Language of document : ECLI:EU:F:2010:72

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL‑UNJONI EWROPEA (Seduta Plenarja)

1 ta’ Lulju 2010 (*)

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Pensjoni tas-superstiti — Artikolu 79 tar-Regolamenti tal-Persunal — Artikolu 18 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal — Konjuġi superstiti — Rikonoxximent tal-kwalità ta’ konjuġi superstiti lil żewġ persuni — Tnaqqis għal 50 % — Aspettattivi leġittimi — Regola ta’ konkordanza”

Fil-Kawża F‑45/07,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat taħt l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA,

Wolfgang Mandt, residenti fi Kreuztal (il-Ġermanja), irrappreżentat minn B. Kolb, avukat,

rikorrent,

vs

Il-Parlament Ewropew, inizjalment irrappreżentat minn K. Zejdová J. F de Wachter u U. Rösslein, bħala aġenti, sussegwentement minn J. F. de Wachter, K. Zejdová u S. Seyr, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn

Kurt-Wolfgang Braun‑Neumann, li miet fid-9 ta’ Ottubru 2009, li ħalla bħala l-unika werrieta lil Shirley Meyer, residenti f’Bedburg-Hau (il-Ġermanja), li tassumi l-atti tal-awtur, irrappreżentata minn P. Ames, avukat,

intervenjent,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
(Seduta Plenarja),

komposta minn P. Mahoney, President, S. Gervasoni, President tal-Awla, H. Kreppel, H. Tagaras (Relatur) u S. Van Raepenbusch, Imħallfin,

Reġistratur: W. Hakenberg,

wara li ra l-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ Ġunju 2009,

jagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz ta’ rikors li wasal fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fis-16 ta’ Mejju 2007 b’faks (il-preżentata tal-oriġinal saret fil-21 ta’ Mejju ta’ wara), W. Mandt essenzjalment jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra tal-Parlament Ewropew, tat-8 ta’ Frar 2007, li tiċħad l-ilment li ġie ppreżentat kontra d-deċiżjoni tat-8 ta’ Settembru 2006, li permezz tagħha l-Parlament iddeċieda li, mill-1 ta’ April 2006, inaqqas b’50 % il-pensjoni tas-superstiti li huwa kien jirċievi bħala konjuġi superstiti tal-mejta Mandt, imwielda Neumann, (iktar ’il quddiem “Neumann”), ex uffiċjal tal-Parlament. Ir-raġuni għal dan it-tnaqqis kienet li, b’deċiżjoni tal-istess 8 ta’ Settembru 2006, il-Parlament, wara t-talba tal-mejjet Braun‑Neumann biex jirċievi pensjoni tas-superstiti wkoll bħala konjuġi superstiti tal-mejta Neumann, kien iddeċieda li mill-1 ta’ April 2006, iħallas lil dan tal-aħħar din il-pensjoni li tammonta għal 50 %.

 Il-kuntest ġuridiku

2        L-Artikolu 79 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi:

“Is-sieħba li tibqa’ ħajja ta’ uffiċjal jew ta’ dak li qabel kien uffiċjal għandha tkun intitolata, fil-mod ipprovdut fil-Kapitolu 4 ta’ l-Anness VIII, għal pensjoni għal min jibqa’ ħaj [pensjoni tas-superstiti] daqs 60 % tal-pensjoni ta’ l-irtirar jew il-benefiċċju ta’ l-invalidità li kienet titħallas lil żewġha, jew li, jkun xi jkun it-tul tas-servizz jew ta’ l-età, kieku kieket titħallas lilu li kieku kkwalifika għaliha meta miet.

[…]”

3        L-Artikolu 18 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi:

“Meta wieħed li qabel kien uffiċjal rċieva pensjoni ta’ l-irtirar, is-sieħeb li jibqa’ ħaj għandu jkun intitolat, sakemm il-koppja kienet diġà miżżewġa qabel l-uffiċjal telaq mis-servizz ta’ l-istituzzjoni u li ż-żwieġ dam għal mill-anqas sena, u suġġett għad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 22, għal pensjoni ta’ min jibqa’ ħaj daqs 60 % tal-pensjoni ta’ l-irtirar li kien jirċievi qabel miet. L-anqas pensjoni għal min jibqa’ ħaj għandha tkun 35 % ta' l-aħħar salarju bażiku; l-ammont tal-pensjoni għal min jibqa’ ħaj m’għandu, iżda, fl-ebda każ, jaqbeż l-ammont tal-pensjoni ta’ l-irtirar li s-sieħeb kien jirċievi qabel miet.

[…]”

4        L-Artikolu 22 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi min-naħa tiegħu:

“Meta uffiċjal jitlaq is-sieħeb li jibqa’ ħaj u wkoll orfni ta’ żwieġ ta’ qabel jew persuni oħra intitolati taħtu, il-pensjoni totali, maħduma daqs li kieku is-sieħeb li jibqa’ ħaj jkollha dawn il-persuni kollha dipendenti fuqha, għandha tinqasam fost il-persuni varji kkonċernati fil-proporzjon tal-pensjonijiet li kienu jkunu pagabbli f’kull kategorija tagħhom kieku ttrattati separatament.

[…]”

5        L-Artikolu 27 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi:

“Is-sieħba ddivorzjata ta’ uffiċjal jew ta’ wieħed li qabel kien uffiċjal, għandha tkun intitolata għall-pensjoni għal min għadu ħaj, kif definit f'’dan il-Kapitolu, sakemm, mal-mewt tas-sieħeb ta’ qabel, huwa/hija tist’ tiġġustifika l-intitolament lejh/lejha li tirċievi manteniment mingħandu bis-saħħa ta’ ordni mill-qorti jew bħala riżultat ta’ ftehim uffiċjali rreġistrat bejnu/bejnha u s-sieħeb tiegħu/tagħha ta’ qabel.

Il-pensjoni għal min għadu ħaj ma tistax, madankollu, taqbeż l-ammont ta’ manteniment imħallas mal-mewt tas-ieħeb ta’ qabel, l-ammont kien aġġustat skond il-proċedura mniżżla fl-Artikolu 82 tar-Regolamenti tal-Persunal.

L-intitolament tas-sieħeb iddivorzjat jieqaf, jekk huwa jew hija tiżżewweġ qabel is-sieħeb ta’ qabel imut. L-Artikolu26 għandu japplika fil-każ ta’ żwieġ mill-ġdid wara l-mewt tas-sieħeb ta’ qabel.”

6        Skont l-Artikolu 28 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal:

“Meta l-uffiċjal li miet jitlaq aktar minn sieħeb iddivorzjat waħda intitolata għall-pensjoni għal min jibqa’ ħaj jew sieħeb iddivorzjat jew aktar u is-sieħeb li jibqa’ ħaj intitolati għall-pensjoni għal min jibqa’ ħaj, dik il-pensjoni għandha tkun diviża fil-proporzjon taż-żmien rispettiv kemm idumu ż-żwiġijiet. Id-disposizzjonijiet tat-tieni u t-tielet paragrafi ta’ l-Artikolu 27 għandhom japplikaw.

[…]”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

7        Il-mejta Neumann, li dak iż-żmien kienet uffiċjal tal-Parlament u l-mejjet K. W. Braun‑Neumann, it-tnejn li huma ċittadini Ġermaniżi, iżżewġu fi Straubing (il-Ġermanja) fit-3 ta’ Mejju 1993 u marru joqogħdu f’Andenne (il-Belġju). Skont ir-rikorrent, il-mejjet K. W. Braun‑Neumann, kien wettaq xi atti kriminali li minħabba fihom kien spiċċa l-ħabs u wara fi sptar psikjatriku.

8        Il-ħajja komuni bejn il-mejjet K. W. Braun‑Neumann u martu kienet limitata għal perijodi qosra tul is-sena ta’ wara ż-żwieġ tagħhom, li ġie xolt b’sentenza ta’ divorzju tat-Tribunal de première instance ta’ Namur (il-Belġju), mogħtija fil-kontumaċja fis-6 ta’ Settembru 1995 u li sussegwentement saret res judicata f’dan il-pajjiż.

9        It-talba għar-rikonoxximent, fil-Ġermanja, ta’ din is-sentenza ta’ divorzju tat-Tribunal de première instance ta’ Namur, imressqa mill-mejta Neumann, ġiet fl-aħħar miċħuda mill-Bayerisches Oberstes Landegericht (Qorti Suprema tal-Bavarja, il-Ġermanja) bid-digriet tal-11 ta’ Ottubru 1999. Dan ir-rikonoxximent ġie rrifjutat prinċipalment minħabba raġuni ta’ nuqqas ta’ osservanza tad-drittijiet tad-difiża tal-mejjet K. W. Braun‑Neumann, fil-proċedura li twassal għall-adozzjoni tal-imsemmija sentenza ta’ divorzju, minħabba d-dewmien fit-trażmissjoni tat-taħrika, lil dan tal-aħħar, li kien miżmum f’ħabs fil-Ġermanja.

10      Fil-25 ta’ April 2000, ir-rikorrent iżżewweġ lill-mejta Neumann fi New York (l-Istati Uniti tal-Amerka).

11      Fl-2001, il-mejta Neumann irtirat u konsegwentement irċeviet pensjoni ta’ irtirar. Skont ir-rikorrent hija mbagħad marret toqgħod il-Ġermanja, minn April 2002. Madankollu, “dokument tal-istorja tar-residenza” tal-belt ta’ Andenne, ippreżentat mir-rikorrent wara s-seduta (ara l-punt 33 ta’ din is-sentenza) isemmi biss l-indirizzi fil-Belġju.

12      Fl-2003, il-mejjet K. W. Braun‑Neumann beda proċeduri ta’ divorzju fil-Ġermanja, fejn talab ix-xoljiment taż-żwieġ tiegħu minn mal-mejta Neumann.

13      Il-mejta Neumann mietet fil-25 ta’ Lulju 2004, fil-Ġermanja.

14      Fil-11 ta’ Awwissu 2004, ir-rikorrent talab biex ikun eliġibbli għall-pensjoni tas-superstiti, liema talba intlaqgħet mill-Parlament fit-23 ta’ Settembru b’effett mill-1 ta’ Novembru tal-istess sena.

15      Permezz tad-deċiżjoni tal-25 ta’ Awwissu 2004, l-Amtsgericht-Familiengericht-Merzig (il-Qorti Kantonali ta’ Merzig, il-Ġermanja) laqghat it-talba għal divorzju mressqa mill-mejjet K. W. Braun‑Neumann, madankollu, din il-Qorti, imbagħad sabet, b’digriet tal-21 ta’ Jannar 2005, li l-proċeduri ta’ divorzju kienu meqjusa bħala nulli, peress li ż-żwieġ tal-mejta Neumann u l-mejjet K. W. Braun‑Neumann kien ġie xolt bil-mewt ta’ din tal-ewwel, li seħħet fil-25 ta’ Lulju 2004.

16      Madankollu, fir-reġistru tal-familja tal-koppja Braun‑Neumann, stabbilit mill-awtoritajiet kompetenti Ġermaniżi, ġiet miżjuda dikjarazzjoni fid-19 ta’ Jannar 2005, li l-mara “hija wkoll miżżewġa” lir-rikorrent, liema dikjarazzjoni tindika wkoll il-post u d-data taż-żwieġ. Barra minn hekk, dikjarazzjoni analoga, li tirreferi għall-ewwel żwieġ tal-mejta Neumann ġiet miżjuda, fis-6 ta’ April 2006, fir-reġistru tal-familja tal-koppja Mandt-Neumann.

17      B’digriet tal-25 ta’ Jannar 2006, l-Amtsgericht Siegen (Qorti Kantonali ta’ Siegen, il-Ġermanja), adita mil-Landrat des Kreises Siegen-Wittgenstein Standesamtsaufsicht (Direttur tad-Distrett ta’ Siegen-Wittgenstein, l-awtorità li teżerċita l-funzjonijiet ta’ sorveljanza tal-istatus ċivili, il-Ġermanja) sabet ukoll li kien xieraq li tipproċedi għall-modifika taċ-ċertifikat tal-mewt tal-mejta Neumann, sabiex dan iċ-ċertifikat jindika bħala r-raġel tagħha mhux biss lil W. Mandt iżda wkoll lil K. W. Braun‑Neumann. Iċ-ċertifikat tal-mewt ġie mmodifikat f’dan is-sens, fit-23 ta’ Marzu 2006.

18      Skont il-Parlament, fid-29 ta’ Marzu 2006, il-mejjet K. W. Braun‑Neumann talab biex ikun jista’ jieħu l-pensjoni tas-superstiti, bħala l-konjuġi superstiti tal-mejta Neumann; fil-kuntest tat-talba tiegħu, il-mejjet K. W. Braun‑Neumann, bagħat lill-Parlament id-digriet tal-25 ta’ Jannar 2006 tal-Amtsgericht Siegen kif ukoll iċ-ċertifikat tal-mewt hekk kif ġie mmodifikat wara dan id-digriet.

19      B’ittra tat-8 ta’ Settembru 2006, l-Awtorità tal-Ħatra informat lil K. W. Braun‑Neumann bid-deċiżjoni li, mill-1 ta’ April 2006, kien ser jibda jitħallas 50 % tal-pensjoni tas-superstiti tal-mejta Neumann. B’ittra tal-istess data, l-Awtorità tal-Ħatra, informat lir-rikorrent li, mill-1 ta’ April 2006, il-pensjoni tas-superstiti li kien qed jieħu sa massimu ta’ 100 % ser ikollha titnaqqas għal massimu ta’ 50 %, biex b’hekk, mill-istess data, il-50 % li jibqa’ jibda jingħata lill-mejjet K. W. Braun‑Neumann bħala l-konjuġi superstiti tal-mejta Neumann; fil-fatt, fl-istess ittra, il-Parlamet għarraf lir-rikorrent li skont ir-reġistru ċivili tal-mejta Neumann, fil-mument tal-mewt tagħha, hija kienet miżżewġa kemm lilu kif ukoll lill-mejjet K. W. Braun‑Neumann, filwaqt li żied jgħid li eżamina kemm is-sentenza ta’ divorzju tat-Tribunal de première instance ta’ Namur, kif ukoll is-sentenza tal-Bayerisches Oberstes Landesgericht. Sussegwentement, fit-18 ta’ Ottubru 2006, il-Parlament stabbilixxa d-drittijiet tal-mejjet K. W. Braun‑Neumann, billi mill-1 ta’ April 2006 kellu jibda jingħata 50 % tal-pensjoni tas-superstiti tal-mejta Neumann.

