1)(c) tar-Regolament Nru 1408/71 u dan bl-esklużjoni ta’ l-Artikolu 31 ta’ l-istess regolament.

29      F’dan il-każ ma jidhirx li l-qorti tar-rinviju kkunsidrat li l-kura in kwistjoni fil-kawża prinċipali kienet ġiet ippjanata mill-persuna kkonċernata u li s-soġġorn ta’ din ta’ l-aħħar fil-Ġermanja kien ippjanat għal finijiet mediċi. Min-naħa l-oħra, fl-espożizzjoni tal-fatti din il-qorti b’mod partikolari tindika l-eżistenza ta’ ċertifikati mediċi li jindikaw li d-dħul l-isptar ta’ V. Ioannidis kien seħħ b’urġenza minħabba uġiegħ ripetut fit-toraċi konness ma’ anġina pectoris. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ammissibbiltà ta’ l-ewwel domanda, safejn din tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1408/71, ma tistax tiġi kkonfutata u mhemmx lok li din tinkiteb mill-ġdid b’tali mod li tkun tirrigwarda l-Artikolu 22(1)(c) tar-Regolament Nru 1408/71.

 Fuq il-portata ta’ l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1408/71

30      Sabiex tingħata risposta għad-domanda preliminari, għandha qabel kollox tiġi ddefinita l-portata ta’ l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1408/71.

31      F’dan ir-rigward għandu l-ewwel nett jiġi osservat li, b’differenza mill-Artikolu 22(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, li jagħti d-dritt għal benefiċċji f’oġġetti lill-ħaddiema impjegati u lil dawk li jaħdmu għal rashom “li l-kondizzjoni [tagħhom] tinħtieġ l-benefiċċji waqt ir-rimanenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor”, l-Artikolu 31 ta’ l-istess regolament, li jikkonferixxi dritt analogu lill-pensjonanti u lill-membri tal-familja tagħhom li jissoġġornaw fi Stat Membru li mhuwiex dak tar-residenza tagħhom, ma jinkludix indikazzjoni simili f’dak li jirrigwarda l-istat tas-saħħa tal-persuna kkonċernata.

32      It-tieni nett, għandu jiġi mfakkar li għalkemm huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, anke jekk ma jkunux iwettqu attività professjonali, il-pensjonanti jikkwalifikaw bħala “ħaddiema” fis-sens tar-Regolament Nru 1408/71 minħabba l-affiljazzjoni tagħhom mas-sistema tas-sigurtà soċjali, madankollu hija indikat li dan japplika biss sakemm dawn ma jkunux is-suġġett ta’ dispożizzjonijiet partikolari stabbiliti fir-rigward tagħhom (sentenza Pierik, iċċitata iktar ’il fuq, punt 4).

33      Filwaqt li osservat, f’dan ir-rigward, li r-Regolament Nru 1408/71 jipprovdi, fl-Artikolu 27 sa 33 tiegħu, dispożizzjonijiet speċifiċi, li japplikaw esklużivament għall-pensjonanti, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat b’mod partikolari li dawn id-dispożizzjonijiet jirregolaw, fl-Artikolu 31, id-dritt għal benefiċċji f’oġġetti ta’ l-imsemmija persuni assigurati meta dawn il-benefiċċji jsiru neċessarji matul soġġorn fi Stat Membru li mhuwiex dak ta’ residenza (sentenza Pierik, iċċitata iktar ’il fuq, punti 5 u 6).

34      F’dawn iċ-ċirkustanzi la jista’ jiġi allegat, bil-kontra ta’ dak li ssuġġerew il-gvernijiet ta’ diversi Stati Membri, li l-pensjonanti li jissoġġornaw fi Stat Membru li mhuwiex dak ta’ residenza jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 22(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, u lanqas li d-dispożizzjonijiet ta’ dan l-aħħar artikolu għandhom jinspiraw l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 31 ta’ l-istess regolament.

