Language of document : ECLI:EU:F:2012:97

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tieni Awla)

11 ta’ Lulju 2012

Kawża F‑85/10

AI

vs

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Membri tal-persunal temporanju — Kompetizzjoni interna — Esklużjoni mill-kompetizzjoni insegwitu għar-riżultat miksub fl-ewwel eżami bil-miktub — Eżami mill-ġdid — Ugwaljanza fit-trattament — Klassifikazzjoni mill-ġdid tal-kuntratt għal żmien determinat f’kuntratt għal żmien indeterminat — Nuqqas ta’ tiġdid ta’ kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju għal żmien determinat — Rikors għal annullament — Rikors għad-danni”

Suġġett: Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA permezz tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu AI, prinċipalment talab, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni li permezz tagħha l-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni interna Nru CJ 12/09, organizzata mill-Qorti tal-Ġustizzja, ma assenjatlux il-minimu ta’ 20 punt għall-ewwel eżami bil-miktub li kien obbligatorju, u, min-naħa l-oħra, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li ma jiġġeddidx il-kuntratt tiegħu bħala membru tal-persunal temporanju, kif ukoll li tikkundannaha tħallsu għad-danni bħala kumpens għad-danni materjali u morali subiti.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. AI għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat għall-ispejjeż sostnuti mill-Qorti tal-Ġustizzja.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Kompetizzjoni — Bord tal-Għażla — Kompożizzjoni — Stabbiltà suffiċjenti sabiex tiġi żgurata l-evalwazzjoni konsistenti tal-kandidati

(Regolamenti tal-Persunal, Anness III, Artikolu 3)

2.      Uffiċjali — Kompetizzjoni — Prinċipju ta’ imparzjalità tal-Bord tal-Għażla — Relazzjoni li permezz tagħha membru tal-Bord tal-Għażla u kandidat ikunu jafu lil xulxin — Riskju ta’ kunflitt ta’ interessi fil-każ tal-eżistenza ta’ relazzjonijiet professjonali bejn membru tal-Bord tal-Għażla u l-kandidat — Assenza

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 11a)

3.      Uffiċjali — Kompetizzjoni — Bord tal-Għażla — Ċaħda ta’ kandidatura — Obbligu ta’ motivazzjoni — Portata — Osservanza tas-sigriet tax-xogħlijiet

(Regolamenti tal-Persunal, Anness III, Artikolu 6)

4.      Uffiċjali — Kompetizzjoni — Evalwazzjoni tal-kompetenzi tal-kandidati — Setgħa diskrezzjonali tal-Bord tal-Għażla — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti

(Regolamenti tal-Persunal, Anness III)

5.      Uffiċjali — Membri tal-persunal temporanju — Membri tal-persunal temporanju li jaqgħu taħt l-Artikolu 2(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra — Tiġdid wara l-ewwel proroga tal-kuntratt għal żmien determinat — Klassifikazzjoni mill-ġdid tal-kuntratt għal żmien determinat bħala kuntratt għal żmien indeterminat — Esklużjoni

(Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra, Artikolu 2(b) u l-paragrafu 2 tal-Artikolu 8)

6.      Uffiċjali — Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra — Miżuri intiżi sabiex jipprevjenu l-użu abbużiv ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi — Tul massimu totali tal-kuntratti jew tar-relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi — Sanzjonar tal-użu abbużiv ta’ tali kuntratti — Assenza ta’ ksur tal-għanijiet jew tar-rekwiżiti minimi tal-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP

(paragrafu 2 tal-Artikolu 288 TFUE; Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra, Artikolu 2(b) u l-paragrafu 2 tal-Artikolu 8; Direttiva tal‑Kunsill 1999/70, Anness, klawżola 5, punt 1)

7.      Uffiċjali — Membri tal-persunal temporanju — Reklutaġġ — Tiġdid ta’ kuntratt għal żmien determinat — Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti — Żball manifest ta’ evalwazzjoni — Kunċett

(Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra, Artikoli 8 u 47(1)(b))