20      Ir-rikorrent ikkontesta d-deċiżjoni tat-8 ta’ Settembru 2006, meħuda kontrih, permezz ta’ ilment li r-rappreżentant tiegħu ppreżenta b’ittra tat-13 ta’ Settembru 2006, u li kkompleta b’ittra tal-5 ta’ Ottubru ta’ wara; ir-rikorrent ippreżenta wkoll l-argumenti tiegħu, b’mod dettaljat, lill-Parlament, permezz ta’ ittri tat-30 ta’ Settembru u tal-4 ta’ Ottubru 2006. Bid-deċiżjoni tat-8 ta’ Frar 2007, l-Awtorità tal-Ħatra, b’riferiment għal dawn l-erba’ ittri, ċaħdet l-ilment tar-rikorrent.

21      Min-naħa tiegħu, il-mejjet K. W. Braun‑Neumann, wara li l-ilment tiegħu ġie parzjalment milqugħ fir-rigward tal-ħlas retroattiv, għall-perijodu ta’ bejn l-1 ta’ Awwissu 2004 u l-31 ta’ Marzu 2006, ta’ nofs il-pensjoni tas-superstiti, ippreżenta rikors quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku essenzjalment intiż għall-ħlas b’effett retroattiv għall-1 ta’ Awwissu 2004, tan-nofs l-ieħor ta’ din il-pensjoni. B’digriet tat-23 ta’ Mejju 2008, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ċaħad ir-rikors bħala inammissibli (Braun‑Neumann vs Il‑Parlament, F‑79/07, Ġabra p. I‑A‑1‑181, II‑A‑1‑957); l-appell ippreżentat mill-mejjet K. W. Braun‑Neumann minn dan id-digriet ġie miċħud b’digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza (li saret il-Qorti Ġenerali mill-1 ta’ Diċembru 2009), tal-15 ta’ Jannar 2009, Braun‑Neumann vs Il‑Parlament (T‑306/08 P, ĠabraSP p. I‑B‑1‑1 u II‑B‑1‑1).

 It-talbiet tal-partijiet

22      Ir-rikorrent jitlob li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jannulla d-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra tat-8 ta’ Frar 2007;

–        jikkundanna lill-Parlament iħallsu, mill-1 ta’ April 2006, 50 % addizzjonali tal-pensjoni tas-superstiti pagabbli f’isem martu, il-mejta Neumann, u jkompli jħallsu dan l-ammont kull xahar.

23      Ir-rikorrent jitlob ukoll li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku:

–        jawtorizza l-Ġermaniż bħala l-lingwa tal-proċeduri, skont l-Artikolu 35 (2)(ċ), tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

24      Għalkemm fil-bidu tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jitlob il-benefiċċju tal-għajnuna legali, xorta jibqa’ l-fatt li finalment jindika, dejjem fil-qafas tar-rikors, li t-talba tiegħu f’dan ir-rigward ser issir biss iktar tard. Madankollu, ir-rikorrent ma ressaq l-ebda talba għall-għajnuna legali.

25      Il-Parlament jitlob li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jiddikjara r-rikors parzjalment inamissibbli;

–        jiċħad il-bqija tar-rikors bħala infondat;

–        jiddeċiedi l-ispejjeż skont il-liġi.

26      B’ittri tat-30 ta’ Novembru 2007 u tat-30 ta’ April 2008, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku stieden lill-partijiet, skont l-Artikoli 55 u 56 tar-Regoli tal-Proċedura, biex jagħmlu osservazzjonijiet orali u bil-miktub dwar ċerti aspetti tal-kawża. Il-partijiet osservaw dawn il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura fit-termini stabbiliti.

27      B’ittri tal-24 ta’ Ottubru 2008, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliu informa lill-partijiet li kien ippjana li jistieden, skont l-Artikolu 111(1) tar-Regoli tal-Proċedura, lill-mejjet K. W. Braun‑Neumann, biex jintervjeni fil-proċeduri u talabhom l-osservazzjonijiet tagħhom f’dan ir-rigward. Ir-rikorrent għarraf lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li huwa kien jirrifjuta li jippreżenta osservazzjonijiet f’dan ir-rigward; min-naħa tiegħu l-Parlament indika fit-terminu stabbilit li, bħala prinċipju, ma għandu l-ebda oġġezzjoni għal stedina bħal din.

28      B’ittra tal-21 ta’ Novembru 2008, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku stieden lill-mejjet K. W. Braun‑Neumann biex jesprimi ruħu fuq l-istedina għal invervent mibgħuta lilu. Fir-risposta tiegħu l-mejjet K. W. Braun‑Neumann iddikjara li xtaq jintervjeni insostenn tal-Parlament.

29      B’ittri tas-16 ta’ Diċembru 2008, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku staqsa lill-partijiet jekk xtaqux li ċerti atti tal-proċess, li huma jqisu sigrieta jew kunfidenzjali, ma jiġux żvelati lill-mejjet K. W. Braun‑Neumann. Il-Parlament indika lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, fit-terminu stabbilit, li dan ma kienx il-każ; ir-rikorrent ma wiġibx għall-istedina tat-Tribunal.

30      Permezz ta’ digriet tal-President tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, tat-3 ta’ Marzu 2009, innotifikat lill-partijiet fl-4 ta’ Marzu ta’ wara, li l-mejjet K. W. Braun‑Neumann ġie awtorizzat jintervjeni f’din il-kawża insostenn tal-Parlament.

31      Fin-nota ta’ intervent tiegħu, ippreżentata fl-20 ta’ April 2009, il-mejjet K. W. Braun‑Neumann talab li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu jicħad ir-rikors. B’ittri tat-30 ta’ April 2009, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku informa lill-partijiet prinċipali li huma setgħu jirrispondu għan-nota ta’ intervent fil-kuntest tal-proċedura orali.

32      Waqt is-seduta, il-partijiet prinċipali u l-intervenjent talbu permess biex jippreżentaw dokumenti u provi ġodda fil-kuntest tal-proċeduri. Wara s-seduta, il-President tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku indika li l-proċedura orali ma kellhiex tingħalaq.

33      B’ittri tas-17 ta’ Ġunju 2009, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku informa lill-partijiet li huma kellhom l-opportunità, matul ċertu terminu, li jippreżentaw id-dokumenti msemmija waqt is-seduta. Ir-rikorrent u l-mejjet K. W. Braun‑Neumann ippreżentaw diversi dokumenti bil-posta. Fost id-dokumenti ppreżentati mill-mejjet K. W. Braun‑Neumann jinsabu, l-ewwel nett, ittra li r-rikorrent kien bagħatlu fit-22 ta’ Settembru 1997, fejn talab lill-mejjet K. W. Braun‑Neumann biex ma jkomplix jagħti fastidju lill-“martu” (“meine Frau”), it-tieni nett, deċiżjoni tal-Amtsgericht Nürnberg (Qorti Kantonali ta’ Nürnberg, il-Ġermanja), tal-10 ta’ Diċembru 1999, li tikkundanna lill-mejta Neumann għall-ħlas tas-somma ta’ 400 Mark Ġermaniż (DEM) kull xahar, bħala manteniment bejn il-konjuġi, it-tielet nett, deċiżjoni fil-kontumaċja tal-Landgericht Koblenz (Qorti Reġjonali ta’ Koblenz, il-Ġermanja), tas-27 ta’ Novembru 2007, li tikkundanna iben il-mejta Neumann iħallas EUR 150 000 għad-dritt tal-leġittima tal-wirt għall-benefiċċju tar-rikorrent u r-raba’ nett, ittra mingħand Staatsanwaltschaft Siegen (Ministeru Pubbliku ta’ Siegen, il-Ġermanja), tas-16 ta’ Frar 2006, mibgħuta lill-mejjet K. W. Braun‑Neumann u li tinformah li l-ilment dwar bigamija, li kien ippreżenta kontra r-rikorrent fis-17 ta’ Marzu 2005, għandu jingħalaq abbażi ta’ preskrizzjoni.

34      Barra minn hekk, fl-10 ta’ Lulju 2009, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku adotta miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċeduri addizzjonali, li ġew osservati fit-terminu stabbilit.

35      Fil-11 ta’ Settembru 2009, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku stabbilixxa għall-25 ta’ Settembru ta’ wara t-terminu għal kwalunkwe osservazzjoni min-naħa tal-partijiet dwar is-sottomissjoni u l-kontenut tad-dokumenti relatati ma’ punt 33 ta’ din is-sentenza. Ir-rikorrent biss għamel tali osservazzjonijiet, fejn iddikjara b’mod partikolari, li ma jiftakarx l-ittra msemmija hawn fuq, tat-22 ta’ Settembru 1997, u argumenta li d-deċiżjoni tal-Landgericht Koblenz, tas-27 ta’ Novembru 2007 hija r-riżultat ta’ informazzjoni żbaljata mogħtija mill-mejjet K. W. Braun‑Neumann.

36      Ir-rappreżentant tal-intervenjent informa lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku bil-mewt ta’ K. W. Braun‑Neumann, li ġrat fid-9 ta’ Ottubru 2009, u bagħtet kopja taċ-ċertifikat tal-mewt.

37      Fit-12 ta’ Novembru 2009, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku stabbilixxa għas-26 ta’ Novembru ta’ wara t-terminu, minn naħa, biex il-partijiet prinċipali jippreżentaw kwalunkwe osservazzjonijiet dwar l-impatt tal-mewt ta’ K. W. Braun‑Neumann fuq din il-kawża u, min-naħa l-oħra, biex ir-rappreżentant ta’ K. W. Braun‑Neumann jinforma lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku bil-possibilità tal-kontinwazzjoni tal-proċeduri mill-benefiċjarji ta’ dan.

38      B’ittra ppreżentata fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fit-12 ta’ Novembru 2009, il-Parlament informa lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li, wara l-mewt ta’ K. W. Braun‑Neumann, permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Novembru 2009, huwa addatta l-ammont tal-pensjoni tas-superstiti ta’ W. Mandt, b’tali modi li, mill-1 ta’ Novembru 2009, jibda jirċievi t-totalità tal-pensjoni tas-superstiti fir-rigward tal-mejta Neumann.

39      B’ittra li waslet fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-25 ta’ Novembru 2009, ir-rikorrent ippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar l-impatt tal-mewt ta’ K. W. Braun‑Neumann fuq din il-kawża. Huwa jqis b’mod partikolari li l-mewt ta’ K. W. Braun‑Neumann ma timplikax evalwazzjoni differenti tas-sitwazzjoni legali inkwistjoni. Madankollu, il-fatt li issa t-totalità tal-pensjoni tas-superstiti qed tingħata lir-rikorrent għandu jiġi kkunsidrat bħala fattur li jsostni d-dikjarazzjonijiet tiegħu; fil-fatt, il-Parlament jirrikonoxxi mill-ġdid l-eżistenza tad-divorzju bejn il-mejta Neumann u l-mejjet K. W. Braun‑Neumann, kif ukoll il-legalità taż-żwieġ bejn il-mejta Neumann u W. Mandt. Minn dan ir-rikorrent jikkonkludi li d-dritt tiegħu għal ħlas ta’ 100 % tal-pensjoni tas-superstiti kien jeżisti wkoll fil-passat matul il-perjodu bejn il-mewt ta’ Neumann u l-preżentata tar-rikors u fi kwalunkwe każ bejn l-1 ta’ Awwissu 2004 u l-1 ta’ April 2006.

40      Fis-26 ta’ Novembru 2009, il-Parlament ressaq l-osservazzjonijiet tiegħu dwar l-impatt tal-mewt ta’ K. W. Braun‑Neumann fuq din il-kawża, fejn indika b’mod partikolari li fil-fehma tiegħu, il-kwistjoni ta’ jekk W. Mandt jikkwalifikax bħala l-uniku konjuġi superstiti jew jekk il-pensjoni tas-superstiti għandhiex tinqasam bejn W. Mandt u l-mejjet K. W. Braun‑Neumann għadha miftuħa anki wara l-mewt ta’ dan tal-aħħar.

41      B’ittra li waslet fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fis-26 ta’ Novembru 2009, ir-rappreżentant tal-intervenjent informa lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, min-naħa, li jirriżulta li skont it-testment ta’ K. W. Braun‑Neumann, S. Meyer hija l-unika werrieta universali u, min-naħa l-oħra, li f’din il-kwalità, hija tixtieq tassumi l-atti tal-kawża tiegħu bħala intervenjent f’din il-kawża. L-ittra tar-rappreżentant tal-intervenjent kienet tinkludi magħha, kopji tat-testment tas-7 ta’ Jannar 2008 u tal-proċess verbali tal-Amtsgericht-Merzig — il-qorti kompetenti fil-kwistjonijiet ta’ suċċessjoni — tat-3 ta’ Novembru 2009. Fl-istess ittra, ir-rappreżentant tal-intervenjent impenja ruħu biex sussegwentement jittrasmetti l-mandat il-ġdid tiegħu, li sar fid-9 ta’ Diċembru 2009.

42      Fil-5 ta’ Jannar 2010, il-proċedura orali ngħalqet u bdew id-deliberazzjonijiet tal-kawża.

 Suġġett

43      Insostenn tat-talbiet tiegħu, ir-rikorrent jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra, tat-8 ta’ Frar 2007, li tiċħad it-talba tiegħu. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li t-talbiet għal annullament mressqa formalment kontra d-deċiżjoni li tiċħad ilment għandhom l-effett, fil-każ li din id-deċiżjoni tkun nieqsa minn kontenut awtonomu, li jressqu quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku l-att li tressaq l-ilment fil-konfront tiegħu (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-17 ta’ Jannar 1989, Vainker vs Il‑Parlament, 293/87, Ġabra p. 23, punt 8; sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tal-10 ta’ Diċembru 1992, Williams vs Il‑Qorti tal‑Awdituri, T‑33/91, Ġabra p. II‑2499, punt 23, u tas-6 ta’ April 2006, Camós Grau vs Il‑Kummissjoni, T‑309/03, Ġabra p. II‑1173, punt 43; sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-4 ta’ Ġunju 2009, Mölling vs Europol, F‑11/08, ĠabraSP p. I‑A‑1‑159 u II‑A‑1‑899, punt 27). F’dan il-każ, l-ilment tar-rikorrent, miċħud mill-Awtorità tal-Ħatra fit-8 ta’ Frar 2007, kien intiż kontra d-deċiżjoni tat-8 ta’ Settembru 2006 li tnaqqas sa massimu ta’ 50 % il-pensjoni tas-superstiti fir-rigward tal-mejta Neumann, mill-1 ta’ April 2006. Peress li d-deċiżjoni tat-8 ta’ Frar 2007 hija nieqsa minn kontenut awtonomu, inkwantu din sempliċement tikkonferma d-deċiżjoni tat-8 ta’ Settembru 2006 u — barra minn hekk — b’motivazzjoni li essenzjalment tirripproduċi, iżda b’mod iktar komplet, ir-raġuni tal-imsemmija deċiżjoni, għandu jiġi konkluż għalhekk li r-rikors huwa intiż biss kontra d-deċiżjoni tat-8 ta’ Settembru 2006 meħuda kontra r-rikorrent (iktar ’il quddiem “id-deċiżjoni kkontestata”).