35      Fil-fatt, kif b’mod partikolari osservaw kemm il-gvernijiet tal-Belġju u tal-Finlandja u kif ukoll il-Kummissjoni, interpretazzjoni li tarmonizza s-sistemi stabbiliti minn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet tkun tinjora kemm id-differenzi fit-test indikati fil-punt 31 ta’ din is-sentenza u kif ukoll il-fatt li l-leġiżlatur Komunitarju qies li kien utli li jadotta dispożizzjoni speċifika għal dik il-kategorija ta’ assigurati soċjali komposta mill-pensjonanti u mill-membri tal-familji tagħhom.

36      Għall istess raġunijiet, bil-kontra ta’ dak li sostnew il-Gvernijiet ta’ l-Irlanda u ta’ l-Olanda, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-Artikolu 22a tar-Regolament Nru 1408/71 għandu l-effett li jissuġġetta lill-pensjonanti għas-sistema pprovduta fl-Artikolu 22(1)(a) ta’ l-istess regolament. Barra minn dan, tali interpretazzjoni la hija sostnuta mill-kliem ta’ l-Artikolu 22a, li jipprovdi, skond it-titolu tiegħu, “[r]egoli speċjali għal ċerti kategoriji ta’ persuni”, u lanqas, hekk kif josserva l-Gvern Finlandiż, mill-premessi tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3095/95, tat-22 ta’ Diċembru 1995, li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 1408/71 dwar l-applikazzjoni ta’ skemi ta’ sigurtà soċjali għall-persuni impjegati, persuni li jaħdmu għal rashom u lill-membri tal-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, ir-Regolament (KEE) Nru 574/72 li jiffissa proċeduri għall-implementazzjoni ta’ Regolament (KEE) Nru 1408/71, ir-Regolament (KEE) Nru 1247/92 li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 1408/71 u r-Regolament (KEE) Nru 1945/93 li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 1247/92 (ĠU L 335, p. 1), li żied l-Artikolu 22a fir-Regolament Nru 1408/71.

37      Fir-rigward ta’ l-argument tal-Gvernijiet ta’ l-Irlanda u ta’ l-Olanda li jgħid li hija biss applikazzjoni b’analoġija ta’ l-Artikolu 22(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 li tista’ tiggarantixxi l-ugwaljanza bejn l-assigurati soċjali, lanqas dan ma jista’ jiġi milqugħ.

38      Kif osservaw kemm il-Gvern Grieg, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, kif ukoll l-Avukat Ġenerali, fil-punt 32 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-fatt li l-leġiżlatur Komunitarju ma riedx jimmudella s-sistema applikabbli għall-pensjonanti fuq dik applikabbli għall-ħaddiema impjegati jew li jaħdmu għal rashom jista’ jiġi spjegat permezz tar-rieda li tiġi ffaċilitata mobilità effettiva ta’ din il-kategorija ta’ assigurati soċjali billi jittieħdu in kunsiderazzjoni ċerti karatteristiċi li huma speċifiċi għalihom, fosthom il-vulnerabbiltà u d-dipendenza potenzjalment ikbar fil-qasam tas-saħħa, kif ukoll disponibbiltà li tista’ tippermetti soġġorni iktar frekwenti fl-Istati Membri l-oħra.

39      Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li s-sistema stabbilita mill-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1408/71 għandha tiġi distinta minn dik li jipprovdi l-Artikolu 22(1)(a) ta’ l-istess regolament.

40      B’mod partikolari, l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1408/71 ma jistax jiġi interpretat fis-sens li l-benefiċċju f’oġġetti li huwa jiggarantixxi huwa riżervat biss għall-pensjonanti li l-istat tas-saħħa tagħhom jirrikjedi benefiċċji immedjati matul is-soġġorn tagħhom fi Stat Membru ieħor, jiġifieri li dan il-benefiċċju huwa limitat biss għal kura li tiġi kkonstatata bħala medikament u immedjatament neċessarja (sentenza tat-2 ta’ Mejju 1996, Paletta, C-206/94, Ġabra p. I-2357, punt 20) u li għaldaqstant ma tistax tiġi posposta sa ma l-persuna assigurata terġa’ lura fl-Istat ta’ residenza tagħha.

