Language of document :

Rikors ippreżentat fit-23 ta’ Ġunju 2020 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

(Kawża C-275/20)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: J.-F. Brakeland, M. Afonso, D. Schaffrin, aġenti)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/470 1 tal-25 ta’ Marzu 2020 dwar l-estensjoni tal-perjodu tad-dritt għal koproduzzjonijiet awdjoviżivi kif previst fl-Artikolu 5 tal-Protokoll dwar il-Kooperazzjoni Kulturali għall-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra;

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikors għal annullament ippreżentat mill-Kummissjoni jikkonċerna t-tiġdid għal tliet snin ta’ dritt mogħti lill-koproduzzjonijiet awdjoviżivi ta’ produtturi mill-Unjoni Ewropea u mill-Korea li jibbenefikaw mis-skemi rispettivi għall-promozzjoni tal-kontenut kulturali regjonali jew lokali skont l-Artikolu 5 tal-Protokoll dwar il-Kooperazzjoni Kulturali anness mal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u r-Repubblika tal-Korea.

Insostenn tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tinvoka motiv wieħed.

Il-Kummissjoni tqis li, billi bbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq l-Artikolu 3(1) tad- Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2169 2 tal-1 ta’ Ottubru 2015 dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra, u mhux fuq l-Artikolu 218(6) TFUE, kif ipproponiet il-Kummissjoni, il-Kunsill ibbaża ruħu fuq bażi legali sekondarja, mhux prevista mit-Trattat FUE. Għaldaqstant, il-Kunsill kiser il-prinċipju ta’ għoti tal-kompetenzi previst fl-Artikolu 13(2) TUE u il-prinċpju ta’ ekwilibriju istituzzjonali kif żviluppat fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

____________

1     Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/470 tal-25 ta’ Marzu 2020 dwar l-estensjoni tal-perjodu tad-dritt għal koproduzzjonijiet awdjoviżivi kif previst fl-Artikolu 5 tal-Protokoll dwar il-Kooperazzjoni Kulturali għall-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra (ĠU 2020, L 101, p. 1).

2     Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2169 tal-1 ta’ Ottubru 2015 dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra (ĠU 2015, L 307, p. 2).