44      Rigward it-talba tar-rikorrent biex il-Ġermaniż ikun awtorizzat bħala l-lingwa tal-proċeduri, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 35(1)(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, applikabbli fid-data tal-preżentata tar-rikors, il-lingwa tal-proċeduri hija magħżula — fost it-23 lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea — mir-rikorrent, suġġetta għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 35(2)(a) sa (ċ) tal-istess Regoli, li ma humiex applikabbli f’dan il-każ. Fi kwalunkwe każ, skont l-Artikolu 29 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, applikabbli mill-1 ta’ Novembru 2007, ir-regoli dwar is-sistema tal-lingwi applikabbli għat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku huma dawk tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, jiġifieri, id-dispożizzjonijiet msemmija hawn fuq tal-Artikolu 35(1) u (2) ta’ dawn tal-aħħar. F’dan il-każ, ma hemmx għaldaqstant lok li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jiddeċiedi fuq it-talba tar-rikorrent li l-Ġermaniż jiġi awtorizzat bħala l-lingwa tal-proċeduri, għaliex dan tal-aħħar seta’ jagħżel awtomatikament il-Ġermaniż bħala l-lingwa tal-proċeduri, kif fil-fatt għamel.

45      Għandu wkoll jiġi nnotat li l-mewt ta’ K. W. Braun‑Neumann, li seħħet fid-9 ta’ Ottubru 2009, ma ċċaħħadx il-kawża quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku mill-għan, ħlief fir-rigward tat-talbiet għall-kundanna tal-Parlament, sa fejn jikkonċernaw il-perijodu ta’ wara l-31 ta’ Ottubru 2009; infatti, minn dakinhar ir-rikorrent beda jirċievi t-totalità tal-pensjoni tas-superstiti fir-rigward tal-mejta Neumann kollha (ara l-punt 38 ta’ din is-sentenza). Għalhekk, u sakemm dawn jirreferu għal dan il-perijodu, it-talbiet tar-rikorrent għall-kundanna tal-Parlament tilfu l-għan tagħhom. Madankollu, huma jżommu l-għan sħiħ tagħhom fir-rigward tal-perijodu ta’ qabel id-data tal-mewt tal-mejjet K. W. Braun‑Neumann.

 Fuq it‑talbiet għal annullament

 L-argumenti tal-partijiet

46      Insostenn tat-talbiet tiegħu għal annullament, ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser id-dritt tal-Unjoni. Huwa fformula disa’ motivi fil-kuntest tal-argument tiegħu.

47      L-ewwel motiv huwa maqsum f’żewġ partijiet. Minn naħa, peress li ebda rikors ma seta’ jiġi ppreżentat, partikolarment quddiem il-Bayerischer Verfassungsgerichtshof (Qorti Kostituzzjonali ta’ Bayern), kontra d-digriet tal-Bayerisches Oberstes Landesgericht tal-11 ta’ Ottubru 1999 (ara l-punt 9 ta’ din is-sentenza), id-drittijiet tal-mejta Neumann kif ukoll tar-rikorrent kienu ġew illimitati. Min-naħa l-oħra, id-digriet tal-Bayerisches Oberstes Landesgericht huwa bbażat fuq premessi żbaljati u, barra minn hekk, ma huwiex konformi mal-liġi li kienet fis-seħħ meta kien ingħata, partikolarment, id-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, qabel kollox, skont ir-rikorrent, dan id-digriet ma jindikax jekk il-Bayerisches Oberstes Landesgericht ivverifikatx l-affermazzjonijiet tal-mejjet K. W. Braun‑Neumann dwar il-progress tal-proċeduri ta’ divorzju quddiem it-Tribunal de première instance ta’ Namur u apparti dan, it-taħrika sabiex jidher quddiem it-Tribunal de première instance ta’ Namur ġiet mibgħuta lill-mejjet K. W. Braun‑Neumann skont ir-regoli fis-seħħ tad-dritt internazzjonali u għaldaqstant dan kellu biżżejjed żmien, minn meta rċieva l-imsemmija taħrika, fl-4 ta’ Awwissu 1995, sas-sentenza ta’ divorzju tat-Tribunal de première instance ta’ Namur tas-6 ta’ Settembru 1995, biex jippreżenta nota quddiem din il-qorti, fejn barra minn hekk, u kuntrarjament għal dak li huwa ddikjara, il-mejjet K. W. Braun‑Neumann ma appellax minn din is-sentenza ta’ divorzju.

48      Bit-tieni motiv, minn naħa, fuq il-bażi tal-Artikolu 27 tal-Konvenzjoni bejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Renju tal-Belġju dwar ir-rikonoxximent u l-infurzar reċiproku f’materji ċivili jew kummerċjali tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji, sentenzi ta’ arbitraġġ u atti awtentiċi, iffirmata f’Bonn fit-30 ta’ Ġunju 1958, li kienet fis-seħħ fiż-żmien tas-sentenza ta’ divorzju tat-Tribunal de première instance ta’ Namur, u min-naħa l-oħra b’riferiment għal dak li huwa żvela fil-kuntest tal-ewwel ilment, ir-rikorrent isostni li l-mejjet K. W. Braun‑Neumann ma kienx fi żvantaġġ fil-proċeduri quddiem it-Tribunal de première instance ta’ Namur u li, anki li kieku dan kien il-każ, huwa xorta seta’ jiddefendi lilu nnifsu.

49      Fil-kuntest tat-tielet motiv, ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, tas-27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 243), peress li ma hemmx raġunijiet li ma tiġix rikonoxxuta, fis-sens tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 2201/2003, is-sentenza ta’ divorzju tat-Tribunal de première instance ta’ Namur.

50      Bir-raba’ motiv tiegħu, ir-rikorrent jiddefendi l-validità tas-sentenza ta’ divorzju tat-Tribunal de première instance ta’ Namur, peress li l-Belġju kien l-aħħar post ta’ residenza taż-żwieġ tal-mejta Neumann u l-mejjet K. W. Braun-Neuman; dan minkejja informazzjoni żbaljata dwar l-imsemmi post li dan tal-aħħar kien ikkomunika in mala fede fil-kuntest tal-proċeduri quddiem il-Bayerisches Oberstes Landesgericht li wasslu għad-digriet tal-11 ta’ Ottubru 1999.

51      Il-ħames motiv ġie mqajjem kontra d-deċiżjoni kkontestata inkwantu din kienet tirreferi għad-digriet tal-Amtsgericht Siegen tal-25 ta’ Jannar 2006, meta dan id-digriet ma huwiex rilevanti għall-kwistjoni tar-rikonoxximent tas-sentenza ta’ divorzju tat-Tribunal de première instance ta’ Namur u barra minn hekk, lanqas ma jista’ jkun validu fi ħdan l-Unjoni Ewropea fejn iż-żwieġ multiplu ma huwiex permess.

52      Bis-sitt motiv tiegħu, ir-rikorrent argumenta li ż-żwieġ bejn il-mejta Neumann u l-mejjet K. W. Braun‑Neumann dam inqas minn sena u li dan tal-aħħar ma jistax, għaldaqstant, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 18 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, jinvoka d-dritt li jirċievi pensjoni tas-superstiti.

53      Fir-rigward tas-seba’ motiv, dan huwa bbażat fuq il-fatt, minn naħa, li d-deċiżjoni tat-8 ta’ Frar 2007 li tiċħad l-ilment tar-rikorrent, tirreferi għal dispożizzjonijiet tad-dritt Ġermaniż, jiġifieri l-Artikoli 23 u 29 tal-Ehegesetz (Liġi dwar iż-żwieġ), li ma kinux għadhom fis-seħħ fil-mument tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, u min-naħa l-oħra, li raġuni ta’ invalidità taż-żwieġ bejn il-mejjet K. W. Braun‑Neumann u l-mejta Neumann kienet teżisti minħabba n-nuqqas ta’ għarfien li hija kellha fil-ħin taż-żwieġ dwar il-personalità ta’ żewġha u l-kundanni kriminali li kien irċieva, anki jekk ir-rikorrent irrikonoxxa li ma għandux id-dritt li jikkontesta ż-żwieġ inkwistjoni.

54      Fil-kuntest tat-tmien motiv tiegħu, ir-rikorrent ikkumenta li l-Parlament ikkunsidra li l-mejta Neumann kienet iddivorzjata, fis-sens tar-Regolamenti tal-Persunal, ladarba s-sentenza ta’ divorzju tat-Tribunal de première instance ta’ Namur saret finali, bil-konsegwenzi finanżjarji li din tinvolvi. Wara ż-żwieġ tagħha mar-rikorrent, hija ġiet mill-ġdid meqjusa mill-istituzzjoni bħala mara miżżewġa, “biż-żidiet u t-tnaqqis kollu rilevanti mill-perspettiva tad-dritt, tad-dħul u tal-pensjonijiet”. F’ċirkustanzi bħal dawn, il-Parlament ħoloq aspettattivi leġittimi min-naħa tal-mejta Neumann u tar-rikorrent rigward il-kwalità tagħhom ta’ miżżewġin.

55      Bid-disa’ motiv tiegħu, billi r-rikorrent sostna li, skont l-Artikolu 18 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, il-kwalità ta’ konjuġi superstiti weħidha hija suffiċjenti biex jingħata 100 % tal-pensjoni tas-superstiti, jikkunsidra li jista’ jibbenefika minn din il-kwalità u għalhekk ikun intitolat għat-totalità ta’ dik il-pensjoni. Fil-fatt, id-digriet tal-Amtsgericht Siegen tal-25 ta’ Jannar 2006 ma jimminax il-fatt li ż-żwieġ mal-mejta Neumann fi New York, huwa validu.

56      Bħala risposta għad-diversi lmenti mqajma mir-rikorrent, il-Parlament essenzjalment isostni li l-qorti tal-Unjoni la għandha ġurisdizzjoni biex tistħarreġ deċiżjonijiet ġudizzjarji nazzjonali u lanqas azzjonijiet tal-awtoritajiet nazzjonali. Bħala tali, il-Parlament iqis li l-iżbalji possibbli mwettqa mill-qrati nazzjonali Ġermaniżi ma jistgħux jiġu invokati mir-rikorrent quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u li l-Awtorità tal-Ħatra kienet obbligata tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċertifikat tal-mewt, kif emendat mill-awtorità kompetenti, u li konsegwentement timmodifika l-iffissar tad-drittijiet għall-pensjoni tar-rikorrent. Il-Parlament jinnota wkoll li r-Regolament Nru 2201/2003 ma kienx applikabbli fis-6 ta’ Settembru 1995, id-data tas-sentenza ta’ divorzju tat-Tribunal de première instance ta’ Namur. Apparti dan, il-Parlament jindika wkoll li jekk id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 23 u 29 tal-Ehegesetz ġew imħassra, huma kienu fi kwalunkwe każ, sostitwiti bl-Artikolu 1313 tal-Bürgerliches Gesetzbuch (Kodiċi Ċivili Ġermaniż, iktar ’il quddiem il-“BGB”), bl-istess kontenut. Barra minn hekk, dwar it-tul taż-żwieġ bejn il-mejta Neumann u l-mejjet K. W. Braun‑Neumann, il-Parlament argumenta li, anki jekk għandu jiġi meqjus li dan iż-żwieġ kien ġie xolt bis-sentenza ta’ divorzju tat-Tribunal de première instance ta’ Namur, xorta jibqa’ il-fatt li, peress li l-mejta Neumann u l-mejjet K. W. Braun‑Neumann iżżewġu fit-3 ta’ Mejju 1993, dan iż-żwieġ dam sentejn. Finalment, il-Parlament jistqarr li, fid-dawl tal-prinċipju ta’ konkordanza bejn l-ilment u r-rikors, ir-rikorrent ma jistax jinvoka għall-ewwel darba fir-rikors tiegħu, il-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi.

57      Fin-nota ta’ intervent tiegħu, il-mejjet K. W. Braun‑Neumann essenzjalment jirrepeti l-argumenti tal-Parlament, iżda żied, b’mod partikolari żewġ kunsiderazzjonijiet. Minn naħa, u b’mod sussidjarju, huwa jsostni li s-sempliċi fatt li l-Parlament ħallas it-totalità tal-pensjoni tas-superstiti lir-rikorrent ma jistax jiġi kkunsidrat bħala assigurazzjoni min-naħa tal-amministrazzjoni, peress li sempliċi pagament ma jagħti lok għall-ebda aspettattivi leġittimi tal-benefiċjarju fuq il-legalità ta’ benefiċċju. Min-naħa l-oħra, peress li kull uffiċjal jista’ jkun intitolat għal pensjoni tal-irtirar waħda, il-Parlament ġustament qasam — bejn iż-żewġ konjuġi superstiti — il-pensjoni tas-superstiti tal-mejta Neumann.

 Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

58      Bl-ewwel ħames ilmenti magħmula, kif ukoll bis-seba’ wieħed, ir-rikorrent jikkontesta fir-realtà, il-kwalità ta’ konjuġi superstiti tal-mejjet K. W. Braun‑Neumann. Bis-sitt ilment tiegħu, ir-rikorrent jassumi li l-mejjet K. W. Braun‑Neumann għandu l-kwalità ta’ konjuġi superstiti, iżda jilmenta li l-Parlament kiser l-Artikolu 18 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, inkwantu l-mejjet K. W. Braun‑Neumann ma kienx il-konjuġi superstiti tal-mejta Neumann matul perijodu minimu ta’ sena meħtieġ minn dan l-artikolu. Fir-rigward tat-tmien ilment, dan huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi. Fl-aħħar nett, fid-disa’ ilment, ir-rikorrent jinvoka l-applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 18 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, sa fejn il-Parlament, peress li rrikonoxxielu l-kwalità ta’ konjuġi superstiti, kellu jagħtih it-totalità tal-pensjoni tas-superstiti, u dan minkejja l-fatt li dik il-kwalità hija attribwita wkoll lill-mejjet K. W. Braun‑Neumann.