41      Din id-dispożizzjoni lanqas ma tista’ tiġi interpretata fis-sens li l-imsemmi benefiċċju huwa limitat biss għal dawk il-każijiet fejn il-kura meħtieġa ssir neċessarja minħabba marda li tfeġġ għal għarrieda. B’mod partikolari ċ-ċirkustanza li l-kura meħtieġa minħabba l-iżvilupp ta’ l-istat tas-saħħa ta’ l-assigurat soċjali matul is-soġġorn provviżorju tiegħu fi Stat Membru ieħor tkun marbuta ma’ patoloġija li tkun diġà teżisti u li tkun magħrufa mill-assigurat, bħal pereżempju marda kronika, ma tistax tkun suffiċjenti sabiex tipprekludi lill-persuna kkonċernata milli jibbenefika mid-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1408/71.

42      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, b’differenza, b’mod partikolari, mill-Artikolu 22(1)(c) tar-Regolament Nru 1408/71, l-Artikolu 31 ta’ l-istess regolament ma jipprovdix għal sistema ta’ awtorizzazzjoni fir-rigward ta’ l-għoti tal-benefiċċji f’oġġetti li huwa jiggarantixxi lill-pensjonanti u lill-membri tal-familja tagħhom li jissoġġornaw fi Stat Membru li mhuwiex l-Istat ta’ residenza tagħhom.

43      Min dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li, fir-rigward tal-benefiċċji f’oġġetti li l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1408/71 jiggarantixxi lill-pensjonanti li jissoġġornaw fi Stat Membru li mhuwiex dak tar-residenza tagħhom, Stat Membru la jista’ jissuġġetta l-għoti tagħhom għal xi proċedura ta’ awtorizzazzjoni u lanqas għall-kondizzjoni li l-marda li ħtieġet il-kura in kwistjoni feġġet għal għarrieda matul dan is-soġġorn, b’tali mod li għamlet l-għoti ta’ din il-kura immedjatament neċessarju.

 Fuq l-implementazzjoni fil-prattika ta’ l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1408/71

44      Kif jirriżulta mill-kliem ta’ l-ewwel domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju sussegwentement tistaqsi dwar il-portata ta’ l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 574/72, dispożizzjoni li tirrigwarda l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1408/71.

45      Fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali għandu jiġi mfakkar li din id-dispożizzjoni b’mod partikolari tipprovdi li, sabiex jibbenefika mill-benefiċċji f’oġġetti abbażi ta’ l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1408/71, il-pensjonant huwa obbligat li jippreżenta, lill-istituzzjoni ta’ l-Istat ta’ soġġorn, dikjarazzjoni awtentikata maħruġa mill-istituzzjoni ta’ l-Istat ta’ residenza li tiċċertifika li huwa intitolat għall-benefiċċji msemmija. L-istess dispożizzjoni tindika, madankollu, li jekk il-persuna kkonċernata ma tippreżentax l-imsemmija dikjarazzjoni awtentika, l-istituzzjoni ta’ l-Istat ta’ soġġorn għandha tikkuntatja direttament lill-istituzzjoni ta’ l-Istat ta’ residenza sabiex tikseb tali dikjarazjoni.

46      Fil-kawża preżenti, mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li V. Ioannidis kien kiseb tali dikjarazzjoni awtentika, jiġifieri l-formola E 111, qabel it-tluq tiegħu lejn il-Ġermanja.

47      Min-naħa l-oħra, hekk kif josserva l-Gvern Irlandiż, dan id-digriet ma jindikax jekk l-imsemmija formola ġietx ippreżentata lill-fond Ġermaniż ta’ l-assigurazzjoni kontra l-mard. Madankollu għandu jiġi kkonstatat li l-eventwali nuqqas ta’ preżentazzjoni spontanja ma jistax ikollu konsegwenzi determinanti. F’kull każ, effettivament hija l-istituzjoni ta’ l-Istat ta’ soġġorn li għandha tassigura li l-persuna kkonċernata m’għandhiex tali formola u, fin-nuqqas ta’ dan, titlob il-ħruġ tagħha mingħand l-istituzzjoni kompetenti li taħta taqa’ l-persuna kkonċernata, hekk kif jipprovdi l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 574/72.