8.      Uffiċjali — Membri tal-persunal temporanju — Reklutaġġ — Tiġdid ta’ kuntratt għal żmien determinat — Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni — Dmir ta’ premura tal-amministrazzjoni — Teħid inkunsiderazzjoni tal-interessi tal-membru tal-persunal ikkonċernat

(Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra, Artikolu 47)

9.      Politika soċjali — Ħaddiema rġiel u ħaddiema nisa — Aċċess għall-impjiegi u kundizzjonijiet tax-xogħol — Ugwaljanza fit-trattament — Direttiva 2006/54 — Protezzjoni kontra l-miżuri ta’ ritaljazzjoni — Kamp ta’ applikazzjoni

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2006/54, Artikoli 1 u 24)

1.      Il-preżenza tas-sostitut ta’ membru ma għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni għall-evalwazzjoni tal-istabbiltà tal-kompożizzjoni tal-Bord tal-Għażla jekk il-membri kollha kienu preżenti għal kull prova. L-istabbiltà tal-kompożizzjoni tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni hija żgurata meta x-xogħlijiet ta’ korrezzjoni tal-eżamijiet bil-miktub u l-iżvolġiment tal-eżamijiet orali, kif ukoll id-deliberazzjonijiet dwar dawn l-eżamijiet, ikunu twettqu mill-membri kollha tal-Bord tal-Għażla.

(ara l-punt 59)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 7 ta’ Frar 2002, Felix vs Il‑Kummissjoni, T‑193/00, punt 37

2.      Relazzjoni li permezz tagħha membru tal-Bord tal-Għażla u kandidat ikunu jafu lil xulxin ma hijiex biżżejjed fiha nnifisha biex turi li dan il-membru għandu “interess personali […] u, partikolarment, l-interessi tal-familja jew finanzjarji” fis-sens tal-Artikolu 11a tar-Regolamenti tal-Persunal, li bħala tali tista’ tqiegħed fid-dubju l-imparzjalità tiegħu. Fil-fatt, il-fatt li membru tal-Bord tal-Għażla personalment jaf wieħed mill-kandidati ma jimplikax neċessarjament li dan il-membru ser ikun ta’ preġudizzju billi jiffavorixxi l-prestazzjoni tal-imsemmi kandidat.

F’dan ir-rigward, il-parteċipazzjoni ta’ membru tal-Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni fl-evalwazzjoni ta’ kandidat li jaħdem jew li kien jaħdem fl-istess diviżjoni jew l-istess direttorat bħalu, ma twassalx, fiha nnifisha, sabiex tikkomprometti l-indipendenza ta’ dan il-membru u għalhekk tal-imparzjalità tiegħu.

(ara l-punti 80 u 81)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 12 ta’ Marzu 2008, Giannini vs Il‑Kummissjoni, T‑100/04, punt 223

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 30 ta’ April 2008, Dragoman vs Il‑Kummissjoni, F‑16/07, punt 41