59      Minn dak li ntqal fil-punti preċedenti, jirriżulta li l-argument tar-rikorrent jikkonsisti essenzjalment f’żewġ motivi.

60      L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 18 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal u jinqasam fi tliet partijiet. L-ewwel parti, li tikkorrispondi għall-ewwel ħames ilmenti magħmula mir-rikorrent, kif ukoll għas-seba’ wieħed, hija bbażata fuq il-kontestazzjoni tal-kwalità ta’ konjuġi superstiti tal-mejjet K. W. Braun‑Neumann. It-tieni parti ta’ dan il-motiv tirrigwarda s-sitt ilment u hija bbażata fuq in-nuqqas ta’ osservanza, fir-rigward taż-żwieġ tal-mejta Neumann u tal-mejjet K. W. Braun‑Neumann, tal-kundizzjoni dwar il-perijodu minimu ta’ sena żwieġ prevista mill-artikolu imsemmi iktar ’il fuq. It-tielet parti, li hija bbażata fuq id-disa’ lment tirreferi għall-ammont tal-pensjoni tas-superstiti dovuta lill-konjuġi superstiti ta’ uffiċjal li ġie nieqes, fil-każ ta’ rikonoxximent tal-istess kwalità lil persuna oħra wkoll.

61      It-tieni motiv jikkorrispondi għat-tmien ilment u huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 18 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal

–       Dwar l-ewwel parti tal-ewwel motiv tiegħu, dwar il-kontestazzjoni tal-istess kwalità ta’ konjuġi superstiti tal-mejjet K. W. Braun‑Neumann

62      Skont il-ġurisprudenza, mir-rekwiżiti tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni u tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, jirriżulta li l-kliem ta’ dispożizzjoni ta’ dritt tal-Unjoni li ma jinkludu ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri sabiex tiġi ddeterminata t-tifsira u l-portata tiegħu, għandhom normalment jingħataw interpretazzjoni awtonoma fl-Unjoni kollha, u l-interpretazzjoni għandha tingħata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntest tad-dispożizzjoni u l-għan tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-18 ta’ Jannar 1984, Ekro, 327/82, Ġabra p. 107, punt 11; is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Diċembru 1992, Díaz García vs Il‑Parlament, T‑43/90, Ġabra p. II‑2619, punt 36; tat-22 ta’ Frar 2006, Adam vs Il‑Kummissjoni, T‑342/04, ĠabraSP p. I‑A‑2‑23 u II‑A‑2‑107, punt 32). Madankollu, fil-ġurisprudenza inkwistjoni huwa aċċettat ukoll li, anki fin-nuqqas ta’ riferiment espliċitu, l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni tista’ tinvolvi, jekk ikun il-każ, riferiment għad-dritt tal-Istati Membri, b’mod partikolari, meta l-qorti tal-Unjoni ma tkunx tista’ tidentifika, fid-dritt tal-Unjoni jew fil-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni l-kriterji li jippermettulha tispeċifika l-kontenut u l-portata tiegħu, permezz ta’ interpretazzjoni awtonoma.

63      B’mod partikolari, dan huwa l-każ tal-kunċetti relatati mal-istatus personali u l-liġi tal-familja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-17 ta’ April 1986, Reed, 59/85, Ġabra p. 1283, punt 15, u, b’mod partikolari, tal-31 ta’ Mejju 2001, D u L‑Iżvezja vs Il‑Kunsill, C‑122/99 P u C‑125/99 P, Ġabra p. I‑4319, punti 34 sa 38), fejn is-sistema legali tal-Unjoni ma għandha l-ebda regoli bil-miktub dwar is-suġġett. F’dan ir-rigward, ġie deċiż, b’mod partikolari, li taqa’ taħt id-dritt nazzjonali, il-kwistjoni tal-validità formali ta’ ftehim ta’ manteniment, bħala l-kundizzjoni għall-għoti tal-pensjoni tas-superstiti għall-konjuġi divorzjat, skont l-Artikolu 27 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal (sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-21 ta’ April 2004, M vs Il‑Qorti tal‑Ġustizzja, T‑172/01, Ġabra p. II‑1075, punti 72 u 73).

64      Madankollu, għadu jrid jiġi ddeterminat kif għandu jinftiehem ir-riferiment għad-dritt nazzjonali meta huwa mminat benefiċċju finanzjarju previst mir-Regolamenti tal-Persunal u li, minn naħa, l-għoti ta’ dan il-benefiċċju jiddependi fuq l-istat ċivili tal-uffiċjal, u min-naħa l-oħra, din is-sitwazzjoni hija evalwata b’modi kontradittorji minn żewġ sistemi legali nazzjonali.

65      B’mod partikolari f’dan il-każ, tqum il-mistoqsija jekk huwiex permezz tar-raġunament tad-dritt internazzjonali privat u konsegwentement, fuq il-bażi tas-sistema legali nazzjonali invokata permezz tat-tali raġunament, li l-awtorità kompetenti tal-Unjoni tiddeċiedi jekk persuna tikkwalifikax bħala “konjuġi superstiti”. Issa, mhux biss il-ħtiġijiet evidenti ta’ amministrazzjoni iżda wkoll, u fuq kollox, kunsiderazzjonijiet legali jipprekludu l-użu ta’ raġunament tad-dritt internazzjonali privat.

66      Fil-fatti, l-ewwel nett, għalkemm is-sistema legali tal-Unjoni għandha ċerti strumenti tad-dritt internazzjonali privat li huma ta’ interess għall-kwistjoni tal-istatus tal-persuna, b’mod partikolari, ir-Regolament Nru 2201/2003, għandu jiġi kkonstatat li dan ir-Regolament huwa ta’ għajnuna ferm limitata fid-determinazzjoni tas-sistema legali nazzjonali rilevanti meta l-istat ċivili ta’ uffiċjal huwa evalwat b’modi kontradittorji minn żewġ sistemi legali nazzjonali. L-ewwel nett, ir-Regolament Nru 2201/2003 jipprovdi r-rikonoxximent awtomatiku ta’ deċiżjonijiet ta’ xoljiment tar-rabta konjugali u ma jeżistux sentenzi li japplikaw dan ir-Regolament, jiġifieri sentenzi ta’ rikonoxximent ta’ xoljiment tar-rabta konjugali (sentenzi li fuqhom l-awtorità kompetenti tal-Unjoni tista’ tibbaża ruħha fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni tagħha kif imsemmi fil-punt 64 ta’ din is-sentenza), ħlief fil-każijiet fejn ikun hemm kontestazzjoni dwar ir-rikonoxximent ta’ xoljiment bħal dan u fejn parti tibda proċeduri quddiem il-qorti kompetenti fit-tilwim dwar ir-rikonoxximent. Imbagħad, dejjem fir-rigward ta’ deċiżjonijiet ta’ xoljiment tar-rabta konjugali, għandu jiġi rrilevat li l-litigazzjoni għar-rikonoxximent tista’ twassal għal sentenzi nazzjonali li jkunu differenti skont l-Istat Membru fejn tkun ġiet adita l-qorti. Fl-aħħarnett, ir-Regolament imsemmi iktar ’il fuq ma huwiex applikabbli għad-deċiżjonijiet meħuda fi Stati terzi u ma jistax jiġi invokat ħlief quddiem l-Istati Membri, bl-eċċezzjoni tad-Danimarka, fir-rigward tad-deċiżjonijiet meħuda fi ħdan dawn tal-aħħar.

67      It-tieni nett, għalkemm l-istrumenti tad-dritt tal-Unjoni li għalihom sar riferiment fil-punt preċedenti, jistgħu jkunu ta’ interess fil-kwistjoni tal-istatus tal-persuna, xorta jibqa’ l-fatt li dawn huma essenzjalment regoli ta’ kunflitt tal-ġurisdizzjonijiet. Għall-kuntrarju, fl-istat attwali tad-dritt applikabbli, is-sistema legali tal-Unjoni nnifisha ma tinkludix regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet dwar l-istatus tal-persuna. Huwa paċifiku li r-regoli tad-dritt nazzjonali ma humiex konverġenti dwar is-suġġett. Fil-fatt, għalkemm kull sistema nazzjonali tal-kunflitt tal-liġijiet tipprova tagħmel l-istatus tal-persuni suġġett għad-dritt li miegħu l-persuna kkonċernata tkun l-iktar marbuta, xi wħud jikkunsidraw li l-fattur xieraq għal rabta bħal din huwa n-nazzjonalità, oħrajn, ir-residenza u oħrajn, jadottaw soluzzjonijiet intermedji.

68      B’hekk peress li, minn naħa, in-nuqqas ta’ sett komplet ta’ regoli tad-dritt internazzjonali privat fi ħdan il-liġijiet tal-Unjoni Ewropea u, min-naħa l-oħra id-differenzi fis-sistemi nazzjonali tad-dritt internazzjonali privat, l-identifikazzjoni minn awtorità amministrattiva tal-Unjoni, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni ta’ liġi sekondarja, bħall-Artikolu 79 tar-Regolamenti tal-Persunal u l-Artikolu 18 tal-Anness VIII tagħhom, tas-sistema legali nazzjonali li weħedha tkun “kompetenti” biex tiddetermina l-istatus ċivili ta’ persuna, tirriżulta kompitu partikolarment kumpless u ferm inċert f’termini legali, u dan mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni tal-ħtiġiet u l-piżijiet amministrattivi (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Warner fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Frar 1981, P. vs Il‑Kummissjoni, 40/79, Ġabra p. 382 et seq). Barra minn hekk, il-qorti tal-Unjoni għandha wkoll toqgħod lura minn tali eżerċizzju li, b’mod partikolari, jkun ekwivalenti għal-leġislazzjoni ġudizzjarja (il-konklużjonijiet imsemmija iktar ’il fuq tal-Avukat Ġenerali Warner, p. 383).

69      F’dan il-każ, biex jiġi vverifikat jekk kienx xieraq li tiġi rrikonoxxuta l-kwalità ta’ konjuġi superstiti lill-mejjet K. W. Braun‑Neumann, il-Parlament, mingħajr ma ssostanzja espliċitament il-pożizzjoni tiegħu fuq ir-raġunament tad-dritt internazzjonali privat, ibbaża ruħu l-iktar fuq kunsiderazzjonijiet ibbażati fuq id-dritt sostanzjali u s-sistema legali ta’ pajjiż, jiġifieri l-Ġermanja, li manifestament kellha rabtiet mill-qrib kemm mas-sitwazzjoni tal-mejjet K. W. Braun‑Neumann kif ukoll mal-kawża meħuda kollha kemm hi.

70      Fil-fatt, il-mejjet K. W. Braun‑Neumann kien ta’ nazzjonalità Ġermaniża u kien residenti fil-Ġermanja. Barra minn hekk, mhux biss talli ż-żwieġ tiegħu mal-mejta Neumann seħħ f’dan il-pajjiż, iżda din tal-aħħar, li hija l-persuna ta’ min jallega li huwa l-konjuġi superstiti, kienet ukoll ta’ nazzjonalità Ġermaniża u għalkemm kienet residenti fil-Belġju matul il-ħajja professjonali tagħha, jidher li wara li rtirat reġgħet saret residenti fil-Ġermanja; fil-fatt, għalkemm wara s-seduta, ir-rikorrent ipprovda ċertifikat ta’ residenza fil-Belġju tal-mejta Neumann li sad-data tal-mewt tagħha, jirreferi għal indirizzi fil-Belġju, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li huwa r-rikorrent stess li fir-risposta tiegħu tad-9 ta’ Ġunju 2008 dwar miżuri għall-organizzazzjoni tal-proċeduri adottati mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, irrikonoxxa li l-mejta Neumann kienet stabbilita fil-Ġermanja f’April tal-2002 u, min-naħa l-oħra, li ċ-ċertifikati ta’ residenza, sa fejn l-awtoritajiet tal-ħruġ ma jwettqux verifika tar-residenza attwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, tat-8 ta’ April 2008, Bordini vs Il‑Kummissjoni, F‑134/06, Ġabra p. I‑A‑1‑87, II‑A‑1‑435, punt 76), għandhom forza probatorja limitata. Barra minn hekk, il-persuna l-oħra li ddikkjarat li għandha l-kwalità ta’ konjuġi superstiti, jiġifieri r-rikorrent, huwa wkoll ta’ nazzjonalita Ġermaniża u residenti fil-Ġermanja.

71      Fid-dawl tar-rabtiet daqshekk mill-qrib mal-Ġermanja, u mingħajr ebda ħtieġa li jiġi stabbilit jekk, komparattivament, il-Ġermanja kienx il-pajjiż li kien marbut l-iktar mal-mejjet K. W. Braun‑Neumann jew mal-kawża meħuda kollha kemm hi, dak li barra minn hekk jidher probabbli ħafna, il-Parlament ġustament irrefera għad-dritt sostantiv u s-sistema legali Ġermaniża biex wieġeb għall-kwistjoni ta’ jekk kienx xieraq li jirrikonoxxi lill-mejjet K. W. Braun‑Neumann, il-kwalità ta’ konjuġi superstiti.

72      Barra minn hekk, lanqas ma jista’ jiġi kkontestat li, anki fil-biċċa l-kbira tas-sistemi legali nazzjonali, l-istatus taż-żwieġ tal-mejjet K. W. Braun‑Neumann, jiġi ddeterminat skont id-dritt sostantiv Ġermaniż u huwa dak li kien rrikonoxxut lilu fi ħdan is-sistema legali ta’ dan l-Istat Membru.

73      Ma jistax ikun hemm dubju serju li, fid-dawl tad-dritt sostantiv u s-sistema legali Ġermaniża, il-mejjet K. W. Braun‑Neumann kellu, minn wara l-mewt ta’ Neumann u sal-mewt tiegħu stess, il-kwalità ta’ konjuġi superstiti.

74      Qabel kollox, ma huwiex ikkontestat li l-mejjet K. W. Braun‑Neumann iżżewweġ mal-mejta Neumann, fit-3 ta’ Mejju 1993, fil-Ġermanja, u b’hekk minn dik id-data ’l quddiem kiseb il-kwalità ta’ konjuġi ta’ dan tal-aħħar.

75      Barra minn hekk, huwa paċifiku li, wara l-proċeduri mibdija fil-Ġermanja min-naħa tal-mejta Neumann u intiżi għar-rikonoxximent tas-sentenza ta’ divorzju tat-Tribunal de première instance ta’ Namur, il-Bayerisches Oberstes Landesgericht irrifjutat ir-rikonoxximent ta’ dik is-sentenza fis-sistema legali Ġermaniża.