48      Fil-kwistjoni fil-kawża prinċipali, madankollu, il-fond Ġermaniż ta’ l-assigurazzjoni kontra l-mard talab, mingħand l-IKA, il-ħruġ ta’ formola E 112, jiġifieri d-dikjarazzjoni awtentikata użata f’każijiet ta’ applikazzjonijiet sabiex il-persuna kkonċernata tkun awtorizzata tmur fi Stat Membru ieħor sabiex hemmhekk tirċevi l-kura, skond l-Artikolu 22(1)(c) tar-Regolament Nru 1408/71.

49      Għandu neċessarjament jiġi kkunsidrat li tali attitudni hija ekwivalenti għal rifjut ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1408/71, u dan indipendentement minn jekk il-persuna assigurata kinitx jew le ppreżentat spontanjament il-formola E 111. Effettivament, il fatt li l-istituzzjoni ta’ l-Istat ta’ soġġorn eżiġiet il-preżentazzjoni ta’ formola E 112 pjuttost milli ssodisfat ruħha bil-formola E 111 ippreżentata mill-assigurat soċjali, jew il-fatt li din ikkuntatjat lill-istituzzjoni ta’ l-Istat ta’ residenza sabiex tikseb l-imsemmija formola E 112, neċessarjament jimplika li l-istituzzjoni ta’ l-Istat ta’ soġġorn ikkunsidrat li ma kienx hemm lok li tipprovdi benefiċċji f’oġġetti lill-persuna kkonċernata abbażi ta’ l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1408/71.

50      Sabiex tkun tista’ tingħata risposta għad-domanda tal-qorti tar-rinviju, għandu jiġi ppreċiżat li, affaċjata minn tali rifjut u minn tali eżiġenza ta’ l-istituzzjoni ta’ l-Istat ta’ soġġorn, l-istituzzjoni kompetenti ta’ l-Istat ta’ residenza li tkun preċedentement ħarġet il-formola E 111 favur l-assigurat tagħha ma tistax tikkuntenta ruħha, bħal ma jidher li għamel l-IKA fil-kwistjoni fil-kawża prinċipali, li tikkunsidra bħala stabbilit li l-kondizzjonijiet meħtieġa sabiex l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1408/71 ikun applikabbli ma kinux sodisfatti.

51      Effettivament, l-istituzzjoni ta’ l-Istat ta’ soġġorn u dik ta’ l-Istat ta’ residenza jassumu flimkien l-inkarigu li japplikaw l-Artikoli 31 u 36 tar-Regolament Nru 1408/71 u l-Artikoli 31 u 39 tar-Regolament Nru 574/72 u għandhom, skond l-Artikoli 10 KE u 84 tar-Regolament Nru 1408/71, jikkoperaw sabiex jassiguraw applikazzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq u, konsegwentement, l-osservanza sħiħa tad-drittijiet li l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1408/71 jagħti lill-pensjonanti u lill-membri tal-familja tagħhom sabiex jiffaċilità l-moviment liberu ta’ dawn l-assigurati soċjali (ara, f’sens analogu, is-sentenzi ta’ l-24 ta’ Ottubru 1996, Picard, C-335/95, Ġabra p. I-5625, punt 18, u ta’ l-10 ta’ Frar 2000, FTS, C-2002/97, Ġabra p. I-883, punti 51 u 56).

52      Minn dan isegwi, b’mod partikolari, li fil-każ fejn l-istituzzjoni ta’ l-Istat ta’ residenza tirċevi, mingħand l-istituzzjoni ta’ l-Istat ta’ soġġorn, talba għal ħruġ ta’ formola E 112, filwaqt li hija tkun preċedentement diġà ħarġet formola E 111 lill-assigurat tagħha, hija għandha tassigura ruħha, jekk meħtieġ billi titlob kull preċiżazzjoni li tista’ tkun utli mingħand l-istituzzjoni ta’ l-Istat ta’ soġġorn, li r-rifjut li jiġu pprovduti l-benefiċċji f’oġġetti skond l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1408/71 huwa tabilħaqq fondat. Jekk l-istituzzjoni ta’ l-Istat ta’ residenza tikkonvinċi ruħha li kien hemm tabilħaqq lok li jiġi applikat l-Artikolu 31 u, konsegwentement, l-Artikolu 36 tar-Regolament Nru 1408/71 u l-Artikolu 93 tar-Regolament Nru 574/72 li jirrigwardaw ir-rimborż bejn l-istituzzjonijiet, hija għandha tgħarraf b’dan lill-istituzzjoni ta’ l-Istat ta’ soġġorn. Konsegwentement din ta’ l-aħħar hija obbligata li terġa’ teżamina l-fondatezza tal-pożizzjoni tagħha u, jekk meħtieġ, li tbiddilha.