3.      L-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ deċiżjoni li tikkawża preġudizzju għandu l-għan, minn naħa, li jipprovdi lill-persuna kkonċernata bl-indikazzjonijiet neċessarji sabiex tkun taf jekk id-deċiżjoni hijiex fondata jew le u, min-naħa l-oħra, li jagħmel possibbli l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha. Fir-rigward tad-deċiżjonijiet meħuda minn Bord tal-Għażla, dan l-obbligu għandu xorta waħda jiġi kkonċiljat mal-osservanza tas-sigriet tax-xogħlijiet tal-Bord tal-Għażla taħt l-Artikolu 6 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal. L-osservanza ta’ dan is-sigriet tipprekludi, għalhekk, kemm l-iżvelar tal-pożizzjonijiet meħuda mill-membri individwali tal-Bord tal-Għażla u kif ukoll l-iżvelar tal-elementi kollha marbuta mal-evalwazzjonijiet tal-karattru personali jew komparattivi fir-rigward tal-kandidati. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ Bord tal-Għażla għandu, f’dawn iċ-ċirkustanzi, jieħu inkunsiderazzjoni n-natura tax-xogħlijiet inkwistjoni, li b’mod ġenerali, jinkludu mill-inqas żewġ fażijiet distinti, jiġifieri, l-ewwel nett, l-eżami tal-applikazzjonijiet sabiex jintagħżlu l-kandidati ammessi sabiex jipparteċipaw fil-kompetizzjoni, u, it-tieni nett, l-eżami tal-kompetenzi tal-kandidati għall-pożizzjoni li għandha timtela, sabiex titfassal lista ta’ kandidati xierqa. It-tieni fażi tax-xogħlijiet tal-Bord tal-Għażla hija primarjament ta’ natura komparattiva u għalhekk koperta mis-sigriet inerenti għal dawn ix-xogħlijiet. Il-kriterji ta’ korrezzjoni adottati mill-Bord tal-Għażla qabel l-eżamijiet jifformaw parti integrali mill-evalwazzjonijiet komparattivi mill-Bord tal-Għażla fuq il-merti rispettivi tal-kandidati. Dawn il-kriterji huma għalhekk koperti mis-sigriet tad-deliberazzjonijiet bħall-evalwazzjonijiet tal-Bord tal-Għażla. L-evalwazzjonijiet komparattivi mill-Bord tal-Għażla huma riflessi mill-punti li dan tal-aħħar jalloka lill-kandidati. Dawn huma l-espressjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ valur fuq kull wieħed minnhom. Fid-dawl tas-sigriet li għandu japplika għax-xogħlijiet tal-Bord tal-Għażla, il-komunikazzjoni tal-punti miksuba fid-diversi eżamijiet tikkostitwixxi motivazzjoni suffiċjenti tad-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Għażla. Tali motivazzjoni ma tippreġudikax id-drittijiet tal-kandidati.

Barra minn dan, minħabba s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandu l-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni sabiex jevalwa r-riżultati tal-eżamijiet ta’ kompetizzjoni, il-Bord tal-Għażla ma jistax jintalab, sabiex jimmotiva l-fatt li kandidat ma jkunx għadda minn eżami, li jippreċiża t-tweġibiet tal-kandidati li kienu tqiesu li huma insuffiċjenti jew li jispjega għaliex dawn it-tweġibiet ġew ikkunsidrati insuffiċjenti. Tali grad ta’ motivazzjoni ma huwiex meħtieġ sabiex il-qorti tal-Unjoni teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha, u għalhekk, sabiex tippermetti lill-kandidat li jevalwa, skont il-każ, jekk l-introduzzjoni ta’ ilment jew ta’ rikors kinitx meħtieġa.

(ara l-punti 91 sa 93 u 115)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 4 ta’ Lulju 1996, Il‑Parlament vs Innamorati, C‑254/95 P, punt 29

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 14 ta’ Lulju 1995, Pimley-Smith vs Il‑Kummissjoni, T‑291/94, punti 63 u 64; 27 ta’ Marzu 2003, Martinez Páramo et vs Il‑Kummissjoni, T‑33/00, punt 48; 19 ta’ Frar 2004, Konstantopoulou vs Il‑Qorti tal‑Ġustizzja, T‑19/03, punti 33 u 34

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: Dragoman vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 63, u l-ġurisprudenza ċċitata

4.      L-evalwazzjonijiet li jsiru minn Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni, meta jevalwa l-konoxxenzi u l-kompetenzi tal-kandidati, jikkostitwixxu l-espressjoni ta’ deċiżjoni ta’ valur dwar il-prestazzjoni ta’ kull kandidat waqt l-eżami u taqa’ taħt is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-Bord tal-Għażla. Huma jistgħu jkunu suġġetti għall-istħarriġ mill-qorti fil-każ biss ta’ ksur evidenti tar-regoli li jirregolaw ix-xogħlijiet tal-Bord tal-Għażla. Fil-fatt, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma jistax jissostitwixxi d-diskrezzjoni tiegħu għal dik tal-Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni.