76      Huwa wkoll paċifiku li, permezz tad-digriet tal-21 ta’ Jannar 2005, l-Amtsgericht‑Familiengericht‑Merzig ikkonstatat li l-proċeduri ta’ divorzju miġjuba quddiemha, mill-mejjet K. W. Braun‑Neumann kontra l-mejta Neumann u li, fil-25 ta’ Awwissu 2004, wasslu għad-dikjarazzjoni ta’ divorzju saru nulli, peress li ż-żwieġ kien ġie xolt bil-mewt tal-mejta Neumann, li seħħet fil-25 ta’ Lulju 2004.

77      Barra minn hekk, id-digriet tal-25 ta’ Jannar 2006 tal-Amtsgericht Siegen, ordna l-emenda taċ-ċertifikat tal-mewt tal-mejta Neumann, fis-sens li minbarra lir-rikorrent, li kien diġà jidher fuqu, dan jindika bħala konjuġi tagħha lill-mejjet K. W. Braun‑Neumann ukoll. Iċ-ċertifikat tal-mewt kif emendat, li jsemmi kemm lir-rikorrent u lill-mejjet K. W. Braun‑Neumann bħala konjuġi tal-mejta Neumann, inħareġ fit-23 ta’ Marzu 2006.

78      Apparti dan, l-awtoritajiet kompetenti Ġermaniżi mhux talli żammu fis-seħħ ir-reġistru tal-familja tal-koppja tal-mejjet K. W. Braun‑Neumann u l-mejta Neumann wara ż-żwieġ ta’ din tal-aħħar mar-rikorrent fis-sena 2000, iżda żiedu wkoll fir-reġistru tal-familja ta’ din il-koppja tal-aħħar, dikjarazzjoni li tindika li l-mejta Neumann kienet “miżżewġa wkoll” mal-mejjet K. W. Braun‑Neumann.

79      Minn dak li ġie ntqal fil-punti preċedenti jirriżulta li ż-żwieġ bejn il-mejta Neumann u l-mejjet K. W. Braun‑Neumann, skont id-dritt sostantiv u s-sistema legali Ġermaniża, kien jeżisti sal-mewt ta’ Neumann, fil-25 ta’ Lulju 2004, u li għall-inqas skont id-dritt sostantiv u din is-sistema legali, il-mejta Neumann u l-mejjet K. W. Braun‑Neumann għadhom s’issa jiġu meqjusa bħala konjuġi, fejn għalhekk, mill-25 ta’ Lulju 2004, il-mejjet K. W. Braun‑Neumann seta’ jibbenefika mill-kwalità ta’ konjuġi superstiti tal-mejta Neumann, fis-sens tal-Artikolu 79 tar-Regolamenti tal-Persunal.

80      L-argumenti mressqa mir-rikorrent biex jirribatti l-kwalità ta’ konjuġi superstiti tal-mejjet K. W. Braun‑Neumann ma jistgħux jimminaw din il-konklużjoni.

81      Dan huwa iktar minnu b’mod partikolari fir-rigward tal-allegazzjonijiet tar-rikorrent dwar ir-raġunijiet tan-nullità taż-żwieġ bejn il-mejta Neumann u l-mejjet K. W. Braun‑Neumann. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmi żwieġ qatt ma ġie kkontestat quddiem qorti.

82      Barra minn hekk, il-fatt li d-deċiżjoni tat-8 ta’ Frar 2007, li tiċħad l-ilment tar-rikorrent, tirreferi għad-dispożizzjonijiet tad-dritt Ġermaniż, li ma baqgħux fis-seħħ fiż-żmien tal-adozzjoni tagħha, la jista’ jaffettwa l-kwalità ta’ konjuġi superstiti tal-mejjet K. W. Braun‑Neumann u lanqas jista’ jinvalida din id-deċiżjoni. Fil-fatt, minn naħa, kif indika l-Parlament mingħajr ma r-rikorrent ikkontradih fuq dan il-punt, għalkemm l-Artikoli 23 u 29 tal-Ehegesetz, li rreferiet għalihom id-deċiżjoni kkontestata, kienu ġew imħassra, xorta waħda ġew sostitwiti bl-Artikolu 1313 BGB, li l-kontenut tiegħu huwa essenzjalment l-istess; min-naħa l-oħra, mill-qari ta’ din id-deċiżjoni jirriżulta li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni, iktar milli jikkostitwixxu r-raġuni li qed tibbaża fuqha l-Awtorità tal-Ħatra biex tiċħad l-ilment, huma biss iċċitati bħala dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ riferiment fir-rigward tal-kontestazzjoni tal-validità ta’ żwieġ fis-sistema legali Ġermaniża.

83      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar il-validità tas-sentenza ta’ divorzju tat-Tribunal de première instance ta’ Namur, għalkemm huwa minnu li l-validità tagħha fis-sistema legali Belġjana ma hijex ikkontestata, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-validità tagħha fil-Belġju hija mingħajr preġudizzju għall-validità tagħha f’sistemi legali nazzjonali oħrajn, b’mod partikolari fil-Ġermanja fejn kif diġà rrilevat, ir-rikonoxximent tagħha ġie rrifjutat.

84      Għandhom ukoll jiġu esklużi, dawk il-kritiki tar-rikorrent dwar, minn naħa, ir-rifjut tar-rikonoxximent tas-sentenza ta’ divorzju tat-Tribunal de première instance ta’ Namur fi ħdan is-sistema legali Ġermaniża u, min-naħa l-oħra, dawk dwar id-digriet tal-Amtsgericht Siegen tal-25 ta’ Jannar 2006 (ara, rispettivament, l-punti 49 u 51 ta’ din is-sentenza). Fil-fatt, la huwa l-obbligu tal-qorti u lanqas tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, meta japplikaw ir-Regolamenti tal-Persunal, li jistħarrġu l-mertu tad-deċiżjonijiet tal-qrati nazzjonali, b’mod partikolari, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni. Fl-aħħar nett is-sentenza ta’ divorzju tat-Tribunal de première instance ta’ Namur ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tar-Regolamenti Nru 1347/2000 u Nru 2201/2003, invokati mir-rikorrent.

85      Peress li l-argument tar-rikorrent biex jirribatti l-kwalità ta’ konjuġi superstiti tal-mejjet K. W. Braun‑Neumann ġie għaldaqstant miċħud, għandu jerġa’ jiġi nnotat li r-rikonoxximent mill-Parlament ta’ dik il-kwalità lill-mejjet K. W. Braun‑Neumann la tikkontradixxi r-rikonoxximent ta’ din l-istess kwalità lir-rikorrent, u lanqas ma hija inkompatibbli mal-politika pubblika tal-Unjoni.

86      L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li s-sistema legali Ġermaniża espressament, u b’ħafna modi (ara, b’mod partikolari, il-punti 77 u 78 ta’ din is-sentenza), irrikonoxxiet bħala l-konjuġi tal-mejta Neumann, kemm lir-rikorrent kif ukoll il-mejjet K. W. Braun‑Neumann. F’dan ir-rigward, għandha wkoll titfakkar il-pożizzjoni tal-Parlament li fid-dritt Ġermaniż, żwieġ li anki jekk sar bi ksur tal-projbizzjonijiet legali fis-seħħ, iżomm il-validità tiegħu sakemm ma jkunx ġie annullat permezz ta’ deċiżjoni tal-ġustizzja.

87      It-tieni nett u fi kwalunkwe każ, il-fatt li, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, istituzzjoni tal-Unjoni tirrikonoxxi lil żewġ persuni l-kwalità ta’ konjuġi superstiti tal-istess ex uffiċjal mejta, għall-finijiet tal-għoti ta’ benefiċċju finanzjarju, bl-ebda mod ma jikkostitwixxi approvazzjoni, lanqas impliċita, fil-livell tal-Unjoni ta’ żwieġ multiplu, liema approvazzjoni tista’ tqajjem kwistjoni ta’ kompatibbilità mal-prinċipji u dispożizzjonijiet legali superjuri, speċjalment jekk kull persuna kkonċernata tgawdi mill-benefiċċju finanzjarju kollu previst għall-“konjuġi” superstiti (ara dwar din il-kwistjoni tal-aħħar, il-punti 99 sa 102 ta’ din is-sentenza). Fi kwalunkwe każ, l-istituzzjoni kkonċernata m’għamlet xejn ħlief semmiet il-konsegwenzi tal-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali tal-familja.

88      Barra minn hekk għandu jitfakkar, irrispettivament mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti, li r-rikonoxximent tal-kwalità ta’ konjuġi superstiti lill-mejjet K. W. Braun‑Neumann għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 79 tar-Regolamenti tal-Persunal u l-Artikolu 18 tal-Anness VIII tagħhom, huwa konformi mal-għanijet ta’ dawn l-artikoli, jiġifieri li jikkumpensaw lill-konjuġi superstiti, it-telf ta’ dħul li jirriżulta mill-mewt tal-uffiċjal jew tal-ex uffiċjal, bil-pensjoni tas-superstiti li, fid-dawl tat-tali għanijiet, jikkostitwixxu sostituzzjoni tad-dħul (ara s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, tal-21 ta’ Ottubru 2009, Ramaekers-Jørgensen vs Il‑Kummissjoni, F‑74/08, ĠabraSP p. I‑A‑1‑411 u II‑A‑1‑2229, punti 53 u 70). Fil-fatt, permezz tad-deċiżjoni tal-Amtsgericht Nürnberg tal-10 ta’ Diċembru 1999, il-mejjet K. W. Braun‑Neumann gawda minn pensjoni ta’ manteniment ta’ DEM 400 fix-xahar, li ma setax iktar jitlob wara l-mewt tal-mejta Neumann. Għaldaqstant, il-pensjoni tas-superstiti ppermettiet, skont il-finijiet tagħha, il-kumpens għat-telf ta’ dan id-dħul.

89      Minn dan isegwi li l-ewwel parti tal-ewwel motiv, dwar il-kontestazzjoni tal-istess kwalità ta’ konjuġi superstiti tal-mejjet K. W. Braun‑Neumann, għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq it-tieni parti tal-ewwel motiv dwar il-kundizzjoni tal-perijodu minimu ta’ sena żwieġ ipprovduta fl-Artikolu 18 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal

90      Ir-rikorrent isostni li ż-żwieġ bejn il-mejta Neumann u l-mejjet K. W. Braun‑Neumann dam inqas minn sena u li għalhekk dan tal-aħħar ma jistax jitlob id-dritt għall-pensjoni tas-superstiti, peress li dan ma jissodisfax il-kundizzjoni msemmija fl-Artikolu 18 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal.

91      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 18 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal huma ċari u preċiżi u ma jħallu l-ebda dubju fl-interpretazzjoni tagħhom. Fil-fatt, peress li jipprovdi li l-konjuġi superstiti ta’ ex uffiċjal intitolat għall-pensjoni tal-irtirar, “sakemm […] ż-żwieġ dam għal mill-anqas sena”, ikun intitolat għall-pensjoni tas-superstiti, dan l-artikolu jipprovdi b’mod ċert u ċar li l-perijodu minimu ta’ sena jirrigwarda l-eżistenza taż-żwieġ u mhux, kif ir-rikorrent jidher li impliċitament isostni, l-eżistenza ta’ ħajja komuni bejn il-konjuġi.

92      Għalhekk, u anki fil-każ li l-mejjet K. W. Braun‑Neumann, li żżewweġ fit-3 ta’ Mejju 1993 mal-mejta Neumann u mar joqgħod magħha f’Andenne, telaq mid-dar matrimonjali tagħhom f’Lulju tal-1993, hekk kif sostna r-rikorrent mingħajr ma ġie kontradett, xorta jibqa’ l-fatt li, fi ħdan is-sistema legali Belġjana, id-divorzju tagħhom ġie mogħti biss fis-6 ta’ Settembru 1995, jiġifieri wara iktar minn sentejn żwieġ. Barra minn hekk, kif ġie ddikjarat fir-rigward tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, fis-sistema legali Ġermaniża, iż-żwieġ tagħhom seta biss jiġi kkunsidrat xolt wara l-mewt tal-mejta Neumann li seħħet fil-25 ta’ Lulju 2004.

93      Għaldaqstant, u fi kwalunkwe każ, il-kundizzjoni minima ta’ sena żwieġ taħt l-Artikolu 18 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, fir-rigward taż-żwieġ bejn il-mejta Neumann u l-mejjet K. W. Braun‑Neumann, ġiet sodisfatta.

94      Għalhekk, il-parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda wkoll.

–       Fuq it-tielet parti tal-ewwel motiv dwar l-ammont tal-pensjoni tas-superstiti mħallsa lil konjuġi superstiti fil-każ ta’ rikonoxximent tal-istess kwalità lil persuna oħra

95      Il-kwistjoni mqajma minn din it-tielet parti tal-ewwel motiv hija dwar jekk il-Parlament setax b’mod validu inaqqas b’50 % l-ammont tal-pensjoni tas-superstiti mogħti lir-rikorrent fuq il-bażi li l-mejjet K. W. Braun‑Neumann, minħabba l-kwalità tiegħu ta’ konjuġi superstiti tal-mejta Neumann, kien ukoll intitolat biex jibbenefika mill-pensjoni tas-superstiti skont l-Artikolu 79 tar-Regolamenti tal-Persunal.

96      Huwa paċifiku li l-leġiżlatur ma kkunsidrax sitwazzjoni bħal dik f’dan il-każ, fejn żewġ persuni, sabiex jitolbu pensjoni tas-superstiti, jagħmlu użu mill-kwalità ta’ konjuġi superstiti tal-istess ex uffiċjal intitolat għall-pensjoni tal-irtirar, u dan billi kull wieħed jinvoka att ta’ żwieġ u deċiżjonijiet tal-qrati ta’ stati differenti (jew, iktar importanti, ta’ stat wieħed), b’tali mod li, fid-dawl ta’ dawn id-dokumenti, l-imsemmija kwalità tista’ effettivament tidher kredibbli għal kull wieħed minnhom. Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 79 tar-Regolamenti tal-Persunal u l-Artikolu 18 tal-Anness VIII tagħhom, ma jipprovdux għal tali każ u jindikaw biss li l-konjuġi superstiti ta’ ex uffiċjal jirċievi pensjoni tas-superstiti, mingħajr ma jidħlu fid-dettall dwar dawk li jistgħu jkunu l-modalitajiet għall-għoti tal-pensjoni tas-superstiti f’każ bħal dak deskritt f’dan il-punt, jiġifieri f’din il-kawża.