 Fuq it-teħid tar-responsabbiltà għall-kura koperta mill-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1408/71

53      Fid-dawl tas-suġġett in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li jirrigwarda l-eventwali eżistenza ta’ obbligu ta’ rimborż ta’ l-ispejjeż marbuta mad-dħul tal-persuna kkonċernata fi sptar ta’ Stat Membru li mhuwiex dak tar-residenza, il-qorti tar-rinviju fl-aħħar nett tistaqsi, hekk kif jirriżulta mill-ewwel domanda preliminari, dwar il-portata ta’ l-Artikolu 36 tar-Regolament Nru 1408/71 u ta’ l-Artikolu 93 tar-Regolament Nru 574/72.

54      Għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 36 tar-Regolament Nru 1408/71, il-benefiċċji f’oġġetti pprovduti mill-istituzzjoni ta’ Stat Membru f’isem l-istituzzjoni ta’ Stat Membru ieħor jagħtu lok għal rimborż sħiħ fil-forma, skond il-metodi stabbiliti mir-Regolament Nru 574/72, jew ta’ ġustifikazzjoni ta’ l-ispejjeż effettivi jew inkella ta’ somma waħda li titħallas f’daqqa, dejjem sakemm iż-żewġ Stati Membri kkonċernati, jew l-awtoritajiet kompetenti tagħhom, ma jkunux ipprovdew għal metodi oħra ta’ rimborż jew ikunu rrinunzjaw għal kull rimborż bejn l-istituzzjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tagħhom.

55      Sabiex jassigura l-implementazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, l-Artikolu 93 tar-Regolament Nru 574/72 jipprovdi, b’mod partikolari, li l-benefiċċji f’oġġetti pprovduti mill-istituzzjoni ta’ l-Istat ta’ soġġorn abbażi ta’ l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1408/71 għandhom jiġu rimborżati lil din ta’ l-aħħar mill-istituzzjoni ta’ l-Istat ta’ residenza tal-persuna kkonċernata u li tali rimborż ikun jirrifletti, bħala prinċipju, l-ammont effettiv ta’ l-imsemmija benefiċċji hekk kif jirriżulta mill-kontabbiltà ta’ l-istituzzjoni ta’ l-Istat ta’ soġġorn. Fil-każ fejn dan l-ammont ma jirriżultax mill-kontabbiltà, u sakemm l-Istati Membri kkonċernati jew l-awtoritajiet kompetenti tagħhom ma jkunux ftehmu fuq metodi oħra ta’ evalwazzjoni, l-imsemmi rimborż għandu jseħħ abbażi ta’ somma waħda f’daqqa li l-ammont tagħha jiġi deċiż mill-Kummissjoni Amministrattiva tal-Komunitajiet Ewropej għas-sigurtà soċjali tal-ħaddima imigranti.

56      Dawn huma d-dispożizzjonijiet li għandhom normalment jiġu applikati meta pensjonant jiġi pprovdut b’benefiċċji f’oġġetti abbażi ta’ l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1408/71.

57      Fil-kwistjoni fil-kawża prinċipali, madankollu, hekk kif ġie enfasizzat fil-punti 48 u 49 ta’ din is-sentenza, il-fond Ġermaniż ta’ l-assigurazzjoni kontra l-mard irrifjuta li jipprovdi tali benefiċċji f’oġġetti lil V. Ioannidis, u għaldaqstant jista’ jiġi dedott, għalkemm tali ċirkustanza ma tirriżultax espliċitament mill-kliem tad-digriet tar-rinviju, li probabbilment il-persuna kkonċernata assumiet personalment ir-responsabbiltà għall-ħlas tal-kura mogħtija, u li r-rimborż ta’ dan il-ħlas qiegħed preżentement jiġi rrifjutat lilu mill-IKA.