(ara l-punt 109)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: Giannini vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 275

5.      Anki jekk it-tieni u t-tielet proroga ta’ kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju fis-sens tal-Artikolu 2(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra, kienu seħħew bi ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 8 ta’ dawn il-Kondizzjonijiet tal-impjieg, tali ksur ma jirriżultax fit-trasformazzjoni ta’ dan il-kuntratt għal żmien determinat f’kuntratt għal żmien indeterminat. Fil-fatt, jirriżulta b’mod ċar mill-ifformular tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra, li l-kuntratt ta’ reklutaġġ bħala membru tal-persunal temporanju, fis-sens tal-Artikolu 2(b) ta’ dawn il-Kondizzjonijiet tal-impjieg jistgħu jkunu biss temporanji u li t-trasformazzjoni ta’ kuntratt għal żmien determinat f’kuntratt għal żmien indeterminat ma huwiex previst.

(ara l-punt 130)

6.      Fir-rigward tal-ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss [żmien determinat], li huwa anness mad-Direttiva 1999/70, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [żmien determinat] konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP, u b’mod partikolari tal-punt 1 tal-klawżola 5 ta’ dan il-ftehim, il-leġiżlatur tal-Unjoni, fl-eżerċizzju tal-poter leġiżlattiv tiegħu li jistabbilixxi l-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra, u l-Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tagħha, fil-kuntest stabbilit mid-dispożizzjonijiet tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra, matul l-adozzjoni jew l-implementazzjoni tar-regoli li jirregolaw ir- relazzjonijiet bejn l-Unjoni u l-membri tal-persunal tagħha, għandhom jipprevjenu l-abbuż ta’ dritt li jirriżulta mill-użu ta’ kuntratti ta’ reklutaġġ għal żmien determinat suċċessivi.

Għalkemm il-leġiżlatur huwa obbligat li jipprevjeni b’mod effikaċi l-użu abbużiv mill-Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ tal-kuntratti ta’ reklutaġġ għal żmien determinat suċċessivi, xorta jibqa’ l-fatt li l-leġiżlatur għandu, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, libertà sħiħa li jagħżel il-forom u l-mezzi l-iktar xierqa f’dan ir-rigward. Għalhekk, l-osservanza ta’ dan l-obbligu ma tipprovdix għat-trasformazzjoni tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat f’kuntratti għal żmien indeterminat, għall-inqas meta l-leġiżlazzjoni inkwistjoni jkun fiha miżuri intiżi sabiex jipprevjenu b’mod effettiv l-użu abbużiv ta’ kuntratti għal żmien determinat suċċessivi kif ukoll ta’ miżuri li jippermettu li jiġi ssanzjonat b’mod xieraq tali abbuż, filwaqt li tħassar il-konsegwenzi dannużi subiti mill-persuna kkonċernata.

Peress li jipprovdi waħda mill-miżuri elenkati fil-klawżola 5 tal-ftehim qafas u li l-assenza ta’ miżuri oħra ma tipprevjenix is-sanzjoni ta’ abbuż eventwali, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra ma jiksirx l-għanijiet u r-rekwiżiti minimi tal-ftehim qafas.

(ara l-punti 136 sa 140)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 21 ta’ Settembru 2011, Adjemian et vs Il‑Kummissjoni, T‑325/09 P, punti 58, 61 u 66

7.      L-amministrazzjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa fil-qasam tat-tiġdid ta’ kuntratt, kif ukoll fl-organizzazzjoni tad-dipartimenti tagħha skont il-kompiti assenjati lilha u, fid-dawl ta’ dan, fl-assenjazzjoni tal-persunal li huwa għad-dispożizzjoni tagħha, sakemm, madankollu, din l-assenjazzjoni ssir fl-interess tas-servizz u fir-rispett tal-ekwivalenza tal-pożizzjonijiet. L-istħarriġ tal-qorti għandu wkoll ikun limitat għall-kwistjoni dwar jekk, fid-dawl tal-arranġamenti u tal-motivi li setgħu wasslu lill-amministrazzjoni għall-evalwazzjoni tagħha, din aġixxietx fi ħdan limiti li ma jistgħux jiġu kkritikati u jekk użatx is-setgħa tagħha b’mod manifestament żbaljat.