97      Fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni legali dwar il-modalitajiet għall-għoti tal-pensjoni tas-superstiti f’każ bħal dan, il-Parlament għandu l-obbligu jiddetermina metodu biex isolvi l-kwistjoni quddiemu u dak li għamel billi ddeċieda li jaqsam indaqs il-pensjoni tas-superstiti bejn ir-rikorrent u l-mejjet K. W. Braun‑Neumann.

98      Ir-rikorrent jikkontesta l-pożizzjoni tal-Parlament billi jsostni li, sa fejn jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 18 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, huwa intitolat għall-pensjoni tas-superstiti kollha u li d-dritt tiegħu ma jistax jiġi affettwat mid-deċiżjoni tal-Parlament li jestendi l-benefiċċju tal-Artikolu 18 tal-Anness VIII lil persuna oħra li, skont il-Parlament, huwa wkoll konjuġi superstiti tal-mejta Neumann.

99      Il-pożizzjoni tar-rikorrent, li tirriżulta f’sitwazzjoni fejn is-somom mħallsa għall-pensjoni tas-superstiti minħabba l-mewt ta’ uffiċjal jew aġent wieħed, jaqbżu l-100 % tal-ammont ta’ dik il-pensjoni, kif huwa stabbilit mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 79 tar-Regolamenti tal-Persunal u l-Artikolu 18 tal-Anness VIII tagħhom, ma tistax tiġi aċċettata.

100    L-ewwel nett, għandu jiġi nnotat li għalkemm ir-Regolamenti tal-Persunal ma jindirizzawx sitwazzjonijiet fejn żewġ persuni jinvokaw il-kwalità ta’ konjuġi superstiti, dawn madankollu jirregolaw, fl-Artikolu 28 tal-Anness VIII, is-sitwazzjoni li ta’ spiss jiltaqgħu magħha, fejn ikun hemm diversi konjuġi ddivorzjati intitolati għal pensjoni tas-superstiti, jew wieħed jew iktar konjuġi ddivorzjati flimkien ma’ konjuġi superstiti intitolati għall-pensjoni tas-superstiti; fejn f’sitwazzjoni bħal din, ir-Regolamenti tal-Persunal espressament jipprevedi d-distribuzzjoni tal-ammont tal-pensjoni tas-superstiti, proratata rispettivament skont it-tul taż-żwiġijiet. Bl-istess mod, id-distribuzzjoni tal-pensjoni tas-superstiti hija wkoll espressament provduta fl-Artikolu 22 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, f’każ ta’ eżistenza ta’ konjuġi superstiti u orfni minn żwieġ preċedenti jew persuni oħra li għandhom drittijiet. Għalkemm huwa minnu li, fit-teorija, dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu wkoll jiġu interpretati a contrario u mhux b’analoġija, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jikkunsidra li r-regola provduta fid-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, dik fejn sempliċement pensjoni tas-superstiti waħda biss tista’ tingħata, tapplika wkoll għall-Artikolu 79 tar-Regolamenti tal-Persunal u l-Artikolu 18 tal-Anness VIII tagħhom; is-silenzju ta’ dawn id-dispożizzjonijiet dwar is-sitwazzjoni fejn diversi persuni jitolbu l-benefiċċju rilevanti jista’ jkun biss minħabba n-natura mhux tas-soltu ta’ sitwazzjoni bħal din u mhux b’intenzjoni tal-leġiżlatur li jagħti żewġ jew anki tliet pensjonijiet tas-superstiti sħaħ fir-rigward ta’ uffiċjal jew aġent wieħed.

101    It-tieni nett, peress li meta l-uffiċjal jirtira jkun intitolat biss għal pensjoni waħda mill-Unjoni (u dan jgħodd ukoll għall-pensjoni tas-superstiti meta din tkun ħa tinqasam bejn diversi benefiċjarji, skont l-Artikoli 22 u 28 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal), l-istess għandu jgħodd ukoll fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 79 tar-Regolamenti tal-Persunal u l-Artikolu 18 tal-Anness VIII tagħhom, fil-każ tal-eżistenza ta’ diversi konjuġi superstiti.

102    It-tielet nett, u indipendentement mill-applikabbiltà f’dan il-każ tal-ġurisprudenza invokata mill-Parlament, li d-dispożizzjonijiet li jagħtu dritt għal benefiċċji finanzjarji għandhom jiġu interpretati b’mod strett, jekk jiġi aċċettat li l-kwalità ta’ konjuġi superstiti tagħti direttament id-dritt għall-pensjoni tas-superstiti kollha, b’tali mod li, fil-preżenza ta’ diversi persuni li jistgħu jiġu rikonoxxuti l-kwalità msemmija hawn fuq, l-istituzzjoni jkollha tħallas pensjoni tas-superstiti doppja jew anki trippla, dan ikun diffiċli sabiex jiġi rrikonċiljazzjoni mal-obbligi ta’ amministrazzjoni finanzjarja tajba u ta’ kontroll tal-infiq tal-baġit tal-istituzzjonijiet, li għandhom jipprevalu fi ħdan l-Unjoni.

103    Peress li s-somom totali li jridu jitħallsu lill-persuni li jgawdu mill-kwalità ta’ konjuġi superstiti ma jistgħux jaqbżu l-100 % tal-ammont previst fl-Artikolu 79 tar-Regolamenti tal-Persunal u l-Artikolu 18 tal-Anness VIII tagħhom, dan iqajjem il-kwistjoni tad-diviżjoni ta’ dan l-ammont bejn dawn il-persuni.

104    Huwa veru li, apparti l-metodu ta’ diviżjoni adottat mill-Parlament, jiġifieri d-distribuzzjoni ugwali bejn ir-rikorrent u l-mejjet K. W. Braun‑Neumann, metodi oħra setgħu jkunu possibbli. Madankollu, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jqis li dak li ġie deċiż f’dan il-każ la jmur kontra l-kliem, l-istruttura u l-għan tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 79 tar-Regolamenti tal-Persunal u l-Artikolu 18 tal-Anness VIII tagħhom, u lanqas ta’ dawk tal-kapitolu kollu dwar il-pensjoni tas-superstiti ta’ dan l-istess anness, speċjalment peress li l-kriterju tat-tul taż-żwieġ, kif stabbilit fl-Artikolu 28 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, minn naħa jkun diffiċli li jiġi traspost f’każ bħal dak preżenti, u min-naħa l-oħra jmur kontra l-għan tal-Artikolu 79 tar-Regolamenti tal-Persunal.

105    Infatti, it-tul taż-żwieġ bejn il-mejta Neumann u l-mejjet K. W. Braun‑Neumann huwa kkontestat u jiddependi mill-identifikazzjoni tas-sistema legali nazzjonali għal liema għandu jsir riferiment għad-determinazzjoni ta’ dan, operazzjoni, li kif inhu indikat fil-punt 68 iktar ’il fuq, hija waħda partikolarment kumplessa u ferm imprevedibbli.

106    Barra minn hekk, u fil-każ li l-kriterju tat-tul ta’ żwieġ jista’ jiġi applikat b’referenza, għal kull konjuġi superstiti, għas-sistema legali nazzjonali li hija iktar favorevoli għall-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju, jiġifieri s-sistema legali Belġjana għar-rikorrent u s-sistema legali Ġermaniża għal mejjet K. W. Braun‑Neumann, jidher li ż-żwieġ tar-rikorrent dam erba’ snin u tliet xhur, filwaqt li l-żwieġ tal-mejjet K. W. Braun‑Neumann dam ħdax-il sena u ftit iktar minn xahrejn. Issa, diviżjoni tal-pensjoni tas-superstiti li tipprovdi lill-mejjet K. W. Braun‑Neumann perċentwali ogħla minn dik li jkun intitolat għaliha r-rikorrent, tmur manifestament kontra l-għan tal-Artikolu 79 tar-Regolamenti tal-Persunal, kif tfakkar fil-punt 88 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, mhux biss il-ħajja komuni tal-mejta Neumann u l-mejjet K. W. Braun‑Neumann bilkemm damet ftit xhur, iżda, barra minn hekk, dan iż-żwieġ għadda minn diversi proċeduri għal divorzju, minn naħa, dawk mibdija mill-mejta Neumann quddiem it-Tribunal de première instance ta’ Namur, li wasslu għad-divorzju fl-1995, jiġifieri sentejn biss wara ż-żwieġ u min-naħa l-oħra, il-proċeduri mibdija fl-2003, li saru nulli minħabba l-mewt tal-mejta Neumann (ara l-punti 15 u 76 ta’ din is-sentenza), fejn dawn l-aħħar proċeduri nbdew mill-mejjet K. W. Braun‑Neumann, li madankollu talab it-totalità tal-pensjoni tas-superstiti, fil-kuntest ta’ rikors imressaq quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u li ġie miċħud bid-digriet tat-23 ta’ Mejju 2008 Braun‑Neumann vs Il‑Parlement, iċċitat iktar ’il fuq (ara l-punt 21 ta’ din is-sentenza).

107    Għal dawn ir-raġunijiet kollha, ma jidhirx li l-kriterju ta’ diviżjoni adottat mill-Parlament huwa vvizzjat b’xi illegalità u għalhekk l-ilment, imressaq mir-rikorrent dwar l-ammont tal-pensjoni tas-superstiti li għandu jingħata lil konjuġi superstiti fil-każ ta’ rikonoxximent ta’ dik il-kwalità lil persuna oħra, għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

108    Skont ir-rikorrent, il-Parlament ħoloq aspettativi leġittimi fir-rigward tiegħu u tal-mejta Neumann rigward il-kwalità ta’ konjuġi tagħhom. Il-Parlament isostni l-inammissibbiltà ta’ dan il-motiv minħabba l-ksur tar-regola ta’ konkordanza bejn l-ilment u r-rikors.

109    Huwa veru li r-regola ta’ konkordanza, li invoka l-Parlament u li n-nuqqas ta’ osservanza tagħha tirrendi inammissibbli l-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ġiet stabbilita minn ġurisprudenza li tmur lura għas-snin sebgħin, u li essenzjalment teħtieġ, konkordanza bejn is-suġġett u l-kawża tar-rikors u dawk tal-ilment (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-1 ta’ Lulju 1976, Sergy vs Il‑Kummissjoni, 58/75, Ġabra p. 1139, punti 31 sa 33, u tal-20 ta’ Marzu 1984, Razzouk u Beydoun vs Il‑Kummissjoni, 75/82 u 117/82, Ġabra p. 1509, punt 9). Fil-ġurisprudenza sussegwenti, il-kunċett ta’ “kawża” intrabat ma’ dak ta’ “kontestazzjonijiet” (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-7 ta’ Mejju 1986, Rihoux et vs Il‑Kummissjoni, 52/85, Ġabra p. 1555, punti 12 sa 14, u tad-19 ta’ Novembru 1998, Il‑Parlament vs Gaspari, C‑316/97 P, Ġabra p. I‑7597, punti 17 u 18), u barra minn hekk, diversi sentenzi jidhru jiddependu primarjament fuq dan il-kunċett tal-aħħar meta tiġi eżaminata r-regola ta’ konkordanza (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-14 ta’ Marzu 1989, Del Amo Martinez vs Il‑Parlament, 133/88, Ġabra p. 689, punt 10; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-31 ta’ Mejju 2005, Dionyssopoulou vs Il‑Kunsill, T‑284/02, ĠabraSP p. I‑A‑131 u II‑597, punt 62).

110    Skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt preċedenti, ir-regola ta’ konkordanza hija ġġustifikata mill-għan stess tal-proċedura prekontenzjuża, jiġifieri li jiġi permess lill-amministrazzjoni tirrevedi d-deċiżjoni tagħha u tikseb għalhekk tranżazzjoni barra l-qrati, deskritta bħala “ftehim bonarju” skont il-kliem użati fil-biċċa l-kbira tas-sentenzi u tat-tilwim li nqalgħu bejn l-uffiċjali u l-amministrazzjoni. Biex tali proċedura tkun tista’ tilħaq l-għan tagħha, skont l-istess ġurisprudenza, huwa meħtieġ li l-Awtorità tal-Ħatra tkun f’pożizzjoni li taf b’mod preċiż biżżejjed, il-kritiki li l-partijiet ikkonċernati jifformulaw kontra d-deċiżjoni kkontestata.

111    Madankollu, peress li l-proċedura prekontenzjuża għandha natura informali u l-partijiet ikkonċernati jistgħu jaġixxu, f’dan l-istadju, mingħajr l-assistenza ta’ avukat, ġie sostnut, b’mod konsistenti, li l-amministrazzjoni ma għandhiex tinterpreta l-ilmenti b’mod strett, iżda b’mod iktar wiesa’ (sentenza Del Amo Martinez vs Il‑Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, punt 11; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-13 ta’ April 2005, Nielsen vs Il‑Kunsill, T‑353/03, ĠabraSP p. I‑A‑95 u II‑443, punt 23). Għalhekk ġie deċiż b’mod partikolari li għalkemm it-talbiet ippreżentati quddiem il-qorti tal-Unjoni jista’ ikollhom biss l-istess suġġett bħal dak deskritt fl-ilment u jista’ jkollhom biss “kontestazzjonijiet” ibbażati fuq l-istess kawża bħal dik tal-kontestazzjonijiet invokati fl-ilment, quddiem il-qorti tal-Unjoni dawn il-kontestazzjonijiet jistgħu, madankollu, jiġu żviluppati bis-sottomissjoni ta’ motivi u argumenti li mhux neċessarjament jidhru fl-ilment, iżda li jkunu marbuta mill-qrib miegħu (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-26 ta’ Jannar 1989, Koutchoumoff vs Il‑Kummissjoni, 224/87, Ġabra p. 99, punt 10; is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tat-8 ta’ Ġunju 1995, Allo vs Il‑Kummissjoni, T‑496/93, ĠabraSP p. I‑A‑127 u II‑405, punt 26 u Dionyssopoulou vs Il‑Kunsill, iċċitati iktar ’il fuq, punt 62; is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubblikju, tat-18 ta’ Mejju 2009, Meister vs UASI, F‑138/06 u F‑37/08, ĠabraSP p. I‑A‑1‑131 u II‑A‑1‑727, punt 145).