58      Għalkemm huwa ċertament minnu li mill-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 574/72 jirriżulta li, jekk il-formalitajiet ipprovduti fl-Artikolu 31 ta’ l-istess regolament ma setgħux jitwettqu matul is-soġġorn fit-territorju ta’ l-Istat Membru fejn tingħata l-kura, il-persuna kkonċernata hija intitolata li titlob, sal-limiti li tiffissa dik id-dispożizzjoni, ir-rimborż ta’ l-ispejjeż inkorsi mingħand l-istituzzjoni ta’ l-Istat ta’ residenza tiegħu.

59      Madankollu, għandu neċessarjament jiġi ammess, hekk kif ġustament enfasizzaw il-Gvern Grieg, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, u l-Avukat Ġenerali, fil-punt 53 tal-konklużjonijiet tiegħu, li r-rifjut min-naħa ta’ l-istituzzjoni ta’ l-Istat ta’ soġġorn li tapplika l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1408/71 u l-fatt li din l-aħħar istituzzjoni talbet il-preżentazzjoni ta’ formola E 112 ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li huma ekwivalenti għal nuqqas ta’ twettieq ta’ formalità pprovduta fl-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 574/72.

60      Madankollu, hekk kif jirriżulta mill-punti 50 sa 52 ta’ din is-sentenza, fil-każ ta’ tali rifjut u ta’ tali eżiġenza, hija l-istituzzjoni kompetenti ta’ l-Istat ta’ residenza li tkun preċedentement ħarġet formola E 111 favur l-assigurat tagħha li għandha tikkontribwixxi sabiex tiffaċilità applikazzjoni korretta ta’ l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1408/71.

61      Minn dan isegwi li, meta jidher li l-istituzzjoni ta’ l-Istat ta’ soġġorn ma kinitx iġġustifikata li tirrifjuta li tagħti effett lill-din l-aħħar dispożizzjoni u li l-istituzzjoni ta’ l-Istat ta’ residenza astjeniet ruħha, wara li ġiet informata b’dan ir-rifjut, milli tikkontribwixxi sabiex tiffaċilita, kif inhi obbligata li tagħmel, l-applikazzjoni korretta ta’ din id-dispożizzjoni, hija din l-aħħar istituzzjoni, bla ħsara għall-eventwali responsabbiltà ta’ l-istituzzjoni ta’ l-Istat ta’ soġġorn, li għandha tirrimborża direttament lill-persuna assigurata dawk l-ispejjeż inkorsi minnha għall-kura, b’tali mod li tiggarantixxi lil din ta’ l-aħħar livell ta’ teħid ta’ responsabbiltà ekwivalenti għal dak li hija kienet tibbenefika minnu li kieku d-dispożizzjonijiet ta’ l-imsemmi artikolu kienu osservati (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2001, Vanbraekel et, C-368/98, Ġabra p. I-5363, punt 34).

62      Barra minn dan, peress li f’każ bħal dan tali rimborż jissostitwixxi l-benefiċċji f’oġġetti li l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1408/71 jiggarantixxi lill-pensjonanti, Stat Membru ma jistax jissuġġetta l-imsemmi rimborż għal xi proċedura ta’ awtorizzazzjoni u lanqas ma jista’ jeżiġi li l-marda li ħtieġet il-kura in kwistjoni għandha tkun feġġet għal għarrieda matul soġġorn fi Stat Membru ieħor b’tali mod li għamlet l-għoti ta’ din il-kura immedjatament neċessarju.

