Language of document :

Rikors ippreżentat fit-8 ta’ Ottubru 2018 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tas-Slovenja

(Kawża C-631/18)

Lingwa tal-kawża: is-Sloven

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: T. Scharf u B. Rous Demiri, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika tas-Slovenja

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tikkonstata li, peress li ma adottatx il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji (kollha) sabiex tikkonforma mad-Direttiva Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2017/593 tas-7 ta’ April 2016 li tissupplimenta d-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, jew peress li naqset milli tikkomunika lill-Kummissjoni bl-adozzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, ir-Repubblika tas-Slovenja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva; u

tikkundanna lir-Repubblika tas-Slovenja għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva (UE) 2017/593, l-Istati Membri kienu meħtieġa jadottaw u jippubblikaw, sat-3 ta’ Lulju 2017, id-dispożizzjonijiet meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-direttiva u jikkomunikawhom immedjatament lill-Kummissjoni. Peress li r-Repubblika tas-Slovenja ma nnotifikatx lill-Kummissjoni bil-miżuri għat-traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva qabel it-tmiem ta’ dan it-terminu, din tal-aħħar iddeċidiet li tirreferi l-kwistjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja.

It-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva skada fit-3 ta’ Lulju 2017.

____________