112    Anki jekk, wara l-introduzzjoni tar-regola ta’ konkordanza, il-qorti tal-Unjoni mhux dejjem applikat din ir-regola bl-istess flessibbiltà (għal każijiet ta’ applikazzjoni stretta ta’ din ir-regola, forsi minħabba r-rabta stabbilita bejn il-kunċett tal-kawża tat-tilwima u dik tal-kontestazzjonijiet, ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-13 ta’ Diċembru 2001, Cubero Vermurie vs Il‑Kummissjoni, C‑446/00 P, Ġabra p. I‑10315, punti 12, 13 u 16; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-28 ta’ Mejju 1998, W vs Il‑Kummissjoni, T‑78/96 u T‑170/96 ĠabraSP p. I‑A‑239 u II‑745, punti 62 sa 64; id-digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, tal-11 ta’ Diċembru 2007, Martin Bermejo vs Il‑Kummissjoni, F-60/07, ĠabraSP p. I‑A‑1‑407 u II‑A‑1‑2259, punti 36 sa 39), l-interpretazzjoni flessibbli tar-regola inkwistjoni tidher li tikkorrispondi kemm mal-għan tal-proċedura prekontenzjuża, kif imsemmi fil-punt 110 ta’ din is-sentenza, kif ukoll mar-regoli dwar l-ispejjeż applikabbli għall-proċedura prekontenzjuża.

113    Fil-fatt, minn naħa, it-tranżazzjoni barra mill-qrati tat-tilwim, li huwa l-għan tal-proċedura prekontenzjuża hija ffaċilitata ferm permezz ta’ nuqqas ta’ formalità legali matul din il-proċedura. Din hija, barra minn hekk, ir-raġuni għaliex il-ġurisprudenza ma teżiġix li l-ilmenti invokati mill-uffiċjal insostenn tal-ilment tiegħu jkunu fformulati f’termini legali (sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tal-5 ta’ Novembru 1997, Barnett vs Il‑Kummissjoni, T‑12/97, ĠabraSP p. I‑A‑313 u II‑863, punt 68, u Nielsen vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26). Issa, jekk ir-regola ta’ konkordanza kienet interpretata u applikata b’mod strett, l-uffiċjal, fil-biża’ li l-perimetru tal-każ jiġi ddeterminat definittivament matul il-fażi prekontenzjuża, ser ikun inkoraġġut biex f’dak l-istadju, jagħmel użu minn avukat, filwaqt li l-għan ta’ fażi bħal din ma huwiex tant li tipprepara r-rikors ġudizzjarju iżda li tevitah. Permezz ta’ avukat, ir-rikorrent ixekkel il-proċedura prekontenzjuża, u dan iċaħħadha manifestament mill-għan tagħha.

114    Min-naħa l-oħra l-ispejjeż li jsostni l-uffiċjal qabel il-preżentata tar-rikors, huma meqjusa bħala spejjeż irrekuperabbli (digrieti tal-Qorti Ġenerali, tal-10 ta’ Jannar 1992, Starway vs Il‑Kunsill, T‑80/97 DEP, Ġabra p. II‑1, punt 25 u tas-7 ta’ Diċembru 2004, Lagardère u Canal+ vs Il‑Kummissjoni, T‑251/00 DEP, Ġabra p. II‑4217, punti 21 u 22), għall-kuntrarju ta’ dak li huwa l-każ fir-rigward tal-ispejjeż sostnuti matul il-proċedura kontenzjuża innifisha, jiġifieri dak li huwa kkawżat bil-preżentata tar-rikors. L-għan ta’ din id-distinzjoni jinsab, b’mod partikolari, fir-rieda tal-leġiżlatur li jiskoraġġixxi preċiżament l-uffiċjal milli juża avukat matul il-proċedura prekontenzjuża.

115    L-interpretazzjoni flessibbli tal-eżiġenza dwar il-konkordanza bejn l-ilment u r-rikors hija l-iktar waħda raġonevoli bħalissa.

116    Fil-fatt, l-ewwel nett, tali interpretazzjoni taqa’ taħt linja ta’ ġurisprudenza li tirrifletti l-importanza dejjem iktar affermata tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġuridika effettiva, bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li jirriżulta mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni tal-Istati Membri u stabbilit fl-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, liema prinċipju ġie wkoll affermat mill-ġdid fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑402/05 P u C‑415/05 P, Ġabra p. I‑6351, punt 335) li, fid-dawl tal-Artikolu 6(1) TUE, għandha l-istess valur legali bħat-Trattati. Fil-fatt, għalkemm l-importanza li dan il-prinċipju għandu għal komunità ta’ dritt tiġġustifika l-interpretazzjoni wiesgħa tad-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju dwar il-ġuriżdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja rigward kwistjonijiet preliminari fi ħdan it-Trattat UE, fil-verżjoni tiegħu ta’ qabel it-Trattat ta’ Liżbona (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-27 ta’ Frar 2007, Gestoras Pro Amnistía et vs Il‑Kunsill, C‑354/04 P, Ġabra p. I‑1579, punt 53, u Segi et vs Il‑Kunsill, C‑355/04 P, Ġabra p. I‑1657, punt 53, u tat-3 ta’ Mejju 2007, Advocaten voor de Wereld, C‑303/05, Ġabra p. I‑3633, punt 18), bl-istess mod hija għandha tiġġustifika, fil-kuntest tad-dritt tas-Servizz Pubbliku, interpretazzjoni tar-regola ta’ konkordanza tali li tnaqqas kemm jista’ jkun ir-restrizzjonijiet li tali regola timponi fuq ir-rikorrent fir-rigward tal-motivi u l-argumenti li l-avukat tiegħu għandu dritt jinvoka fir-rikors tiegħu. Fil-fatt, għalkemm restrizzjonijiet ulterjuri, pereżempju dawk relatati ma’ provi ġodda u motivi ġodda (ara l-Artikoli 42 u 43 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku) huma inerenti għall-iżvolġiment tajjeb tal-proċeduri quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, u għalhekk ma jmorrux kontra l-prinċipju ta’ protezzjoni ġuridika effettiva, dan il-prinċipju jista’ madankollu, jitlef ħafna mis-sustanza tiegħu fil-każ fejn l-avukat li jirrappreżenta lir-rikorrent jiġi prekluż milli jippreżenta motivi li jistgħu jkunu determinanti għall-eżitu tal-kawża, fuq il-bażi li r-rikorrent innifsu ma kienx ħaseb biex isostni l-imsemmija motivi waqt il-proċedura prekontenzjuża.

117    It-tieni nett, minn wara d-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/752/KE, Euratom, tat-2 ta’ Novembru 2004, li tistabbilixxi t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 153M, p. 84) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni li tistabbilixxi t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku”) fejn l-Anness 1, fl-Artikolu 7(5) tiegħu, jipprovdi li l-parti telliefa għandha tbati l-ispejjeż jekk ikunu ġew mitluba, l-uffiċjal huwa f’riskju finanzjarju ikbar meta mqabbel maż-żmien meta nħolqot ir-regola ta’ konkordanza bejn l-ilment u r-rikors mill-ġurisprudenza, fejn l-uffiċjal kien eżenti milli jsostni l-ispejjeż tal-istituzzjoni rebbieħa. Ċertament, in-novità introdotta mid-deċiżjoni li tistabbilixxi t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tallinja s-sistema tal-ispejjeż tal-kawżi tal-uffiċjali ma’ dik tad-dritt generali li jirregola l-kawżi li jaqagħu taħt il-qorti tal-Unjoni; madankollu, għandu jiġi nnotat li din il-litigazzjoni tal-aħħar, kemm fir-rigward ta’ annullament kif ukoll ta’ responsabbiltà, ma għandhiex għalfejn tkun ippreċeduta minn proċedura prekontenzjuża u ma hijiex suġġetta għal limitazzjonijiet simili għal dawk tar-regola ta’ konkordanza. Għalhekk, bħala kumpens għar-riskju finanzjarju ġdid li d-deċiżjoni li tistabbilixxi t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku timponi fuq l-uffiċjali li jixtiequ jindirizzaw it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, huwa raġonevoli u konformi ma’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, li jittaffew il-limitazzjonijiet li hemm fuqhom, billi jiġi permess, b’mod partikolari lill-avukat tagħhom, li ma jkunx limitat bil-kritiki fformulati mill-uffiċjali, li ħafna drabi ma jkunx ikkwalifikat fil-liġi, u fi kwalunkwe każ, ma jaġixxix bħala tali u wisq inqas bħala avukat.

118    It-tielet nett, kemm l-evoluzzjoni tal-prassi amministrattiva kif ukoll l-istabbiliment tad-dritt fundamentali għal rimedju effettiv quddiem qorti, dgħajjfu gradwalment waħda mill-ġustifikazzjonijiet ewlenin tar-regola ta’ konkordanza użata mill-ġurisprudenza mis-snin sebgħin, jiġifieri l-fatt li huwa iktar faċli li ssir tranżazzjoni barra l-qrati għat-tilwim fis-sens stabbilit fil-punt 110 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, fl-ewwel lok, għalkemm huwa paċifiku li l-proċeduri ta’ ilmenti preliminari tkompli tissodisfa b’mod effettiv il-funzjoni ta’ filtrazzjoni ta’ kontestazzjonijiet u tipprovdi l-opportunità għall-amministrazzjoni, qabel ma kawża titressaq quddiem il-qorti, li jikkoreġi irregolaritajiet possibbli jew li tiddefendi l-legalità tad-deċiżjonijiet tagħha, għandu jiġi mistoqsi jekk il-proċedura prekontenzjuża għadhiex l-opportunità għal tfittix attiv u konkret ta’ ftehim bonarju tat-tilwim; barra minn hekk huma n-nuqqasijiet ikkonstatati f’dan ir-rigward li ġġustifikaw li fid-deċiżjoni li tistabbilixxi t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, sar enfasi speċjali fuq l-eżami tal-possibbiltajiet ta’ ftehim bonarju tal-kawżi, fi kwalunkwe stadju tal-proċeduri, quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni. It-tieni lok, għalkemm il-garanzija ta’ rimedju effettiv quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, bħala espressjoni tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġuridika effettiva, imfakkar fil-punt 116 ta’ din is-sentenza, issir bis-saħħa ta’ regoli, b’mod partikolari dawk proċedurali, li jinkludu l-applikazzjoni u l-ambitu, din ma tistax, minħabba n-natura fundamentali tagħha, tkun wisq suġġetta għall-finijiet tal-proċeduri ta’ qabel ma tiġi adita l-qorti, mingħajr ma tiġi preġudikata b’mod eċċessiv; it-tranżazzjoni barra l-qrati tat-tilwim mixtieqa kemm hi mixtieqa, ma hijiex dritt fundamentali u għalhekk ma tistax tiġġustifika l-fatt li tirrestrinġi radikalment il-possibilitjiet għall-kontestazzjoni ġudizzjarja disponibbli għall-uffiċjali.

119    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jitfakkar li skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 109, ir-regola ta’ konkordanza tista’ tapplika biss fl-uniku każ fejn ir-rikors kontenzjuż ibiddel is-suġġett tal-ilment jew il-kawża tiegħu, fejn dan kunċett tal-aħħar ta’ “kawża” għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’. Wara tali interpretazzjoni, u fir-rigward tat-talbiet għal annullament, bħal dawk quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku f’dan il-każ, kontra d-deċiżjoni l-Awtorità tal-Ħatra tat-8 ta’ Settembru 2006, b’“kawża tat-tilwima” għandu jinftiehem, il-kontestazzjoni tar-rikorrent dwar il-legalità sostantiva tal-att ikkontestat jew il-kontestazzjoni tal-legalità esterna tagħha, distinzjoni li ġiet ripetutament rikonoxxuta fil-ġurisprudenza (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-2 ta’ April 1998, Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra p. I‑1719, punt 67; is-sentenzi tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, tal-21 ta’ Frar 2008, Putterie‑De‑Beukelaer vs Il‑Kummissjoni, F‑31/07, Ġabra p. I‑A‑1‑53, II‑A‑1‑261, punt 57 et seq, li hija suġġetta għal appell pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, Kawża T‑160/08 P, u tal-11 ta’ Settembru 2008, Smadja vs Il‑Kummissjoni, F‑135/07, ĠabraSP p. I‑A‑1‑299 u II‑A‑1‑1585, punt 40, li hija suġġetta għal appell pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, Kawża T‑513/08 P).

120    Konsegwentement, u b’riserva tal-eċċezzjonijiet ta’ illegalità, u naturalment, tal-motivi ta’ ordni pubblika, ikun hemm normalment bidla fil-kawża tat-tilwima u għaldaqstant, inammissibbilità għan-nuqqas ta’ osservanza tar-regola ta’ konkordanza biss jekk ir-rikorrent, li fl-ilment tiegħu jkun ikkritika biss il-validità formali tal-att li jikkawżalu preġudizzju, inklużi l-aspetti proċedurali tiegħu, iqajjem motivi fuq il-mertu fir-rikors tiegħu jew fil-każ oppost fejn ir-rikorrent, wara li fl-ilment tiegħu jkun ikkontesta biss il-legalità fil-mertu tal-att li jikkawżalu preġudizzju, jippreżenta rikors li jkun fih motivi relatati mal-validità formali ta’ dan, inklużi l-aspetti proċedurali tiegħu.

121    Rigward l-eċċezzjonijiet ta’ illegalità, u anki jekk dawn ikunu relatati ma’ kawża oħra legali milli dik li tidher fl-ilment, l-inammissibbilità tagħhom għan-nuqqas ta’ osservanza tar-regola ta’ konkordanza tkisser l-ekwilibriju bejn il-ħarsien tad-drittijiet proċedurali tal-uffiċjali u l-għan tal-proċedura prekontenzjuża u tikkostitwixxi sanzjoni sproporzjonata u inġusta għall-uffiċjal. Fil-fatt, minħabba n-natura intrinsikament legali ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità, kif ukoll tar-raġunament li jwassal lill-persuna kkonċernata biex tfittex u tqajjem tali illegalità, ma jistax jiġi rikjest minn uffiċjal jew aġent li jippreżenta l-ilment, u li mhux neċessarjament ikollu kompetenzi legali xierqa, li jifformula tali eċċezzjoni fil-fażi prekontenzjuża, u dan taħt piena ta’ inammissibbiltà iktar ’il quddiem. Dan huwa speċjalment il-każ peress li, l-introduzzjoni ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità fil-fażi prekontenzjuża tidher li ftit tista’ twassal għal li l-ilmentatur jirnexxi f’dan l-istadju, peress li huwa improbabbli li l-amministrazzjoni tagħżel li ma tapplikax dispożizzjoni fis-seħħ, li possibbilment tikser xi regola ta’ ordni ogħla, bl-uniku għan li tippermetti t-tranżazzjoni alternattiva tal-kwistjoni.