63      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha magħmulin iktar ’il fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda preliminari għandha tkun is-segwenti:

L-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1408/71 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-intitolament għall-benefiċċji f’oġġetti li din id-dispożizzjoni tiggarantixxi lill-pensjonanti li jissoġġornaw fi Stat Membru li mhuwiex l-Istat Membru ta’ residenza mhuwiex suġġett għall-kondizzjoni li l-marda li ħtieġet il-kura kkonċernata feġġet għal għarrieda matul tali soġġorn b’tali mod li għamlet l-għoti ta’ din il-kura immedjatament neċessarju. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni tipprekludi lil Stat Membru milli jissuġġetta l-imsemmi benefiċċju għal kondizzjoni bħall din.

L-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1408/71 jipprekludi lil Stat Membru milli jissuġġetta għal xi proċedura ta’ awtorizzazzjoni l-intitolament għall-benefiċċji f’oġġetti li din id-dispożizzjoni tiggarantixxi.

Il-provvista u t-teħid tar-responsabbiltà għall-benefiċċji f’oġġetti pprovduti fl-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1408/71 għandhom normalment iseħħu b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu moqrija flimkien mad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 36 ta’ l-istess regolament u ta’ l-Artikoli 31 u 39 tar-Regolament Nru 574/72.

Meta jidher li l-istituzzjoni ta’ l-Istat ta’ soġġorn ma kinitx iġġustifikata li tirrifjuta li tipprovdi l-benefiċċji f’oġġetti pprovduti fl-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1408/71 u li l-istituzzjoni ta’ l-Istat ta’ residenza astjeniet ruħha, wara li ġiet informata b’dan ir-rifjut, milli tikkontribwixxi sabiex tiffaċilita, kif inhi obbligata li tagħmel, l-applikazzjoni korretta ta’ din id-dispożizzjoni, hija din l-aħħar istituzzjoni, bla ħsara għall-eventwali responsabbiltà ta’ l-istituzzjoni ta’ l-Istat ta’ soġġorn, li għandha tirrimborża direttament lill-persuna assigurata dawk l-ispejjeż inkorsi minnha għall-kura, b’tali mod li tiggarantixxi lil din ta’ l-aħħar livell ta’ teħid ta’ responsabbiltà ekwivalenti għal dak li hija kienet tibbenefika minnu li kieku d-dispożizzjonijiet ta’ l-imsemmi artikolu kienu osservati.

F’dan l-aħħar każ, l-Artikoli 31 u 36 tar-Regolament Nru 1408/71 u l-Artikoli 31 u 93 tar-Regolament Nru 574/72 jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali milli tissuġġetta tali rimborż għall-ksib ta’ awtorizzazzjoni a posteriori li tinħareġ biss jekk jiġi stabbilit li l-marda li ħtieġet il-kura in kwistjoni feġġet għal għarrieda matul is-soġġorn, b’tali mod li għamlet l-imsemmija kura immedjatament neċessarja.

 Fuq it-tieni, it-tielet, ir-raba’ u l-ħames domandi preliminari

64      Mill-kliem tat-tieni, it-tielet, ir-raba’ u l-ħames domandi preliminari jirriżulta li dawn saru bis fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun li l-Artikoli 31 u 36 tar-Regolament 1408/71 u l-Artikoli 31 u 39 tar-Regolament Nru 574/72 ma jipprekludux l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali. Għaldaqstant, fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda preliminari mhemmx lok li l-imsemmija domandi jiġu eżaminati.

 Fuq l-ispejjeż

65      L-ispejjeż inkorsi mill-Gvernijiet tal-Greċja, tal-Belġju, ta’ Spanja, ta’ l-Irlanda, ta’ l-Olanda, ta’ l-Awstrija, tal-Finlandja u tar-Renju Unit, kif ukoll dawk inkorsi mill-Kummissjoni, li ppreżentaw osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistgħux jitħalsu lura. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

sabiex twieġeb id-domandi li sarula mid-Dioikitiko Protodikeio Thessalonikis, permezz tad-digriet tal-31 ta’ Jannar 2000, taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 31 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 ta’ l-14 ta’ Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni ta’ l-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, fil-verżjoni tiegħu kif emendata u aġġornata mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2001/83 tat-2 ta’ Ġunju 1983, kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3096/95 tat-22 ta’ Diċembru 1995, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-intitolament għall-benefiċċji f’oġġetti li din id-dispożizzjoni tiggarantixxi lill-pensjonanti li jissoġġornaw fi Stat Membru li mhuwiex l-Istat Membru ta’ residenza mhuwiex suġġett għall-kondizzjoni li l-marda li ħtieġet il-kura kkonċernata feġġet għal għarrieda matul tali soġġorn b’tali mod li għamlet l-għoti ta’ din il-kura immedjatament neċessarju. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni tipprekludi lil Stat Membru milli jissuġġetta l-imsemmi benefiċċju għal kondizzjoni bħall din.