Madankollu, żball jista’ biss jiġi kklassifikat bħala manifest meta jkun faċilment notevoli u jkun jista’ jiġi skopert b’mod ċar f’termini tal-kriterji li l-leġiżlatur kellu l-intenzjoni li jissuġġetta l-eżerċizzju mill-amministrazzjoni tas-setgħa tagħha ta’ diskrezzjoni. Li jiġi stabbilit li l-amministrazzjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-fatti ta’ natura tali li tiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni meħuda fuq il-bażi ta’ din l-evalwazzjoni, għalhekk jassumi li l-provi, li għandhom jiġu prodotti mir-rikorrent, huma biżżejjed sabiex l-evalwazzjonijiet użati mill-amministrazzjoni ma jkunux ikkunsidrati plawżibbli.

(ara l-punti 152 u 153)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 12 ta’ Diċembru 1996, AIUFFASS u AKT vs Il‑Kummissjoni, T‑380/94, punt 59; 12 ta’ Frar 2008, BUPA et vs Il‑Kummissjoni, T‑289/03, punt 221

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 24 ta’ Marzu 2011, Canga Fano vs Il‑Kunsill, F‑104/09, punt 35, li hija s-suġġett ta’ appell pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, Kawża T‑281/11 P; 13 ta’ Ġunju 2012, Davids vs Il‑Kummissjoni, F‑105/11, punt 38, u l-ġurisprudenza ċċitata

8.      Id-dmir ta’ premura tal-amministrazzjoni fir-rigward tal-membri tal-persunal tagħha, kif ukoll tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, b’mod partikolari jimplikaw li, meta tiddeċiedi dwar is-sitwazzjoni ta’ uffiċjal jew membru tal-persunal, l-awtorità kompetenti tieħu inkunsiderazzjoni l-fatti kollha li jistgħu jiddeterminaw id-deċiżjoni tagħha u li, meta tagħmel dan, hija tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss l-interess tas-servizz, iżda wkoll dak tal-uffiċjal jew tal-membru tal-persunal ikkonċernat.

F’dan ir-rigward, l-amministrazzjoni ma tistax tkun meħtieġa li tipproponi assenjazzjoni ġdida għal membru tal-persunal temporanju li s-servizzi professjonali tiegħu huma meqjusa mhux sodisfaċenti. A fortiori, l-amministrazzjoni ma għandhiex l-obbligu li ġġedded il-kuntratt ta’ persunal temporanju li s-servizzi professjonali kienu meqjusa mhux sodisfaċenti.

Fil-fatt, jekk l-obbligu ta’ premura jimplika li l-awtorità kompetenti hija meħtieġa, meta qed tevalwa l-interess tas-servizz, li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatturi kollha li jistgħu jaffettwaw id-deċiżjoni tagħha, b’mod partikolari l-interess tal-membru tal-persunal ikkonċernat, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-interess personali ta’ dan tal-aħħar ma jestendix sal-punt li jipprojbixxi lill-awtorità milli ġġedded kuntratt għal żmien determinat minkejja l-oppożizzjoni ta’ dan il-membru tal-persunal, minħabba li l-interess tas-servizz jeħtieġ dan.

(ara l-punti 166 sa 168)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 6 ta’ Frar 2003, Pyres vs Il‑Kummissjoni, T‑7/01, punti 51 u 87

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 27 ta’ Novembru 2008, Klug vs EMEA, F‑35/07, punti 67 u 79, u l-ġurisprudenza ċċitata; 7 ta’ Lulju 2010, Tomas vs Il‑Parlament, F‑116/07, F‑13/08 u F‑31/08, punt 166; 4 ta’ Frar 2011, Verheyden vs Il‑Kummissjoni, F‑54/10, punt 37

9.      L-Artikolu 24 tad-Direttiva 2006/54 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol, għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-għan tad-Direttiva, li, skont l-Artikolu 1 tagħha, huwa li jiġi żgurat li jkun implementat il-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol. Għalhekk, huwa għandu l-għan li jipprovdi protezzjoni kontra l-miżuri ta’ ritaljazzjoni implementati mill-persuna li timpjega bħala reazzjoni għal ilmenti jew kawżi intiżi sabiex jiġi osservat il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u ta’ xogħol.

(ara l-punt 184)