122    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti, u b’mod partikolari, dawk minn punti 119 sa 121, li s-sottomissjoni fir-rikors tal-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi, bl-ebda mod ma tikser ir-regola ta’ konkordanza. Fil-fatt, billi fl-ilment tiegħu kkritika il-motiv tad-deċiżjoni tal-Parlament li jnaqqas b’50 % l-ammont tal-pensjoni tas-superstiti li huwa kien jirċievi bħala l-konġunt superstiti, liema motiv huwa bbażat fuq l-eżistenza ta’ konjuġi superstiti ieħor, ir-rikorrent jikkontesta manifestament il-legalità fil-mertu tal-att ikkontestat. Ovvjament, il-motiv relatat mal-aspettattivi leġittimi huwa motiv ta’ legalità fil-mertu. Għalhekk, il-motiv għandu jiġi ddikjarat ammissibbli.

123    Peress li l-motiv ibbażata fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi huwa ammissibbli, tiġi eżaminata fil-fond.

124    Issa, fir-rigward tal-mertu, u apparti l-fatt li r-rikorrent invoka l-aspettattivi leġittimi tiegħu f’dak li jirrigwarda r-rikonoxximent, min-naħa tal-Parlament, tal-kwalità tiegħu bħala l-konjuġi tal-mejta Neumann u mhux kwalunkwe aspettattivi leġittimi rigward il-pensjoni tas-superstiti u, barra minn hekk, id-dritt tiegħu possibbli li jirċievi l-ammont kollu ta’ dik il-pensjoni, għandu jiġi kkonstatat li l-kundizzjonijiet imposti mill-ġurisprudenza u li jagħtu d-dritt għal talba tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi (sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tas-27 ta’ Frar 1996, Galtieri vs Il‑Parlament, T‑235/94, ĠabraSP p. I‑A‑43 u II‑129, punti 63 u 65, u tas-16 ta’ Marzu 2005, Ricci vs Il‑Kummissjoni, T‑329/03, ĠabraSP p. I‑A‑69 u II‑315, punt 79; sentenzi tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, tal-21 ta’ Frar 2008, Skoulidi vs Il‑Kummissjoni, F‑4/07, ĠabraSP p. I‑A‑1‑47, II‑A‑1‑229, punt 79, u tal-4 ta’ Novembru 2008, Van Beers vs Il‑Kummissjoni, F‑126/07, li ĠabraSP p. I‑A‑1‑355 u II‑A‑1‑1929, punt 70) ma humiex sodisfatti fil-każ inkwistjoni, peress li r-rikorrent ma jistax igawdi minn assigurazzjonijiet preċiżi, inkundizzjonati u konsistenti pprovduti mill-amministrazzjoni.

125    L-ewwel nett, il-ħlas lill-persuna kkonċernata ta’ benefiċċji finanzjarji mill-amministrazzjoni, anki għal diversi snin, ma jistax jitqies fih innifsu bħala assigurazzjoni preċiża, inkundizzjonata u konsistenti fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt preċedenti; fil-fatt, f’każ kuntrarju, kwalunkwe deċiżjoni tal-amministrazzjoni li tirrifjuta fil-futur u possibbilment b’effett retroattiv, il-ħlas ta’ dritt finanzjarju mħallas indebitament lill-persuna kkonċernata għal diversi snin, ikun sistematikament annullat mill-qorti tal-Unjoni fuq il-bażi ta’ ksur tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi u jirriżulta f’telf sostanzjali, b’mod partikolari, tal-effett utli tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal dwar l-irkupru ta’ ħlas mhux dovut. Għalhekk, il-ħlas tal-allowance tad-dar lill-mejta Neumann minħabba ż-żwieġ tagħha mar-rikorrent, u mbagħad tal-pensjoni tas-superstiti lilu, ma setax fih innifsu joħloq aspettattivi leġittimi fir-rigward tar-rikorrent dwar ir-rikonoxximent tal-kwalità ta’ konjuġi tiegħu u tal-legalità ta’ dan il-ħlas, meta l-Parlament ma kien ta l-ebda assigurazzjoni oħra f’dan is-sens.

126    It-tieni nett, il-fatt li ladarba s-sentenza tat-Tribunal de première instance ta’ Namur saret finali, il-Parlament ikkunsidra lill-mejta Neumann bħala ddivorzjata fis-sens tar-Regolamenti tal-Persunal (bil-konsegwenzi finanzjarji kollha li dan jinvolvi, jiġifieri b’mod partikolari l-fatt li hi ma baqgħatx tirċievi l-allowance tad-dar), imbagħad bħala miżżewġa lir-rikorrent (żwieġ li bis-saħħa tiegħu reġgħet irċeviet allowance tad-dar), ma jistax jiġi kkunsidrat, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, bħala wieħed li jista’ joħloq, fir-rigward tar-rikorrent, aspettattivi leġittimi għal dak li jikkonċerna l-għoti fil-futur tal-pensjoni tas-superstiti sħiħa.

127    Fil-fatt, b’analoġija ma’ dak li huwa l-każ għall-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal (ara l-punt 125 ta’ din is-sentenza), huwa inkontestabbli li ma huwiex l-obbligu tal-amministrazzjoni ta’ istituzzjoni li twettaq volontarjament u hija stess riċerka fuq l-iżvilupp tal-istatus personali tal-uffiċjali tagħha, iżda li din għandha sempliċiment iżżomm kont ta’ informazzjoni pprovduta mill-partijiet ikkonċernati, skont il-provi pprovduti permezz ta’ dokumenti uffiċjali jew deċiżjonijiet ta’ qrati. Huwa fuq il-bażi tat-tali informazzjoni u dokumenti li l-amministrazzjoni għandha tibbaża l-konsegwenzi finanzjarji li jirriżultaw u tieħu deċiżjonijiet rilevanti. Tali huwa l-każ hawnhekk għal dak li jikkonċerna l-Parlament, li min kif jirriżulta mill-eżami tal-kawża, dan sempliċement ħa inkunsiderazzjoni l-informazzjoni mogħtija mill-mejta Neumann, u l-provi pprovduti minnha insostenn tal-imsemmija informazzjoni, u dan skont is-snin u l-iżvilupp tas-sitwazzjoni personali tagħha. Għall-kuntrarju ta’ dan, u kif ukoll indika l-Parlament waqt is-seduta mingħajr ma ġie kontradett mir-rikorrent, huwa la kellu għarfien tal-azzjoni mibdija fis-16 ta Diċembru 1996 mill-mejta Neumann mal-Bayerisches Staatsministerium der Justiz (Ministeru tal-Ġustizzja tal-Land ta’ Bayern, il-Ġermanja), la tad-deċiżjoni tal-11 ta’ Ottubru 1999 tal-Bayerisches Landesgericht Oberstes li tirrifjuta r-rikonoxximent fil-Ġermanja tas-sentenza ta’ divorzju tat-Tribunal de première instance ta’ Namur, u lanqas tal-proċeduri ta’ divorzju mibdija sussegwentement mill-mejjet K. W. Braun‑Neumann quddiem l-Amtsgericht-Familiengericht-Merzig fl-2003.

128    Kieku l-Parlament kellu din l-informazzjoni, kien probabilment jieħu deċiżjoni differenti fil-konfront tar-rikorrent jew għall-anqas kien ikollu dubji dwar l-istatus konjugali ta’ dan tal-aħħar.

129    In-nuqqas li tipprovdi lill-Parlament b’informazzjoni u dokumenti hawn fuq imsemmija huwa attribwit lill-mejta Neumann, u lir-rikorrent, għall-anqas minn wara l-mewt ta’ din tal-aħħar; fil-fatt, huwa improbabbli li dan tal-aħħar li, kif jidher mill-ittra tat-22 ta’ Settembru 1997 annessa mad-dokumenti ppreżentati mill-mejjet K. W. Braun‑Neumann wara s-seduta (ara l-punt 33 ta’ din is-sentenza), kien diġà f’relazzjoni mal-mejta Neumann fl-1997 u kien jaf bl-eżistenza tal-mejjet K. W. Braun‑Neumann, seta’ ma jkunx jaf biż-żwieġ fl-1993 bejn dan tal-aħħar u l-mejta Neumann jew bid-digriet tal-11 ta’ Ottubru 1999 tal-Bayerisches Oberstes Landesgericht, li jirrifjuta r-rikonoxximent fil-Ġermanja tas-sentenza ta’ divorzju tat-Tribunal de première instance ta’ Namur. Huwa għalhekk probabbli ħafna li, fid-data li fiha r-rikorrent kien talab lill-Parlament biex jirċievi l-pensjoni tas-superstiti, jiġifieri, fil-11 ta’ Awissu 2004, huwa kien konxju mill-fatt li kien hemm potenzjalment persuna oħra li tista’ tinvoka l-kwalità ta’ konjuġi superstiti mill-istituzzjoni u titlob il-benefiċċju tal-pensjoni tas-superstiti. F’dan il-kuntest, għandu jerġa’ jsir riferiment, minn naħa, għall-ilment dwar bigamija tas-17 ta’ Marzu 2005, imressaq mill-mejjet K. W. Braun‑Neumann kontra r-rikorrent li, skont l-ittra tal-iStaatsanwaltschaft Siegen tas-16 ta’ Frar 2006 (ara l-punt 33 ta’ din is-sentenza), kien ikkontesta l-fatti allegati kontra tiegħu, u dan ifisser li huwa kien ġie informat b’dan, min-naħa l-oħra, fil-proċeduri quddiem l-Amtsgericht Siegen, fejn ir-rikorrent kien parti rappreżentata u għalhekk sar ovvjament jaf it-termini stess tad-digriet tal-25 ta’ Jannar 2006, li speċifikament jirreferi għad-digriet tal-Bayerisches Oberstes Landesgericht, imsemmi iktar ’il fuq; kemm il-proċedura mibdija fir-rigward tal-ilment dwar bigamija, kif ukoll dik li wasslet għad-digriet imsemmi hawn fuq, tal-25 ta’ Jannar 2006, huma datati f’perijodu li jmur ferm qabel id-data li fiha l-mejjet K. W. Braun‑Neumann talab lil Parlament biex jibbenefika mill-pensjoni tas-superstiti. F’dawn iċ-ċirkostanzi, ma hemm l-ebda dubju li r-rikorrent seta’ jistenna, b’mod leġittimu, li l-mejjet K. W. Braun-Neuman xi darba jitlob lill-Parlament il-benefiċċju tal-pensjoni tas-superstiti fil-kwalità tiegħu ta’ konjuġi superstiti.

130    Għal dawn ir-raġunijiet kollha, il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi għandu jiġi miċħud, peress li f’dan il-kuntest għandu wkoll jitfakkar li l-Parlament iddeċieda, anki wara li ta lill-mejjet K. W. Braun‑Neumann 50 % tal-pensjoni tas-superstiti fir-rigward tal-mejta Neumann b’effett retroattiv, mill-1 ta’ Awwissu 2004, biex ma jirkuprax tal-ħlas mhux dovut minn għand ir-rikorrent għal 50 % tal-pensjoni tas-superstiti li dan tħallas żejjed bejn l-1 ta’ Awwissu 2004 u d-data effettiva tad-deċiżjoni kkontestata.

131    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li t-talbiet għal annullament, u għalhekk, it-talbiet għall-kundanna tal-Parlament biex iħallas, b’mod retroattiv, lir-rikorrent 50 % addizzjonali tal-pensjoni tas-superstiti tal-mejta Neumann mill-1 ta’ April 2006, u li jkompli jħallsu dan l-ammont kull xahar sa Ottubru 2009, għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq l-ispejjeż

132    Skont l-Artikolu 122 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, id-dispożizzjonijiet tat-tmien Kapitolu tat-tielet Titolu ta’ dawn ir-regoli, dwar l-ispejjeż ġudizzjarji, huma applikabbli biss għall-kawżi mressqa quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku mill-jum li fih jidħlu fis-seħħ dawn ir-Regoli tal-Proċedura, jiġifieri l-1 ta’ Novembru 2007. Id-dispożizzjonijiet tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali li huma rilevanti għal dan is-suġġett, għandhom jibqgħu jkunu applikabbli mutatis mutandis għall-kawżi pendenti quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku qabel din id-data.

133    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Madankollu, bis-saħħa tal-Artikolu 88 tal-istess Regoli fil-kawżi bejn l-Unjoni u l-aġenti tagħha, l-istituzzjonijiet għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

134    Fir-rigward tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, huwa jindika li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista’ jordna li intervenjent ibati l-ispejjeż tiegħu stess.

135    F’dan il-każ, peress li r-rikorrent tilef, hemm lok jiġi deċiż li kull parti prinċipali tbati l-ispejjeż tagħha.

136    Fir-rigward tal-intervenjent, għalkemm huwa minnu li t-Tribunal għas-Servizz Pubbiku, fuq inizjattiva tiegħu stess, stiednu jintervjeni f’dawn il-proċeduri, huwa madankollu paċifiku li, qabel kollox, huwa talab, bħala risposta, sabiex jintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Parlament, imbagħad, li dan l-intervent iggarantilu r-rappreżentazzjoni tal-interessi tiegħu fil-kuntest tal-proċedura, u fl-aħħar nett u prinċipalment, li b’dan il-mod huwa seta’ jsostni u jiddefendi d-drittijiet tiegħu kontra l-allegazzjonijiet tar-rikorrent, liema fatt kien ta’ benefiċċju għalih, peress li l-intervent tiegħu kellu impatt fuq ir-raġunament tal-qorti, li wassal biex jiċħad it-talbiet tar-rikorrent. Għal dawn ir-raġunijiet, hemm lok li jiġi deċiż li l-intervenjent għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Għal dawn il-motivi,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
(Seduta Plenarja)

jaqta’ u jiddeċiedi:

1)      Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq it-talbiet li għandhom l-għan li l-Parlament iħallas lil W. Mandt it-totalità tal-pensjoni tas-superstiti, sa fejn dawn it-talbiet ikopru l-perijodu wara l-31 ta’ Ottubru 2009.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Kull parti, inkluża l-intervenjent, għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Mahoney

Gervasoni

Kreppel

Tagaras

 

Van Raepenbusch

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-1 ta’ Lulju 2010.

W. Hakenberg

 

      P. Mahoney

Reġistratur

 

      President

It-testi tal-preżenti deċiżjoni kif ukoll id-deċiżjonijiet tal-qrati tal-Unjoni Ewropea ċċitati fiha huma disponibbli fis-sit internet www.curia.europa.eu


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.