2)      L-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1408/71, fil-verżjoni tiegħu kif emendata u aġġornata mir-Regolament Nru 2001/83, kif emendat mir-Regolament Nru 3096/95, jipprekludi lil Stat Membru milli jissuġġetta għal xi proċedura ta’ awtorizzazzjoni l-intitolament għall-benefiċċji f’oġġetti li din id-dispożizzjoni tiggarantixxi.

3)      Il-provvista u t-teħid tar-responsabbiltà għall-benefiċċji f’oġġetti pprovduti fl-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1408/71, fil-verżjoni tiegħu kif emendata u aġġornata mir-Regolament Nru 2001/83, kif emendat mir-Regolament Nru 3096/95, għandhom normalment iseħħu b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu moqrija flimkien mad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 36 ta’ l-istess regolament u ta’ l-Artikoli 31 u 39 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 574/72, tal-21 ta’ Marzu 1972 li jistipula l-proċedura għall-implementazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71, fil-verżjoni tiegħu kif emendata u aġġornata mir-Regolament Nru 2001/83, kif emendat mir-Regolament Nru 3096/95

4)      Meta jidher li l-istituzzjoni ta’ l-Istat ta’ soġġorn ma kinitx iġġustifikata li tirrifjuta li tipprovdi l-benefiċċji f’oġġetti pprovduti fl-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1408/71, fil-verżjoni tiegħu kif emendata u aġġornata mir-Regolament Nru 2001/83, kif emendat mir-Regolament Nru 3096/95, u li l-istituzzjoni ta’ l-Istat ta’ residenza astjeniet ruħha, wara li ġiet informata b’dan ir-rifjut, milli tikkontribwixxi sabiex tiffaċilita, kif inhi obbligata li tagħmel, l-applikazzjoni korretta ta’ din id-dispożizzjoni, hija din l-aħħar istituzzjoni, bla ħsara għall-eventwali responsabbiltà ta’ l-istituzzjoni ta’ l-Istat ta’ soġġorn, li għandha tirrimborża direttament lill-persuna assigurata dawk l-ispejjeż inkorsi minnha għall-kura, b’tali mod li tiggarantixxi lil din ta’ l-aħħar livell ta’ teħid ta’ responsabbiltà ekwivalenti għal dak li hija kienet tibbenefika minnu li kieku d-dispożizzjonijiet ta’ l-imsemmi artikolu kienu osservati

5)      F’dan l-aħħar każ, l-Artikoli 31 u 36 tar-Regolament Nru 1408/71, fil-verżjoni tiegħu kif emendata u aġġornata mir-Regolament Nru 2001/83, kif emendat mir-Regolament Nru 3096/95, u l-Artikoli 31 u 93 tar-Regolament Nru 574/72, fil-verżjoni tiegħu kif emendata u aġġornata mir-Regolament Nru 2001/83, kif emendat mir-Regolament Nru 3096/95, jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali milli tissuġġetta tali rimborż għall-ksib ta’ awtorizzazzjoni a posteriori li tinħareġ biss jekk jiġi stabbilit li l-marda li ħtieġet il-kura in kwistjoni feġġet għal għarrieda matul is-soġġorn, b’tali mod li għamlet l-imsemmija kura immedjatament neċessarja

Rodríguez Iglesias

Wathelet

Schintgen

Timmermans

Gulmann

Edward

La Pergola

Jann

Skouris

Macken

 

       Colneric

von Bahr

 

      Cunha Rodrigues

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fil-25 ta’ Frar 2003.

R. Grass

 

      G. C. Rodríguez Iglesias

Reġistratur

 

       President


* Lingwa tal-kawża: il-Grieg.